Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Jannar 2013 - National Iranian Gas Company vs Il-Kunsill

(Kawża T-9/13)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: The National Iranian Gas Company (Teheran, l-Iran) (rappreżentanti: E. Glaser u S. Perrotet, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikolu 1(8) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2012/635/PESK, tal-15 ta' Ottubru 2012, sa fejn dan jemenda l-Artikolu 20(c) tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2010/635/PESK, tal-15 ta' Ottubru 2012, sa fejn din niżżlet lill-kumpannija NIGC fil-lista tal-entitajiet li għandhom ikunu suġġetti għal miżuri ta' ffriżar ta' fondi msemmija fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/412/PESK;

tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 945/2012, tal-15 ta' Ottubru 2012, sa fejn dan niżżel lill-kumpannija NIGC fil-lista tal-entitajiet li għandhom ikunu suġġetti għal miżuri ta' ffriżar ta' fondi fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012;

tiddikjara inapplikabbli fir-rigward tan-National Iranian Gas Company, ir-Regolament Nru 267/2012, id-Deċiżjoni Nru 2010/413/PESK kif emendata bid-Deċiżjonijiet 2012/35/PESK u 2012/635/PESK fid-dispożizzjonijiet tagħhom li jintroduċu, u sussegwentement jemendaw l-Artikolu 20(c) tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK u li jintroduċu lir-rikorrenti fil-lista li tinsab fl-Anness II;

u, sussidjarjament fl-eventwalità li l-Artikolu 1(8) tad-Deċiżjoni Nru 2012/635/PESK tal-15 ta' Ottubru 2012, sa fejn dan emenda l-Artikolu 20(c) tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK ma jiġix annullat, tiddikjarah inapplikabbli fir-rigward tan-National Iranian Gas Company.

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka għaxar motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq inapplikabbiltà tal-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK 2 kif imdaħħal u emendat bid-Deċiżjonijiet 2012/35/PESK 4 u 2012/635/PESK , kif ukoll fuq illegalità tal-Artikolu 1(8) tad-Deċiżjoni 2012/635/PESK li jemenda l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK, peress li dawn id-deċiżjonijiet huma bbażati fuq kunċetti mhux preċiżi u indeterminati, kuntrarji għad-dritt għall-proprjetà u għall-prinċipju ta' proporzjonalità.

It-tieni motiv ibbażat fuq irregolarità ta' proċedura u fuq l-inkompetenza tal-Kunsill li jaġixxi waħdu skont l-Artikolu 215 TFUE.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, billi l-Kunsill ibbaża ruħu fuq elementi vagi u impreċiżi li ma jistgħux jiġu vverifikati.

Ir-raba' motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, peress li r-rikorrenti tinsab imċaħħda mid-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u mid-dritt għall-proprjetà tagħha, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn motivazzjoni insuffiċjenti li ma tippermettix lir-rikorrenti li tiddefendi ruħha b'mod effettiv u ma tippermettixx lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Ir-rikorrenti ssostni li hija ma kellhiex aċċess għad-dokumenti tal-fajl tagħha quddiem il-Kunsill.

Il-ħames motiv ibbażat fuq assenza ta' provi kontra r-rikorrenti, peress li l-Kunsill jibbaża ruħu fuq sempliċi allegazzjonijiet.

Is-sitt motiv ibbażat fuq żball ta' liġi, peress li mill-fatt li r-rikorrenti kienet impriża pubblika l-Kunsill iddeduċa li hija kienet tagħti l-għajnuna finanzjarja tagħha lill-Gvern Iranjan.

Is-seba' motiv ibbażat fuq ineżattezza materjali tal-fatti, peress li r-rikorrenti ma hijiex kumpannija miżmuma u amministrata mill-Istat u r-rikorrenti ma tatx l-għajnuna finanzjarja tagħha lill-Gvern Iranjan.

It-tmien motiv ibbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, peress li r-restrizzjonijiet miġjuba lid-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti u lid-dritt tagħha li teżerċità attività ekonomika kienu sproporzjonati fir-rigward tal-għan segwit. Ir-rikorrenti ssostni li l-iffriżar tal-fondi tagħha ma ssodisfax l-għan segwit peress li din ma hijiex involuta fl-implementazzjoni tal-programm nukleari li bih il-Gvern Iranjan huwa akkużat.

Id-disa' motiv ibbażat fuq assenza ta' bażi legali għar-Regolament ta' Implimentazzjoni Nru 945/2012 .

L-għaxar motiv ibbażat fuq il-fatt li r-Regolament ta' Implimentazzjoni Nru 945/2012 huwa vvizzjat minn inkompetenza u minn motivazzjoni insuffiċjenti.

____________

1 - Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/CFSP, tas-26 ta' Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), kif rettifikata.

2 - Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/35/PESK, tat- 23 ta' Jannar 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (Ġ L 19, p. 22), kif rettifikata.

3 - Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta' Ottubru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 58).

4 - Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012, tal-15 ta' Ottubru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran.