Language of document : ECLI:EU:T:2015:235

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

29 ta’ April 2015 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari – Iffriżar ta’ fondi – Rikors għal annullament – Terminu tar-rikors – Ammissibbiltà – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Żball ta’ liġi – Proporzjonalità – Dritt għall-proprjetà – Kompetenza tal-Kunsill – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Reviżjoni tal-miżuri restrittivi adottati – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Żball ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑10/13,

Bank of Industry and Mine, stabbilita f’Teheran (Iran), irrappreżentata minn E. Glaser u S. Perrotet, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn V. Piessevaux u M. Bishop, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament parzjali tal-Artikolu 1(8) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 58), u, min-naħa l-oħra, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635, tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 16), u tad-Deċiżjoni kkomunikata bl-ittra tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2014, sa fejn hija kkonċernata r-reġistrazzjoni ta’ isem ir-rikorrenti fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), u fl-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová (Relatur) u E. Buttigieg, Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Bank of Industry and Mine, hija bank Iranjan miżmum mill-Istat Iranjan, li għandha r-rwol li tipprovdi servizzi bankarji lill-impriżi fis-settur tal-minjieri u tal-industrija.

2        Din il-kawża tidħol fil-kuntest tal-miżuri restrittivi li ġew introdotti sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din ittemm l-attivitajiet nukleari b’riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi li jwasslu l-armi nukleari (iktar ’il quddiem, il-“proliferazzjoni nukleari”).

3        Fis-26 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni 2010/413/PESK, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39). L-Anness II ta’ din id-deċiżjoni jelenka lill-persuni u lill-entitajiet – minbarra dawk speċifikati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, imsemmija fl-Anness I – li l-fondi tagħhom ġew iffriżati.

4        Fit-23 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/35/PESK, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 19, p. 22). L-Artikolu 1(7) ta’ din id-deċiżjoni introduċa d-dispożizzjoni l-ġdida tal-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413, li tipprevedi l-iffriżar tal-fondi tal-“persuni jew entitajiet oħra mhumiex koperti mill-Anness I li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran, u persuni u entitajiet assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness II”.

5        Fit-23 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1). Bil-għan li jimplementa l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413, l-Artikolu 23(2)(d) ta’ dan ir-regolament jipprevedi l-iffriżar tal-fondi tal-persuni, tal-entitajiet u tal-korpi elenkati fl-Anness IX tiegħu, li ġew identifikati li “huma persuni, entitajiet jew korpi oħrajn li jipprovdu appoġġ, bħal appoġġ materjali, loġistiku jew finanzjarju, lill-Gvern tal-Iran, u lill-persuni, u entitajiet assoċjati magħhom”.

6        Fil-15 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/635/PESK, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 282, p. 58).

7        L-Artikolu 1(8) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635 emenda l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413, li issa jirreferi għal “persuni jew entitajiet oħra mhux koperti mill-Anness I li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran u entitajiet ta’ proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom jew li huwa assoċjati magħhom, kif elenkat fl-Anness II”.

8        L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635 inkludiet isem ir-rikorrenti fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413.

9        Konsegwentement, fil-15 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 945/2012 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 16). L-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill Nru 945/2012 inkluda isem ir-rikorrenti fl-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012.

10      Fid-Deċiżjoni 2012/635 u fir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 945/2012, ġiet invokata l-motivazzjoni segwenti kontra r-rikorrenti:

“Kumpannija proprjetà tal-Istat li tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran.”

11      Id-Deċiżjoni 2012/635 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 945/2012 ġew ikkomunikati lir-rikorrenti b’ittra tas-16 ta’ Ottubru 2012, fejn il-Kunsill ġibed l-attenzjoni tagħha għall-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet u li titlob reviżjoni.

12      B’ittra tat-8 ta’ Jannar 2013, ir-rikorrenti kkontestat ir-reġistrazzjoni tagħha fil-listi tal-entitajiet ikkonċernati minn miżuri restrittivi u talbet lill-Kunsill biex iwettaq reviżjoni. Hija talbet ukoll il-komunikazzjoni tal-fajl kollu li abbażi tiegħu kienu ġew adottati d-Deċiżjoni 2012/635 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 945/2012.

13      Il-Kunsill irrisponda b’ittra tal-10 ta’ Ġunju 2013, li magħha ġew annessi diversi dokumenti. Il-Kunsill indika li ma kellux iktar dokumenti jew informazzjoni li tikkonċerna lir-rikorrenti.

14      Permezz ta’ ittra tat-14 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill informa lir-rikorrenti li kien iddeċieda, wara reviżjoni, li jżomm isimha fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413 u f’dik tal-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012. F’dan ir-rigward, dan indika li r-rikorrenti kienet miżmuma mill-Istat Iranjan, li l-Gvern Iranjan kien konsegwentement il-benefiċjarju tal-profitti miksuba mir-rikorrenti u li l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari kienet tiġġustifika l-iffriżar tal-fondi tal-entitajiet li jagħtu sostenn finanzjarju lill-Gvern imsemmi.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Jannar 2013, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

16      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ewwel Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

17      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ April 2014, ir-rikorrenti emendat it-talbiet tagħha wara l-ittra tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2014.

18      Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-partijiet ġew mistiedna, permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Lulju 2014, jirrispondi bil-miktub għal ċerti domandi. Il-Kunsill u r-rikorrenti ppreżentaw ir-risposti tagħhom, rispettivament, fis-27 ta’ Lulju u fil-15 ta’ Awwissu 2014.

19      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Settembru 2014.

20      Fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet mogħtija fir-risposti tagħha tal-15 ta’ Awwissu 2014, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1(8) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635, sa fejn din id-dispożizzjoni emendat l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413;

–        tannulla d-Deċiżjoni 2012/635, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 945/2012 u d-Deċiżjoni kkomunikata bl-ittra tal-14 ta’ Marzu 2014 sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni tagħha fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413 u f’dik tal-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/212;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

21      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

22      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413 u tal-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012. It-tieni motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill li jadotta d-Deċiżjoni 2012/635 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 945/2012 u fuq in-nuqqas ta’ bażi legali ta’ dan tal-aħħar. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, tal-obbligu tal-Kunsill li jirrevedi l-miżuri restrittivi adottati u tad-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur ta’ liġi u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-kunċett ta’ sostenn lill-Gvern Iranjan. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq żball fl-evalwazzjoni tal-fatti. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

23      Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-motivi tar-rikorrenti. Barra minn hekk, dan isostni li r-rikors huwa inammissibbli għal diversi raġunijiet.

24      Qabel ma jiġu ttrattati l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà invokati mill-Kunsill u l-motivi invokati mir-rikorrenti, għandha tiġi eżaminata l-kompetenza tal-Qorti Ġenerali biex tiddeċiedi dwar l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti.

 Fuq il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali

25      Bl-ewwel kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tal-Artikolu 1(8) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635, sa fejn din id-dispożizzjoni emendat l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413.

26      Sa fejn huwa kkonċernat mill-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti, l-Artikolu 1(8) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635 jipprovdi kif ġej:

“L-Artikolu 20 [tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413] huwa emendat kif ġej:

a)      il-paragrafi 1(b) u (c) huma sostitwiti b’dan li ġej:

[…]

c)      persuni jew entitajiet oħra mhux koperti mill-Anness I li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran u entitajiet ta' proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom jew li huwa assoċjati magħhom, kif elenkat fl-Anness II

[…]”

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kemm l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413, kif ukoll l-Artikolu 1(8) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635 huma dispożizzjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 29 TUE, li hija dispożizzjoni relattiva għall-politika estera u ta’ sigurtà komuni (iktar ’il quddiem il-“PESK”) fis-sens tal-Artikolu 275 TFUE. Issa, skont il-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 256(1) TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha biss il-kompetenza li tippronunzja ruħha dwar rikors, ippreżentat taħt il-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jirrigwarda l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet li jipprevedu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, adottati mill-Kunsill abbażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE. Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dak li jikkonċerna l-atti adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet relattivi għall-PESK, hija n-natura individwali ta’ dawn l-atti li tiftaħ, konformement mal-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-aċċess għall-qorti tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2014, Sina Bank vs Il-Kunsill, T‑67/12, EU:T:2014:348, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Il-miżuri restrittivi previsti fl-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413, kif emendat bl-Artikolu 1(8) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635, huma miżuri ta’ portata ġenerali, peress li japplikaw għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament għaliex jirrigwardaw sostenn lill-Gvern Iranjan u kategorija ta’ persuni kkunsidrata b’mod ġenerali u astratt bħala “persuni jew entitajiet […] kif elenkati fl-Anness II [tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413]”. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi kkwalifikata bħala “deċiżjonijiet li jipprovdu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza Sina Bank vs Il-Kunsill, punt 27 iktar ’il fuq, EU:T:2014:348, punt 39).

29      Din is-soluzzjoni ma’ hijiex mibdula mill-fatt li isem ir-rikorrenti jinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413. Effettivament, il-fatt li l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413, kif emendat bl-Artikolu 1(8) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635, ġie applikat għar-rikorrenti ma jbiddilx in-natura legali tiegħu bħala att ta’ portata ġenerali (ara, b’analoġija, is-sentenza Sina Bank vs Il-Kunsill, punt 27 iktar ’il fuq, EU:T:2014:348, punt 39).

30      Għalhekk, it-talbiet intiżi għall-annullament tal-Artikolu 1(8) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635, sa fejn dan emenda l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413, ma jissodisfawx ir-regoli dwar il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 275 TFUE. Għalhekk, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala mressqa quddiem qorti li ma hijiex kompetenti biex tismagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza Sina Bank vs Il-Kunsill, punt 27 iktar ’il fuq, EU:T:2014:348, punt 40).

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq l-osservanza tat-terminu ta’ rikors f’dak li jikkonċerna d-Deċiżjoni 2012/635 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 945/2012

31      Skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, rikors għal annullament għandu jitressaq fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-att, min-notifika tiegħu lir-rikorrent jew, fin-nuqqas, mill-ġurnata meta dan sar jaf bih, skont il-każ.

32      Skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, dan it-terminu ta’ rikors għandu jiżdied b’terminu ta’ dekadenza ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.

33      Fir-rigward tal-atti li bihom ġew adottati ġew miżmuma miżuri restrittivi li jirrigwardaw lil persuna jew lil entità, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament jibda jiddekorri mid-data tal-komunikazzjoni li għandha ssir lil din l-istess persuna jew entità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il-Kunsill, C‑478/11 P sa C‑482/11 P, Ġabra, EU:C:2013:258, punti 55 u 59).

34      Skont l-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413 u l-Artikolu 46(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, meta l-indirizz tal-persuna jew tal-entità kkonċernata jkun magħruf, il-Kunsill għandu jikkomunikalha l-atti kkonċernati direttament.

35      F’dan il-każ, il-Kunsill isostni li l-ittra tas-16 ta’ Ottubru 2012 li biha kkomunika d-Deċiżjoni 2012/635 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 945/2012 lir-rikorrenti waslet għand din tal-aħħar fit-28 ta’ Ottubru 2012. Dan isostni l-allegazzjoni tiegħu permezz tal-konferma tal-wasla ta’ din l-ittra, kif ukoll permezz ta’ screenshot tas-sit tal-Internet tal-posta Iranjana, mibgħut fuq talba tiegħu mill-posta Belġjana.

36      Konsegwentement, il-Kunsill jikkunsidra li t-terminu ta’ rikors ta’ xahrejn u għaxart-ijiem skada fis-7 ta’ Jannar 2013, liema ħaġa timplika li dan ir-rikors, ippreżentat fid-9 ta’ Jannar 2013, ġie ppreżentat wara t-terminu u għandu għalhekk jiġi ddikjarat inammissibbli.

37      Ir-rikorrenti tirrispondi li, meta bagħat l-ittra tas-16 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill indika numru tat-triq ħażin, u li konsegwentement, l-ittra msemmija twasslet fit-28 ta’ Ottubru 2012 lil entità terza, li tinsab f’dan in-numru. Din l-entità reġgħet bagħtet l-ittra tas-16 ta’ Ottubru 2012 permezz ta’ posta sempliċi lir-rikorrenti, li rċevietha fil-31 ta’ Ottubru 2012. Biex issostni l-allegazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti ppreżentat, waqt is-seduta, kopja tal-ittra tas-16 ta’ Ottubru 2012 li kellha fuqha t-timbru intern tagħha bid-data tal-31 ta’ Ottubru 2012, kif ukoll dikjarazzjoni tad-direttur tal-posta Iranjana dwar iċ-ċirkustanzi li fihom l-ittra tas-16 ta’ Ottubru 2012 twasslet fid-destinazzjoni tagħha.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti tqis li r-rikors ġie ppreżentat fit-terminu.

39      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, peress li l-Kunsill jinvoka t-tardività tar-rikors, dan għandu jipprova d-data li fiha l-ittra tas-16 ta’ Ottubru 2012 ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1980, Belfiore vs Il-Kummissjoni, 108/79, Ġabra, EU:C:1980:146, punt 7).

40      F’dan ir-rigward, mill-provi ppreżentati mill-Kunsill jirriżulta li l-ittra tas-16 ta’ Ottubru 2012 intbagħtet permezz ta’ ittra rreġistrata bil-konferma tal-wasla, indirizzata lir-rikorrenti, fl-indirizz “No. 2817 Firouzeh Tower (above park junction) Valiaar St. Tehran IRAN”, u ngħatat wara li ġiet iffirmata fit-28 ta’ Ottubru 2012.

41      Minkejja dan, hekk kif tosserva r-rikorrenti, l-indirizz indikat mill-Kunsill ma huwiex korrett f’dak li jikkonċerna n-numru tat-triq, peress li r-rikorrenti tinsab fin-numru 2917 ta’ Valiaar St., u mhux fin-numru 2817. Barra minn hekk, il-konferma tal-wasla ma tippermettix li tiġi identifikata l-persuna jew l-entità li lilha effettivament ingħatat l-ittra mill-posta Iranjana.

42      B’hekk, il-Kunsill ma rnexxilux jistabbilixxi, b’mod suffiċjenti fil-liġi, li l-ittra tas-16 ta’ Ottubru 2012 ingħatat lir-rikorrenti fit-28 ta’ Ottubru 2012.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl ta’ dak li ġie espost fil-punt 39 iktar ’il fuq, id-dubju fir-rigward tad-data tal-komunikazzjoni tal-ittra tas-16 ta’ Ottubru 2012, li jirriżulta min-nuqqas ta’ prova affidabbli li tikkonferma din id-data, għandha tibbenefika lir-rikorrenti. Issa, l-allegazzjoni ta’ din tal-aħħar, li tgħid li l-ittra msemmija ingħatatilha biss fil-31 ta’ Ottubru 2012, wara li ntbagħtitilha minn entità terza, ma hijiex ikkonfutata mill-provi ppreżentati mill-Kunsill u hija kkorroborata minn dawk ippreżentati mir-rikorrenti waqt is-seduta.

44      Għaldaqstant, għandu jitqies il-31 ta’ Ottubru 2012 bħala d-data tal-komunikazzjoni tal-ittra tas-16 ta’ Ottubru 2012 lir-rikorrenti.

45      Konsegwentement, it-terminu ta’ rikors kontra d-Deċiżjoni 2012/635 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 945/2012 skada fl-10 ta’ Jannar 2013, liema ħaġa timplika li r-rikors, ippreżentat fid-9 ta’ Jannar 2013, ġie ppreżentat fit-terminu.

46      B’hekk għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kunsill.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors ibbażata fuq il-fatt li l-motivi kollha invokati insostenn tiegħu huma bbażati fuq l-invokazzjoni, mir-rikorrenti, tal-protezzjonijiet u tal-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali

47      Il-Kunsill jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors billi josserva li, bħala entità pubblika Iranjana, ir-rikorrenti ma għandhiex interess li tinvoka ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha.

48      Issa, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn il-Qorti Ġenerali hija kompetenti biex tiddeċiedi r-rikors preżenti, dan tal-aħħar jidħol fil-kuntest tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE u li r-rikorrenti għandha interess li tikkontesta, quddiem il-qorti tal-Unjoni, ir-reġistrazzjoni tagħha fil-lista li tinsab fl-atti kkontestati, peress li din ir-reġistrazzjoni tikkonċernaha direttament u individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, Ġabra, EU:C:2013:776, punt 50).

49      Għalhekk, l-argumentazzjoni relattiva għall-possibbiltà, għar-rikorrenti, li tinvoka l-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali ma tikkonċernax l-ammissibbiltà tar-rikors u lanqas ta’ motiv, iżda tirrigwarda l-mertu tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, punt 48 iktar ’il fuq, EU:C:2013:776, punt 51).

50      Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill għandha tiġi miċħuda bħala infondata. Din iċ-ċaħda hija mingħajr preġudizzju, fid-dawl tal-motiv ta’ difiża mressaq mill-Kunsill, għall-verifika tal-kapaċità tar-rikorrenti li tinvoka protezzjonijiet u garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali, li tinsab fil-punti 53 sa 58 iktar ’il quddiem.

 Fuq il-mertu

51      Preliminarjament, għandha tiġi vverifikata l-kapaċità tar-rikorrenti li tinvoka l-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali, ikkontestata mill-Kunsill.

52      Sussegwentement, fid-dawl tal-artikolazzjoni tal-argumentazzjoni tar-rikorrenti, għandhom jiġu eżaminati flimkien l-ewwel u r-raba’ motivi, li jikkonċernaw, minn naħa, il-legalità u, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jipprevedu l-kriterju li ġie implementat fir-rigward tar-rikorrenti, peress li ż-żewġ kwistjonijiet huma marbuta mill-qrib. Il-motivi l-oħra ser jiġu eżaminati skont l-ordni li ġew ippreżentati fih fil-punt 22 iktar ’il fuq.

 Fuq il-kapaċità tar-rikorrenti li tinvoka l-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali

53      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li la l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 389), u lanqas il-liġi primarja tal-Unjoni ma jipprevedu dispożizzjonijiet li jeskludu lill-persuni ġuridiċi li huma estensjonijiet tal-Istati mill-benefiċċju tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Skont il-ġurisprudenza, la l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u lanqas il-liġi primarja tal-Unjoni ma jipprovdu dispożizzjonijiet li jeskludu lill-persuni ġuridiċi li huma estensjonijiet tal-Istati mill-benefiċċju tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. B’mod kuntrarju, id-dispożizzjonijiet tal-Karta msemmija li huma rilevanti fil-konfront tal-motivi invokati mir-rikorrenti, u b’mod partikolari l-Artikoli 17, 41 u 47 tagħha, jiggarantixxu d-drittijiet ta’ “[k]ull persuna”, formulazzjoni li tinkludi lil persuni ġuridiċi bħar-rikorrenti (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑35/10 u T‑7/11, Ġabra, EU:T:2013:397, punt 65).

54      Madankollu, f’dan il-kuntest, il-Kunsill jinvoka l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li ma jilqax l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem minn organizzazzjonijiet governattivi.

55      Issa, minn naħa, l-Artikolu 34 tal-KEDB huwa dispożizzjoni proċedurali li ma hijiex applikabbli għall-proċeduri quddiem il-qorti tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiġi evitat li Stat firmatarju għall-KEDB ikun rikorrent u konvenut fl-istess ħin quddiem l-imsemmija qorti (ara, f’dan is-sens, Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, Islamic Republic of Iran Shipping Lines vs It-Turkija, 13 ta’ Diċembru 2007, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet, 2007-V, § 81). Dan ir-raġunament ma japplikax għal dan il-każ (sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 53 iktar ’il fuq, EU:T:2013:397, punt 67).

56      Il-Kunsill isostni wkoll li r-regola li qed jinvoka hija ġġustifikata mill-fatt li Stat jiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet fundamentali fuq it-territorju tiegħu, iżda ma jistax jibbenefika minn tali drittijiet.

57      Madankollu, anki jekk jitqies li din il-ġustifikazzjoni tapplika f’dak li jikkonċerna lil sitwazzjoni interna, il-fatt li Stat jiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet fundamentali fuq it-territorju tiegħu huwa irrilevanti fir-rigward tal-firxa tad-drittijiet li jistgħu jibbenefikaw minnhom persuni ġuridiċi li huma estensjonijiet ta’ dan l-istess Stat fuq it-territorju tal-Istati terzi (sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 53 iktar ’il fuq, EU:T:2013:397, punt 69).

58      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-d-dritt tal-Unjoni ma fih ebda regola li tipprojbixxi lil persuni ġuridiċi li huma estensjonijiet ta’ Stati terzi milli jinvokaw favur tagħhom il-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali. Konsegwentement, anki jekk jitqies li r-rikorrenti, bħala entità pubblika, hija estensjoni tal-Istat Iranjan, din tista’ tinvoka dawn l-istess drittijiet quddiem il-qorti tal-Unjoni, sakemm dawn ikunu kompatibbli mal-kwalità tagħha bħala persuna ġuridika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 53 iktar ’il fuq, EU:T:2013:397, punt 70).

 Fuq l-ewwel u r-raba’ motiv, ibbażati fuq l-illegalità tal-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413 u tal-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, kif ukoll fuq żball ta’ liġi u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-kunċett ta’ sostenn lill-Gvern Iranjan

59      Ir-rikorrenti ssostni, fil-kuntest tal-ewwel motiv, li d-dispożizzjonijiet li huma bbażati fuqhom il-miżuri restrittivi li jikkonċernawha, jiġifieri, minn naħa, l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2012/35 u bid-Deċiżjoni 2012/635, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, jiksru l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali u d-dritt tal-proprjetà, peress li dawn jużaw kriterji indeterminati, vagi u indeċifrabbli biex jiddefinixxu lill-persuni u entitajiet li jistgħu jkunu kkonċernati minn miżuri restrittivi.

60      Fil-fatt, l-ewwel nett, il-kriterju ta’ “sostenn lill-Gvern Iranjan” previst fl-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2012/35 u bid-Deċiżjoni 2012/635, u fl-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012 (iktar ’il quddiem, il-“kriterju kkontestat”), huwa eċċessivament vag.

61      It-tieni nett, l-istess konstatazzjoni tapplika għall-kunċett ta’ “assoċjazzjoni” użat fl-istess dispożizzjonijiet.

62      It-tielet nett, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413 hija indeċifrabbli f’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ sostenn mogħti lill-entitajiet differenti mill-Gvern Iranjan.

63      Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413 u l-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, huma eċċessivament vagi, liema ħaġa timplika li huma illegali u li b’hekk għandhom jiġu ddikjarati inapplikabbli, abbażi tal-Artikolu 277 TFUE.

64      Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti tesponi li l-kriterju kkontestat, jekk jitqies li huwa legali, jikkonċerna biss l-ipoteżi fejn tingħata għajnuna speċifika, marbuta mal-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari, mill-persuna jew l-entità inkwistjoni. B’hekk, il-kunċett imsemmi għandu jikkonċerna biss jew sostenn dirett lill-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari jew sostenn lill-gvern fl-implementazzjoni tal-programm nukleari Iranjan.

65      Ir-rikorrenti tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-għanijiet li jsostnu l-miżuri restrittivi inkwistjoni, li jikkonsistu, skontha, biss fil-preklużjoni tal-proliferazzjoni nukleari, u mhux biex jolqtu oqsma esterni għall-imsemmija proliferazzjoni.

66      Ir-rikorrenti tiddeduċi minn dan li l-Kunsill wettaq żball ta’ liġi u kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta adotta l-interpretazzjoni li tikser il-kriterju kkontestat. Din tippreċiża li din l-interpretazzjoni tikkonferixxi lill-Kunsill setgħa eżorbitanti u arbitrarja li tippermettilu, b’mod partikolari, li jiffriża l-fondi ta’ kull entità miżmuma mill-Gvern Iranjan jew li għandha rabtiet ma’ dan tal-aħħar.

67      Il-Kunsill jippretendi, minn naħa, li l-ewwel u r-raba’ motivi huma inammissibbli abbażi tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, dawn il-motivi huma kontradittorji sa fejn ir-rikorrenti, fl-istess ħin, tinvoka l-karattru vag tal-kriterju kkontestat u tippretendi li dan l-istess kriterju jikkonċerna biss sostenn marbut mal-proliferazzjoni nukleari.

68      Barra minn hekk, il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

69      Preliminarjament, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, minn naħa, mill-qari tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti jirriżulta li r-raba’ motiv huwa ppreżentat għall-każ fejn il-Qorti Ġenerali tiċħad l-ewwel wieħed. Min-naħa l-oħra, fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Kunsill kien f’pożizzjoni li jirrispondi għaż-żewġ motivi, u l-Qorti Ġenerali hija wkoll f’pożizzjoni li tevalwa l-fondatezza tagħhom.

70      Fir-rigward tal-fondatezza, għandu jitfakkar li l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413, kif emendata, fl-aħħar lok, bid-Deċiżjoni 2012/635, jipprevedi li huma ffriżati l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil “persuni jew entitajiet oħra mhux koperti mill-Anness I li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran u entitajiet ta’ proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom jew li huwa assoċjati magħhom, kif elenkat fl-Anness II”. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012 jirreferi għal dawk li ġew identifikati li “huma persuni, entitajiet jew korpi oħrajn li jipprovdu appoġġ, bħal appoġġ materjali, loġistiku jew finanzjarju, lill-Gvern tal-Iran, u lill-persuni, u entitajiet assoċjati magħhom”.

71      Fir-rigward tar-rikorrenti, din ġiet identifikata mill-Kunsill fil-motivazzjoni tal-atti kkontestati bħala “[k]umpannija proprjetà tal-Istat li tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran”.

72      Din il-motivazzjoni timplika li għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-karattru allegatament vag tal-kunċett ta’ “assoċjazzjoni” u tal-allegata indeċifrabbiltà tal-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413 f’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ għajnuna mogħtija lill-entitajiet differenti mill-Gvern Iranjan (ara l-punti 61 u 62 iktar ’il fuq). Fil-fatt, mill-motivazzjoni mfakkra fil-punt preċedenti jirriżulta b’mod ċar li, skont il-Kunsill, ir-rikorrenti tagħti sostenn jew għajnuna direttament lill-Gvern Iranjan, iktar milli hija “assoċjata” jew tagħti għajnuna lil entitajiet differenti minn dan tal-aħħar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li l-argumenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw il-kunċett ta’ “assoċjazzjoni” u l-ipoteżi ta’ għajnuna mogħtija lill-entitajiet differenti mill-Gvern Iranjan huma fondati, dawn ma jiġġustifikawx l-annullament tal-atti kkontestati sa fejn hija kkonċernata r-reġistrazzjoni tar-rikorrenti.

73      Konsegwentement, hemm biss lok li jiġu eżaminati l-argumenti li jikkonċernaw il-karattru allegatament vag tal-kriterju kkontestat u l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil dan il-kriterju.

74      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-qrati tal-Unjoni għandhom, b’mod konformi mal-kompetenzi li huma għandhom taħt it-trattat, jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali li jiffurmaw parti integrali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Dan ir-rekwiżit huwa espressament stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE (ara s-sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, Ġabra, EU:C:2013:775, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, punt 48 iktar ’il fuq, EU:C:2013:776, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Xorta jibqa’ l-fatt li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni ġenerali u astratta tal-kriterji legali u tal-metodi ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi. Konsegwentement, ir-regoli ta’ portata ġenerali li jiddefinixxu dawn il-kriterji u dawn il-metodi, bħad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413 u tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012 li jipprevedu l-kriterju kkontestat u kkonċernati mill-ewwel u mir-raba’ motiv, huma s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju ristrett, li huma limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ użu ħażin ta’ poter. Dan l-istħarriġ ristrett japplika, b’mod partikolari, għall-evalwazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità li huma bbażati fuqhom il-miżuri restrittivi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 2009, Melli Bank vs Il-Kunsill, T‑246/08 u T‑332/08, Ġabra, EU:T:2009:266, punti 44 u 45, u tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑390/08, Ġabra, EU:T:2009:401, punti 35 u 36).

76      Għandu jiġi ammess li, bil-formulazzjoni wiesgħa ħafna tiegħu, il-kriterju kkontestat jikkonferixxi setgħa diskrezzjonali lill-Kunsill. Madankollu, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, din is-setgħa hija kompatibbli mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali, kif ukoll mad-dritt ta’ proprjetà tagħha, u ma tagħtix lill-Kunsill setgħa eżorbitanti jew arbitrarja.

77      Fil-fatt, l-ewwel nett, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li b’mod partikolari jeħtieġ li l-liġijiet ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta dawn jistgħu jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l-individwi u fuq l-impriżi (sentenza tat-18 ta’ Novembru 2008, Förster, C‑158/07, Ġabra, EU:C:2008:630, punt 67), huwa, ċertament, applikabbli f’dak li jikkonċerna l-miżuri restrittivi bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ li jaffettwaw ħafna d-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni u entitajiet ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2014, National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, T‑578/12, taħt appell, EU:T:2014:678, punti 112, 113, 116 u 117).

78      It-tieni nett, il-kriterju kkontestat jidħol f’kuntest legali delimitat b’mod ċar mill-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tirregola l-miżuri restrittivi kontra l-Iran. F’dan ir-rigward, il-premessa 13 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/35, li daħħlet dan il-kriterju fl-Artikolu 20(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413, tippreċiża espressament li l-iffriżar tal-fondi għandu jiġi applikat fir-rigward tal-persuni u tal-entitajiet “li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran u li jippermettulu jkompli attivitajiet nukleari sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni jew l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ konsenja ta’ armi nukleari, b’mod partikolari persuni u entitajiet li jipprovdu appoġġ finanzjarju, loġistiku jew materjali lill-Gvern tal-Iran”. L-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012 isemmi wkoll li dan l-appoġġ jista’ jkun “materjali, loġistiku jew finanzjarju” (sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, punt 77 iktar ’il fuq, taħt appell, EU:T:2014:678, punt 118).

79      Għalhekk, il-kriterju kkontestat ma jirrigwardax il-forom kollha ta’ appoġġ lill-Gvern Iranjan, iżda l-forom ta’ appoġġ li, permezz tad-daqs kwantitattiv jew kwalitattiv tagħhom, jikkontribwixxu għat-tkomplija tal-attivitajiet nukleari Iranjani. B’hekk, interpretat, taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, fid-dawl tal-għan li jikkonsisti f’li ssir pressjoni fuq il-Gvern Iranjan sabiex jiġi mġiegħel itemm l-attivitajiet tiegħu li jippreżentaw riskju ta’ proliferazzjoni nukleari, il-kriterju kkontestat jiddefinixxi b’mod oġġettiv lil kategorija definita ta’ persuni u ta’ entitajiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi (sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, punt 77 iktar ’il fuq, taħt appell, EU:T:2014:678, punt 119).

80      Fil-fatt, fid-dawl tal-għan tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, imsemmi fil-punt 79 iktar ’il fuq, jirriżulta mingħajr ambigwità mill-kriterju kkontestat li dan jikkonċerna b’mod immirat u selettiv lil attivitajiet tal-persuna jew tal-entità kkonċernata stess u li, anki jekk bħala tali dawn ma għandhom ebda rabta’ diretta jew indiretta mal-proliferazzjoni nukleari, madankollu jistgħu jiffavoruha, billi jipprovdu lill-Gvern Iranjan b’riżorsi jew b’faċilitajiet ta’ natura materjali, finanzjarja jew loġistika li jippermettulu jkompli l-attivitajiet ta’ proliferazzjoni (sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, punt 77 iktar ’il fuq, taħt appell, EU:T:2014:678, punt 120).

81      Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni timplika li għandha tiġi miċħuda l-argumentazzjoni tar-rikorrenti ppreżentata fil-kuntest tar-raba’ motiv, li tgħid li l-kriterju kkontestat jista’ jikkonċerna biss jew appoġġ dirett għall-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari jew appoġġ lill-gvern fl-implementazzjoni tal-programm nukleari Iranjan.

82      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tagħmel konfużjoni bejn il-kriterju kkontestat, l-uniku wieħed rilevanti f’dan il-każ, u l-kriterju relattiv għall-provvista ta’ “appoġġ għal, attivitajiet nukleari sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni tal-Iran jew għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ twassil ta’ armi nukleari”, imsemmi fl-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413 u fl-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, u li jimplika ċertu livell ta’ rabta mal-attivitajiet nukleari tal-Iran (ara, f’dan is-sens, is-sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, punt 77 iktar ’il fuq, taħt appell, EU:T:2014:678, punt 139).

83      Fil-fatt, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 78 iktar ’il fuq, f’dak li jikkonċerna l-kriterju kkontestat, mill-premessa 13 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/35 jirriżulta espressament li l-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi għandhom jiġu applikati lill-persuni u lill-entitajiet li jipprovdu appoġġ lill-Gvern Iranjan li jippermettulu jkompli attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari. L-eżistenza ta’ rabta bejn il-provvista ta’ appoġġ lill-Gvern Iranjan u t-tkomplija tal-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari hija b’hekk espressament stabbilita mil-leġiżlazzjoni applikabbli, peress li l-kriterju kkontestat huwa intiż biex iċaħħad lill-Gvern Iranjan mir-riżorsi ta’ dħul tiegħu, bil-għan li dan jiġi mġiegħel iwaqqaf l-iżvilupp tal-programm ta’ proliferazzjoni nukleari tiegħu, minħabba nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji suffiċjenti (sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, punt 77 iktar ’il fuq, taħt appell, EU:T:2014:678, punt 140).

84      B’hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-kriterju kkontestat jista’ japplika għal kull entità li tagħti appoġġ, b’mod partikolari taħt forma ta’ sostenn finanzjarju, lill-Gvern Iranjan. Min-naħa l-oħra, dan ma jikkonċernax lill-entitajiet kollha miżmuma mill-Gvern Iranjan jew li għandhom rabtiet ma’ dan tal-aħħar, jew inkella lill-kontribwenti Iranjani kollha.

85      It-tielet nett, għandu jitfakkar li s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Kunsill mill-kriterju kkontestat hija bbilanċjata minn obbligu ta’ motivazzjoni u minn drittijiet proċedurali msaħħa, ggarantiti mill-ġurisprudenza (sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, punt 77 iktar ’il fuq, taħt appell, EU:T:2014:678, punt 122; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra, EU:C:1991:438, punt 14, u tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, Ġabra, EU:C:2013:518, punt 114).

86      F’dan il-każ, ir-rikorrenti tikkontesta, fil-kuntest tat-tielet motiv, li l-Kunsill osserva dawn il-garanziji, u l-fondatezza tal-argumenti tagħha fuq dan il-punt ser tiġi eżaminata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 121 sa 168 iktar ’il quddiem.

87      Fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-punti 74 sa 85 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-kriterju kkontestat jillimita s-setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill, billi jistabbilixxi kriterji oġġettivi, u jiggarantixxi l-livell ta’ prevedibbiltà meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni (sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, punt 77 iktar ’il fuq, taħt appell, EU:T:2014:678, punt 123; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni, C‑266/06 P, EU:C:2008:295, punt 58).

88      Konsegwentement, il-kriterju msemmi huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ma jistax jitqies bħala arbitrarju.

89      Barra minn hekk, peress li l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi abbażi tal-kriterju kkontestat hija prevista mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413 u tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, il-ksur tad-dritt tal-proprjetà li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju huwa konformi mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jistabbilixxi li kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti mill-imsemmija Karta għandha tiġi stabbilita mil-liġi (sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, punt 77 iktar ’il fuq, taħt appell, EU:T:2014:678, punt 124).

90      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, abbażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-legalità tal-projbizzjoni ta’ attività ekonomika hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-miżuri ta’ projbizzjoni jkunu adegwati u neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimament imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u dan dejjem bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri adegwati, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva u li l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet mixtieqa (ara s-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 53 iktar ’il fuq, EU:T:2013:397, punt 179 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      F’dan il-każ, fid-dawl tal-importanza primordjali taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, il-Kunsill seta’ jqis, mingħajr ma jaqbeż il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li l-ksur tad-dritt tal-proprjetà li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterju kkontestat kien xieraq u neċessarju, għall-finijiet li tiġi eżerċitata pressjoni fuq il-Gvern Iranjan sabiex jiġi mġiegħel iwaqqgħu l-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il-Kunsill, C‑380/09 P, Ġabra, EU:C:2012:137, punt 61).

92      Konsegwentement, il-kriterju kkontestat, kif interpretat fil-punti 76 sa 84 iktar ’il fuq, huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ma jagħtix setgħa eżorbitanti lill-Kunsill.

93      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat u r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill biex jadotta d-Deċiżjoni 2012/635 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 945/2012 u fuq in-nuqqas ta’ bażi legali ta’ dan tal-aħħar

94      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill ma kienx kompetenti biex jadotta d-Deċiżjoni 2012/635 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 945/2012. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, jistgħu jiġu adottati miżuri restrittivi mill-Kunsill fuq proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, u tal-Kummissjoni.

95      Issa, f’dan il-każ, fl-ewwel lok, id-Deċiżjoni 2012/635 ġiet adottata mill-Kunsill waħdu, b’tali mod li r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 215(2) TFUE ma ġiex osservat. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 215 TFUE ma jistabbilixxi ebda distinzjoni bejn il-miżuri adottati fil-kuntest tal-PESK u ta’ miżuri oħra, u għalhekk japplika għad-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 29 TUE, bħad-Deċiżjoni 2012/635.

96      Fit-tieni lok, peress li r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 945/2012 jimplementa d-Deċiżjoni 2012/635, dan huwa nieqes minn bażi legali u vvizzjat b’nuqqas ta’ kompetenza.

97      Fit-tielet lok, l-Artikolu 46(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012 jmur kontra l-Artikolu 215(2) TFUE, sa fejn dan jikkonferixxi lill-Kunsill, li jaġixxi waħdu, il-kompetenza biex jemenda l-Anness IX li fih il-lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-korpi li għandhom ikunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi. Konsegwentement, l-Artikolu 46(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012 għandu jiġi ddikjarat ineffettiv fil-konfront tar-rikorrenti, konformement mal-Artikolu 277 TFUE, liema ħaġa timplika, skontha, li r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 945/2012, adottat abbażi tiegħu, huwa nieqes minn bażi legali u vvizzjat b’nuqqas ta’ kompetenza wkoll għal din ir-raġuni.

98      Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

–       Fuq il-metodi tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635

99      Fir-rigward tad-Deċiżjoni 2012/635, għandu jiġi rrilevat, kif isostni l-Kunsill, li din ma hijiex ibbażata fuq l-Artikolu 215 TFUE, iżda biss fuq l-Artikolu 29 TUE, li jinsab fil-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE ddedikat għall-PESK u li jawtorizza lill-Kunsill jaġixxi waħdu biex jadotta d-deċiżjonijiet imsemmija hemm.

100    F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 215(2) TFUE, “[m]eta deċiżjoni li tkun adottata skond il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tipprevedi hekk, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri restrittivi taħt il-proċedura prevista fil-paragrafu 1 kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali”.

101    B’hekk, l-adozzjoni bil-quddiem ta’ deċiżjoni konformement mal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE – bħal, f’dan il-każ, id-Deċiżjoni 2012/635, adottata abbażi tal-Artikolu 29 TUE – tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja biex il-Kunsill ikun jista’ jadotta miżuri restrittivi abbażi tas-setgħat ikkonferiti lilu bl-Artikolu 215(2) TFUE. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma timplikax li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni bħad-Deċiżjoni 2012/635 hija suġġetta għar-rekwiżiti proċedurali stabbiliti mill-Artikolu 215(2) TFUE, pjuttost milli għar-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 29 TUE stess.

102    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi miċħud l-ewwel argument tar-rikorrenti, peress li l-Kunsill huwa kompetenti, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, biex jadotta waħdu d-Deċiżjoni 2012/635.

103    Konsegwentement, għandu jiġi miċħud ukoll it-tieni argument tar-rikorrenti, li huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li tgħid li l-Kunsill ma kienx kompetenti biex jadotta d-Deċiżjoni 2012/635.

–       Fuq il-kompatibbiltà tal-Artikolu 46(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012 mal-Artikolu 215 TFUE

104    Il-Kunsill isostni li l-Artikolu 46(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, li jawtorizza li jsiru emendi tal-Anness IX tal-istess regolament li fih il-lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-korpi li għandhom ikunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi, ġie adottat abbażi tal-Artikolu 291(2) TFUE, li jgħid li “[m]eta jkun hemm bżonn ta’ kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ l-atti ta’ l-Unjoni legalment vinkolanti, dawn l-atti jistgħu jagħtu l-kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kummmissjoni jew, fil-każijiet speċifiċi ġustifikati b’mod xieraq u fil-każijiet previsti fl-Artikoli 24 [TUE] u 26 [TUE], lill-Kunsill”.

105    F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat, preliminarjament, li la l-Artikolu 215 TFUE u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tad-dritt primarju ma jipprekludu li regolament adottat abbażi tal-Artikolu 215 TFUE jikkonferixxi kompetenzi ta’ implementazzjoni fuq il-Kummissjoni jew fuq il-Kunsill fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 291(2) TFUE, meta jkunu neċessarji kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni uniformi ta’ ċerti miżuri restrittivi stabbiliti minn dan ir-regolament. B’mod partikolari, mill-Artikolu 215 TFUE ma jirriżultax li l-miżuri restrittivi individwali għandhom jiġu adottati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 215(1) TFUE. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ kull indikazzjoni li tillimita l-possibbiltà li jiġu kkonferiti kompetenzi ta’ implementazzjoni, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 291(2) TFUE ma tistax tiġi injorata fil-qasam ta’ miżuri restrittivi bbażati fuq l-Artikolu 215 TFUE (sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, punt 77 iktar ’il fuq, taħt appell, EU:T:2014:678, punt 54).

106    Barra minn hekk, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 215(1) TFUE, li fiha l-Kunsill jiddeċiedi fuq proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, u tal-Kummissjoni, tista’ tirriżulta mhux adattat għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ sempliċi miżuri ta’ implementazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 291(2) TFUE jippermetti li tiġi prevista proċedura ta’ implementazzjoni iktar effettiva, adatta għat-tip ta’ miżura li għandha tiġi implementata u għall-kapaċità ta’ azzjoni ta’ kull istituzzjoni. B’hekk, il-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-awturi tat-Trattat FUE biex jawtorizzaw, fl-Artikolu 291(2) TFUE, l-għoti ta’ kompetenzi ta’ implementazzjoni japplikaw kemm f’dak li jikkonċerna l-implementazzjoni tal-atti bbażati fuq l-Artikolu 215 TFUE kif ukoll f’dak li jikkonċerna l-implementazzjoni ta’ atti oħra legalment vinkolanti (sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, punt 77 iktar ’il fuq, taħt appell, EU:T:2014:678, punt 55).

107    Konsegwentement, għandu jitqies li l-Kunsill kellu d-dritt li jistabbilixxi kompetenzi ta’ implementazzjoni, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 291(2) TFUE, għall-adozzjoni tal-miżuri individwali ta’ ffriżar ta’ fondi li jimplementaw l-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012 (sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, punt 77 iktar ’il fuq, taħt appell, EU:T:2014:678, punt 56).

108    Minkejja dan, għad irid jiġi vverifikat jekk il-Kunsill osservax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 291(2) TFUE meta rreżerva għalih, minflok lill-Kummissjoni, il-kompetenzi ta’ implementazzjoni inkwistjoni.

109    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-regolamenti, bħar-Regolament Nru 267/2012, li jipprovdu miżuri restrittivi abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, huma intiżi biex jimplementaw fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat FUE, deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 29 TUE, fil-kuntest tal-PESK. Konsegwentement, ir-Regolament Nru 267/2012 jidħol fil-kuntest tat-tfittxija tal-għanijiet u tal-implementazzjoni tal-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK (ara, f’dan is-sens, is-sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, punt 77 iktar ’il fuq, taħt appell, EU:T:2014:678, punt 60).

110    B’mod partikolari, minħabba l-finalità, in-natura u l-għan tagħhom, miżuri restrittivi adottati abbażi tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, li għandhom bħala għan li jeżerċitaw pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex titwaqqaf il-proliferazzjoni nukleari, huma relatati b’mod iktar strett mal-implementazzjoni tal-PESK iktar milli mal-eżerċizzju tal-kompetenzi kkonferiti lill-Unjoni mit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, punt 77 iktar ’il fuq, taħt appell, EU:T:2014:678, punti 66 u 67).

111    Issa, fil-kuntest tat-Trattat UE, mill-qari flimkien tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 24(1) TUE, tal-Artikolu 29 TUE u tal-Artikolu 31(1) TUE jirriżulta li l-Kunsill, bħala regola ġenerali, għandu l-kompetenza li jeżerċita s-setgħa deċiżjonali fil-qasam tal-PESK, billi jaġixxi unanimament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑130/10, Ġabra, EU:C:2012:472, punt 47).

112    B’mod partikolari, huwa l-Kunsill, li jaġixxi waħdu, li jiddeċiedi dwar ir-reġistrazzjoni ta’ isem ta’ persuna jew ta’ entità fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413. Issa, hija proprjament din ir-reġistrazzjoni li tiġi implementata, fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat FUE, bl-adozzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi abbażi tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012.

113    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-partikolarità tal-miżuri adottati abbażi tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, tan-neċessità li tiġi żgurata l-koerenza bejn il-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413 u dik li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, kif ukoll tal-fatt li l-Kummissjoni ma għandhiex aċċess għad-data tas-servizzi ta’ informazzjoni tal-Istati Membri li jistgħu jirriżultaw neċessarji għall-implementazzjoni tal-miżuri msemmija, il-Kunsill seta’ jqis ġustament li l-implementazzjoni tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, relattiv għall-iffriżar tal-fondi, kienet tikkostitwixxi każ speċifiku fis-sens tal-Artikolu 291(2) TFUE, u li għaldaqstant kellu d-dritt li jirriżerva għalih il-kompetenza li jimplementah, fl-Artikolu 46(2) tar-regolament imsemmi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, punt 77 iktar ’il fuq, taħt appell, EU:T:2014:678, punti 68 sa 73).

114    Fir-rigward tal-kwistjoni jekk ġietx debitament iġġustifikata l-eżistenza ta’ każ speċifiku, għandu jiġi osservat li l-Kunsill ma ddikjarax espressament, fir-Regolament Nru 267/2012, li kien qiegħed jirriżerva għalih il-kompetenza ta’ implementazzjoni għar-raġunijiet elenkati fil-punt 113 iktar ’il fuq. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-ġustifikazzjoni għar-riżerva tal-implementazzjoni magħmula favur il-Kunsill, fl-Artikolu 46(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, tirriżulta minn qari flimkien tal-premessi u tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, fil-kuntest tal-artikolazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat UE u tat-Trattat FUE fil-qasam tal-iffriżar tal-fondi (sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, punt 77 iktar ’il fuq, taħt appell, EU:T:2014:678, punt 77).

115    Fil-fatt, l-ewwel nett, il-Kunsill irrefera espliċitament, fil-premessa 28 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, għall-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu fil-qasam tan-“nomina ta’ persuni soġġetti għal miżuri ta’ ffriżar [tal-fondi] ” kif ukoll għall-intervent tiegħu stess fil-kuntest tal-proċedura ta’ reviżjoni tad-deċiżjonijiet ta’ reġistrazzjoni skont l-osservazzjonijiet jew il-provi l-ġodda ppreżentati mill-persuni kkonċernati (sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, punt 77 iktar ’il fuq, taħt appell, EU:T:2014:678, punt 78).

116    It-tieni nett, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, moqrija flimkien mal-premessa 14 tal-istess regolament, jippermettu li jinftiehem li l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi fir-rigward ta’ persuni jew entitajiet tidħol iktar fil-qasam ta’ azzjoni tal-Kunsill fil-kuntest tal-PESK, pjuttost milli f’tal-miżuri ta’ natura ekonomika adottati normalment fil-qasam tat-Trattat FUE (sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, punt 77 iktar ’il fuq, taħt appell, EU:T:2014:678, punti 79 u 80).

117    It-tielet nett, il-paralleliżmu bejn il-miżuri restrittivi adottati abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413 u dawk adottati abbażi tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012 huwa msemmi espliċitament mill-premessi 11 et seq ta’ dan tal-aħħar, li minnhom jirriżulta li l-imsemmi regolament jimplementa l-emendi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413 magħmula bid-Deċiżjoni 2012/35. Bl-istess mod, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-koerenza bejn il-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413 u dik li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012 tirriżulta mill-qari tal-premessi tar-regolamenti ta’ implementazzjoni li jemendaw l-imsemmi Anness IX, u b’mod partikolari mill-premessa 2 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill Nru 945/2012, li jirreferi espliċitament għad-Deċiżjoni 2012/635 (sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, punt 77 iktar ’il fuq, taħt appell, EU:T:2014:678, punt 81).

118    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raġunijiet speċifiċi li mmotivaw l-għoti tal-kompetenzi ta’ implementazzjoni lill-Kunsill fl-Artikolu 46(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012 jirriżultaw b’mod suffiċjentement komprensibbli mid-dispożizzjonijiet rilevanti u mill-kuntest ta’ dan ir-regolament (sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, punt 77 iktar ’il fuq, taħt appell, EU:T:2014:678, punt 82).

119    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 291(2) TFUE, biex ikunu jistgħu jingħataw kompetenzi ta’ implementazzjoni lill-Kunsill, ġew sodisfatti f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 46(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, liema ħaġa timplika li ma jista’ jiġi lmentat kontra l-Kunsill ebda ksur tal-Artikolu 215 TFUE.

120    Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, għandu jiġi miċħud it-tielet argument tar-rikorrenti u, għalhekk, it-tieni argument kollu kemm hu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, inkluż id-dritt ta’ aċċess tagħha għall-fajl, tal-obbligu tal-Kunsill li jirrevedi l-miżuri restrittivi adottati u tad-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

121    Ir-rikorrenti ssostni li, bl-adozzjoni tal-atti kkontestati, il-Kunsill kiser l-obbligi ta’ motivazzjoni, id-drittijiet tad-difiża tagħha, inkluż id-dritt tagħha ta’ aċċess għall-fajl, l-obbligu li tirrevedi l-miżuri restrittivi adottati u d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

–       Fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni

122    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju għall-prinċipju tar-rispett lejn id-drittijiet tad-difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lil persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti dwar jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex eventwalment ivvizzjat b’xi żball li jippermetti l-kontestazzjoni tal-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar li teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ dak l-att (ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, Ġabra, EU:C:2012:718, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

123    Il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li l-persuna kkonċernata tkun tista’ ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri adottati u l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 122 iktar ’il fuq, EU:C:2012:718, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124    Meta l-persuna kkonċernata ma tingħatax dritt li tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni huwa iktar importanti, għaliex huwa jikkostitwixxi l-unika garanzija li tippermetti lill-persuna kkonċernata, speċjalment wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li tagħmel użu effettiv mir-rimedji għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tikkontesta l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 122 iktar ’il fuq, EU:C:2012:718, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

125    Għaldaqstant, il-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi għandu jidentifika l-motivi speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom il-Kunsill jikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li l-persuna kkonċernata għandha tkun suġġetta għal tali miżura (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 122 iktar ’il fuq, EU:C:2012:718, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

126    Madankollu, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 122 iktar ’il fuq, EU:C:2012:718, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

127    B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 122 iktar ’il fuq, EU:C:2012:718, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tosserva li d-Deċiżjoni 2012/635 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 945/2012 ma humiex immotivati b’mod suffiċjenti fil-liġi sa fejn hija kkonċernata r-reġistrazzjoni tagħha.

129    Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, minn naħa, il-Kunsill ma identifikax il-kriterju, fost dawk stabbiliti mill-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413 u mill-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, li bbaża ruħu fuqhom biex jadotta l-miżuri restrittivi li jikkonċernawha.

130    Min-naħa l-oħra, il-Kunsill ma ppreċiżax il-metodi, in-natura jew il-firxa tas-sostenn finanzjarju li allegatament hija tat lill-Gvern Iranjan. B’mod partikolari, dan ma identifikax l-operazzjonijiet finanzjarji speċifiċi li jistgħu jiġġustifikaw il-miżuri adottati kontriha, jew inkella r-rabta bejn dawn l-operazzjonijiet u l-proliferazzjoni nukleari. Din l-insuffiċjenza fil-motivazzjoni ma tistax tiġi solvuta bl-affermazzjoni a posteriori tal-Kunsill, ippreżentata fir-risposta, li tgħid li l-adozzjoni tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi kontriha hija ġġustifikata mill-ħlas tad-dividendi, bħala impriża pubblika, lill-azzjonisti tagħha.

131    Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

132    Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ġiet identifikata bħala “[k]umpannija proprjetà tal-Istat li tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran”.

133    L-ewwel nett, mill-motivazzjoni pprovduta jirriżulta espliċitament li r-rikorrenti kienet is-suġġett ta’ miżuri restrittivi abbażi tal-kriterju inkwistjoni.

134    It-tieni nett, huwa ċertament minnu li l-motivazzjoni li tikkonċernaha ma fijhiex preċiżazzjonijiet dwar il-metodi u l-firxa tas-sostenn allegatament ipprovdut lill-Gvern Iranjan, peress li l-unika preċiżazzjoni mill-Kunsill hija li dan is-sostenn huwa ta’ natura finanzjarja.

135    Madankollu, minkejja l-qosor tal-motivazzjoni pprovduta, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tifhem l-essenzjali tal-fatti kkunsidrati fir-rigward tagħha mill-Kunsill u li tiddefendi ruħha b’mod xieraq.

136    Fil-fatt, fil-kuntest tar-raba’ motiv ippreżentat fir-rikors, ir-rikorrenti rreferiet espressament għall-ipoteżi ta’ “persuna fiżika jew ġuridika differenti minn Stat” li tiffinanzja, “bit-taxxi tagħha jew eventwalment fir-rigward tal-impriżi pubbliċi, bid-dividendi mqassma lill-azzjonisti, baġit li fih is-somom imħallsa jitħalltu mal-massa ta’ dħul u ma humiex, bħala definizzjoni, dedikati biex ikopru oneru partikolari, b’mod partikolari l-attività statali meqjusa illegali”, biex issostni li, f’tali każ, il-kunċett ta’ appoġġ lill-Gvern Iranjan ma kienx japplika.

137    B’hekk, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tidentifika, fil-motivi tar-reġistrazzjoni tagħha, li l-Kunsill ibbaża ruħu fuq il-fatt li, bħala impriża tal-Istat, hija kienet tagħti sostenn finanzjarju lill-Gvern Iranjan bit-trasferiment tar-riżorsi finanzjarji tagħha. Din kienet ukoll f’pożizzjoni li tikkontesta r-rilevanza u r-realtà ta’ din il-prova.

138    Bl-istess mod, il-motivazzjoni mogħtija mill-Kunsill tippermetti lill-Qorti Ġenerali tistħarreġ il-legalità tal-atti kkontestati.

139    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motivazzjoni pprovduta fid-Deċiżjoni 2012/635 u fir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 945/2012, minkejja li partikolarment qasira, hija suffiċjenti.

140    It-tielet nett, din il-konstatazzjoni timplika li l-preċiżazzjonijiet ipprovduti mill-Kunsill fir-risposta tiegħu la jikkostitwixxu motivazzjoni a posteriori li ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali u lanqas juru l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni pprovduta. Fil-fatt, dawn il-preċiżazzjonijiet jillimitaw ruħhom biex jispjegaw u jippreċiżaw l-element essenzjali kkunsidrat mill-Kunsill u identifikat mir-rikorrenti fil-motivazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635 u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill Nru 945/2012.

141    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

–       Fuq l-aċċess għall-fajl

142    Ir-rikorrenti ssostni li hija kisbet l-aċċess għall-fajl biss wara l-iskadenza tat-terminu li ngħatalha biex titlob ir-reviżjoni tal-miżuri li jikkonċernawha. Tali komunikazzjoni tardiva ma hijiex kompatibbli mal-prinċipju tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża.

143    Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

144    Skont il-ġurisprudenza, meta tiġi kkomunikata informazzjoni biżżejjed preċiża, li tippermetti li l-entità kkonċernata tkun tista’ tesprimi b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar il-provi użati kontriha mill-Kunsill, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jimplikax li din l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tagħti, b’mod spontanju, aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tagħha. Huwa biss meta ssir talba mill-parti kkonċernata li l-Kunsill huwa obbligat jagħti aċċess għad-dokumenti amministrattivi mhux kunfidenzjali kollha li jkunu jikkonċernaw il-miżura inkwistjoni (ara s-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 53 iktar ’il fuq, EU:T:2013:397, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

145    F’dan il-każ, ir-rikorrenti talbet l-aċċess għall-fajl fit-8 ta’ Jannar 2013, jiġifieri lejliet il-preżentata tar-rikors tagħha, li seħħet fid-9 ta’ Jannar 2013. Il-Kunsill irrisponda għat-talba fl-10 ta’ Ġunju 2013.

146    F’dawn iċ-ċirkustanzi, qabel kollox, ma jistax jiġi lmentat lill-Kunsill talli ma rrispondiex it-talba għall-aċċess qabel il-preżentata tar-rikors, peress li l-intervall ta’ jum li jissepara t-talba u l-preżentata tar-rikors huwa qasir wisq.

147    Sussegwentement, la l-ittra tas-16 ta’ Ottubru 2012 li biha l-Kunsill ikkomunika lir-rikorrenti d-Deċiżjoni 2012/635 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 945/2012, la dawn l-atti stess, u lanqas l-avviż għall-attenzjoni tal-persuna li għaliha japplikaw il-miżuri restrittivi stabbiliti fid-Deċiżjoni 2010/413, implementati bid-Deċiżjoni 2012/635, u fir-Regolament Nru 267/2012, implementat bir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 945/2012 (ĠU C 312, p. 21) ma jistabbilixxu terminu għall-preżentata tal-osservazzjonijiet tal-entitajiet milquta mill-miżuri restrittivi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument li jgħid li r-rikorrenti kisbet l-aċċess għall-fajl biss wara l-iskadenza ta’ tali terminu huwa manifestament nieqes fil-mertu.

148    Finalment, għandu jiġi rrilevat li terminu ta’ risposta ta’ iktar minn ħames xhur huwa eċċessiv.

149    F’dan ir-rigward, il-Kunsill jirreferi għan-neċessità li jinkiseb il-permess ta’ Stat Membru qabel il-komunikazzjoni tad-dokumenti inkwistjoni. Issa, dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat, peress li, skont il-ġurisprudenza, meta l-Kunsill ikollu l-intenzjoni li jibbaża ruħu fuq elementi pprovduti minn Stat Membru biex jadotta miżuri restrittivi fir-rigward ta’ entità, dan huwa marbut li jiżgura ruħu, qabel l-adozzjoni tal-miżuri msemmija, li l-provi inkwistjoni jistgħu jiġu kkomunikati lill-entità kkonċernata fi żmien utli sabiex din tkun tista’ tesponi b’mod utli l-perspettiva tagħha [sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Persia International Bank vs Il-Kunsill, T‑493/10, Ġabra (Estratti), EU:T:2013:398, punt 84].

150    Xorta jibqa’ l-fatt li, minn naħa, ir-rikorrenti ma ppreżentatx argumenti konkreti intiżi biex juru li t-terminu ta’ risposta eċċessiv effettivament għamel id-difiża tagħha iktar diffiċli.

151    Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza, il-komunikazzjoni tardiva ta’ dokument li l-Kunsill ikun ibbaża ruħu fuqu biex jadotta jew biex iżomm il-miżuri restrittivi diretti lejn entità tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża li jiġġustifika l-annullament tal-atti adottati preċedentement jekk jiġi stabbilit li l-miżuri restrittivi kkonċernati ma kinux jistgħu jiġu adottati jew miżmuma legalment kieku d-dokument ikkomunikat tardivament kellu jiġi injorat bħala prova inkriminanti (sentenza Persia International Bank vs Il-Kunsill, punt 149 iktar ’il fuq, EU:T:2013:398, punt 85).

152    Issa, f’dan il-każ, mill-evalwazzjoni mwettqa fil-punti 169 sa 188 iktar ’il quddiem jirriżulta li l-miżuri restrittivi li jolqtu lir-rikorrenti huma fondati, anki mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dokumenti kkomunikati mill-Kunsill fir-risposta tiegħu tal-10 ta’ Ġunju 2013. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ksur tal-obbligu li jingħata aċċess għall-fajl fi żmien utli ma jiġġustifikax l-annullament tal-atti kkontestati.

153    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-obbligu ta’ reviżjoni annwali tal-miżuri restrittivi adottati

154    Fl-emenda tat-talbiet tagħha tas-16 ta’ April 2014, ir-rikorrenti tosserva li l-Kunsill naqas mill-obbligu tiegħu ta’ reviżjoni annwali tal-miżuri restrittivi adottati, peress li dan ikkomunika ż-żamma tal-imsemmija miżuri biss fil-14 ta’ Marzu 2014.

155    Abbażi tal-Artikolu 26(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413, “[i]l-miżuri msemmijin fl-Artikoli 19(1)(b) u 20(1)(b) għandhom jiġu riveduti f'intervalli regolari u mill-inqas kull tnax-il xahar”.

156    Bl-istess mod, skont l-Artikolu 46(6) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, “[i]l-lista fl-Anness IX għandha tiġi eżaminata mill-ġdid f’intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar”.

157    B’hekk, il-Kunsill kien effettivament marbut li jirrevedi l-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrenti f’terminu ta’ tnax-il xahar mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635 u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill Nru 945/2012.

158    F’dan ir-rigward, il-Kunsill jgħid li rreveda r-reġistrazzjoni tar-rikorrenti darbtejn billi adotta, minn naħa, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/270/PESK, tas-6 ta’ Ġunju 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 156, p. 10), u r-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 522/2013, tas-6 ta’ Ġunju 2013, li jimplimenta r-Regolament Nru 267/2012 (ĠU L 156, p. 3) u, min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/661/PESK, tal-15 ta’ Novembru 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 306, p. 18), u r-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013, tal-15 ta’ Novembru 2013, li jimplimenta r-Regolament Nru 267/2012 (ĠU L 306, p. 3).

159    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li ebda wieħed mill-atti msemmija mill-Kunsill ma jindika li dan wettaq reviżjoni perjodika tar-reġistrazzjonijiet kollha fil-listi tal-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413 u tal-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012. L-atti inkwistjoni lanqas ma jikkonċernaw, speċifikatament, ir-reġistrazzjoni tar-rikorrenti.

160    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kunsill ma wettaqx reviżjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrenti fit-terminu ffissat mid-Deċiżjoni 2010/413 u mir-Regolament Nru 267/2012.

161    Madankollu, għandu jiġi evalwat jekk dan il-ksur tal-obbligu ta’ reviżjoni tal-miżuri restrittivi adottati jiġġustifikax l-annullament tal-atti kkontestati.

162    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-għan tal-obbligu inkwistjoni huwa dak li tiġi żgurata verifika regolari li l-miżuri restrittivi adottati jkunu għadhom ġustifikati.

163    Issa, f’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li, fil-mument li fih tqajjem dan l-ilment mir-rikorrenti, fl-emenda tat-talbiet tagħha tas-16 ta’ April 2014, il-Kunsill kien diġà wettaq il-verifika inkwistjoni, u kien ikkomunika r-riżultat tagħha lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Marzu 2014.

164    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għan tad-dispożizzjonijiet li jipprevedu r-reviżjoni perjodika tal-miżuri restrittivi ġie osservat, minkejja li tardivament, u b’hekk il-ksur tat-terminu ta’ reviżjoni mill-Kunsill ma jipproduċi ebda effett negattiv ulterjuri fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrenti.

165    Għalhekk, mingħajr preġudizzju għad-dritt tar-rikorrenti li titlob il-kumpens għad-dannu li hija, jekk ikun il-każ, sofriet minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ reviżjoni, abbażi tal-Artikolu 340 TFUE, din ma tistax tinvoka d-dewmien inkwistjoni sabiex tikseb l-annullament tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawha, adottati jew miżmuma mill-atti kkontestati.

166    Għaldaqstant, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud.

–       Fuq il-bqija tal-ksur allegat

167    Ir-rikorrenti tosserva li n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635 u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill Nru 945/2012 jimplika ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, inkluż id-dritt li tikseb ir-reviżjoni tal-miżuri restrittivi adottati, u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tagħha. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura vaga tal-motivazzjoni li ngħatat, huwa meħtieġ min-naħa tagħha, biex tiżgura d-difiża tagħha, mhux li tiċħad elementi ta’ liġi u ta’ fatt ċirkostanzjali invokati mill-Kunsill, iżda li ġġib il-prova negattiva li hija ma tatx appoġġ lill-Gvern Iranjan jew lill-programm Nukleari Iranjan.

168    Issa, hekk kif jirriżulta mill-punti 122 sa 140 iktar ’il fuq, id-Deċiżjoni 2012/635 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 945/2012 huma mmotivati biżżejjed fil-liġi, liema ħaġa timplika li dan l-ilment huwa bbażat fuq premessa żbaljata.

169    Għalhekk, dan għandu jiġi miċħud, l-istess bħat-tielet motiv, fl-intier tiegħu.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti

170    Hekk kif tfakkar fil-punt 74 iktar ’il fuq, il-qrati tal-Unjoni għandhom, b’mod konformi mal-kompetenzi li huma għandhom taħt it-Trattat FUE, jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali li jiffurmaw parti integrali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Dan ir-rekwiżit huwa espressament stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE (ara s-sentenzi Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, punt 74 iktar ’il fuq, EU:C:2013:775, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, punt 74 iktar ’il fuq, EU:C:2013:776, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

171    Fost dawn id-drittijiet fundamentali hemm, b’mod partikolari, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, punt 74 iktar ’il fuq, EU:C:2013:775, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

172    L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, teżiġi b’mod partikolari li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li d-deċiżjoni, li għandha portata individwali għall-persuna jew l-entità kkonċernata, tkun ibbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tas-sunt veru tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-punt jekk dawn il-motivi, jew għall-inqas wieħed minnhom, jitqiesx li huwa suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex sostnuti (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, punt 74 iktar ’il fuq, EU:C:2013:775, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

173    F’dan il-kuntest, hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha l-obbligu, fil-każ ta’ kontestazzjoni, li tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi meqjusa kontra l-persuna kkonċernata, u mhux din tal-aħħar li għandha tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, punt 74 iktar ’il fuq, EU:C:2013:775, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

174    Għalhekk, f’dan il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kunsill kienx iġġustifikat meta kkunsidra, waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati, li r-rikorrenti setgħet tintlaqat minn miżuri restrittivi bħala entità li tagħti appoġġ lill-Gvern Iranjan, taħt forma ta’ sostenn finanzjarju.

175    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tirrepeti li l-kriterju ta’ appoġġ lill-Gvern Iranjan jikkonċerna biss il-każ fejn għajnuna speċifika, marbuta mal-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari, tingħata mill-entità kkonċernata. Issa, hija ma tagħtix tali għajnuna, peress li l-attivitajiet tagħha huma diretti lejn l-impriżi privati.

176    F’dan ir-rigward, biżżejjed li ssir riferenza għall-punti 74 sa 93 iktar ’il fuq, li minnhom jirriżulta li l-kriterju ta’ appoġġ lill-Gvern Iranjan jista’ japplika wkoll għall-entitajiet li ma humiex huma stess involuti fil-proliferazzjoni nukleari.

177    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tippretendi li, kuntrarjament għal dak li tindika l-motivazzjoni tal-atti kkontestati, hija ma tagħtix sostenn finanzjarju lill-Gvern Iranjan.

178    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tippreċiża, qabel kollox, li l-għan tagħha ma huwiex li tħallas id-dividendi lill-Gvern Iranjan.

179    Sussegwentement, ir-rikorrenti tammetti li tħallas parti mill-profitti tagħha lit-teżorerija nazzjonali, li hija suġġetta għall-Ministeru tal-Finanzi Iranjan, minbarra t-taxxa fuq id-dħul. Madankollu, din tippreċiża li dan l-obbligu, impost fuq il-kumpanniji pubbliċi Iranjani kollha bil-paragrafu 17 tal-liġi dwar il-baġit għas-Sena Iranjana 1389 (iktar ’il quddiem il-“paragrafu 17”), ma jistax jikkostitwixxi sostenn finanzjarju lill-Gvern Iranjan fis-sens tal-kriterju kkontestat peress li dan ma jikkostitwixxix dividend, iżda huwa iktar simili għall-impożizzjoni ta’ taxxa parafiskali.

180    Finalment, skont ir-rikorrenti, is-somom li hija tħallas lit-teżorerija nazzjonali abbażi tal-paragrafu 17 ma jintużawx liberament mill-Gvern Iranjan, iżda jintużaw għat-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ interess ġenerali u ta’ missjonijiet ta’ servizz pubbliku favur il-poplu Iranjan. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti żżid li s-somom inkwistjoni huma b’mod partikolari investiti mill-ġdid, flimkien ma’ riżorsi Statali oħra, fil-kuntest ta’ żiediet fil-kapital tagħha.

181    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-fatt li r-rikorrenti ma għandhiex l-għan li tħallas dividendi lill-Gvern Iranjan, jekk jitqies bħala stabbilit, ma jimplikax li din effettivament ma tagħtix sostenn finanzjarju lil dan tal-aħħar.

182    F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-provi mressqa mir-rikorrenti stess, hija ttrasferixxiet, għas-snin finanzjarji 1387 sa 1391 tal-Kalendarju Iranjan (20 ta’ Marzu 2008 sal-20 ta’ Marzu 2013, iktar ’il fuq il-“perijodu ta’ riferenza”), ammont totali ta’ Rials 1 687 181 miljun lit-teżorerija nazzjonali abbażi tal-obbligu stabbilit fil-paragrafu 17.

183    Kuntrarjament għal dak li tippretendi r-rikorrenti, dawn l-ammonti ma jistgħux jiġu pparagunati mal-impożizzjonijiet jew taxxi parafiskali u jaħarbu, abbażi ta’ hekk, il-kwalifika bħala sostenn finanzjarju msemmija mill-kriterju kkontestat. Fil-fatt, minn naħa, hekk kif tammetti r-rikorrenti stess, l-obbligu stabbilit fil-paragrafu 17 huwa applikabbli apparti t-taxxa fuq id-dħul. Min-naħa l-oħra, dan l-obbligu japplika biss għall-kumpanniji pubbliċi Iranjani, u b’hekk ma jistax jitqies li jifforma parti mis-sistema fiskali jew parafiskali ġenerali Iranjana.

184    Fir-rigward tal-allegata assenjazzjoni baġitarja tas-somom ittrasferiti abbażi tal-obbligu stabbilit fil-paragrafu 17, ir-rikorrenti ma ssostni b’ebda mod l-allegazzjonijiet tagħha. F’kull każ, it-termini tal-allegata assenjazzjoni, kif deskritti mir-rikorrenti, tant huma ġenerali li jistgħu a priori japplikaw għal kull nefqa tal-Istat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżistenza ta’ din l-assenjazzjoni, jekk titqies bħala stabbilita, ma timplikax li s-somom ittrasferiti abbażi tal-obbligu stabbilit fil-paragrafu 17 għall-perijodu ta’ riferenza ma jikkostitwixxux sostenn finanzjarju lill-Gvern Iranjan fis-sens tal-kriterju kkontestat.

185    F’dan il-kuntest, mid-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti jirriżulta wkoll, b’risposta għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li l-kapital tagħha żdied, fl-2012, b’ammont ta’ Rials 1 054 102 miljun. Issa, din is-somma hija kunsiderevolment inqas mill-ammont totali ta’ Rials 1 687 181 miljun ittrasferit mir-rikorrenti lit-teżorerija nazzjonali abbażi tal-obbligu stabbilit mill-paragrafu 17 għall-perijodu ta’ riferenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, iż-żieda fil-kapital tar-rikorrenti ma tippermettix li jitqies li din tal-aħħar ma tatx sostenn finanzjarju lill-Gvern Iranjan matul il-perijodu msemmi.

186    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li, għall-perijodu ta’ riferenza, ir-rikorrenti ħallset ammonti kunsiderevoli favur it-teżorerija nazzjonali Iranjana li jikkostitwixxu sostenn finanzjarju lill-Gvern Iranjan. Konsegwentement, il-Kunsill kellu d-dritt li jimponi fuq ir-rikorrenti miżuri restrittivi bħala entità li tat appoġġ lill-gvern imsemmi.

187    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni wkoll li, kuntrarjament għal dak li huwa meħtieġ mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 172 iktar ’il fuq, il-Kunsill ma ressaqx provi li jsostnu l-allegazzjonijiet tiegħu.

188    Issa, mill-evalwazzjoni mwettqa fil-punti 174 sa 185 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti effettivament ma tikkontestax ir-realtà taċ-ċirkustanza fattwali essenzjali li tiġġustifika l-miżuri restrittivi li jikkonċernawha, jiġifieri l-fatt li hija ħallset lit-teżorerija nazzjonali Iranjana parti mill-profitti tagħha għall-perijodu ta’ riferenza. Issa, fin-nuqqas ta’ tali kontestazzjoni, il-Kunsill ma kienx marbut li jressaq provi biex isostni l-fondatezza ta’ dan il-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 172 iktar ’il fuq.

189    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

190    Ir-rikorrenti tosserva li l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawha tikkostitwixxi ksur inġustifikat tad-dritt ta’ proprjetà u tal-libertà tagħha li teżerċita attività ekonomika u, għalhekk, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

191    B’hekk, qabel kollox, skont il-ġurisprudenza, il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha invokat fil-kuntest tat-tielet motiv jimplika ksur tad-dritt tal-proprjetà tagħha u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

192    Sussegwentement, peress li din ma hijiex involuta fil-proliferazzjoni nukleari, il-miżuri restrittivi li jikkonċernawha ma jikkorrispondux mal-għan ġenerali mfittex mill-atti kkontestati, jiġifieri l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni.

193    Finalment, il-miżuri inkwistjoni jikkawżaw dannu partikolarment serju lilha stess u lill-impjegati tagħha, b’mod sproporzjonat mal-għan imfittex mill-Kunsill. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti żżid li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, il-miżuri restrittivi inkwistjoni jolqtu, lil hinn mill-fondi miżmuma fi ħdan l-Unjoni, anki l-fondi miżmuma fl-Iran, peress li dawn jipprekluduha milli twettaq kull trasferiment ta’ fondi mill-Iran lejn l-Unjoni u għandhom effett dissważiv fir-rigward tal-operaturi Iranjani li jistgħu jikkuntrattaw magħha.

194    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-punti 121 sa 168 iktar ’il fuq, l-atti kkontestati ma humiex ivvizzjati minn ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti li jiġġustifika l-annullament tagħhom. Għalhekk, it-teżi tar-rikorrenti, li tgħid li l-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha jwassal għal ksur tad-dritt tal-proprjetà u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma jistax jirnexxi.

195    Fir-rigward tal-ilmenti l-oħra, fil-punt 90 iktar ’il fuq diġà tfakkar li abbażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-legalità tal-projbizzjoni ta’ attività ekonomika hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-miżuri ta’ preklużjoni jkunu xierqa u neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, sakemm, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik l-inqas vinkolanti u l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbel mal-għanijiet imfittxija (ara s-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 53 iktar ’il fuq, EU:T:2013:397, punt 179 u l-ġurisprudenza ċċitata).

196    Issa, minn naħa, hekk kif jirriżulta mill-punti 59 sa 93 iktar ’il fuq, l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi kontra entitajiet li jagħtu sostenn finanzjarju lill-Gvern Iranjan, hija intiża biex iċċaħħad lil dan tal-aħħar mis-sorsi ta’ dħul tiegħu, bil-għan li jiġi mġiegħel iwaqqaf il-proliferazzjoni nukleari, fin-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji suffiċjenti. B’hekk, il-miżuri restrittivi li jolqtu lir-rikorrenti jikkorrispondu għall-għan imfittex mill-Kunsill, minkejja l-fatt li r-rikorrenti ma hijiex hija stess involuta fil-proliferazzjoni nukleari.

197    Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna d-dannu kkawżat lir-rikorrenti, huwa ċertament minnu li d-dritt ta’ proprjetà u l-libertà tagħha li teżerċita attività ekonomika huma ristretti b’mod kunsiderevoli mill-miżuri restrittivi inkwistjoni, peress li din ma tistax, b’mod partikolari, tiddisponi mill-fondi tagħha li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni jew li huma miżmuma miċ-ċittadini tagħha u lanqas tittrasferixxi l-fondi tagħha lejn l-Unjoni, ħlief abbażi ta’ awtorizzazzjonijiet partikolari. Bl-istess mod, il-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrenti jistgħu joħolqu ċertu suspetti kontriha fost l-imsieħba kummerċjali tagħha.

198    Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-drittijiet fundamentali invokati mir-rikorrenti, jiġifieri d-dritt għall-proprjetà u d-dritt li teżerċita attività ekonomika, ma humiex prerogattivi assoluti u li l-eżerċizzju tagħhom jista’ jkun is-suġġett ta’ restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Unjoni. B’hekk, kull miżura restrittiva ekonomika jew finanzjarja tinvolvi, bħala definizzjoni, effeti li jolqtu d-drittijiet ta’ proprjetà u l-libertà ta’ eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali, u b’hekk joħolqu danni lil partijiet li r-responsabbiltà tagħhom fir-rigward tas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni ma tkunx ġiet stabbilita. L-importanza tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija tali li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Melli Bank vs Il-Kunsill, punt 75 iktar ’il fuq, EU:T:2009:266, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

199    F’dan il-każ, fid-dawl tal-importanza primarja taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, l-inkonvenjenti kkawżati lir-rikorrenti ma humiex eċċessivi meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija. Dan huwa iktar il-każ għaliex, qabel kollox, l-iffriżar tal-fondi jikkonċerna biss parti mill-assi tar-rikorrenti. Sussegwentement, id-Deċiżjoni 2010/413 u r-Regolament Nru 267/2012 jistabbilixxu xi eċċezzjonijiet li jippermettu b’mod partikolari lill-entitajiet ikkonċernati minn miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi li jaffrontaw l-ispejjeż essenzjali. Finalment, għandu jiġi rrimarkat li l-Kunsill ma jallegax li r-rikorrenti stess hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari. B’hekk, din ma hijiex assoċjata personalment ma’ aġiri li jippreżentaw riskju għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali, u minħabba f’hekk, il-livell ta’ suspett fir-rigward tagħha huwa minimu.

200    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud u, għalhekk, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

201    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Bank of Industry and Mine hija kkundannata għall-ispejjeż.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ April 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.