Language of document : ECLI:EU:C:2024:209

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla)

7 ta’ Marzu 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Skema nazzjonali ta’ appoġġ li tipprevedi l-għoti ta’ ċertifikati ekoloġiċi negozjabbli lill-produtturi nazzjonali ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli – Importazzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli fi Stat Membru ieħor – Obbligu ta’ xiri ta’ ċertifikati ekoloġiċi – Sanzjoni – Eżenzjoni – Direttiva 2001/77/KE – Direttiva 2009/28/KE – Skema ta’ appoġġ – Garanziji tal-oriġini – Moviment liberu tal-merkanzija – Artikoli 18, 28, 30, 34 u 110 TFUE – Għajnuna mill-Istat – Artikoli 107 u 108 TFUE – Riżorsi tal-Istat – Vantaġġ selettiv”

Fil-Kawża C‑558/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Awwissu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Awwissu 2022, fil-kawża

Autorità di Regolazione per Energia Reti e Ambiente (ARERA)

vs

Fallimento Esperia SpA,

Gestore dei Servizi Energetici SpA – GSE,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl, J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Fallimento Esperia SpA, minn U. Grella u F. M. Salerno, avvocati,

–        għal Gestore dei Servizi Energetici SpA – GSE, minn S. Fidanzia u A. Gigliola, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn D. Del Gaizo u F. Tortora, avvocati dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. De Meester, G. Gattinara u F. Tomat, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18, 28, 30, 34, 107, 108 u 110 TFUE, kif ukoll tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 6).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, l-Autorità di Regolazione per Energia Reti e Ambiente (ARERA) (l-Awtorità Regolatorja tal-Enerġija, tan-Networks u tal-Ambjent, l-Italja, iktar ’il quddiem l-“ARERA”) u, min-naħa l-oħra, Fallimento Esperia SpA, kumpannija fi stralċ, u Gestore dei Servizi Energetici SpA – GSE (iktar ’il quddiem “GSE”), dwar l-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja fuq Fallimento Esperia għal nuqqas mill-obbligu ta’ xiri ta’ ċertifikati li jixhdu l-oriġini rinnovabbli (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikati ekoloġiċi”) tal-elettriku importat fl-Italja matul is-sena 2010.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 2001/77/KE

3        Id-Direttiva 2001/77/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Settembru 2001 fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq intern tal-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 121), tħassret, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2012, bid-Direttiva 2009/28. Din tal-aħħar tħassret, b’effett mill‑1 ta’ Lulju 2021, bid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2018, L 328, p. 82).

4        Il-premessi 10, 11, 14 u 15 tad-Direttiva 2001/77 kienu fformulati kif ġej:

“(10)      Din id-Direttiva ma teħtieġx l-Istati Membri li jirrikonoxxu x-xiri ta’ garanzija ta’ l-oriġini minn Stati Membri oħra jew ix-xiri korrispondenti ta’ elettriku bħala kontribuzzjoni għat-tħaris ta’ obbligu ta’ kwota nazzjonali. Iżda, biex ikun iffaċilitat il-kummerċ fl-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli u biex tiżdied it-trasparenza għall-għażla tal-konsumatur bejn elettriku prodott minn mhux imġedded u elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli, hija meħtieġa l-garanzija ta’ l-oriġini ta’ dan l-elettriku. Skemi għall-garanzija ta’ l-oriġini waħedhom ma jfissrux dritt għall-benefiċċju mill-mekkaniżmi ta’ appoġġ nazzjonali stabbiliti fl-Istati Membri differenti. Huwa importanti li l-forom kollha ta’ elettriku prodotti minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli huma koperti b’dawn il-garanziji ta’ oriġini.

(11)      Huwa importanti li ssir differenza bejn il-garanziji ta’ oriġini b’mod ċar miċ-ċertifikati ħodor li jistgħu jiġu skambjati.

[...]

(14)      L-Istati Membri joperaw mekkaniżmi differenti ta’ appoġġ għal sorsi ta’ enerġija rinovabbli, inkluż ċertifikati ħodor, għajnuna għall-investiment, eżenzjonijiet tat-taxxa jew riduzzjonijiet, rifużjonijiet tat-taxxa u skemi ta’ appoġġ ta’ prezz dirett. Mezz importanti wieħed biex jintlaħaq dan l-għan ta’ din id-Direttiva hija biex tiggarantixxi l-funzjonament xieraq ta’ dawn il-mekkaniżmi, sakemm qafas Komunitarju jitpoġġa fis-seħħ, biex tinżamm il-kunfidenza ta’ l-investitur.

(15)      Għadu kmieni wisq biex ikun deċiż qafas ġewwa l-Komunità kollha dwar skemi ta’ appoġġ, minħabba l-esperjenza limitata fl-iskemi nazzjonali u s-sehem kurrenti relativament baxx tal-prezz ta’ l-elettriku appoġġjat u prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli fil-Komunità.”

5        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop”, kien jipprevedi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tkun promossa żieda fil-kontribuzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinovabbli għall-produzzjoni ta’ l-elettriku fis-suq intern għall-elettriku u biex tinħoloq bażi għal qafas tal-Komunità fil-ġejjieni tiegħu.”

6        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Miri indikattivi nazzjonali”, kien jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa bix jinkoraġġixxu konsum akbar ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli skond il-miri indikattivi nazzjonali msemmija fil-paragrafu 2. Dawn il-passi għandhom ikunu fi proporzjon ma’ l-oġġettiv li għandu jintlaħaq.

2.      Mhux aktar tard mis‑27 ta’ Ottubru 2002 u kull ħames snin wara, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw rapport li jiffissa miri indikattivi nazzjonali għall-konsum futur ta’ l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli f’termini ta’ perċentwal ta’ konsum ta’ l-elettriku għall-għaxar snin li jmiss. Dan ir-rapport għandu juri l-miżuri meħuda jew ippjanati, fil-livell nazzjonali, biex jintlaħqu dawn il-miri indikattivi nazzjonali. Biex jintlaħqu dawn il-miri sas-sena 2010, l-Istati Membri għandhom:

–        iqisu l-valuri ta’ referenza fl-Anness,

–        jiżguraw li l-miri huma kompatibbli ma’ kull impenn nazzjonali aċċettat fil-kuntest ta’ l-impenji dwar il-bidla tal-klima aċċettati mill-Komunità bis-saħħa tal-Protokoll ta’ Kyoto tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-Bidla fil-Klima.”

7        L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Skemi ta’ appoġġ”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat [(li saru l-Artikoli 107 u 108 TFUE)], il-Kummissjoni [Ewropea] għandha tivvaluta l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi użati fl-Istati Membri skond liema produttur ta’ l-elettriku, fuq il-bażi ta’ regolamenti maħruġa mill-awtoritajiet pubbliċi, jirċievi appoġġ dirett jew indirett, u li jistgħu jkollhom effett li jirrestrinġu l-kummerċ, fuq il-bażi li dawn jikkontribwixxu għall-oġġettivi pprovduti fl-Artikoli 6 u 174 tat-Trattat.”

8        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/77, intitolat “Garanzija ta’ l-oriġini ta’ l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli”, kien jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 5 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom, mhux aktar tard mis‑27 ta’ Ottubru 2003, jiżguraw li l-oriġini ta’ l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli tista’ tkun iggarantita bħala tali fit-tifsira ta’ din id-Direttiva skond l-oġġettiv, kriterji trasparenti u mhux diskrimatorji preskritti f’kull Stat Membru. Għandhom jiżguraw li garanzija ta’ l-oriġini tinħareġ f’dan is-sens b’risposta għal talba.

2.      L-Istati Membri jistgħu jaħtru korp wieħed kompetenti jew aktar, indipendenti minn attivitajiet ta’ ġenerazzjoni u distribuzzjoni, biex ikun sorveljat il-ħruġ ta’ dawn il-garanziji ta’ l-oriġini.

3.      Garanzija ta’ l-oriġini għandha:

–        tispeċifika s-sorsi ta’ l-enerġija minn fejn kien prodott l-elettriku, waqt li jkunu speċifikati d-dati u l-postijiet ta’ produzzjoni, u fil-każ ta’ stallazzjonijiet idroelettriċi, tindika l-kapaċità;

–        isservi biex tippermetti l-produtturi ta’ l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli biex jintwera li l-elettriku li jbiegħu huwa prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli fit-tifsira ta’ din id-Direttiva.

4.      Dawn il-garanziji ta’ oriġini, maħruġa skond il-paragrafu 2, għandhom ikunu rikonoxxuti reċiprokament mill-Istati Membri, esklussivament bħala prova ta’ l-elementi msemmija fil-paragrafu 3. Kull rifjut biex tkun rikonoxxuta garanzija ta’ l-oriġini ta’ din il-prova, partikolarment għal raġunijiet dwar il-prevenzjoni ta’ frodi, għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorju. Fil-każ ta’ rifjut għar-rikonoxximent ta’ garanzija ta’ oriġini, il-Kummissjoni tista’ ġġiegħel lill-parti li [tkun qiegħda tirrifjuta li tirrikonoxxi garanzija tal-oriġini], partikolarment fir-rigward ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji li fuqhom huwa bbażat ir-rikonoxximent.

5.      L-Istati Membri jew il-korpi kompetenti għandhom idaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi xierqa biex jiżguraw li ġaranziji ta’ l-oriġini huma kemm preċiżi u affidabbli u għandhom juru fir-rapport msemmi fl-Artikolu 3(3) il-miżuri meħuda biex jiżguraw l-affidabbiltà tas-sistema ta’ garanzija.”

 IdDirettiva 2009/28

9        Il-premessi 25, 52 u 56 tad-Direttiva 2009/28 kienu fformulati kif ġej:

“(25)      L-Istati Membri għandhom potenzjali għall-enerġija rinnovabbli differenti u joperaw skemi differenti ta’ appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-livell nazzjonali. Il-maġġoranza tal-Istati Membri japplikaw skemi ta’ appoġġ li jagħtu benefiċċji biss lill-enerġija minn sorsi rinnovabbli li tiġi prodotta fit-territorju tagħhom. Għall-iffunzjonar tajjeb tal-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali huwa kruċjali li l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkontrollaw l-effett u l-ispejjeż tal-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali tagħhom skont il-potenzjali differenti tagħhom. Mezz importanti biex jintlaħaq l-għan ta’ din id-Direttiva hu li jkun garantit il-funzjonament tajjeb ta’ skemi ta’ appoġġ nazzjonali, bħal fid-Direttiva 2001/77/KE sabiex tinżamm il-fiduċja tal-investitur u sabiex jiġi permess lill-Istati Membri jfasslu miżuri nazzjonali effettivi għall-konformità mal-mira. Din id-Direttiva għandha l-għan li tiffaċilita l-appoġġ transkonfinali tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli mingħajr ma teffettwa [taffettwa] skemi ta’ appoġġ nazzjonali. Hija tintroduċi mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni fakultattivi bejn l-Istati Membri li jippermettulhom li jaqblu fuq il-livell li fih Stat Membru ieħor jappoġġa l-produzzjoni tal-enerġija fi Stat Membru ieħor u dwar il-livell li għalih il-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli għandha tgħodd għall-mira globali nazzjonali ta’ kwalunkwe wieħed minnhom. Sabiex tiġi żgurata l-effettività taż-żewġ miżuri ta’ konformità tal-mira, jiġifieri l-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali u l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni, huwa essenzjali li l-Istati Membri jkunu kapaċi jiddeterminaw jekk u sa liema livell l-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali tagħhom japplikaw għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli prodotta fi Stati Membri oħra u biex jaqblu dwar dan billi japplikaw il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni previsti f’din id-Direttiva.

[...]

(52)      Il-garanziji tal-oriġini, maħruġa għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom il-funzjoni unika li jagħtu prova lill-konsumatur finali li sehem jew kwantità speċifika ta’ enerġija ġiet prodotta minn sorsi rinnovabbli. [...] Hu importanti li jkun hemm distinzjoni bejn ċertifikati ħodor użati għal skemi ta’ appoġġ u garanziji tal-oriġini.

[...]

(56)      Il-garanziji tal-oriġini waħedhom ma jagħtux dritt li wieħed jibbenefika minn skemi ta’ appoġġ nazzjonali.”

10      L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, kien jinqara kif ġej:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni għall-promozzjoni ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli. Hija tistabbilixxi miri nazzjonali mandatorji għas-sehem globali ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija u għas-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-trasport. Hija tistabbilixxi regoli relatati mat-trasferimenti tal-istatistika bejn l-Istati Membri, il-proġetti konġunti bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi, mal-garanziji tal-oriġini, proċeduri amministrattivi, informazzjoni u taħriġ u aċċess għall-grilja tal-elettriku għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Hija tistabbilixxi kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u bijolikwidi.”

11      L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, kien jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet fid-Direttiva 2003/54/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211),] japplikaw.

Id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw ukoll:

[...]

(j)      ‘garanzija tal-oriġini’ tfisser dokument elettroniku li għandu l-funzjoni unika li jagħti prova lil konsumatur finali li parti jew kwantità speċifikata ta’ enerġija kienet prodotta minn sorsi rinnovabbli kif meħtieġ mill-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2003/54/KE;

(k)      ‘skema ta’ sostenn’ [‘skema ta’ għajnuna’] tfisser kull strument, skema jew mekkaniżmu applikat minn Stat Membru jew grupp ta’ Stati Membri, li jippromwovu l-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli billi titnaqqas l-ispiża ta’ dik l-enerġija, b’żieda tal-prezz li bih tista’ tinbiegħ, jew b’żieda, permezz ta’ obbligu ta’ enerġija rinnovabbli jew b’mod ieħor, tal-volum ta’ din l-enerġija mixtrija. Dan jinkludi, iżda mhuwiex limitat biss għal, l-għajnuna għall-investiment, l-eżenzjonijiet jew it-tnaqqis mit-taxxi, ir-rifużzjonijiet tat-taxxa, l-iskemi ta’ sostenn għall-obbligu ta’ enerġija rinnovabbli, u l-iskemi ta’ sostenn, inklużi dawk li jużaw ċertifikati ekoloġiċi, iżda wkoll l-iskemi diretti ta’ sostenn għall-prezzijiet, inklużi tariffi ‘feed-in’ u ħlasijiet ta’ primjums;

(l)      ‘obbligu ta’ enerġija rinnovabbli’ [‘obbligu li tintuża l-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli’] tfisser skema ta’ sostenn nazzjonali li tirrikjedi li l-produtturi tal-enerġija jinkludu fil-produzzjoni tagħhom proporzjon speċifikat ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, li tirrikjedi li l-fornituri ta’ enerġija jinkludu proporzjon speċifikat ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-provvista tagħhom, jew tirrikjedi li l-konsumaturi ta’ enerġija jinkludu fil-konsum tagħhom proporzjon speċifikat ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli. Dan jinkludi skemi li bihom dawn ir-rekwiżiti jistgħu jiġu sodisfatti permezz tal-użu ta’ ċertifikati ekoloġiċi;

[...]”

12      L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Miri u miżuri globali nazzjonali mandatorji għall-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli”, kien jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu:

“1.      Kull Stat Membru għandu jiżgura li s-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, ikkalkulat skont l-Artikoli 5 sa 11, fil-konsum finali gross ta’ enerġija fl‑2020 jkun mill-inqas il-mira globali nazzjonali tiegħu għas-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli f’dik is-sena, kif stabbilit fit-tielet kolonna tat-tabella fil-Parti A tal-Anness I. Dawn il-miri globali nazzjonali mandatorji huma konsistenti ma’ mira ta’ sehem ta’ mill-inqas 20 % mill-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija tal-Komunità sal‑2020. Sabiex il-miri stabbiliti f’dan l-Artikolu jkunu jistgħu jintlaħqu b’mod aktar faċli, kull Stat Membru għandu jippromwovi u jinkuraġġixxi l-effiċjenza u l-iffrankar tal-enerġija.

2.      L-Istati Membri għandhom jintroduċu miżuri mfassla b’mod effikaċi biex jiżguraw li s-sehem ta’ enerġija mis-sorsi rinnovabbli tkun ugwali għal jew taqbeż dawk murija fit-trajettorja indikattiva stabbilita fil-Parti B tal-Anness I.

3.      Sabiex jintlaħqu l-miri mniżżla fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, japplikaw il-miżuri li ġejjin:

(a)      skemi ta’ sostenn;

(b)      miżuri ta’ kooperazzjoni bejn Stati Membri differenti u ma’ pajjiżi terzi għall-kisba tal-miri globali nazzjonali tagħhom skont l-Artikoli 5 sa 11.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat [li llum saru l-Artikoli 107 u 108 TFUE], l-Istati Membri għandu jkollhom id-dritt li jiddeċiedu skont l-Artikoli 5 sa 11 ta’ din id-Direttiva, sa fejn huma jsostnu enerġija minn sorsi rinnovabbli li tkun prodotta fi Stat Membru differenti.

4.      Kull Stat Membru għandu jiżgura li s-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-forom kollha ta’ trasport fl‑2020 huwa mill-inqas 10 % tal-konsum finali ta’ enerġija fit-trasport f’dak l-Istat Membru.”

13      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2009/28, intitolat “Garanziji tal-oriġini tal-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ prodotti minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli”, kien jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 9 tiegħu:

“1.      Għall-finijiet li jiġi provat lill-klijenti finali s-sehem jew il-kwantità ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli f’taħlita tal-enerġija ta’ produttur tal-enerġija, skont l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2003/54/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oriġini tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tista’ tkun garantita bħala tali fit-tifsira ta’ din id-Direttiva, skont kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji.

[...]

9.      L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-garanziji tal-oriġini maħruġa minn Stati Membri oħrajn skont din id-Direttiva esklużivament bħala prova tal-elementi msemmijin fil-paragrafu 1 u l-paragrafu 6(a) sa (f). [...]”

14      L-Artikolu 26 ta’ din id-direttiva, intitolat “Emendi u tħassir”, kien jipprevedi:

“1.      Fid-Direttiva 2001/77/KE, l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(2), u l-Artikoli 4 sa 8 għandhom jitħassru b’effett mill‑1 ta’ April 2010.

[...]

3.      Id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Mejju 2003 dwar il-promozzjoni ta’ l-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli għat-trasport (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p.188)] għandhom jitħassru b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2012.”

15      Skont l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2009/28:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(1), (2) u (3), l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa 5 ta’ Diċembru 2010.”

 Iddritt Taljan

 IdDigriet Leġiżlattiv Nru 79/1999

16      Sabiex tinkoraġġixxi l-użu ta’ elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli (iktar ’il quddiem l-“elettriku ekoloġiku”), ir-Repubblika Taljana adottat id-decreto legislativo n. 79 – Attuazione della direttiva 96/92/CE recante norme comuni per il mercato interno dell’energia elettrica (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 79 li jittrasponi d-Direttiva 96/92/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku) tas‑16 ta’ Marzu 1999 (GURI Nru 75 tal‑31 ta’ Marzu 1999, p. 8, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 79/1999”).

17      Dan id-digriet leġiżlattiv stabbilixxa skema ta’ appoġġ għall-produzzjoni ta’ elettriku ekoloġiku bbażata, b’mod partikolari, fuq l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ ċertifikati ekoloġiċi lil kull produttur Taljan ta’ elettriku ekoloġiku approporzjon tal-elettriku ekoloġiku prodott.

18      L-Artikolu 11 tal-imsemmi digriet leġiżlattiv kien jipprevedi:

“1.      Sabiex jiġi appoġġjat l-użu tal-enerġiji rinnovabbli, l-iffrankar tal-enerġija, it-tnaqqis fl-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju u l-użu tar-riżorsi nazzjonali tal-enerġija, mill‑2001, l-importaturi u l-entitajiet responsabbli għall-impjanti li, kull sena, jimportaw jew jipproduċu enerġija elettrika minn sorsi mhux rinnovabbli għandhom l-obbligu li jintroduċu fin-network tal-elettriku nazzjonali, matul is-sena ta’ wara, kwota ta’ elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli permezz ta’ impjanti li jkunu bdew jaħdmu jew li jkunu żiedu l-produzzjoni tagħhom, fil-limiti tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni addizzjonali, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet.

2.      L-obbligu previst fil-paragrafu 1 japplika għall-importazzjoni u għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika—minbarra l-koġenerazzjoni, il-konsum tal-impjant stess u l-esportazzjoni—ta’ iktar minn 100 GWh; il-kwota msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun inizjalment stabbilita għal 2 % ta’ din l-enerġija ta’ iktar minn 100 GWh.

3.      L-istess operaturi jistgħu iwettqu wkoll dan l-obbligu billi jakkwistaw, kompletament jew parzjalment, il-kwota ekwivalenti jew id-drittijiet relatati mingħand produtturi oħra, bil-kundizzjoni li jintroduċu l-enerġija rinnovabbli fin-network tal-elettriku nazzjonali, jew mingħand il-[Gestore della rete di trasmissione nazionale (l-operatur tan-network ta’ trażmissjoni nazzjonali, l-Italja), li sar GSE]. [...] Sabiex jikkumpensa għall-varjazzjonijiet fil-produzzjoni annwali jew għall-insuffiċjenza fil-provvista, [GSE] jista’ jixtri jew ibigħ drittijiet ta’ produzzjoni minn sorsi rinnovabbli, indipendentement mid-disponibbiltà attwali, bl-obbligu li, fin-nuqqas ta’ disponibbiltà, jikkumpensa, fuq bażi ta’ tliet snin, kwalunkwe emissjonijiet bi drittijiet preferenzjali.”

19      Dan ix-xiri minn GSE ta’ drittijiet ta’ produzzjoni minn sorsi rinnovabbli, imsejħa wkoll “ċertifikati ekoloġiċi”, kien isir billi jintuża d-dħul mill-komponent tariffarju A 3 mħallas mill-konsumaturi tal-elettriku fil-fattura tagħhom.

 IdDigriet Leġiżlattiv Nru 387/2003

20      Mill-Artikolu 4 tad-decreto legislativo n. 387 – Attuazione della direttiva 2001/77/CE relativa alla promozione dell’ energia elettrica prodotta da fonti energetiche rinnovabili nel mercato interno dell’elettrica (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 387 li jittrasponi d-Direttiva 2001/77/KE dwar il-promozzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija elettrika minn sorsi rinnovabbli fis-suq intern tal-elettriku) tad‑29 ta’ Diċembru 2003 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 25 tal‑31 ta’ Jannar 2004, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 387/2003”), jirriżulta li huwa l-operatur tan-network ta’ trażmissjoni nazzjonali, li sar GSE, li għandu jivverifika l-osservanza tal-obbligu previst fl-Artikolu 11 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 79/1999 u jinforma lill-Autorità per l’energia elettrica, il gas et il sistema idrico (l-Awtorità għall-Enerġija Elettrika, il-Gass u n-Network tal-Ilma, l-Italja), li saret l-ARERA, li, f’każ bħal dan, kienet kompetenti sabiex timponi s-sanzjonijiet previsti fil-legge n. 481 – Norme per la concorrenza e la regolazione dei servizi di pubblica utità. Istituzione delle Autorità di regolazione dei servizi di pubblica utità (il-Liġi Nru 481 dwar Regoli tal-Kompetizzjoni u tar-Regolamentazzjoni tas-Servizzi ta’ Utilità Pubblika. Ħolqien ta’ Awtoritajiet Regolatorji għal Servizzi ta’ Utilità Pubblika) tal‑14 ta’ Novembru 1995 (GURI Nru 270 tat‑18 ta’ Novembru 1995, Suppliment Ordinarju Nru 136).

21      L-Artikolu 11(6) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 387/2003 kien ifformulat kif ġej:

“Il-garanzija tal-oriġini għandha tindika l-post tal-impjant, is-sors tal-enerġija rinnovabbli li minnu jkun ġie prodott l-elettriku, it-teknoloġija użata, il-potenza nominali tal-impjant, il-produzzjoni netta tal-elettriku jew, fil-każ ta’ impjanti ibridi, il-produzzjoni attribwibbli għal kull sena kalendarja. [...]”

22      L-Artikolu 20(3) ta’ dan id-digriet leġiżlattiv kien jipprovdi:

“L-operaturi li jimportaw l-elettriku prodott fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea u li huma suġġetti għall-obbligu previst fl-Artikolu 11 tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 79/1999] jistgħu jitolbu lill-operatur tan-network eżenzjoni minn dan l-obbligu fir-rigward ta’ dik il-parti minn dan l-elettriku importat li tkun ġiet prodotta minn sorsi rinnovabbli. It-talba għandha tkun, tal-inqas, akkumpanjata mill-kopja ċċertifikata tal-garanzija tal-oriġini maħruġa, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/77/KE, fl-Istat fejn ikun jinsab l-impjant ta’ produzzjoni. [...]”.

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

23      Esperia SpA kienet kumpannija li kienet timporta l-elettriku fl-Italja sabiex jinbiegħ bl-ingrossa jew bl-imnut.

24      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Ġunju 2016, l-ARERA imponiet fuq Esperia SpA sanzjoni pekunjarja fl-ammont ta’ EUR 2 803 500 talli naqset mill-obbligu tagħha li tixtri 17 753 ċertifikat ekoloġiku fir-rigward tal-elettriku li hija kienet importat fl-Italja matul is-sena 2010.

25      Esperia kkontestat din is-sanzjoni quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardia, l-Italja) Wara l-preżentata tar-rikors, din il-kumpannija ġiet iddikjarata falluta u minn dak iż-żmien ’il quddiem bdiet tissejjaħ Fallimento Esperia. Madankollu, l-amministratur stralċjarju ta’ Fallimento Esperia żamm l-imsemmi rikors quddiem dik il-qorti.

26      Permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Awwissu 2018, l-imsemmija qorti laqgħet parzjalment ir-rikors ta’ Fallimento Esperia billi qieset li l-ammont tas-sanzjoni li kienet ġiet imposta fuqha kien wieħed eċċessiv. L-ARERA u Fallimento Esperia appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li huwa l-qorti tar-rinviju.

27      Il-proċedura quddiem din il-qorti tal-aħħar ġiet sospiża wara li dik il-qorti, fit‑3 ta’ Settembru 2019, ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Axpo Trading, liema kawża kienet ukoll tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju. Din it-talba ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja bir-referenza C‑705/19.

28      Wara l-preżentazzjoni, fit‑3 ta’ Diċembru 2020, tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez‑Bordona fil-kawża Axpo Trading (C‑705/19, EU:C:2020:989), Axpo Trading irtirat il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju u, b’digriet tad‑9 ta’ Settembru 2021, Axpo Trading (C‑705/19, EU:C:2021:755), dik il-kawża ġiet imħassra.

29      Għalhekk, il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali kompliet minn fejn kienet waqfet.

30      Quddiem l-imsemmija qorti, Fallimento Esperia fissret id-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, tal-leġiżlazzjoni Taljana li timponi fuq l-impriżi li jimportaw l-elettriku, mingħajr ma jkunu ssottomettew garanziji tal-oriġini, l-obbligu, taħt piena ta’ sanzjoni, li jixtru l-elettriku ekoloġiku jew ċertifikati ekoloġiċi, liema obbligu ma japplikax għall-produtturi nazzjonali ta’ din l-istess enerġija. Fil-fehma ta’ din il-kumpannija, din il-leġiżlazzjoni tista’ titqies li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur produtturi ta’ enerġija ekoloġika li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fl-Italja, taxxa b’effett ekwivalenti għal dazju doganali u miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni. Min-naħa tiegħu, GSE jqis li l-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija konformi mad-Direttiva 2001/77.

31      Il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez‑Bordona fil-kawża Axpo Trading (C‑705/19, EU:C:2020:989) u għat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari fl-imsemmija kawża.

32      F’din it-talba, hija spjegat b’mod partikolari li l-iskema Taljana ta’ appoġġ għall-elettriku ekoloġiku kien jidhrilha li hija kompatibbli mar-regoli tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, din l-iskema ma tuża ebda riżorsa tal-Istat. Ma hemmx trasferiment dirett jew indirett ta’ riżorsi pubbliċi favur il-produtturi ta’ enerġija ekoloġika li joperaw fl-Italja. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmija skema hija konformi, minn naħa, mad-Direttiva 2009/28 li tistabbilixxi miri nazzjonali fil-qasam tal-enerġija ekoloġika u li tippromwovi l-miżuri tal-Istati Membri li jappoġġjaw b’mod esklużiv lill-produtturi ta’ enerġija nadifa stabbiliti fit-territorju tagħhom u, min-naħa l-oħra, mal-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent. Bl-istess mod, il-miżura ta’ appoġġ inkwistjoni ma tistax titqies li hija selettiva, billi s-sistema ta’ riferiment stabbilita mid-Direttiva 2009/28 hija fiha nnifisha, u bi ħsieb, selettiva peress li għandha l-għan li tiffavorixxi l-produzzjoni ta’ enerġija ekoloġika f’kull Stat Membru.

33      Barra minn hekk, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, fid-dawl ta’ dan l-għan tad-Direttiva 2009/28, din l-iskema, billi tobbliga lill-importaturi ta’ enerġija prodotta barra mill-pajjiż jixtru ċertifikati ekoloġiċi, la tistabbilixxi taxxa b’effett ekwivalenti għal dazju doganali u lanqas miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva. L-imsemmija skema tirriżerva għall-entitajiet li joperaw fl-Italja l-benefiċċju ta’ appoġġ bil-għan li jikkonformaw irwieħhom mal-miri nazzjonali vinkolanti dwar il-parti mill-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali stabbilita mid-Direttiva 2009/28, mingħajr ma l-importaturi ta’ enerġija nadifa prodotta fi Stat Membru ieħor ikunu suġġetti għal xi obbligu partikolari jew b’xi mod ostakolati.

34      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqis li l-istess skema hija konformi mal-Artikoli 18 u 110 TFUE peress li tittratta bl-istess mod lill-operaturi kollha fis-settur tal-elettriku li jintroduċu fin-network nazzjonali l-enerġija li ma tkunx prodotta minn sors rinnovabbli Taljan.

35      Madankollu, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“ –      [L]-Artikolu 18 TFUE, sa fejn jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattati;

–      l-Artikoli 28 u 30 TFUE, sa fejn jipprevedu t-tneħħija tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni u miżuri li għandhom effett ekwivalenti;

–      l-Artikolu 110 TFUE, sa fejn jipprojbixxi taxxi fuq l-importazzjonijiet ogħla minn dawk applikati direttament jew indirettament għall-prodotti nazzjonali simili;

–      l-Artikolu 34 TFUE, sa fejn jipprojbixxi l-adozzjoni ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni;

–      l-Artikoli 107 u 108 TFUE, sa fejn jipprojbixxu l-implimentazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat mhux innotifikata lill-Kummissjoni u inkompatibbli mas-suq intern;

–      id-Direttiva [2009/28], sa fejn għandha l-għan li tippromwovi l-kummerċ intra‑Komunitarju tal-elettriku ekoloġiku, li tiffavorixxi barra minn hekk il-promozzjoni tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ Stati Membri individwali,

jipprekludu liġi nazzjonali bħal dik deskritta [fit-talba għal deċiżjoni preliminari] li timponi piż finanzjarju fuq l-importaturi tal-elettriku ekoloġiku li ma huwiex applikabbli għall-produtturi nazzjonali tal-istess prodott?”

 Fuq iddomanda preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

36      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li d-dritt Taljan li japplika għall-fatti tal-kawża prinċipali kien jipprevedi miżura taħt l-Artikolu 11 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 79/1999 li tobbliga lill-importaturi tal-elettriku li joriġina minn Stat Membru ieħor, li ma jkunux urew, permezz ta’ garanziji tal-oriġini, in-natura ekoloġika ta’ dak l-elettriku, li, taħt piena ta’ sanzjoni, jixtru l-elettriku ekoloġiku jew ċertifikati ekoloġiċi mingħand produtturi nazzjonali skont il-kwantità ta’ elettriku li huma kienu jimportaw.

37      It-tieni nett, din il-miżura, imsemmija f’din id-domanda preliminari, tagħmel parti minn skema nazzjonali ta’ appoġġ għall-produzzjoni ta’ elettriku ekoloġiku li tobbliga lill-importaturi u lill-operaturi responsabbli għall-impjanti li jimportaw jew jipproduċu l-enerġija elettrika minn sorsi mhux rinnovabbli jintroduċu, fuq bażi annwali, kwota ta’ elettriku ekoloġiku fin-network tal-elettriku nazzjonali. Bil-għan li jitwettaq dan l-obbligu, din l-iskema tipprevedi li dawn l-importaturi u dawn l-operaturi jistgħu jew jipproduċu huma stess l-elettriku ekoloġiku, jew inkella jixtru mingħand produtturi nazzjonali l-elettriku ekoloġiku jew ċertifikati ekoloġiċi. Barra minn hekk, dejjem skont l-imsemmija skema, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom joħorġu dawn iċ-ċertifikati mingħajr ħlas lill-produtturi nazzjonali ta’ elettriku ekoloġiku skont il-kwantità ta’ elettriku ekoloġiku li dawn jipproduċu sabiex ikunu jistgħu jbigħuh mill-ġdid lill-produtturi u lill-importaturi marbuta bl-imsemmi obbligu.

38      It-tielet nett, għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-importazzjonijiet tal-elettriku li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali saru matul is-sena 2010, b’mod li dawn l-importazzjonijiet jistgħu jiġu rregolati kemm mid-Direttiva 2001/77, kif ukoll mid-Direttiva 2009/28. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 26 tad-Direttiva 2009/28, l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(2) u l-Artikoli 4 sa 8 tad-Direttiva 2001/77 tħassru b’effett mill‑1 ta’ April 2010, filwaqt li d-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva tħassru bir-revoka ta’ din tal-aħħar, li seħħet fl‑1 ta’ Jannar 2012. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 27(1) tagħha, id-Direttiva 2009/28 kellha tiġi trasposta sa mhux iktar tard mill‑5 ta’ Diċembru 2010.

39      Ir-raba’ nett, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 18 TFUE, li jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, huwa intiż li japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom it-Trattat FUE ma jkunx ippreveda regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Krah, C‑703/17, EU:C:2017:850, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni huwa implimentat mill-Artikoli 28, 30, 34 u 110 TFUE. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-elettriku jikkostitwixxi merkanzija fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE (sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C‑206/06, EU:C:2008:413, punt 43, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi applikat l-Artikolu 18 TFUE fil-kuntest ta’ miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

40      Fid-dawl tal-premess, id-domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tinftiehem fis-sens li qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttivi 2001/77 u 2009/28, kif ukoll l-Artikoli 28, 30, 34, 107, 108 u 110 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżura nazzjonali li, minn naħa, tobbliga lill-importaturi tal-elettriku li joriġina minn Stat Membru ieħor, li ma jkunux urew, permezz ta’ garanziji tal-oriġini, li dan l-elettriku jkun prodott minn sorsi rinnovabbli, jixtru mingħand produtturi nazzjonali jew ċertifikati ekoloġiċi jew l-elettriku ekoloġiku approporzjon tal-kwantità ta’ elettriku li jimportaw u li, min-naħa l-oħra, tipprevedi l-impożizzjoni ta’ sanzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu, f’sitwazzjoni fejn il-produtturi nazzjonali tal-elettriku ekoloġiku ma jkunux marbuta b’tali obbligu ta’ xiri.

 Fuq idDirettivi 2001/77 u 2009/28

 Fuq idDirettiva 2001/77

41      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 2001/77 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li din id-direttiva, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, għandha l-għan li tippromwovi żieda fil-kontribuzzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-produzzjoni tal-elettriku fis-suq intern tal-elettriku u li ssejjes qafas Komunitarju f’dan il-qasam għall-futur.

42      Barra minn hekk, mill-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-premessa 14 tagħha, jirriżulta li mezz importanti sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-imsemmija direttiva, sakemm jiġi implimentat qafas Komunitarju, huwa li jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tad-diversi mekkaniżmi ta’ appoġġ għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-livell nazzjonali, fosthom il-mekkaniżmu taċ-ċertifikati ekoloġiċi.

43      Fir-rigward ta’ dawn il-mekkaniżmi ta’ appoġġ, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fid-dawl tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/77, li din tal-aħħar tagħti lill-Istati Membri marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ sabiex jadottaw u jimplimentaw tali mekkaniżmi għall-produtturi tal-elettriku ekoloġiku (sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium, C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Madankollu, dawn il-mekkaniżmi, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2001/77, għandhom ikunu xierqa sabiex jgħinu lill-Istati Membri jilħqu l-miri indikattivi nazzjonali ta’ konsum futur ta’ elettriku ekoloġiku. Għalhekk, bħala prinċipju, huma għandhom iwasslu sabiex tiżdied il-produzzjoni interna ta’ elettriku ekoloġiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium (C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, skont dan l-istess Artikolu 3(1), l-imsemmija mekkaniżmi għandhom ikunu approporzjon tal-għan li għandu jintlaħaq.

45      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fid-dawl tal-premessi 10 u 11, kif ukoll tal-Artikolu 5(3) u (4) tal-imsemmija direttiva, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jobbliga lill-Istati Membri li jkunu għażlu skema ta’ appoġġ li tuża ċ-ċertifikati ekoloġiċi jestendu l-benefiċċju ta’ din l-iskema għall-elettriku ekoloġiku prodott fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Essent Belgium (C‑204/12 sa C‑208/12, EU:C:2006:2192, punt 66).

46      Mill-premess jirriżulta li d-Direttiva 2001/77 ma armonizzatx b’mod eżawrjenti l-qasam irregolat minnha b’tali mod li l-iskemi nazzjonali ta’ appoġġ għall-produzzjoni ta’ elettriku ekoloġiku, imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikoli 34 u 36 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium (C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dan il-każ, u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkwantu tipprevedi l-obbligu tal-importaturi tal-elettriku li ma jkunux urew, permezz ta’ garanziji tal-oriġini, in-natura ekoloġika ta’ dak l-elettriku, li jixtru l-elettriku ekoloġiku jew ċertifikati ekoloġiċi mingħand produtturi nazzjonali tal-elettriku, tidher li tgħin sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva 2001/77. Fil-fatt, tali obbligu jista’ jistimula l-produzzjoni nazzjonali ta’ elettriku ekoloġiku billi jew iżid id-domanda għal tali elettriku jew jippermetti lill-produtturi nazzjonali tal-imsemmi elettriku jibbenifikaw minn dħul addizzjonali mill-bejgħ taċ-ċertifikati ekoloġiċi.

48      Għalhekk, il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher xierqa sabiex tippromwovi ż-żieda fil-konsum tal-elettriku ekoloġiku peress li timponi l-introduzzjoni ta’ kwota ta’ dan l-elettriku fin-network nazzjonali. Fir-rigward tan-natura proporzjonata ta’ din il-miżura, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjonijiet, li jinsabu fil-punti 110 sa 122 ta’ din is-sentenza, dwar l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 34 u 36 TFUE.

49      Fid-dawl tal-premess, u bla ħsara għal din l-evalwazzjoni tal-aħħar, id-Direttiva 2001/77 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq idDirettiva 2009/28

50      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 2009/28 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li din id-direttiva għandha l-għan, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, li tiddefinixxi qafas komuni għall-promozzjoni tal-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, billi tistabbilixxi, b’mod partikolari, miri nazzjonali vinkolanti dwar il-parti mill-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija.

51      B’hekk, skont l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2009/28, l-Istati Membri għandhom l-obbligu, minn naħa, li jiżguraw li l-parti mill-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija tagħhom matul is-sena 2020 tkun tikkorrispondi, tal-inqas, għall-mira globali nazzjonali, kif stabbilita fil-Parti A tal-Anness I ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, li jimplimentaw miżuri sabiex jiggarantixxu li l-parti mill-enerġija tagħhom prodotta minn sorsi rinnovabbli tkun, tal-inqas, ugwali għal dik prevista fit-“trajettorja indikattiva”, li tinsab fil-Parti B tal-Anness I tal-imsemmija direttiva.

52      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li mill-premessa 25 tad-Direttiva 2009/28, kif ukoll mill-Artikolu 1, mill-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 u mill-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jarmonizza b’mod eżawrjenti l-iskemi nazzjonali ta’ appoġġ għall-produzzjoni ta’ enerġija ekoloġika fl-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punti 59 sa 63).

53      Għall-kuntrarju, kif proprju ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28, li jipprovdi li l-Istati Membri “jistgħu” japplikaw, fost oħrajn, skemi ta’ għajnuna, jirriżulta li l-imsemmija Stati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fir-rigward tal-miżuri li huma jistgħu jadottaw sabiex jilħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2021, Promociones Oliva Park (C‑220/19, EU:C:2021:163, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu, fil-kuntest ta’ din il-marġni ta’ evalwazzjoni, jagħżlu skemi ta’ għajnuna bbażati fuq l-obbligu ta’ xiri ta’ elettriku ekoloġiku jew ta’ ċertifikati ekoloġiċi. Fil-fatt, il-punti (k) u (l) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jiddefinixxu l-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” billi jirreferu b’mod espliċitu għall-iskemi nazzjonali ta’ għajnuna marbuta mal-obbligu li tintuża enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli, inklużi dawk li jużaw ċertifikati ekoloġiċi.

54      Id-Direttiva 2009/28 lanqas ma tipprekludi skema ta’ għajnuna li tiffavorixxi b’mod esklużiv il-produzzjoni nazzjonali ta’ elettriku ekoloġiku. Fil-fatt, fid-dawl tal-premessi 25, 52 u 56, kif ukoll tal-Artikoli 2, 3 u 15 ta’ din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jobbliga lill-Istati Membri li jkunu għażlu skema ta’ għajnuna li tuża ċertifikati ekoloġiċi jestendu l-benefiċċju ta’ din l-iskema għall-elettriku ekoloġiku prodott fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punti 49 sa 53).

55      F’dan il-każ, għall-istess raġunijiet bħal dawk imfissra fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher li tgħin sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mid-Direttiva 2009/28 u tidher a priori xierqa sabiex tippromwovi ż-żieda fil-konsum tal-elettriku ekoloġiku.

56      Madankollu, meta l-Istati Membri jadottaw miżuri li permezz tagħhom jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, huma obbligati josservaw il-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt, fosthom il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, Agrenergy u Fusignano Due, C‑180/18, C‑286/18 u C‑287/18, EU:C:2019:605, punt 28). Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjonijiet, li jinsabu fil-punti 110 sa 122 ta’ din is-sentenza, dwar l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 34 u 36 TFUE.

57      Għaldaqstant, bla ħsara għal din l-evalwazzjoni mill-qorti tar-rinviju, id-Direttiva 2009/28 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

58      Barra minn hekk, peress li, kif jirriżulta mill-punti 46 u 52 ta’ din is-sentenza, la d-Direttiva 2001/77 u lanqas id-Direttiva 2009/28 ma armonizzaw b’mod eżawrjenti l-qasam irregolat minnhom, hemm lok li tiġi eżaminata l-portata tad-dritt primarju invokat mill-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punti 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq irregoli dwar lgħajnuna millIstat

59      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju invokati mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi evalwat, fl-ewwel lok, jekk il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax taqa’ taħt l-Artikoli 107 u 108 TFUE.

60      Fil-fatt, skont is-sistema ta’ eżami tal-għajnuna mill-Istat stabbilita minn dawn id-dispożizzjonijiet, kemm il-qrati nazzjonali, kif ukoll il-Kummissjoni huma kompetenti sabiex jikkonstataw l-eżistenza ta’ skema jew ta’ miżura ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Billi l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti lil dawn il-qrati l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jippermettu lil dawn tal-aħħar jevalwaw il-konformità ta’ skema jew ta’ miżura nazzjonali ma’ dan id-dritt bil-għan li jinqatgħu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, hija tista’ tipprovdi lill-imsemmija qrati l-elementi ta’ interpretazzjoni li, abbażi tagħhom, ikunu jistgħu jiddeterminaw jekk skema jew miżura nazzjonali tistax tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. Mill-banda l-oħra, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ din l-iskema jew ta’ din il-miżura taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li hija suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2022, Fondul Proprietatea, C‑179/20, EU:C:2022:58, punti 83 u 84, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61      Dan ifisser li, f’sitwazzjoni fejn qorti nazzjonali tikkonstata l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna, hija ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-konformità tal-modalitajiet ta’ din l-iskema mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li għandhom effett dirett, minbarra dawk dwar l-għajnuna mill-Istat, jekk dawn il-modalitajiet ikunu marbuta b’mod inseparabbli mal-għan proprju tal-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2019, A‑Fonds, C‑598/17, EU:C:2019:352, punti 46 sa 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Fir-rigward tal-possibbiltà li l-qorti tar-rinviju tikklassifika l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali klassifikazzjoni teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ssodisfatti. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, huwa għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, huwa għandu jxekkel jew jhedded li jxekkel il-kompetizzjoni (sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2022, Fondul Proprietatea, C‑179/20, EU:C:2022:58, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Qabel ma l-qorti tar-rinviju tingħata l-elementi ta’ interpretazzjoni għal kull waħda minn dawn l-erba’ kundizzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li l-iskema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif deskritta fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, tista’, a priori, tagħti żewġ vantaġġi ekonomiċi lill-produtturi Taljani tal-elettriku ekoloġiku, jiġifieri, minn naħa, il-vantaġġ li jkunu jistgħu jbigħu l-elettriku tagħhom mingħajr ma jkollhom għalfejn jixtru l-elettriku ekoloġiku jew ċertifikati ekoloġiċi u, min-naħa l-oħra, il-vantaġġ li jkunu jistgħu jbigħu lil produtturi jew lil importaturi ta’ elettriku prodott minn sorsi mhux rinnovabbli ċ-ċertifikati ekoloġiċi li jkunu rċevew mingħajr ħlas approporzjon tal-elettriku ekoloġiku li jkunu pproduċew.

 Effett fuq ilkummerċ bejn lIstati Membri u fuq ilkompetizzjoni

64      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, ma hemmx bżonn li jiġi stabbilit effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li jiġi eżaminat jekk din l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u xxekkel il-kompetizzjoni (sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2022, Fondul Proprietatea, C‑179/20, EU:C:2022:58, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      F’dan il-każ, l-importaturi u l-produtturi tal-elettriku jwettqu l-attività tagħhom f’suq tal-elettriku li, wara li ġie lliberalizzat, huwa miftuħ għall-kompetizzjoni. L-għoti tal-vantaġġi msemmija fil-punt 63 ta’ din is-sentenza lill-produtturi nazzjonali tal-elettriku ekoloġiku jista’ għalhekk jaffettwa l-kompetizzjoni bejn dawn il-produtturi nazzjonali u l-importaturi tal-elettriku li ma jkunux kisbu eżenzjoni mill-obbligu ta’ xiri ta’ elettriku ekoloġiku ta’ jew ċertifikati ekoloġiċi. Barra minn hekk, peress li dan l-obbligu ta’ xiri jorbot lill-importaturi tal-elettriku li ma jkunux kisbu eżenzjoni, dan jista’, apparti minn hekk, jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

66      Għaldaqstant, miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u xxekkel il-kompetizzjoni.

 Fuq leżistenza ta’ intervent millIstat jew permezz ta’ riżorsi talIstat

67      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex vantaġġ jkunu jista’ jiġi kklassifikat bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, huwa għandu, minn naħa waħda, jingħata direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat, u min-naħa l-oħra, ikun imputabbli lill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES, C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Sabiex tiġi evalwata, fl-ewwel lok, l-imputabbiltà tal-miżura lill-Istat, għandu jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi kinux, b’xi mod jew ieħor, involuti fl-adozzjoni ta’ din il-miżura (sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2020, Eco TLC, C‑556/19, EU:C:2020:844, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      F’dan il-każ, kemm il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif ukoll l-iskema ta’ appoġġ li dik il-miżura tagħmel parti minnha ġew stabbiliti minn testi ta’ natura leġiżlattiva, jiġifieri d-Digriet Leġiżlattiv Nru 79/1999 u d-Digriet Leġiżlattiv Nru 387/2003. Għalhekk, din il-miżura u din l-iskema għandhom jitqiesu li huma imputabbli lill-Istat, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti.

70      Fit-tieni lok, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-għajnuna tkunx ingħatat direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat, għandu jitfakkar li d-distinzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE bejn l-għajnuna mogħtija “mill-Istati” u dik mogħtija “permezz ta’ riżorsi tal-Istat” ma tfissirx li l-vantaġġi kollha mogħtija minn Stat Membru jikkostitwixxu għajnuna, irrispettivament minn jekk humiex iffinanzjati jew le minn riżorsi tal-Istat. Din id-distinzjoni hija intiża biss sabiex tara li ma jiġux evitati r-regoli tat-Trattat FUE dwar l-għajnuna mill-Istati billi sempliċement jinħolqu istituzzjonijiet awtonomi fdati bid-distribuzzjoni tal-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punti 53 u 54, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

71      B’hekk, ir-riżorsi koperti mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE jinkludu l-mezzi pekunjarji kollha li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw sabiex jappoġġjaw lil xi impriżi partikolari, irrispettivament minn jekk dawn il-mezzi jkunux parti mill-patrimonju tal-Istat b’mod permanenti jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Huma jinkludu, minn naħa, dawk direttament taħt il-kontroll tal-Istat, jiġifieri l-mezzi kollha li jagħmlu parti mill-patrimonju tal-Istat u, min-naħa l-oħra, dawk indirettament taħt il-kontroll tal-Istat billi, b’mod partikolari, jagħmlu parti mill-assi tal-korpi pubbliċi jew privati mwaqqfa jew maħtura mill-Istat bil-għan li tiġi amministrata l-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et, C‑706/17, EU:C:2016:407, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, riżorsi ta’ impriżi pubbliċi jistgħu jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat meta dan tal-aħħar ikun f’pożizzjoni li, bl-influwenza dominanti tiegħu, jidderieġi l-użu tagħhom sabiex jiffinanzja vantaġġi favur impriżi oħra (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fl-istess sens, fejn entitajiet distinti mill-awtoritajiet pubbliċi jamministraw u jqassmu, skont xi leġiżlazzjoni partikolari tal-Istat, fondi mogħtija permezz ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji imposti minn din il-leġiżlazzjoni, dawn il-fondi jistgħu jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat fejn tali entitajiet ikunu ġew awtorizzati mill-Istat sabiex jamministraw dawn ir-riżorsi u ma jkunux sempliċement marbuta b’obbligu ta’ xiri permezz tar-riżorsi tagħhom stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punti 58 u 59, kif ukoll tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et, C‑706/17, EU:C:2019:407, punti 54 u 55, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

73      Madankollu, għandu jitfakkar li r-rekwiżit li l-għajnuna għandha tingħata direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat jimplika li l-għoti tagħha għandu jaffettwa lil dawn tal-aħħar. Għalhekk, għandu jkun hemm rabta suffiċjentement diretta bejn, minn naħa, il-vantaġġ li tagħti din l-għajnuna u, min-naħa l-oħra, tnaqqis f’dawn ir-riżorsi, jew saħansitra riskju ekonomiku suffiċjentement konkret ta’ piżijiet fuq dawk ir-riżorsi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali rabta kienet nieqsa f’każ fejn l-allokazzjoni tar-riżorsi tal-Istat għal miżura li tobbliga lill-impriżi privati ta’ provvista tal-elettriku jixtru bi prezzijiet minimi ffissati l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kienet tikkonsisti biss fi tnaqqis fid-dħul fiskali tal-Istat minħabba l-konsegwenzi negattivi ta’ dan l-obbligu fuq ir-riżultati ekonomiċi tal-impriżi suġġetti għall-imsemmi obbligu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, EU:C:2001:160, punt 62).

74      Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza premessa li l-qorti tar-rinviju għandha tevalwa, b’mod partikolari, jekk, l-ewwel nett, l-għoti mingħajr ħlas ta’ ċertifikati ekoloġiċi lill-produtturi nazzjonali tal-elettriku ekoloġiku jistax jagħmel użu minn riżorsi tal-Istat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, prima facie, dan l-għoti ma jidhirx li jinvolvi trasferiment ta’ riżorsi kkontrollati mill-Istat lill-produtturi Taljani tal-elettriku ekoloġiku. Fil-fatt, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-imsemmi għoti jinvolvi xi sfruttament ekonomiku min-naħa ta’ awtoritajiet li jistgħu jiġu ekwiparati mal-Istat. Dawn iċ-ċertifikati ekoloġiċi jidhru li għandhom valur ekonomiku biss minħabba l-obbligu legali ta’ ċerti produtturi u importaturi li jixtruhom. Issa, meta dawn il-produtturi u importaturi jissuġġettaw irwieħhom għal dan l-obbligu billi jixtru dawn iċ-ċertifikati mingħand il-produtturi tal-elettriku ekoloġiku, l-ammonti li jirċievu dawn tal-aħħar ma jidhrux li huma taħt il-kontroll tal-Istat fis-sens tal-ġurisprudenza riprodotta fil-punti 71 u 72 ta’ din is-sentenza, peress li r-ridistribuzzjoni finanzjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher li ssir minn entità privata waħda għal oħra, mingħajr intervent ulterjuri min-naħa tal-Istat. B’hekk, il-vantaġġ li jirrappreżenta l-għoti ta’ dawn iċ-ċertifikati lill-produtturi nazzjonali tal-elettriku ekoloġiku jidher iffinanzjat biss mir-riżorsi tal-produtturi jew importaturi obbligati jixtru l-imsemmija ċertifikati, mingħajr ma jkun hemm kontroll mill-Istat fuq dawn tal-aħħar.

75      It-tieni nett, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-mekkaniżmu previst mill-iskema inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex jiġi ggarantit ċertu valur għaċ-ċertifikati ekoloġiċi jinvolvix riżorsi tal-Istat. F’dan ir-rigward, jidher li din l-iskema ma tobbligax biss lill-produtturi tal-elettriku konvenzjonali u lill-importaturi jixtru l-imsemmija ċertifikati f’sitwazzjoni fejn la jipproduċu u lanqas jixtru l-elettriku ekoloġiku sabiex tintlaħaq il-kwota ta’ elettriku ekoloġiku li huma għandhom jintroduċu fin-network nazzjonali. Mill-Artikolu 11(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 79/1999 u mill-informazzjoni pprovduta kemm mill-qorti tar-rinviju, kif ukoll mill-partijiet fil-kawża prinċipali, jidher li jirriżulta wkoll li l-imsemmija skema tiggarantixxi, għall-benefiċċju tal-produtturi Taljani tal-elettriku ekoloġiku, valur ekonomiku minimu għall-imsemmija ċertifikati ekoloġiċi. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tidher li tobbliga lil GSE, entità kkontrollata mill-Ministeru Taljan għall-Ekonomija u għall-Finanzi, jixtri ċ-ċertifikati ekoloġiċi fejn dawn tal-aħħar ikunu żejda għal dawk li jeħtieġu l-operaturi obbligati jixtru l-imsemmija ċertifikati. B’hekk, il-possibbiltà ta’ intervent min-naħa ta’ GSE hija twissija li provvista żejda ta’ ċertifikati ekoloġiċi tista’ timmina l-appoġġ għall-produtturi nazzjonali tal-elettriku ekoloġiku.

76      Issa, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-riżorsi li għandu GSE għax-xiri taċ-ċertifikati ekoloġiċi żejda ġejjin mid-dħul mill-komponent tariffarju A 3, piż finanzjarju impost mil-leġiżlazzjoni Taljana fuq il-konsumaturi tal-elettriku Taljani mħallsa fil-kontijiet ta’ GSE sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jixtri l-imsemmija ċertifikati. B’hekk, tnaqqis fir-riżorsi taħt il-kontroll tal-Istat minħabba x-xiri minn GSE taċ-ċertifikati ekoloġiċi żejda jidher li jorbot b’mod suffiċjentement dirett mal-vantaġġ li jikkostitwixxi l-għoti mingħajr ħlas ta’ dawn iċ-ċertifikati ekoloġiċi lill-produtturi nazzjonali tal-elettriku ekoloġiku sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jbigħuhom mill-ġdid fis-suq.

77      Konsegwentement, u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ix-xiri taċ-ċertifikati ekoloġiċi żejda jidher li jsir minn entità li tista’ tiġi ekwiparata mal-Istat, abbażi tal-awtorizzazzjoni mogħtija lilha mil-leġiżlazzjoni Taljana, permezz tad-dħul minn komponent tariffarju li jitħallas mill-konsumaturi għal dan il-għan.

78      Abbażi ta’ dan, u sa fejn, kif tallega Fallimento Esperia fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, tali xiri minn GSE kien effettivament seħħ matul is-sena 2010, għandu jiġi kkonstatat li l-iskema ta’ appoġġ li minnha tagħmel parti l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali timplika trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

79      Konsegwentement, din il-miżura tidher li hija imputabbli lill-Istat Taljan u l-vantaġġi mogħtija minnha jidher li jingħataw indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

 Fuq isselettività talvantaġġ

80      Fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta mal-għoti ta’ vantaġġ selettiv, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni teħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura nazzjonali hijiex ta’ natura li tiffavorixxi lil “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” minn oħrajn, li, fid-dawl tal-għan imfittex minn din is-sistema, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli u li, b’hekk, jiġu suġġetti għal trattament differenti, li ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala diskriminatorju (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 41, kif ukoll tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et, C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Peress li l-eżami ta’ vantaġġ selettiv għandu jsir “fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari”, dan jeħtieġ, bħala prinċipju, li jiġi ddefinit minn qabel il-qafas ta’ riferiment li tagħmel parti minnu l-miżura kkonċernata, filwaqt li jiġi ppreċiżat li dan il-metodu ma huwiex limitat għall-eżami ta’ miżuri fiskali biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punti 54 u 55).

82      Il-qafas ta’ riferiment jirriżulta mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Dan għandu jkun magħmul minn regoli legali li jaqgħu taħt qasam li ma jkunx ġiet armonizzat b’mod eżawrjenti fil-livell tad-dritt tal-Unjoni u dawn ir-regoli għandhom ifittxu għan kompatibbli ma’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑596/19 P, EU:C:2021:202, punt 44).

83      Barra minn hekk, dan il-qafas ta’ riferiment ma għandux, fih innifsu, ikun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, liema dritt ifittex li jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-Unjoni billi jiggarantixxi li miżuri li jittieħdu mill-Istati Membri favur xi impriżi ma jxekklux il-kompetizzjoni f’dan is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs FIH Holding u FIH Erhvervsbank, C‑579/16 P, EU:C:2018:159, punt 45, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

84      Id-determinazzjoni ta’ dan il-qafas ta’ riferiment għandha tirriżulta minn eżami oġġettiv tal-kontenut, tal-istruttura u tal-effetti konkreti tar-regoli applikabbli skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punt 72, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Wara li jsir dan l-eżami, il-qafas ta’ riferiment identifikat għandu jkollu loġika legali awtonoma b’għan speċifiku u ma jistax jagħmel parti minn ġabra konsistenti ta’ regoli legali lil hinn minn dak il-qafas. Meta miżura tkun tista’ tiġi sseparata b’mod ċar minn sistema ġenerali, ma jistax jiġi eskluż li l-qafas ta’ riferiment li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jkun iktar limitat, jew saħansitra li jidentifika ruħu mal-miżura stess, f’sitwazzjoni fejn din tal-aħħar tkun tippreżenta ruħha bħala regola b’loġika ġuridika awtonoma u li jkun impossibbli li tiġi identifikata ġabra konsistenti ta’ regoli legali lil hinn minn din il-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Banco Santander et vs Il‑Kummissjoni, C‑53/19 P u C‑65/19 P, EU:C:2021:795, punt 63).

85      Id-determinazzjoni ta’ dan il-qafas ta’ riferiment ssir, bħala prinċipju, indipendentement mill-għan imfittex mill-awtorità nazzjonali fil-waqt li fih tiġi adottata l-miżura eżaminata fid-dawl tar-regoli applikabbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, it-teknika leġiżlattiva użata mil-leġiżlatur nazzjonali għal din id-determinazzjoni ma hijiex waħda deċiżiva. Fl-aħħar nett, l-imsemmija determinazzjoni ma tistax tirriżulta f’qafas ta’ riferiment ikkostitwit minn xi dispożizzjonijiet li jkunu ttieħdu b’mod artifiċjali minn kuntest leġiżlattiv usa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Banco Santander et vs Il‑Kummissjoni, C‑53/19 P u C‑65/19 P, EU:C:2021:795, punt 62, 65 u 94, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

86      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” ma jkoprix il-miżuri tal-Istat li jiddistingwu bejn l-impriżi u, għalhekk, li jkunu a priori selettivi, fejn din id-differenzazzjoni tkun tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li jagħmlu parti minnha dawn il-miżuri (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 41, kif ukoll tas‑26 ta’ April 2018, ANGED, C‑234/16 u C‑235/16, EU:C:2018:281, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-għan imfittex minn interventi tal-Istat ma huwiex biżżejjed sabiex dawn jiġu awtomatikament esklużi milli jiġu kklassifikati bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 84). B’mod partikolari, hija ddeċidiet li, anki jekk il-protezzjoni tal-ambjent hija wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Unjoni, il-ħtieġa li jittieħed inkunsiderazzjoni dan il-għan ma tiġġustifikax l-esklużjoni ta’ miżuri selettivi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 75). Barra minn hekk, hija eskludiet li miżura li tiddistingwi bejn l-impriżi, li, għalkemm tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv, ma tkunx konsistenti mas-sistema li tkun tagħmel parti minnha u, għaldaqstant, ma tkunx tistax tiġi ġġustifikata min-natura u mill-istruttura ta’ din tal-aħħar, tista’ taqa’ taħt din id-deroga (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2001, Adria‑Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C‑143/99, EU:C:2001:598, punti 48 sa 55).

88      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-interpretazzjoni tad-Direttivi 2001/77 u 2009/28 li tinsab fil-punti 41 sa 58 ta’ din is-sentenza, ir-regoli stabbiliti fid-Digrieti Leġiżlattivi Nri 79/1999 u 387/2003 jagħmlu parti minn qasam li ma kienx armonizzat fil-livell tad-dritt tal-Unjoni u jfittxu l-għan leġittimu, fid-dawl ta’ dan l-istess dritt, li tiġi appoġġjata l-produzzjoni u l-użu tal-enerġija rinnovabbli.

89      Madankollu, sabiex ikun jista’ jiġu stabbilit qafas ta’ riferiment, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dawn ir-regoli jistgħux jikkostitwixxu ġabra ta’ regoli legali konsistenti u awtonoma. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-imsemmija regoli jirrigwardaw il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ elettriku ekoloġiku sabiex jiġi promoss il-konsum ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli. B’hekk, għandu jiġi ddeterminat jekk dawn l-istess regoli humiex marbuta ma’ dawk kollha li jirregolaw il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku li għandhom l-għan li joħolqu u li jiżguraw il-funzjonament xieraq ta’ suq tal-elettriku kompetittiv.

90      Li kellha l-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-qafas ta’ riferiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa s-sistema ġenerali li tirregola l-produzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-konsum tal-elettriku fl-Italja, ikun jista’ jiġi kkonstatat li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tagħti a priori vantaġġ selettiv lill-produtturi nazzjonali tal-elettriku ekoloġiku. Fil-fatt, fid-dawl tal-għan imfittex minn dan il-qafas regolamentari, jiġifieri li jinħoloq u jiġi żgurat il-funzjonament ta’ suq tal-elettriku kompetittiv, dawn il-produtturi jinsabu f’sitwazzjoni legali u fattwali paragunabbli għal dik tal-importaturi tal-elettriku li ma jkunux urew li l-elettriku li jimportaw huwa ekoloġiku, kemm‑il darba kull wieħed minn dawn l-operaturi jkun ibigħ l-elettriku fis-suq tal-elettriku Taljan. B’hekk, huma jgħinu sabiex jintlaħaq l-għan li fl-Italja jkun hemm suq tal-elettriku rregolat mil-liġi tal-provvista u tad-domanda.

91      Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 86 ta’ din is-sentenza, miżuri a priori selettivi ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat f’sitwazzjoni fejn id-differenzazzjoni bejn impriżi introdotta permezz ta’ miżuri tal-Istat tkun tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li jkunu jagħmlu parti minnha.

92      F’dan il-każ, għalkemm jidher li, fl-assenza tal-iskema ta’ appoġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jkunx jista’ jkun hemm provvista ta’ elettriku ekoloġiku fis-suq tal-elettriku Taljan, id-differenzazzjoni bejn il-produtturi ta’ elettriku ekoloġiku u l-produtturi u l-importaturi tal-elettriku minn sorsi mhux rinnovabbli tista’ tiġi ġġustifikata min-natura u mill-istruttura tas-sistema ġenerali li tirregola l-produzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-konsum tal-elettriku fl-Italja. Fil-fatt, il-funzjonament adegwat ta’ suq tal-elettriku kompetittiv fl-Italja, li proprju tfittex din is-sistema ġenerali, jista’ jeħtieġ li jkun hemm, f’dan is-suq, offerta kompetittiva ta’ elettriku ekoloġiku. L-adegwatezza tal-funzjonament tas-suq tista’, fil-fatt, tiġi ddefinita mil-leġiżlatur Taljan billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ambjent.

93      Issa, jekk jirriżulta li l-ispiża ogħla ta’ produzzjoni tal-elettriku ekoloġiku, meta mqabbla ma’ dik tal-elettriku minn sorsi mhux rinnovabbli, tostakola offerta kompetittiva ta’ din il-merkanzija fis-suq, id-differenza fit-trattament li toħloq l-iskema inkwistjoni fil-kawża prinċipali bejn il-produtturi tal-elettriku ekoloġiku u l-produtturi u l-importaturi tal-elettriku prodott minn sorsi mhux rinnovabbli tista’ tiġi ġġustifikata mill-ħtieġa li jiġi indirizzat dan in-nuqqas fis-suq. Madankollu, tali ġustifikazzjoni hija possibbli biss kemm‑il darba l-appoġġ mogħti minn din l-iskema jkun strettament limitat għal dak li huwa meħtieġ sabiex jiġi indirizzat dan in-nuqqas fis-suq u jkun ingħata b’mod totalment koerenti fid-dawl tas-sistema ġenerali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

94      Barra minn hekk, fil-każ li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata fid-dawl tan-natura u tal-istruttura tas-sistema ta’ riferiment li hija tagħmel parti minnha, l-assenza ta’ notifika ta’ din il-miżura u l-implimentazzjoni tagħha qabel ma l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tagħha jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 108 TFUE. F’każ bħal dan, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tislet il-konsegwenzi kollha tal-ksur ta’ din id-dispożizzjoni u li tirrimedja l-implimentazzjoni tal-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Arriva Italia et, C‑385/18, EU:C:2019:1121, punt 84, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, l-illegalità tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni twassal għall-illegalità tas-sanzjoni prevista sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni ta’ din l-iskema (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑11 ta’ Jannar 2024, Prezes Urzędu Regulacji Energetyki, C‑220/23, EU:C:2024:34, punti 31 u 32, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

95      Dan ifisser li, jekk il-qorti tar-rinviju kellha tikkonkludi li l-vantaġġ mogħti mill-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali lill-produtturi tal-elettriku ekoloġiku huwa ġġustifikat min-natura u mill-istruttura tas-sistema ta’ riferiment li tagħmel parti minnha din il-miżura, l-Artikoli 107 u 108 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux tali miżura.

 Fuq irregoli dwar ilmoviment liberu talmerkanzija

96      Kif jirriżulta mill-punt 61 ta’ din is-sentenza, li kellha l-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt skema ta’ għajnuna mill-Istat jew li hija tista’ tiġi sseparata mid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din l-iskema, hija dik il-qorti li għandha tevalwa wkoll il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mar-regoli tal-Unjoni fil-qasam ta’ Unjoni doganali u ta’ moviment liberu tal-merkanzija.

97      F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, qabelxejn, jekk l-imsemmija miżura tistax tikser l-Artikoli 28, 30 u 110 TFUE u, sussegwentement, jekk tistax tmur kontra l-Artikolu 34 TFUE. Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE ma jinkludix l-ostakoli previsti minn dispożizzjonijiet oħra speċifiċi u l-ostakoli ta’ natura fiskali jew b’effett ekwivalenti għal dazji doganali previsti fl-Artikoli 28, 30 u 110 TFUE ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni ta’ l-Artikolu 34 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2007, Brzeziński, C‑313/05, EU:C:2007:33, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq ilprojbizzjoni li jiġu imposti dazji doganali u taxxi b’effett ekwivalenti

98      L-Artikoli 28 u 30 TFUE jipprojbixxu l-impożizzjoni ta’ dazji doganali fuq importazzjonijiet u esportazzjonijiet u ta’ piżijiet b’effett ekwivalenti bejn l-Istati Membri. Dazju doganali fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa taxxa li Stat Membru jimponi fuq xi merkanzija partikolari meta din taqsam il-fruntiera tiegħu. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull piż finanzjarju, anki jekk minimu, irrispettivament minn kif jissejjaħ u minn kif jiġi applikat, impost unilateralment fuq il-merkanzija minħabba l-fatt li din taqsam xi fruntiera, f’sitwazzjoni fejn dan ma jkunx dazju doganali fil-veru sens tal-kelma, jikkostitwixxi taxxa b’effett ekwivalenti għal dazju doganali (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2018, FENS, C‑305/17, EU:C:2018:986, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      Miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-operaturi li jimportaw l-elettriku li jixtru ċertifikati ekoloġiċi, ma tistax tiġi kklassifikata bħala dazju doganali peress li la hija taxxa miġbura mill-awtoritajiet nazzjonali u lanqas imposta li tinġabar meta l-elettriku prodott barra mill-pajjiż jaqsam il-fruntiera nazzjonali. Tali obbligu lanqas ma jidher li huwa taxxa b’effett ekwivalenti għal dazju doganali peress li ma jidhirx li jolqot l-elettriku minħabba l-fatt li jaqsam fruntiera nazzjonali.

100    Dan ifisser li l-Artikoli 28 u 30 TFUE ma jipprekludux miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq ilprojbizzjoni li jiġu adottati taxxi interni diskriminatorji

101    Fir-rigward tal-projbizzjoni għall-Istati Membri li jimponu taxxi interni diskriminatorji, imsemmija fl-Artikolu 110 TFUE, piż finanzjarju li jirriżulta minn sistema ġenerali ta’ taxxi interni li tapplika b’mod sistematiku, skont l-istess kriterji oġġettivi, għal kategoriji ta’ prodotti, indipendentement mill-oriġini jew mid-destinazzjoni tagħhom, jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2018, FENS, C‑305/17, EU:C:2018:986, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    F’dan il-każ, l-obbligu ta’ xiri taċ-ċertifikati ekoloġiċi jew tal-elettriku ekoloġiku li timponi l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhirx li huwa piż finanzjarju li jirriżulta minn sistema ġenerali ta’ taxxi interni. Fil-fatt, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, tali obbligu ma huwiex ta’ natura fiskali jew parafiskali u, għalhekk, il-projbizzjoni tal-Artikolu 110 TFUE ma tapplikax għalih.

103    Għalhekk, l-Artikolu 110 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq ilprojbizzjoni li jiġu adottati restrizzjonijiet kwantitattivi fuq limportazzjoni

104    Il-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri huwa prinċipju fundamentali tat-Trattat FUE espress fl-Artikolu 34 TFUE (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata), liema prinċipju jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jadottaw bejniethom restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet u kwalunkwe miżura b’effett ekwivalenti.

105    Hija ġurisprudenza stabbilita li l-imsemmija dispożizzjoni tkopri kull miżura nazzjonali li tista’ tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    F’dan il-każ, il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ toħloq ostakolu għall-importazzjoni tal-elettriku fl-Italja b’żewġ modi. Minn naħa, hija toħloq tali ostakolu billi tobbliga lill-importaturi li jkunu jixtiequ jibbenefikaw minn eżenzjoni jitolbu l-benefiċċju ta’ dik l-eżenzjoni u jissottomettu garanziji tal-oriġini għal dan il-għan. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li miżura nazzjonali ma taħrabx mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 34 TFUE minħabba s-sempliċi fatt li l-ostakolu għall-importazzjoni jkun wieħed dgħajjef u li jkun possibbli li l-prodotti importati jinbiegħu b’modi oħra (sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium, C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, hija toħloq tali ostakolu billi tobbliga lill-importaturi li ma jkunux talbu tali eżenzjoni li, taħt piena ta’ sanzjoni, jixtru ċertifikati ekoloġiċi jew l-elettriku ekoloġiku.

107    Madankollu, leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li tikkostitwixxi miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi tista’ tkun iġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE jew, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn rekwiżiti imperattivi. Kemm f’każ u kemm fl-ieħor, il-miżura nazzjonali għandha tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità li jeħtieġ li l-miżura tkun xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 76, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Onofrei, C‑218/19, EU:C:2020:1034, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li miżuri nazzjonali li jistgħu jostakolaw il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni jistgħu jiġu ġġustifikati minn rekwiżiti imperattivi marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent u, b’mod partikolari, mill-għan li tiġi promossa żieda fl-użu tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għall-produzzjoni tal-elettriku li huwa utli għall-imsemmija protezzjoni u li, barra minn hekk, huwa intiż ukoll għall-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem u tal-annimali, kif ukoll għall-preservazzjoni tal-pjanti, ilkoll raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium, C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 101, u tal‑4 ta’ Ottubru 2018, L.E.G.O., C‑242/17, EU:C:2018:804, punti 64 u 65, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

109    F’dan il-każ, kemm l-obbligu tal-importaturi li jixtru ċertifikati ekoloġiċi jew l-elettriku ekoloġiku sabiex ikunu jistgħu jimportaw l-elettriku tagħhom, kif ukoll l-obbligu li jipprovdu garanziji tal-oriġini sabiex jibbenefikaw minn eżenzjoni minn dan l-obbligu ta’ xiri fejn l-elettriku importat ikun ekoloġiku jista’ jiġi ġġustifikat mill-promozzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Il-fatt li l-iskema ta’ appoġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun tfasslet b’mod li tiffavorixxi direttament il-produzzjoni ta’ elettriku ekoloġiku, pjuttost milli l-konsum tiegħu biss, jista’ jiġi spjegat, b’mod partikolari, fid-dawl tal-fatt li n-natura ekoloġika tal-elettriku tirrigwarda biss il-metodu ta’ produzzjoni tiegħu u li, b’hekk, huwa primarjament fl-istadju tal-produzzjoni li l-għanijiet ambjentali li jikkonċernaw it-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet jistgħu effettivament jintlaħqu (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium (C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn ir-restrizzjonijiet humiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

111    Fir-rigward tal-obbligu li jintalab il-benefiċċju ta’ eżenzjoni u li jiġu sottomessi garanziji tal-oriġini għal dan il-għan, għandu jiġi osservat li, ladarba l-elettriku ekoloġiku jiġi introdott fin-network ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni, huwa diffiċli li tiġi ddeterminata l-oriġini tiegħu u, b’mod partikolari, li jiġi identifikat is-sors ta’ enerġija li minnu jkun ġie prodott (sentenza tal‑20 ta’ April 2023, EEW Energy from Waste, C‑580/21, EU:C:2023:304, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fid-dawl ta’ din id-diffikultà, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/77, u sussegwentement l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2009/28, obbligaw lill-Istati Membri jimplimentaw u jissorveljaw skema ta’ garanziji tal-oriġini b’tali mod li l-produtturi tal-elettriku li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jkunu jistgħu jistabbilixxu li l-elettriku mibjugħ minnhom huwa prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

112    L-obbligu li tintalab eżenzjoni billi jiġu sottomessi ċertifikati ekoloġiċi jidher xieraq sabiex jiġi ggarantit li l-elettriku importat ikun tabilħaqq ekoloġiku u jikkontribwixxi, għalhekk, għall-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli sabiex jiġu protetti l-ambjent, is-saħħa u l-ħajja tal-bniedem u tal-annimali u sabiex jiġu ppreżervati l-pjanti. Barra minn hekk, din tidher meħtieġa peress li, fid-dawl tan-natura funġibbli tal-elettriku ekoloġiku, ma huwiex possibbli fi stadju ulterjuri tad-distribuzzjoni jew tal-konsum li jiġi ddeterminat is-sors ta’ enerġija li minnu jkun ġie prodott u peress li l-garanziji tal-oriġini jagħmlu parti minn mekkaniżmu uniformi sabiex jiġi stabbilit li l-elettriku jkun ġie prodott minn sorsi rinnovabbli.

113    Għaldaqstant, l-obbligu tal-importaturi tal-elettriku ekoloġiku li jipprovdu garanziji tal-oriġini meta jimportaw dan l-elettriku sabiex jiġu eżentati mill-obbligu ta’ xiri ta’ ċertifikati ekoloġiċi jew ta’ elettriku ekoloġiku ma jmurx kontra l-Artikolu 34 TFUE.

114    Fir-rigward tal-obbligu tal-importaturi tal-elettriku li jixtru ċertifikati ekoloġiċi jew l-elettriku ekoloġiku meta ma jissottomettux garanziji tal-oriġini għall-elettriku importat minnhom, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward ta’ skemi nazzjonali ta’ appoġġ għall-produzzjoni ta’ elettriku ekoloġiku li jużaw l-hekk imsejjaħ mekkaniżmu ta’ “ċertifikati ekoloġiċi”, li l-obbligu tal-fornituri tal-elettriku li jixtru kwota minn tali ċertifikati mingħand il-produtturi tal-elettriku ekoloġiku, kien intiż, b’mod partikolari, sabiex tiġi ggarantita lill-imsemmija produtturi domanda għaċ-ċertifikati li jkunu ngħataw u sabiex jiġi ffaċilitat, b’dan il-mod, il-bejgħ tal-enerġija ekoloġika prodotta minnhom bi prezz ogħla mill-prezz tas-suq tal-enerġija konvenzjonali (sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium, C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 109).

115    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, b’mod partikolari, li la l-effett ta’ inċentiv li tali skema għandha fuq il-produtturi tal-elettriku b’mod ġenerali sabiex iżidu l-produzzjoni tagħhom ta’ elettriku ekoloġiku u lanqas, għaldaqstant, l-idoneità ta’ din l-iskema li tilħaq l-għan leġittimu imfittex mill-promozzjoni tal-użu tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bil-għan li jiġu protetti l-ambjent u s-saħħa u l-ħajja tal-bniedem u tal-annimali u li jiġu ppreżervati l-pjanti, ma jidhru li jistgħu jitqiegħdu f’dubju. Tali skemi ta’ appoġġ għall-enerġija ekoloġika li l-ispejjeż għall-produzzjoni tagħha għadhom jidhru pjuttost kbar meta mqabbla ma’ dawk tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija mhux rinnovabbli huma essenzjalment intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiffavorixxu, għal perijodu twil ta’ żmien, l-investimenti f’impjanti ġodda, billi jagħtu lill-produtturi ċerti garanziji fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-produzzjoni tagħhom ta’ elettriku ekoloġiku fil-futur (sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium, C‑492/14, EU:C:2016:732, punti 109 u 110, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

116    B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li Stat Membru, billi jadotta skema ta’ appoġġ nazzjonali li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tuża ċertifikati ekoloġiċi bil-għan li l-ispiża żejda marbuta mal-produzzjoni ta’ elettriku ekoloġiku ibatiha s-suq, jiġifieri l-fornituri u l-utenti tal-elettriku marbuta bl-obbligu ta’ kwota, u, fl-aħħar mill-aħħar, il-konsumaturi, ma jmurx lil hinn mill-marġni ta’ evalwazzjoni tiegħu fit-tfittxija tal-għan leġittimu intiż sabiex tiżdied il-produzzjoni ta’ elettriku ekoloġiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punti 109 sa 110).

117    Madankollu, il-funzjonament tajjeb ta’ tali skema jeħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ suq ġenwin ta’ ċertifikati ekoloġiċi fejn il-provvista tkun tista’ tissodisfa d-domanda u fejn ikun jista’ jintlaħaq bilanċ, b’tali mod li l-fornituri u l-utenti kkonċernati jkunu effettivament jistgħu jiksbu ċertifikati taħt kundizzjonijiet ġusti (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 114).

118    Mill-premess jirriżulta li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkwantu tobbliga lill-importaturi tal-elettriku jixtru ċertifikati ekoloġiċi jew elettriku ekoloġiku, tidher xierqa sabiex tippromwovi l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bil-għan li jiġu protetti l-ambjent u s-saħħa u l-ħajja tal-bniedem u tal-annimali u li jiġu ppreżervati l-pjanti. Barra minn hekk, bla ħsara għal verifika mill-qorti nazzjonali, jidher li jeżisti suq ġenwin taċ-ċertifikati ekoloġiċi li fih l-importaturi jistgħu jiksbu dawn iċ-ċertifikati u li l-effikaċja tiegħu tidher li hija ggarantita bl-intervent ta’ GSE. Fil-fatt, mill-Artikolu 11(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 79/1999 jidher li jirriżulta li GSE għandu l-obbligu li, fil-każ ta’ nuqqas, iqiegħed ċertifikati ekoloġiċi fis-suq jew li, fil-każ ta’ provvista żejda, jixtrihom mill-ġdid minn fuq is-suq, liema obbligu jiggarantixxi kemm lill-produtturi tal-elettriku ekoloġiku, kif ukoll lill-operaturi obbligati jixtru dawk iċ-ċertifikati, l-eżistenza ta’ suq taċ-ċertifikati ekoloġiċi.

119    Barra minn hekk, il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher meħtieġa għall-iskema li minnha tagħmel parti. Fil-fatt, li kellhom l-importaturi tal-elettriku li ma jkunx intwera li huwa ekoloġiku jaħarbu mill-obbligu ta’ xiri ta’ ċertifikati ekoloġiċi jew ta’ elettriku ekoloġiku, jiġri li titqiegħed f’dubju l-effettività tas-sistema ta’ appoġġ għall-produzzjoni nazzjonali u għall-konsum tal-elettriku ekoloġiku. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 41 sa 58 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri huma obbligati, permezz tal-mekkaniżmi ta’ appoġġ tagħhom, jilħqu l-miri nazzjonali stabbiliti fid-Direttivi 2001/77 u 2009/28 u li d-dritt tal-Unjoni ma armonizzax l-iskemi nazzjonali ta’ appoġġ għall-elettriku ekoloġiku, b’tali mod li, bħala prinċipju, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-benefiċċju ta’ tali skemi għall-produzzjoni ta’ elettriku ekoloġiku fit-territorju tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium, C‑492/14, EU:C:2016:732, punti 106 u 107, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

120    Fid-dawl tal-premess, l-iskema ta’ appoġġ li minnha tagħmel parti l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher xierqa sabiex tiggarantixxi b’mod koerenti u sistematiku l-promozzjoni tal-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, użu li, min-naħa tiegħu, jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent, tas-saħħa, tal-ħajja tal-bniedem u tal-annimali, kif ukoll tal-pjanti. Ma jidhirx, a priori, li din l-iskema tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

121    Fl-aħħar nett, inkwantu l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi sanzjoni għall-importaturi tal-elettriku li ma jkunux issottomettew garanziji tal-oriġini u li ma jkunux xtraw elettriku ekoloġiku jew ċertifikati ekoloġiċi approporzjon tal-importazzjonijiet tagħhom, tidher xierqa, bl-effett dissważiv tagħha, sabiex tippromwovi l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, hija tista’ tiġi kklassifikata bħala neċessarja inkwantu hija tkun meħtieġa sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-iskema implimentata ta’ ċertifikati ekoloġiċi. Madankollu, il-modalitajiet ta’ determinazzjoni u n-natura ta’ din is-sanzjoni ma jistgħux imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex tiġi ggarantita din l-effettività. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa dawn il-fatturi.

122    Konsegwentement, sa fejn l-obbligu ta’ xiri taċ-ċertifikati ekoloġiċi għall-importaturi tal-elettriku li ma jkunux issottomettew garanziji tal-oriġini jkun meħtieġ sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u sa fejn jirriżulta li effettivament ikun jeżisti suq taċ-ċertifikati ekoloġiċi, din il-leġiżlazzjoni ma tistax titqies li tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan ta’ żieda fil-produzzjoni tal-elettriku ekoloġiku.

123    Għaldaqstant, bla ħsara għal din l-evalwazzjoni mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

124    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi kollha, ir-risposta għad‑domanda magħmula għandha tkun illi:

–        l-Artikoli 28, 30 u 110 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżura nazzjonali li, minn naħa, tobbliga lill-importaturi tal-elettriku li joriġina minn Stat Membru ieħor, li ma jkunux urew, permezz ta’ garanziji tal-oriġini, li dan l-elettriku jkun prodott minn sorsi rinnovabbli, jixtru mingħand produtturi nazzjonali jew ċertifikati ekoloġiċi jew l-elettriku ekoloġiku approporzjon tal-kwantità ta’ elettriku li jimportaw u li, min-naħa l-oħra, tipprevedi l-impożizzjoni ta’ sanzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu, f’sitwazzjoni fejn il-produtturi nazzjonali tal-elettriku ekoloġiku ma jkunux marbuta b’tali obbligu ta’ xiri;

–        l-Artikolu 34 TFUE, kif ukoll id-Direttivi 2001/77 u 2009/28, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux din il-miżura nazzjonali kemm‑il darba jiġi stabbilit li din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan ta’ żieda fil-produzzjoni ta’ elettriku ekoloġiku;

–        l-Artikoli 107 u 108 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux l-imsemmija miżura nazzjonali inkwantu d-differenza fit-trattament bejn il-produtturi nazzjonali tal-elettriku ekoloġiku u l-importaturi tal-elettriku li ma jkunux issottomettew garanzija tal-oriġini tkun iġġustifikata min-natura u mill-istruttura tas-sistema ta’ riferiment li tagħmel parti minnha.

 Fuq lispejjeż

125    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 28, 30 u 110 TFUE

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux miżura nazzjonali li, minn naħa, tobbliga lill-importaturi tal-elettriku li joriġina minn Stat Membru ieħor, li ma jkunux urew, permezz ta’ garanziji tal-oriġini, li dan l-elettriku jkun prodott minn sorsi rinnovabbli, jixtru mingħand produtturi nazzjonali ċertifikati li jixhdu l-oriġini rinnovabbli jew l-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli approporzjon tal-kwantità ta’ elettriku li jimportaw u li, min-naħa l-oħra, tipprevedi l-impożizzjoni ta’ sanzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu, f’sitwazzjoni fejn il-produtturi nazzjonali tal-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli ma jkunux marbuta b’tali obbligu ta’ xiri.

2)      L-Artikolu 34 TFUE, kif ukoll id-Direttiva 2001/77/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas27 ta’ Settembru 2001 fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli fis-suq intern tal-elettriku u d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux din il-miżura nazzjonali kemmil darba jiġi stabbilit li din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan ta’ żieda fil-produzzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli.

3)      L-Artikoli 107 u 108 TFUE

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux l-imsemmija miżura nazzjonali inkwantu d-differenza fit-trattament bejn il-produtturi nazzjonali tal-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli u l-importaturi tal-elettriku li ma jkunux issottomettew garanzija tal-oriġini tkun iġġustifikata min-natura u mill-istruttura tas-sistema ta’ riferiment li tagħmel parti minnha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.