Language of document : ECLI:EU:T:2021:718

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

20 ta’ Ottubru 2021 (*)

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta elastiku tax-xagħar f’forma spirali – Żvelar ta’ disinni preċedenti – Żvelar fuq l-internet – Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 – Opportunitajiet ugwali għall-partijiet – Provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali”

Fil-Kawża T‑823/19,

JMS Sports sp. z o.o., stabbilita f’Lódź (Il-Polonja), irrappreżentata minn D. Piróg u J. Słupski, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn E. Śliwińska u D. Walicka, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Inter-Vion S.A., stabbilita f’Varsavja (Il-Polonja), irrappreżentata minn T. Grucelski u T. Gawliczek, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tat-13 ta’ Settembru 2019 (Każ R 1573/2018‑3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Inter-Vion u JMS Sports,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla),

komposta minn A. Kornezov, President, E. Buttigieg (Relatur) u K. Kowalik‑Bańczyk, Imħallfin,

Reġistratur: R. Ūkelytė, amministratriċi,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Diċembru 2019,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Marzu 2020,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Marzu 2020,

wara li rat il-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għal dawn il-mistoqsijiet ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25, fit-30 ta’ Novembru u fl-1 ta’ Diċembru 2020,

wara s-seduta tal-15 ta’ Jannar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, JMS Sports sp. z o.o., hija l-proprjetarja tad-disinn Komunitarju ppreżentat fl-24 ta’ Ġunju 2010 quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u rreġistrat bin-Numru 1723677–0001, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), għal prodotti ddefiniti bħala “klipps tax-xagħar”, inklużi fil-klassi 28.03 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno tat-8 ta’ Ottubru 1968 li jistabbilixxi klassifikazzjoni internazzjonali għad-disinni industrijali.

2        Id-disinn ikkontestat huwa rrappreżentat kif ġej:

Image not found

3        Fit-3 ta’ Jannar 2017, l-intervenjenti, Inter-Vion S.A., ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità marbuta mad-disinn ikkontestat abbażi tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikoli 5 u 6 tal-imsemmi regolament. L-intervenjenti sostniet li d-disinn ikkontestat kien nieqes min-novità u minn karattru individwali meta mqabbel, b’mod partikolari, maż-żewġ disinni li ġejjin:

–        id-disinn Fancy Fane, żvelat fid-29 ta’ Novembru 2009 fuq is-sit internet “http ://faneaccessories.blogspot.fr/2009/11” (iktar ’il quddiem is-sit internet jew il-blog “faneaccessories.blogspot”) u rrappreżentat kif ġej: