Language of document :

Appell ippreżentat fit-30 ta’ April 2024 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) fil-21 ta’ Frar 2024 fil-Kawża T-762/20, Sinopec Chongqing SVW Chemical et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-319/24 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Gattinara, G. Luengo u J. Zieliński, bħala aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Sinopec Chongqing SVW Chemical Co. Ltd, Sinopec Great Wall Energy & Chemical (Ningxia) Co. Ltd, Central-China Company, Sinopec Chemical Commercial Holding Co. Ltd, Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Kuraray Europe GmbH, Sekisui Specialty Chemicals Europe SL, Wegochem Europe BV

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż relatati mal-appell u mal-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) 2016/1036 1 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”) meta kkonstatat li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi użat l-ogħla mill-valuri normali tal-produtturi esportaturi l-oħra li kkooperaw bħala l-fatti disponibbli għal kull tip ta’ prodott fejn Sinopec Ningxia naqas milli jipprovdi l-informazzjoni neċessarja.

It-tieni aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, kif ukoll tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, u żnaturat il-fatti meta kkonstatat li l-Kummissjoni naqset milli turi li numru ta’ aġġustamenti fuq il-prezz tal-esportazzjoni kienu neċessarji sabiex isir paragun ġust, li r-rikorrenti ssodisfat l-oneru tal-prova meħtieġ taħt l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, u li l-Kummissjoni imponiet piż irraġonevoli billi kkonstatat li t-talba għal aġġustamenti ma kinitx sostanzjata.

It-tielet aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku u wettqet żball ta’ liġi fid-definizzjoni tal-oneru tal-prova tal-Kummissjoni fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li Sinopec Central-China wettqet funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet.

____________

1     Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21, rettifika fil-ĠU L, 2023/90208, 22.12.2023).