Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rayonen sad Lukovit (il-Bulgarija) fis-26 ta’ Marzu 2021 – LB vs Smetna palata na Republika Bulgaria

(Kawża C-195/21)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Rajonen sad Lukovit

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: LB

Konvenut: Smetna palata na Republika Bulgaria

Domandi preliminari

L-Artikolu 58(4) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li jħassar id-Direttiva 2004/18/KE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżiti imposti fil-kriterji ta’ selezzjoni li jikkonċernaw il-kapaċità professjonali tal-persunal tal-operaturi ekonomiċi fil-kuntest ta’ għoti ta’ kuntratt f’settur tal-kostruzzjoni speċjalizzat jistgħu jkunu iktar stretti fir-rigward tar-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ u ta’ kwalifiki professjonali previsti fil-lex specialis nazzjonali (f’dan il-każ l-Artikolu 163a(4) taż-Zakon za ustroystvo na teritoriyata (il-Liġi dwar l-Ippajanar tat-Territorju)), mingħajr ma jikkostitwixxu a priori restrizzjoni tal-kompetizzjoni, u b’mod iktar partikolari: ir-rekwiżit ta’ “proporzjonalità” tal-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni imposti fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt (a) jirrikjedi evalwazzjoni min-naħa tal-qorti nazzjonali fuq il-bażi tal-provi prodotti u tal-parametri konkreti tal-kuntratt, anki fil-każijiet li fihom il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiddetermina sensiela ta’ operaturi speċjalizzati kkwalifikati, bħala prinċipju, sabiex iwettqu l-attività fil-kuntest tal-kuntratt, jew (b) jippermetti li l-istħarriġ ġudizzjarju jkun limitat għal verifika biss ta’ jekk il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni humiex severi żżejjed meta mqabbla ma’ dawk previsti fil-lex specialis nazzjonali?

Id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II, intitolat “Il-miżuri amministrattivi u l-penali”, tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea 2 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-istess ksur taż-Zakon za obshtestvenite porachki (il-Liġi dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi), li tittrasponi d-Direttiva 2014/24 (inkluż il-ksur imwettaq fid-definizzjoni tal-kriterji ta’ selezzjoni, li fir-rigward tiegħu r-rikorrent ġie ppenalizzat), jista’ jkollu konsegwenzi legali differenti skont jekk il-ksur ikunx twettaq bla ħtija jew b’mod intenzjonat jew minħabba negliġenza?

Il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività jippermettu, fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 2988/95 u tal-premessi 43 u 122 tar- Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 3 , li d-diversi awtoritajiet nazzjonali li huma mistennija jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea jevalwaw b’mod differenti l-istess fatti fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, u b’mod iktar partikolari jippermettu li l-awtorità amministrattiva tal-programm operazzjonali ma tikkonstata ebda ksur fid-definizzjoni tal-kriterji ta’ selezzjoni, filwaqt li l-iSmetna palata na Republika Bulgaria (il-Qorti tal-Awdituri tar-Repubblika tal-Bulgarija) tikkunsidra, fil-kuntest ta’ stħarriġ sussegwenti u mingħajr ma jkun hemm ċirkustanzi partikolari ġodda, li tali kriterji jillimitaw il-kompetizzjoni u għalhekk timponi sanzjoni amministrattiva fuq l-awtorità kontraenti?

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 247(1) tal-Liġi dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi li jipprovdi li l-awtorità kontraenti li tikser formalment il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 2(2) tal-istess liġi għandha tkun suġġetta għal multa ekwivalenti għal 2 % tal-valur tal-kuntratt, bil-VAT inkluża, li iżda ma tistax taqbeż l-10 000 lev Bulgaru (BGN), mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu evalwati l-gravità tal-ksur jew il-konsegwenzi effettivi jew potenzjali tiegħu fuq l-interessi tal-Unjoni?

____________

1     ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68.

2     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340.

3     ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifiki fil-ĠU 2016, L 200, p. 140, u fil-ĠU 2019, L 66, p. 6.