Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Diċembru 2023 – Intel Corporation vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1129/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Intel Corporation, Inc. (Wilmington, Delaware, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: J.-F. Bellis u B. Meyring, avukati, u D. Beard u J. Williams, Barristers-at-law)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla (kompletament jew parzjalment) id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 5914 final tat-22 ta’ Settembru 2023 fil-Każ AT.37990 – Intel (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”);

għaldaqstant, jew sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas il-multa imposta fuq Intel fl-eżerċizzju tal-ġurisprudenza sħiħa tal-Qorti Ġenerali; u

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż ta’ Intel marbuta ma’ din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-ammont tal-multa huwa sproporzjonat u illegali inkwantu (i) huwa sproporzjonat fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula f’T-286/09 RENV, Intel vs Il-Kummissjoni, EU:T:2022:19, tan-natura, tal-kamp ta’ applikazzjoni u tal-portata tal-Artikolu 1(f) sa (h) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 3726 tat-13 ta’ Mejju 2009, u tal-annullament tal-Artikolu 1(a) sa (e) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 3726 tat-13 ta’ Mejju 2009; (ii) il-Kummissjoni naqset milli tirrikonoxxi l-bidla radikali fin-natura ta’ kwalunkwe ksur wieħed u kontinwu ġdid li jikkostitwixxi fl-aġir ikkonstatat fl-Artikolu 1(f) sa (h) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 3726 tat-13 ta’ Mejju 2009, u l-implikazzjoni ta’ dan għall-impożizzjoni mill-ġdid u għall-kalkolu ta’ kwalunkwe multa; (iii) il-Kummissjoni naqset milli tirrikonoxxi l-impatt kumulattiv differenti u iktar limitat tal-aġir ikkonstatat fl-Artikolu 1(f) sa (h) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 3726 tat-13 ta’ Mejju 2009; (iv) il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, kompletament jew b’mod suffiċjenti, kwistjonijiet ġeografiċi u ġurisdizzjonali fl-impożizzjoni u fil-kalkolu tal-multa; (v) l-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kalkolu tal-valur rilevanti tal-bejgħ għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa ma huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni dwar il-kalkolu tal-multi, jikkontribwixxi għal eżitu manifestament sproporzjonat u jdgħajjef it-tifsira proprja u l-effett tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali f’T-286/09 RENV Intel vs Il-Kummissjoni; (vi) il-Kummissjoni applikat tnaqqis mingħajr sinjifikat għall-fattur ta’ gravità fil-kalkolu tagħha tal-multa; u/jew (vii) il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, kompletament jew b’mod suffiċjenti, ċerti fatturi attenwanti.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret rekwiżiti proċedurali essenzjali inkwantu (a) naqset milli tagħti raġunijiet fid-deċiżjoni kkontestata u/jew fil-korrispondenza fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li waslet għal din id-deċiżjoni; u/jew (b) naqset milli tagħti lil Intel opportunità sabiex teżerċita debitament id-drittijiet tad-difiża tagħha.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tqis jekk kellhiex kompetenza sabiex tagħmel konstatazzjonijiet u/jew timponi multa fir-rigward tal-aġir li jsir riferiment għalih fl-Artikolu 1(g) sa (h) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 3726 tat-13 ta’ Mejju 2009. Li kieku għamlet dan, hija kien ikollha tasal għall-konklużjoni li ma kellhiex kompetenza.

____________