Language of document : ECLI:EU:T:2021:194

Kawża T-378/20

Ryanair DAC

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) tal-14 ta’ April 2021

“Għajnuna mill-Istat – Suq Daniż tat-trasport bl-ajru – Għajnuna mogħtija mid-Danimarka lil kumpannija tal-ajru fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Garanzija – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Impenji li jikkundizzjonaw il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern – Għajnuna intiża li tirrimedja d-danni kkawżati minn avveniment straordinarju – Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Ugwaljanza fit-trattament – Obbligu ta’ motivazzjoni”

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża li tirremedja d-danni kkawżati minn diżastri naturali jew avvenimenti straordinarji oħra – Evalwazzjoni – Miżura ta’ għajnuna li ma tirrimedjax għad-dannu kollu kkawżat mill-avveniment straordinarju – Inklużjoni

(Artikolu 107(2)(b) TFUE)

(ara l-punti 18 sa 24)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża li tirremedja d-danni kkawżati minn diżastri naturali jew avvenimenti straordinarji oħra – Garanzija għal kreditu kontinwu favur kumpannija tal-ajru sabiex tikkumpensa lil din tal-aħħar fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Evalwazzjoni – Kriterji – Proporzjonalità tal-għajnuna

(Artikolu 107(2)(b) TFUE)

(ara l-punti 29 sa 32, 36 sa 38, 51)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża li tirremedja d-danni kkawżati minn diżastri naturali jew avvenimenti straordinarji oħra – Garanzija għal kreditu kontinwu favur kumpannija tal-ajru sabiex tikkumpensa lil din tal-aħħar fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Evalwazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 107(2) (b) TFUE – Ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Assenza

(L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 u Artikolu 107(2)(b) TFUE)

(ara l-punti 58 sa 60, 65, 66, 68 sa 75)

4.      Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Kamp ta' applikazzjoni – Servizzi fil-qasam tat-trasport fis-sens tal-Artikolu 58(1) TFUE – Servizzi tat-trasport bl-ajru – Sistema legali partikolari

(Artikoli 56, 58(1) u 100(2) TFUE)

(ara l-punti 77 sa 82)

5.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern mingħajr ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Rikors tal-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE – Identifikazzjoni tas-suġġett tar-rikors – Rikors intiż li jipproteġi d-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati – Motivi li jistgħu jiġu invokati – Assenza ta’ kontenut awtonomu ta’ tali motiv f’dan il-każ

(Artikoli 108(2) TFUE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 86 sa 88)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ miżura nazzjonali – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam

(Artikoli 108(3) u 296 TFUE)

(ara l-punti 92 sa 101)

Sunt

Il-miżuri ta’ għajnuna stabbiliti mill-Isvezja u mid-Danimarka favur SAS għad-danni li jirriżultaw mill-kanċellazzjoni jew mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet wara r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 huma konformi mad-dritt tal-Unjoni

Fid-dawl tal-fatt li SAS għandha sehem mis-suq li huwa kunsiderevolment ikbar minn dak tal-eqreb kompetitur tagħha f’dawn iż-żewġ Stati Membri, l-għajnuna ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni illegali

F’April 2020, ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja kkomunikaw lill-Kummissjoni Ewropea żewġ miżuri ta’ għajnuna differenti favur il-kumpannija SAS AB (iktar ’il quddiem “SAS”), fejn kull waħda mill-miżuri ta’ għajnuna tikkostitwixxi garanzija għal kreditu kontinwu ta’ ammont massimu ta’ 1.5 biljun krona Svediża (SEK). (1) L-imsemmija miżuri kienu intiżi li jikkumpensaw parzjalment lil SAS għad-dannu li rriżulta mill-kanċellazzjoni jew mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet tagħha wara l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19.

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑15 ta’ April 2020 (2) u tal‑24 ta’ April 2020 (3), il-Kummissjoni kklassifikat il-miżuri kkomunikati bħala għajnuna mill-Istat (4) kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Skont din id-dispożizzjoni, l-għajnuna intiża li tirrimedja l-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew avvenimenti straordinarji huma kompatibbli mas-suq intern.

Il-kumpannija tal-ajru Ryanair ippreżentat rikorsi intiżi għall-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet, li ġew madankollu miċħuda mill-Għaxar Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest, din tal-aħħar tikkonferma għall-ewwel darba l-legalità ta’ miżuri ta’ għajnuna individwali adottati sabiex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 fid-dawl tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE (5).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Il-Qorti Ġenerali tiċħad, fl-ewwel lok, il-motiv ibbażat fuq il-fatt li l-għajnuna mogħtija hija inkompatibbli mas-suq intern peress li hija intiża li tirrimedja d-danni mġarrba minn kumpannija waħda. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tiċċara li, konformement mal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, għajnuna tista’ tkun intiża li tirrimedja d-danni kkawżati minn avveniment straordinarju minkejja li din tkun tibbenefika biss lil impriża individwali mingħajr ma tirrimedja d-danni kollha kkawżati minn dan l-avveniment. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball ta’ liġi minħabba s-sempliċi fatt li l-miżuri ta’ għajnuna favur SAS ma kinux jibbenefikaw lill-vittmi kollha tad-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad il-motiv ta’ Ryanair li jikkontesta l-proporzjonalità tal-miżuri ta’ għajnuna fir-rigward tad-danni kkawżati lil SAS mill-pandemija tal-COVID-19. Il-Qorti Ġenerali tfakkar, qabel kollox, li l-Artikolu 107(2)(b) TFUE jippermetti biss li jiġu kkumpensati l-iżvantaġġi ekonomiċi kkawżati direttament mid-diżastri naturali jew minn avvenimenti straordinarji oħra. Madankollu, fid-dawl tan-natura evoluttiva tal-pandemija u n-natura neċessarjament prospettiva tal-kwantifikazzjoni tad-danni kkawżati minnha lil SAS, il-Kummissjoni kienet ippreżentat bi preċiżjoni suffiċjenti metodu ta’ kalkolu intiż għall-evalwazzjoni tal-imsemmi danni li jista’ jevita r-riskju tal-possibbiltà ta’ kumpens żejjed. (6) F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tenfasizza, barra minn hekk, l-impenn meħud mir-Renju tad-Danimarka u mir-Renju tal-Isvezja li jwettqu evalwazzjoni ex post tad-danni effettivament imġarrba minn SAS, sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Ġunju 2021, u li jitolbu, jekk ikun il-każ, lil din tal-aħħar ir-rimbors tal-għajnuna li teċċedi l-imsemmija danni, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għajnuna kollha li tista’ tingħata lil SAS minħabba l-pandemija tal-COVID-19, inkluża dik minn awtoritajiet barranin.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad il-motiv ibbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Fil-fatt, għajnuna individwali tistabbilixxi, min-natura tagħha stess, differenza fit-trattament, saħansitra diskriminazzjoni, li hija inerenti għan-natura individwali tal-miżura. L-argument li tali għajnuna tmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jkun, għalhekk, sistematikament jikkontesta l-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ kull għajnuna individwali filwaqt li d-dritt tal-Unjoni jippermetti lill-Istati Membri jagħtu tali għajnuna, sakemm il-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 107 TFUE ikunu ssodisfatti.

Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li d-differenza fit-trattament stabbilita mill-miżuri inkwistjoni tista’ titqies li hija diskriminazzjoni b’applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, din tista’ tkun iġġustifikata meta hija tkun neċessarja, xierqa u proporzjonata sabiex jintlaħaq għan leġittimu. Bl-istess mod, sa fejn Ryanair tirreferi ukoll għall-Artikolu 18 TFUE, il-Qorti Ġenerali tosserva, barra minn hekk, li din id-dispożizzjoni tipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni mwettqa fuq il-bażi tan-nazzjonalità fil-qasam tal-applikazzjoni tat-Trattati, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari li huma jipprevedu. Issa, peress li l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, jinsab, skont il-Qorti Ġenerali, fost dawn id-dispożizzjonijiet partikolari previsti mit-Trattati, hija tkompli bl-eżami tagħha tal-miżuri inkwistjoni fuq din il-bażi.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonferma, minn naħa, li l-għan tal-miżuri inkwistjoni kien jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(2)(b) TFUE, sa fejn dan huwa effettivament intiż li jirrimedja parzjalment id-danni kkawżati lil SAS minħabba avveniment straordinarju, jiġifieri l-pandemija tal-COVID-19. Il-Qorti Ġenerali tikkonstata, min-naħa l-oħra, li d-differenza fit-trattament favur SAS hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan tal-imsemmija miżuri u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq, peress li SAS għandha l-ikbar sehem tas-suq tad-Danimarka u tal-Isvezja, u peress li dan is-sehem tas-suq huwa kunsiderevolment ikbar minn dak tal-eqreb kompetitur tagħha fiż-żewġ pajjiżi.

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali teżamina d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fid-dawl tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tirrileva li Ryanair ma tistabbilixxix kif in-natura esklużiva tal-miżura tista’ tiskoraġġixxiha milli tistabbilixxi ruħha fid-Danimarka jew fl-Isvezja jew milli tipprovdi servizzi minn jew lejn wieħed jew l-ieħor minn dawn il-pajjiżi.

Fir-rigward tal-Kawża T‑379/20, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, barra minn hekk, li l-miżura ta’ għajnuna kkomunikata mir-Renju tal-Isvezja hija ta’ natura sussidjarja għall-iskema ta’ għajnuna Svediża adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE sabiex tirrimedja d-disturb serju tal-ekonomija tal-Isvezja kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 (7). Madankollu, hija tiċħad l-argument ibbażat fuq il-fatt li din il-miżura jista’ ma jkollhiex, għal din ir-raġuni, l-għan li jiġi rrimedjat avveniment straordinarju fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tispeċifika li t-Trattat FUE ma jipprekludix applikazzjoni simultanja tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE u tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ikunu ssodisfatti. Dan japplika b’mod partikolari meta l-fatti u ċ-ċirkustanzi li jagħtu lok għal disturb serju tal-ekonomija jirriżultaw minn avveniment straordinarju.

Il-Qorti Ġenerali tiċħad, fl-aħħar nett, bħala infondati l-motivi bbażati fuq allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tikkonstata li ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali dderivati mill-Artikolu 108(2) TFUE.


1      Il-miżura ta’ għajnuna adottata mir-Renju tal-Isvezja tirrappreżenta għajnuna individwali li l-Isvezja ddeċidiet li tagħti lil SAS bħala kumpannija eliġibbli taħt l-iskema ta’ garanziji għal self intiżi bħala sostenn għall-kumpanniji tal-ajru Svediżi kollha fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, li kienet ġiet ikkomunikata mill-Isvezja lill-Kummissjoni f’data preċedenti għal dik tal-komunikazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna individwali u kienet ġiet approvata minn din tal-aħħar fil-11 ta’ April 2020, skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE


2      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2416 finali dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56795 (2020/N) ‑ Id-Danimarka - Kumpens għad-dannu kkawżat lil SAS mill-pandemija tal-COVID-19.


3      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2784 finali dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57061 (2020/N) – L-Isvezja - Kumpens għad-dannu kkawżat lil SAS mill-pandemija tal-COVID-19


4      Fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE


5      Fis-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Frar 2021, Ryanair vs Il-Kummissjoni (T-259/20, EU:T:2021:92), il-Qorti Ġenerali wettqet eżami analogu tal-legalità ta’ skema ta’ għajnuna adottata mir-Repubblika ta’ Franza sabiex tindirizza l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 fis-suq Franċiż tat-trasport bl-ajru. Fis-sentenza tagħha tal‑14 ta’ April 2021, Ryanair vs Il-Kummissjoni (T-388/20, EU:T:2021:196), il-Qorti Ġenerali eżaminat miżura oħra ta’ għajnuna individwali abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.


6      Il-Kummissjoni indikat il-portata tad-danni mġarrba minn SAS bħala li tikkorrispondi għat-“telf ta’ valur miżjud”, li jikkonsisti fid-differenza bejn id-dħul għall-perijodu bejn Marzu 2019 u Frar 2020 u dak għall-perijodu bejn Marzu 2020 u Frar 2021, li minnu tnaqqsu, minn naħa, l-ispejjeż varjabbli evitati, li ġew ikkalkolati fuq il-bażi tal-ispejjeż sostnuti bejn Marzu 2019 u Frar 2020 u, min-naħa l-oħra, il-marġni ta’ profitt relatat mat-telf ta’ dħul. L-ammont tad-danni ġie provviżorjament evalwat b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ tnaqqis tat-traffiku tal-ajru ta’ bejn 50 % u 60 % għall-perijodu bejn Marzu 2020 u Frar 2021 meta mqabbel mal-perijodu bejn Marzu 2019 u Frar 2020 u li jikkorrispondi għal ammont ta’ bejn SEK 5 u 15-il biljun.


7      Fis-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Frar 2021, Ryanair vs Il-Kummissjoni( T-238/20, EU:T:2021:91), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ Ryanair kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni billi ddikjarat din l-iskema Svediża kompatibbli mas-suq intern.