Language of document : ECLI:EU:F:2014:223

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

25 ta’ Settembru 2014

Kawża F‑101/13

Carla Osorio

vs

Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

“Servizz pubbliku – Remunerazzjoni – Persunal tas-SEAE assenjat f’pajjiż terz – Deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tbiddel il-lista ta’ pajjiżi terzi li għalihom il-kundizzjonijiet tal-ħajja huma ekwivalenti għal dawk abitwali fl-Unjoni – Att ta’ portata ġenerali – Ammissibbiltà tar-rikors – Evalwazzjoni annwali tal-allowance tal-kundizzjonijiet tal-ħajja – Tneħħija)

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA fuq il-bażi tal-Artikolu 106a, li permezz tiegħu C. Osorio u r-rikorrenti l-oħra li l-ismijiet tagħhom jidhru fl-Anness jitolbu lit-Tribunal jannulla d-deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2012 tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) sa fejn din tneħħi, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2013, il-ħlas ta’ allowance tal-kundizzjonijiet tal-ħajja (iktar ’il quddiem l-“AKĦ”) lill-persunal assenjat fil-Mawrizju.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. C. Osorio u r-rikorrenti l-oħra li l-ismijiet tagħhom jidhru fl-Anness għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tneħħi allowance tal-kundizzjonijiet tal-ħajja mogħtija lill-uffiċali assenjati f’ċerti pajjiżi terzi – Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91, u l-Anness X, Artikolu 10, kif emendat bir-Regolament Nru 1023/2013)

2.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Sistema ta’ remunerazzjoni applikabbli għall-uffiċjali assenjati f’pajjiż terz – Allowance tal-kundizzjonijiet tal-ħajja – Kundizzjonijiet għall-għoti – Obbligu għall-istituzzjonijiet li jadottaw dispoizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni – Ksur – Invokazzjoni minn uffiċjal li tikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni dwar l-għoti tal-allowance – Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 110 u l-Anness X, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1, kif emendat bir-Regolament Nru 1023/2013)

3.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Sistema ta’ remunerazzjoni applikabbli għall-uffiċjali assenjati f’pajjiż terz – Allowance tal-kundizzjonijiet tal-ħajja – Kundizzjonijiet għall-għoti – Iffissar minn korp tal-Unjoni fil-perijodu ta’ aġġustament mingħajr adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni – Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, l-Anness X, Artikolu 10(1), kif emendat bir-Regolament Nru 1023/2013)

1.      L-uffiċjali u l-impjegati għandhom id-dritt li jippreżentaw rikors kontra miżura ġenerali tal-Awtorità tal-Ħatra li tikkawżalhom preġudizzju sa fejn, minn naħa, din il-miżura ma teħtieġx, sabiex tipproduċu effetti legali, miżura ta’ applikazzjoni jew ma tħallix, għall-applikazzjoni tagħha, diskrezzjoni lill-awtoritajiet responsabbli mill-implementazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, hija taffettwa immedjatament l-interessi tal-uffiċjali billi tibdlilhom, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali tagħhom.

Dan japplika għall-każ ta’ deċiżjoni mill-imsemmija awtorità skont l-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal li twassal, fir-rigward tal-uffiċjali assenjati f’xi delegazzjonijiet u uffiċċji tal-Unjoni f’pajjiżi terzi, għat-tneħħija tal-allowance tal-kundizzjonijiet tal-ħajja. Tali deċiżjoni hija suffiċjentement preċiża u inkundizzjonata b’mod li ma teħtieġ ebda miżuri partikolari ta’ applikazzjoni sabiex tipproduċi effetti legali fir-rigward tal-uffiċjali assenjati fil-pajjiżi terzi kkonċernati.

F’dan ir-rigward, minkejja li l-implementazzjoni tad-deċiżjoni teħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri amministrattivi, ta’ portata individwali, sabiex l-imsemmija allowance titneħħa, l-adozzjoni ta’ tali miżuri, fl-assenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet amministrattivi, ma hijiex ta’ natura li tostakola n-natura immedjata tal-effett fuq is-sitwazzjoni legali tal-uffiċjali kkonċernati, li għandhom neċessarjament jistennew li jitilfu l-benefiċċju tal-allowance tal-kundizzjonijiet tal-ħajja b’effett mid-data effettiva tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 14 sa 16)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi de Dapper et vs Il-Parlament, 54/75, EU:C:1976:127, Diezler et vs CES, 146/85 u 431/85, EU:C:1987:457, punti 6 u 7, u Brown vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 125/87, EU:C:1988:136, punt 16

2.      Il-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni fis-sens tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedu, fl-ewwel lok, il-miżuri ta’ applikazzjoni speċifikament previsti minn ċerti dispożizzjonijiet speċjali tar-Regolamenti tal-Persunal u, fin-nuqqas ta’ stipulazzjoni espressa, l-obbligu li jiġu ppromulgati miżuri ta’ implementazzjoni suġġetti għall-kundizzjonijiet formali ta’ dan l-artikolu jista’ jiġi aċċettat biss b’mod eċċezzjonali, jiġifieri meta d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal ikunu tant nieqsa miċ-ċarezza u mill-preċiżjoni li ma jkunux utli għal applikazzjoni nieqsa minn arbitrarjetà.

F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom portata ġenerali u d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni previsti li jiġu adottati jikkonċernaw l-intier tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, inklużi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għoti tal-allowance tal-kundizzjonijiet tal-ħajja. Konsegwentement, korp tal-Unjoni li jimplementa dawn id-dispożizzjonijiet għandu l-obbligu li jadotta dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ dan l-anness.

Madankollu, l-assenza ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ma tistax tiġi utilment invokata minn uffiċjal li jikkontesta deċiżjoni li tirrevedi l-ammont tal-allowance mogħtija lill-uffiċjali assenjati fil-pajjiżi terzi ħlief fil-każ fejn l-allegata irregolarità tkun tista’ taffettwah personalment. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni għandhom l-għan prinċipali li jiffissaw kriterji adatti sabiex jiggwidaw lill-amministrazzjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha jew li jippreċiżaw il-portata tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li huma tant nieqsa miċ-ċarezza u mill-preċiżjoni li ma humiex utli sabiex issir applikazzjoni tagħhom nieqsa minn arbitrarjetà. Ladarba l-ambigwità ta’ dispożizzjoni ma hijiex fiha nfisha suffiċjenti sabiex twassal għal applikazzjoni arbitrarja tagħha, il-persuna kkonċernata jkollha interess li tqajjem tali argument biss jekk in-nuqqas tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna li jadotta d-disposizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni jkun ikkawżalu personalment preġudizzju billi wassal lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tapplika għas-sitwazzjoni tagħha d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal b’mod parzjali u arbitrarju.

(ara l-punti 21, 23, 29 u 33)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza Deboeck vs Il-Kummissjoni, 90/74, EU:C:1975:109

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Ianniello vs Il-Kummissjoni, T-308/04, EU:T:2007:347, punt 38

It-Tribunal għas-Sevizz Pubbliku: sentenza Behmer vs Il-Parlament, F-47/07, EU:F:2009:103, punt 47

3.      Fir-rigward tal-allowance tal-kundizzjonijiet tal-ħajja prevista fl-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, billi ma ffissa ebda kriterju għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet tal-ħajja bejn il-pajjiżi tal-Unjoni u l-pajjiżi terzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda li jħalli lill-Awtorità tal-Ħatra, fl-ambitu tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal li hija kellha tadotta għall-futur, marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-każ ta’ korp tal-Unjoni li jkun jinsab, fid-data tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tirrevedi l-ammont tal-allowance mogħtija lill-uffiċjali assenjati fil-pajjiżi terzi, f’perijodu ta’ aġġustament, tali korp jista’, mingħajr ma jwettaq żball ta’ liġi u fil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, jieħu inkunsiderazzjoni kriterji oħra li ma jinkludux il-parametri elenkati b’mod espliċitu fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jagħmel l-evalwazzjoni ta’ din l-ekwivalenza.

F’dan ir-rigward, l-użu tad-data dwar il-livell tal-iżvilupp ekonomiku milħuq fil-pajjiżi terzi inkwistjoni u l-metodu, li jiffavorixxi approċċ ekonomiku globali bbażat fuq it-tqabbil tal-livelli tal-iżvilupp ekonomiku u li jieħu inkunsiderazzjoni analiżijiet imwettqa minn organi internazzjonali oħra jew minn ċerti stati għall-persunal diplomatiku tagħhom, għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet tal-ħajja ma jidhrux li jmorru kontra l-Artikolu 10(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 57, 58 u 60)