Language of document : ECLI:EU:F:2014:4

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

21 ta’ Jannar 2014

Kawża F‑102/12

Marc Van Asbroeck

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Klassifikazzjoni fi grad — Kandidati inklużi fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni għal mogħdija fil-kategorija qabel id-dħul fis-seħħ tar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal 2004 — Allowance kumpensatorja — Deċiżjoni li l-uffiċjali li jibbenefikaw minn din l-allowance kumpensatorja jiġu kklassifikati mill-ġdid”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu M. Van Asbroeck jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2011 li permezz tagħha l-Parlament Ewropew ikklassifikatu mill-ġdid, wara t-trasferiment tiegħu mill-Kummissjoni Ewropea, fil-grad AST 5, skala 3, peress li l-anzjanità fl-iskala kienet iffissata għall-1 ta’ Settembru 2011, u sa fejn huwa neċessarju, tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Ġunju 2012 li tiċħad l-ilment tiegħu.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Il-Parlament Ewropew għandu jħallas l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat iħallas l-ispejjeż sostnuti minn M. Van Asbroeck.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Regolamenti tal-Persunal — Regolament Nru 723/2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal — Arranġamenti tranżitorji — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Portata — Awtonomija tal-istituzzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 110; Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004, premessa 37)

2.      Uffiċjali — Ugwaljanza fit-trattament — Limiti — Vantaġġ mogħti illegalment

1.      Meta adotta r-Regolament Nru 723/2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma implementax arranġament tranżitorju uniformi għall-istituzzjonijiet u għall-korpi kollha u, konsegwentement, kull waħda mill-awtoritajiet ta’ ħatra kellha tadotta dispożizzjonijiet interni li japplikaw għall-istituzzjoni jew għall-korp ikkonċernat sabiex jinżammu d-drittijiet miksuba minn dawn l-uffiċjali u sabiex jiġu ggarantiti l-aspettattivi leġittimi tagħhom. Din l-għażla tal-leġiżlatur għandha bħala konsegwenza inevitabbli li, għal dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-uffiċjali li jkunu għamlu parti mill-karriera tagħhom f’kategorija oħra minn dik li attwalment jinsabu fiha, għalkemm dawn huma ttrattati bl-istess mod fi ħdan l-istess istituzzjoni, huma ma humiex neċessarjament ittrattati bl-istess mod f’każ ta’ trasferiment minn istituzzjoni għal oħra, bla ħsara, naturalment, għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolamenti.

Għalkemm, skont il-prinċipju ta’ uniċità tas-servizz pubbliku Ewropew, l-uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni huma rregolati mill-istess Regolamenti tal-Persunal, tali prinċipju ma jimplikax li l-istituzzjonijiet għandhom neċessarjament jużaw b’mod identiku s-setgħa diskrezzjonali li ngħatatilhom mir-Regolamenti tal-Persunal fid-dawl tal-fatt li, a contrario, fl-amministrazzjoni tal-persunal tagħhom, dawn tal-aħħar igawdu minn prinċipju ta’ awtonomija.

(ara l-punti 28 u 29)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Settembru 1997, Gimenez vs Il‑Kumitat tar-Reġjuni, T‑220/95, punt 72

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 18 ta’ Settembru 2013, Scheidemann vs Il‑Kummissjoni, F‑76/12, punt 26

2.      L-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-uffiċjali għandha tiġi kkonċiljata mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità li jgħid li ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, illegalità mwettqa favur ħaddieħor.

(ara l-punt 38)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 4 ta’ Lulju 1985, Williams vs Il-Qorti tal-Awdituri, 134/84, punt 14; 2 ta’ Ġunju 1994, de Compte vs Il‑Parlament, C‑326/91 P, punti 51 u 52

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 1 ta’ Lulju 2010, Časta vs Il‑Kummissjoni, F‑40/09, punt 88