Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Ġunju 2020 – Ryanair vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-378/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ryanair DAC (Swords, l-Irlanda) (rappreżentanti: E. Vahida, F. Laprévote, S. Rating u I. Metaxas-Maranghidis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea (UE) tal-15 ta’ April 2020 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.56795 1 ; u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur, min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, tar-rekwiżit legali li għajnuna awtorizzata taħt l-Artikolu 107(2)(b) TFUE għandha tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minħabba ġrajjiet eċċezzjonali u mhux biss għall-ħsara mġarrba minn vittma waħda ta’ dawn il-ġrajjiet.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, fil-verifika tagħha tal-proporzjonalità tal-għajnuna mal-ħsara kkawżata mill-kriżi tal-COVID-19.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur, min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tat-TFUE u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni relatati mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u mal-libertà ta’ stabbiliment li huma l-bażi tal-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru fl-Unjoni sa mill-1980. Il-liberalizzazzjoni tas-suq tat-trasport bl-ajru fl-Unjoni ppermettiet it-tkattir ta’ linji tal-ajru bi prezz baxx ġenwinament pan Ewropej. Billi awtorizzat lid-Danimarka tirriżerva għajnuna għal SAS biss il-Kummissjoni Ewropea injorat il-ħsara kkawżata mill-kriżi COVID-19 lil dawn il-linji tal-ajru pan Ewropej u r-rwol tagħhom fil-konnettività bl-ajru tad-Danimarka. L-Artikolu 107(2)(b) TFUE jipprovdi eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 107(1) TFUE iżda ma jipprovdix eċċezzjoni għal regoli u prinċipji oħra tat-TFUE.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali minkejja diffikultajiet serji u fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni min-naħa tad-Deċiżjoni.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea (UE) tal-15 ta’ April 2020 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.56795 – id-Danimarka – Kumpens għall-ħsara kkawżata mill-imxija tal-COVID-19 lil Scandinavian Airlines (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).