Language of document :

Kawża T664/16

PJ

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Rappreżentazzjoni minn avukat li ma għandux il-kwalità ta’ terz indipendenti mir-rikorrent – Sostituzzjoni ta’ parti fil-kawża – Trasferiment tad-drittijiet tal-applikant għal trade mark tal-Unjoni Ewropea – Rappreżentazzjoni minn avukat li ma għandux il-kwalità ta’ terz indipendenti mill-applikant fis-sostituzzjoni ta’ parti – Inammissibbiltà”

Sommarju – Digriet tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat-30 ta’ Mejju 2018

1.      Proċedura ġudizzjarja – Eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku – Rappreżentanza tar-rikorrent

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 129)

2.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti formali – Kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-firmatarju – Kwalità ta’ terz fir-rigward tal-partijiet – Parti rrappreżentata minn avukat impjegat minn entità marbuta mal-parti – Nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ indipendenza

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 19, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21; l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 73(1))

3.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti formali – Kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-firmatarju – Kwalità ta’ terz fir-rigward tal-partijiet – Interpretazzjoni awtonoma

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19)

4.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji ġenerali tad-dritt – Ċertezza legali

5.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti formali – Kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-firmatarju – Kwalità ta’ terz fir-rigward tal-partijiet – Ċertezza legali

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19)

1.      Il-kwistjoni ta’ rappreżentanza tar-rikorrent hija ta’ ordni pubbliku u tista’, f’dan ir-rigward, u skont l-Artikolu 129 tar-Regoli tal-Proċedura, tiġi eżaminata ex officio mill-Qorti Ġenerali fi kwalunkwe mument.

(ara l-punt 47)

2.      Skont it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 19 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut,kif ukoll skont tal-Artikolu 73(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-partijiet, minbarra l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA jew l-Istati partijiet fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) għandhom ikunu rrappreżentati minn avukat li jissodisfa l-kundizzjoni li jkun awtorizzat sabiex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-ŻEE. Minbarra dan, fir-rikors għandu jkun hemm l-isem u l-indirizz tar-rikorrent u l-kwalità tal-firmatarju. Fl-aħħar nett, l-oriġinal ta’ kull att proċedurali għandu jiġi ffirmat mill-aġent jew mill-avukat tal-parti.

Skont ġurisprudenza stabbilita, mid-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija, u b’mod partikolari mill-użu tal-kelma “rappreżentati” fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jirriżulta li, sabiex tressaq każ quddiem il-Qorti Ġenerali, “parti”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, tkun xi tkun il-kwalità tagħha, ma hijiex awtorizzata taġixxi hija stess, iżda għandha tirrikorri għas-servizzi ta’ terzi li għandhom ikunu awtorizzati jidhru quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat parti għal-Ftehim dwar iż-ŻEE

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kunċett tar-rwol tal-avukat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet legali komuni għall-Istati Membri, u li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, huwa dak ta’ kollaboratur tal-ġustizzja mitlub sabiex jagħti, b’mod indipendenti u fl-interess superjuri tagħha, l-assistenza legali li għandu bżonn il-klijent. Din l-assistenza hija dik ipprovduta minn avukat li huwa, strutturalment, ġerarkikament u funzjonalment, terza persuna fil-konfront tal-persuna li tibbenefika minn din l-assistenza. Din l-interpretazzjoni tar-rekwiżit tal-indipendenza tal-avukat hija rilevanti fil-kuntest tar-rappreżentanza quddiem il-qrati tal-Unjoni.

Għalhekk, ir-rekwiżit tal-indipendenza tal-avukat jimplika n-nuqqas ta’ kull relazzjoni ta’ impjieg bejn dan tal-aħħar u l-klijent tiegħu. Fil-fatt, il-kunċett ta’ indipendenza tal-avukat huwa ddefinit mhux biss b’mod pożittiv, jiġifieri permezz ta’ riferiment għad-dixxiplina professjonali, iżda wkoll b’mod negattiv, jiġifieri permezz tan-nuqqas ta’ relazzjoni ta’ impjieg.

Dan ir-raġunament japplika bl-istess mod f’sitwazzjoni, bħal dik fejn l-avukat ikun impjegat minn entità marbuta mal-parti rrappreżentata minnu.

Ġie deċiż ukoll li l-avukat ta’ parti fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandux ikollu rabta personali mal-kawża inkwistjoni jew dipendenza fuq il-klijent tiegħu ta’ natura tali li jinħoloq ir-riskju li dan ma jkunx f’pożizzjoni li jaqdi r-rwol essenzjali tiegħu ta’ awżiljarju tal-ġustizzja bl-iktar mod xieraq. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali qieset li r-relazzjonijiet ekonomiċi jew strutturali li r-rappreżentant kellu mal-klijent tiegħu ma kellhomx ikunu ta’ natura li joħolqu konfużjoni bejn l-interessi proprji tal-klijent u l-interessi personali tar-rappreżentant tiegħu.

Ir-rekwiżit impost mid-dritt tal-Unjoni fuq il-partijiet mhux ipprivileġġati li jiġu rrappreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali minn terz indipendenti għaldaqstant ma jistax jinftiehem bħala li huwa rekwiżit intiż unikament li jeskludi rappreżentanza minn impjegati tal-mandant jew minn dawk li huma ekonomikament dipendenti fuq dan tal-aħħar.

(ara l-punti 51-57)

3.      Jekk il-kunċett tar-rwol tal-avukat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jirriżulta mit-tradizzjonijiet legali komuni għall-Istati Membri, fil-kuntest tal-kwistjonijiet imressqa quddiem il-qrati tal-Unjoni, huwa s-suġġett ta’ implimentazzjoni oġġettiva, li hija neċessarjament indipendenti mill-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet dwar ir-rappreżentazzjoni tal-partijiet mhux ipprivileġġati quddiem il-qrati tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, b’mod awtonomu, mingħajr ma ssir referenza għad-dritt nazzjonali. Issa, il-kunċett tal-indipendenza tal-avukat huwa, fid-dritt tal-Unjoni Ewropea, iddefinit mhux biss b’ mod pożittiv, abbażi tal-appartenenza ma’ uffiċċju jew tas-sottomissjoni għar-regoli ta’ dixxiplina u ta’ deontoloġija professjonali, iżda wkoll b’mod negattiv.

(ara l-punt 67)

4.      Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li liġi tkun ċara u preċiża, sabiex il-partijiet fil-kawża jistgħu jkunu jafu mingħajr ambigwità id-drittijiet tagħhom u l-obbligi tagħhom u konsegwentement jieħdu d-dispożizzjonijiet tagħhom. Madankollu, għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk tissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan il-prinċipju, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li jirriżultaw mill-kliem, l-għan jew l-istruttura ta’ din ir-regola, jekk hemm bżonn bl-użu tal-interpretazzjoni mogħtija mill-qrati.

(ara l-punt 70)

5.      L-espressjoni “[p]artijiet oħra għandhom ikunu rappreżentati minn avukat”, li tinsab fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, teskludi għalhekk parti biss u r-rappreżentant tagħha tista’ tkun persuna waħda jew l-istess persuna. Sussegwentement, il-kunċett tar-rwol tal-avukat fis-sistema legali tal-Unjoni, u b’mod partikolari tar-rekwiżit ta’ indipendenza, li għandu jkun analizzat każ b’każ, toriġina mit-tradizzjonijiet legali komuni għall-Istati Membri. Fl-aħħar nett minn ġurisprudenza stabbilita tal-qrati tal-Unjoni jirriżulta li l-assistenza legali pprovduta “fl-indipendenza kollha” hija dik ipprovduta minn avukat li huwa, strutturalment, ġerarkikament u funzjonalment, terz fir-rigward tal-persuna li tibbenefika minn din l-assistenza. Għaldaqstant, il-fatt li r-rekwiżit tal-indipendenza ma huwiex previst b’mod espliċitu mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew ir-Regoli tal-Proċedura ma jiksirx il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

(ara l-punt 71)