Language of document : ECLI:EU:T:2015:756

Kawża T‑79/13

Alessandro Accorinti et

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Politika ekonomika u monetarja – BĊE – Banek ċentrali nazzjonali – Ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg – Programm ta’ xiri ta’ titoli – Ftehim ta’ skambju ta’ titoli favur il-banek ċentrali tal-Eurosistema biss – Involviment tas-settur privat – Klawżoli ta’ azzjoni kollettiva – Tisħiħ tal-kollateral fil-forma ta’ programm ta’ xiri mill-ġdid intiż sabiex tissaħħaħ il-kwalità tat-titoli bħala garanziji – Kredituri privati – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Aspettattivi leġittimi – Ugwaljanza fit-trattament – Responsabbiltà mill-fatt ta’ att normattiv leċitu – Dannu anormali u speċjali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tas-7 ta’ Ottubru 2015

1.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Rikors intiż għall-kumpens għad-danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni tal-Unjoni

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991), Artikolu 44(1)(ċ))

2.      Rikors għad-danni – Awtonomija fil-konfront tar-rikors għal annullament – Limiti – Talbiet għal kumpens u għal annullament ibbażati fuq l-istess motivi ppreżentati flimkien fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors – Ammissibbiltà

(Is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-Artikolu 268 TFUE u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

3.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Kundizzjonijiet kumulattivi – Assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet – Ċaħda tar-rikors kollu kemm hu

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

4.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni – Rekwiżit ta’ nuqqas ta’ osservanza manifest u serju mill-istituzzjonijiet tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom – Evalwazzjoni fil-każ ta’ atti ta’ portata ġenerali adottati mill-Bank Ċentrali Ewropew fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu fil-qasam monetarju

(Artikoli 127 TFUE, 282 TFUE u 340 TFUE ; Protokoll Nru 4 anness għat-Trattati UE u FUE, Artikolu 18)

5.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Limiti – Adozzjoni ta’ miżuri fil-qasam tal-politika monetarja – Setgħa diskrezzjonali tal‑istituzzjonijiet – Aġġustament tal-miżuri skont il-varjazzjonijiet tas-sitwazzjoni ekonomika – Impossibbiltà li tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

6.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Kundizzjonijiet – Dikjarazzjonijiet ta’ membri tal-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tar-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg – Assenza ta’ kompetenza tal-Bank sabiex jiddeċiedi għal tali ristrutturazzjoni – Għarfien, minn operatur prudenti u avżat, tan-natura riskjuża tat-titoli ta’ dejn Griegi – Assenza ta’ ħolqien ta’ aspettattivi leġittimi

(Artikolu 120 TFUE)

7.      Politika ekonomika u monetarja – Politika monetarja – Implementazzjoni – Ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg permezz ta’ programm ta’ xiri ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat – Konklużjoni ta’ ftehim ta’ skambju ta’ titoli favur il-banek ċentrali tal-Eurosistema biss – Esklużjoni tal-parteċipazzjoni tal-investituri privati detenturi ta’ tali titoli – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Assenza – Nuqqas ta’ osservanza tal-kompetenzi tal-Bank Ċentrali Ewropew – Assenza

(Artikoli 123 TFUE, 127(1) u (2) TFUE u 282(1) TFUE; Protokoll Nru 4 anness għat-Trattati UE u FUE, Artikolu 18(1); Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 2010/281)

8.      Politika ekonomika u monetarja – Politika monetarja – Implementazzjoni – Ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg permezz ta’ programm ta’ xiri ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat – Tisħiħ tal-kollateral favur il-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema biss, intiż sabiex tissaħħaħ il-kwalità tat-titoli kkonċernati – Esklużjoni mill-benefiċċju tat-tisħiħ tal-investituri privati detenturi ta’ tali titoli – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Esklużjoni – Nuqqas ta’ osservanza tal-kompetenzi tal-Bank Ċentrali Ewropew – Assenza

(Artikoli 123 TFUE, 127(1) u (2) TFUE u 282(1) TFUE; Protokoll Nru 4 anness għat-Trattati UE u FUE, Artikolu 18(1); Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 2012/153, Artikolu 1)

9.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Prinċipju ta’ ugwaljanza tal-kredituri – Prinċipju mhux stabbilit mid-dritt tal-Unjoni

(Artikolu 127 TFUE; Protokoll Nru 4 anness għat-Trattati UE u FUE, Artikolu 18; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 20 u 21; Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000)

10.    Rikors għal annullament – Motivi – Użu ħażin ta’ poter – Kunċett

(Artikolu 263 TFUE)

11.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Responsabbiltà li tirriżulta minn att leċitu – Aġir li jaqa’ fil-kompetenza normattivA tal-Unjoni – Esklużjoni – Limiti – Dannu li jirriżulta mit-tnaqqis tal-valur ta’ titoli ta’ dejn Griegi matul l-implementazzjoni, mill-Bank Ċentrali Ewropew, ta’ offerta għall-iskambju intiża għad-detenturi ta’ tali titoli tas-settur privat – Assenza ta’ dannu anormali u speċjali – Responsabbiltà tal-Bank – Esklużjoni

(It-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 2012/153)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 53, 57)

2.      Huwa biss b’mod eċċezzjonali u sabiex jiġi ggarantit li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament ma jiġix evitat li talba għad-danni għandha tiġi ddikjarata inammissibbli, jiġifieri meta hija ġiet ippreżentata flimkien ma’ talba għall-annullament, minħabba li t-talba għad-danni fil-verità kienet intiża għall-irtirar ta’ deċiżjoni individwali ddestinata għar-rikorrent u saret definittiva u minħabba li hi kien ikollha bħala effett, li kieku din intlaqgħet, li xxejjen l-effetti legali ta’ dik id-deċiżjoni. Barra minn hekk, billi r-rikors għal annullament ġie ppreżentat fit-terminu previst mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, evitar tal-imsemmi terminu permezz ta’ rikors għad-danni huwa eskluż mill-bidu nett.

F’dan ir-rigward, ir-rikors għad-danni huwa rimedju ġudizzjarju awtonomu, li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fil-kuntest tas-sistema tar-rimedji ġudizzjarji u huwa suġġett għal kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tiegħu maħluqa minħabba l-għan speċifiku tiegħu. Filwaqt li r-rikors għal annullament u r-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni għandhom l-għan li tiġi ssanzjonata l-illegalità ta’ att ġuridikament vinkolanti jew l-assenza ta’ tali att, ir-rikors għad-danni għandu bħala għan it-talba għal kumpens ta’ dannu li jirriżulta minn att jew minn aġir illeċitu imputabbli lil istituzzjoni jew lil korp tal-Unjoni. Minn naħa, din l-awtonomija tar-rikors għad-danni ma tistax tiġi kkontestata mis-sempliċi fatt li rikorrent jiddeċiedi li jippreżenta rikors għal annullament u rikors għad-dannu b’mod suċċessiv. Min-naħa l-oħra, l-inammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ma twassalx għal dik ta’ rikors għad-danni ppreżentat iktar tard għas-sempliċi raġuni li dawn ir-rikorsi huma bbażati fuq motivi ta’ illegalità simili, u saħansitra identiċi. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tkun tmur kontra l-prinċipju stess ta’ awtonomija tar-rimedji ġudizzjarji u, għaldaqstant, iċċaħħad lill-Artikolu 268 TFUE, moqri flimkien mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, mill-effettività tiegħu.

(ara l-punti 60, 61)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 64-66, 116)

4.      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni għall-iskattar tar-responsabbiltà tal-Unjoni skont l-Artikolu 340 TFUE, dwar l-aġir illegali li bih tkun ikkritikata l-istituzzjoni jew il-korp ikkonċernat, jeħtieġ li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ liġi intiża li tagħti drittijiet lill-individwi. Il-kriterju deċiżiv sabiex ikun jista’ jitqies li ksur huwa suffiċjentement serju huwa n-nuqqas manifest u serju, min-naħa tal-istituzzjoni jew tal-korp tal-Unjoni kkonċernat, li josserva l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. Huwa biss meta dik l-istituzzjoni jew dak il-korp ikollu biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment ristrett, jew saħansitra ineżistenti, li s-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju.

L-aġir li bih huwa kkritikat il-Bank Ċentrali Ewropew seħħ fil-kuntest tal-missjonijiet fdati lilu għall-finijiet tad-definizzjoni u tal-implementazzjoni tal-politika monetarja tal-Unjoni, skont l-Artikoli 127 TFUE u 282 TFUE u skont l-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, b’mod partikolari permezz tal-intervent tiegħu fis-swieq tal-kapital u permezz tal-ġestjoni tiegħu ta’ operazzjonijiet ta’ kreditu. Dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-Bank setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li l-eżerċizzju tagħha jinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi ta’ tip ekonomiku u soċjali kif ukoll evalwazzjonijiet ta’ sitwazzjonijiet suġġetti għal żviluppi rapidi, li għandhom isiru fil-kuntest tal-Eurosistema, u saħansitra fil-kuntest tal-Unjoni kollha kemm hi. Għaldaqstant, ksur eventwali suffiċjentement serju tar-regoli ta’ dritt inkwistjoni għandu jibbaża ruħu fuq nuqqas ta’ osservanza manifest u serju tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-Bank għandu fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu fil-qasam tal-politika monetarja. Dan huwa iktar u iktar minnu minħabba l-fatt li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali tinvolvi n-neċessità għall-Bank, minn naħa, li jantiċipa u li jevalwa żviluppi ekonomiċi ta’ natura kumplessa u inċerta, bħall-iżvilupp tas-swieq tal-kapital, tal-massa monetarja u tar-rata ta’ inflazzjoni, li jaffettwaw il-funzjonament tajjeb tal-Eurosistema u tas-sistemi ta’ ħlas u ta’ kreditu, u, min-naħa l-oħra, li jwettaq għażliet ta’ tip politiku, ekonomiku u soċjali li jeħtieġu l-ibbilanċjar u l-arbitraġġ bejn id-diversi għanijiet imsemmija fl-Artikolu 127(1) TFUE, li l-għan prinċipali tagħhom huwa ż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-attività normattiva tal-istituzzjonijiet, inkluża l-adozzjoni, mill-Bank, ta’ atti ta’ portata ġenerali, l-idea restrittiva tar-responsabbiltà tal-Unjoni minħabba l-eżerċizzju tal-imsemmija attivitajiet normattivi tispjega ruħha mill-kunsiderazzjoni li, minn naħa, l-eżerċizzju tal-funzjoni leġiżlattiva, anki fejn ikun jeżisti stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ dawn l-atti, ma għandux jixxekkel mill-perspettiva ta’ azzjonijiet għad-danni kull darba li l-interess ġenerali tal-Unjoni jitlob li jittieħdu miżuri normattivi li jistgħu jikkawżaw preġudizzju lill-interessi tal-individwi u, min-naħa oħra, f’kuntest normattiv ikkaratterizzat mill-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa, indispensabbli għall-implementazzjoni ta’ politika tal-Unjoni, ir-responsabbiltà tal-Unjoni tista’ tiskatta biss jekk l-istituzzjoni kkonċernata tkun naqset milli tosserva b’mod manifest u serju l-limiti imposti fuq l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha.

(ara l-punti 67-69)

5.      Id-dritt li wieħed jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi japplika għal kull parti f’kawża li fil-konfront tagħha istituzzjoni tal-Unjoni tkun ħolqot aspettattivi leġittimi. Id-dritt li dan il-prinċipju jiġi invokat madankollu jippreżupponi li jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Fl-ewwel lok, l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tkun tat lill-persuna kkonċernata assigurazzjonijiet preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli. Fit-tieni lok, dawn l-assigurazzjonijiet għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattiva leġittima fil-persuna indirizzata. It-tielet nett, il-garanziji mogħtija għandhom ikunu konformi man-normi applikabbli. Barra minn hekk, għalkemm il-possibbiltà li tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, bħala prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, hija miftuħa għal kull operatur ekonomiku li fih ikunu nħolqu aspettattivi fondati minn istituzzjoni, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, meta operatur ekonomiku prudenti u avżat ikun jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni li tista’ taffettwalu l-interessi tiegħu, huwa ma jistax jinvoka l-benefiċċju ta’ tali prinċipju meta din il-miżura tiġi adottata. Minbarra dan, l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux jibbażaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom fuq iż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tiġi emendata fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u dan speċjalment f’qasam bħal dak tal-politika monetarja, li l-għan tiegħu jitlob aġġustament kostanti skont il-varjazzjonijiet tas-sitwazzjoni ekonomika.

(ara l-punti 75, 76)

6.      Id-dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ xi membri tal-Bank Ċentrali Ewropew magħmula fl-2010 u fl-2011 intiżi li jeskludu ristrutturazzjoni possibbli tad-dejn pubbliku Grieg ma jistgħux jikkostitwixxu assigurazzjonijiet preċiżi, mingħajr kundizzjoni u konkordanti li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, li setgħu joħolqu aspettattivi leġittimi fil-kredituri privati detenturi ta’ titoli ta’ dejn Griegi. Fil-fatt, fid-dawl, l-ewwel nett, tan-natura ġenerali tagħhom, it-tieni nett, tal-assenza ta’ kompetenza tal-Bank sabiex issir deċiżjoni ta’ ristrutturazzjoni possibbli tad-dejn pubbliku ta’ Stat Membru milqut minn nuqqas ta’ ħlas selettiv, u, it-tielet nett, tal-inċertezza li kien hemm fis-swieq finanzjarji f’dak iż-żmien, li iktar minn xejn tikkonċerna l-iżvilupp futur tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-Repubblika Ellenika, dawn id-dikjarazzjonijiet ma setgħux jiġu kklassifikati bħala assigurazzjonijiet preċiżi u mingħajr kundizzjoni li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, u dan inqas u inqas fir-rigward tan-nuqqas ta’ adozzjoni eventwali, minn dan l-Istat Membru, ta’ deċiżjoni dwar tali ristrutturazzjoni.

Fil-fatt, minkejja li l-Bank kien assoċjat mal-monitoraġġ tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-Repubblika Ellenika fil-kuntest tat-trojka, iffurmata minnu, mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u mill-Kummissjoni, huwa ma kellux il-kompetenza li jiddeċiedi dwar tali miżura, liema kompetenza taqa’, b’mod prinċipali jekk mhux esklużiv, taħt is-setgħa sovrana u l-awtorità baġitarja tal-Istat Membru kkonċernat, b’mod partikolari s-setgħa leġiżlattiva tiegħu, u, sa ċertu punt, il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika mill-Istati Membri skont l-Artikoli 120 TFUE et seq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-oppożizzjoni għal tali ristrutturazzjoni, kif espressa ripetutament fil-pubbliku minn Presidenti suċċessivi tal-Bank fi klima ta’ inċertezza dejjem tikber fl-atturi tas-swieq finanzjarji, kellha tiġi interpretata bħala li għandha portata purament politiko‑ekonomika. B’mod partikolari, billi aġixxew b’dan il-mod, l-awturi tagħhom kellhom l-intenzjoni li jwissu lill-imsemmija atturi kontra, minn naħa, deterjorazzjoni addizzjonali tas-sitwazzjoni ekonomika f’dak iż-żmien, u saħansitra insolvenza possibbli tar-Repubblika Ellenika, li t-titoli tagħha potenzjalment f’nuqqas ma setgħux jibqgħu jiġu aċċettati fil-kuntest ta’ operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema u, min-naħa l-oħra, ir-riskji li tali żvilupp jista’ jikkawża għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u għall-funzjonament tal-Eurosistema fl-intier tagħha. Barra minn hekk, l-oppożizzjoni tal-presidenti suċċessivi tal-Bank kienet tinkludi l-preċiżazzjoni li tgħid li, fil-każ fejn tali nuqqas kellu madankollu jseħħ u l-Istati Membri kellhom jiddeċiedu għal ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku, il-Bank jeżiġi li din ir-ristrutturazzjoni tkun ibbażata fuq garanziji suffiċjenti sabiex jipproteġi l-integrità tiegħu u sabiex iżomm l-istabbiltà u l-fiduċja tas-swieq finanzjarji. Minn dan jirriżulta li, billi għamel dan, il-Bank lanqas ma ħoloq aspettattivi leġittimi fir-rigward taż-żamma tal-oppożizzjoni tiegħu fil-każ ta’ deċiżjoni kuntrarja tal-Istati Membri kkonċernati li jwettqu tali ristrutturazzjoni u saħansitra fir-rigward tal-kapaċità ġuridika eventwali tiegħu – ineżistenti – sabiex jippreveni tali approċċ.

Barra minn hekk, ix-xiri, minn investitur, ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat jikkostitwixxi, mid-definizzjoni tiegħu stess, tranżazzjoni li fiha ċertu riskju finanzjarju, għaliex hija suġġetta għar-riskji tal-evoluzzjoni tas-swieq tal-kapital. Issa, fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika tar-Repubblika Ellenika u tal-inċertezzi li kienu jikkonċernawha dak iż-żmien, l-investituri li xtraw titoli ta’ dejn Griegi matul il-perijodu fejn il-kriżi finanzjarja tar-Repubblika Ellenika kienet fl-iktar punt għoli tagħha ma jistgħux jallegaw li aġixxew bħala operaturi ekonomiċi prudenti u avżati li jistgħu jinvokaw l-eżistenza ta’ preġudizzji leġittimi. Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-imsemmija dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-Bank, l-imsemmija investituri kienu mistennija jkunu jafu s-sitwazzjoni ekonomika daqstant instabbli li tiddetermina l-bdil tal-valur tat-titoli ta’ dejn Griegi akkwistati minnhom kif ukoll ir-riskju mhux negliġibbli ta’ nuqqas, anki jekk sempliċement selettiv, tar-Repubblika Ellenika. Barra minn hekk, operatur ekonomiku prudent u avżat li kien jaf b’dawn id-dikjarazzjonijiet pubbliċi ma setax jeskludi r-riskju ta’ ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-diverġenzi ta’ opinjoni prevalenti f’dan ir-rigward fi ħdan l-Istati Membri taż-żona tal-euro u fi ħdan il-korpi l-oħra involuti, bħall-Kummissjoni, il-FMI u l-Bank.

(ara l-punti 78, 79, 81, 82)

7.      Il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament jimponi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat b’mod oġġettiv. In-natura paragunabbli ta’ sitwazzjonijiet differenti għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. Dawn l-elementi għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ l-att inkwistjoni.

F’dan ir-rigward, investituri privati li xtraw titoli ta’ dejn Griegi bis-sempliċi interess patrimonjali privat tagħhom, tkun xi tkun ir-raġuni preċiża tad-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom, jinsabu f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-banek ċentrali tal-Eurosistema li wkoll xtraw tali titoli fl-eżerċizzju tal-missjonijiet fundamentali tagħhom, skont l-Artikolu 127(1) u (2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 282(1) TFUE kif ukoll, b’mod partikolari, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 18(1) tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, bl-għan li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet u tal-ġestjoni tajba tal-politika monetarja, kif ukoll fil-limiti stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2010/281, li tistabbilixxi programm għas-swieq tat-titoli. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni, l-għoti u l-implementazzjoni tal-ftehim ta’ skambju bl-għan li jsir skambju tat-titoli ta’ dejn Griegi miżmuma mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema intiż li jevita li dawn tal-aħħar jipparteċipaw fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg ma jistgħux jikkostitwixxu ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Bl-istess mod, l-investituri privati u l-banek ċentrali tal-Eurosistema lanqas ma jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli fir-rigward tal-impatt fuq l-ekonomija Ewropea tal-effetti tat-tnaqqis tal-valur tad-djun tagħhom. Fil-fatt, fir-rigward tal-ammont totali tal-valur tat-titoli ta’ dejn Griegi akkwistati u miżmuma mill-imsemmija banek ċentrali, il-parteċipazzjoni eventwali tal-imsemmija banek fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku ta’ Stat Membru taż-żona tal-euro, indipendentement min-natura leċita jew le tagħha fir-rigward tal-Artikolu 123 TFUE, irriskjat li taffettwa l-integrità finanzjarja tal-Eurosistema kollha kemm hi u, b’mod partikolari, il-kapaċità tagħha li tintervjeni fis-swieq tal-kapital u li tiffinanzja mill-ġdid l-istabbilimenti ta’ kreditu skont l-ewwel u t-tieni inċiżi tal-Artikolu 18(1) tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew. F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li t-titoli ta’ dejn tal-Istat fl-istess waqt jikkostitwixxu garanziji li dawn il-banek ċentrali normalment huma mistennija li jaċċettaw għall-finijiet ta’ operazzjonijiet ta’ kreditu fi ħdan l-Eurosistema u sabiex jinżamm l-aċċess tal-istabbilimenti ta’ kreditu nazzjonali għal-likwidità. Minn dan isegwi li għandu wkoll jiġi miċħud l-ilment li l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema rriżervaw għalihom status ta’ kreditur ta’ grad privileġġat għad-detriment tas-settur privat, bl-iskuża tal-missjoni ta’ politika monetarja tagħhom.

Barra minn hekk, il-ħolqien, permezz tal-konklużjoni u tal-implementazzjoni tal-imsemmi ftehim ta’ skambju, tal-allegat status ta’ kreditur privileġġat tal-banek ċentrali tal-Eurosistema sabiex jevitaw ir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg ma jistax jitqies bħala abbużiv jew li jmur lil hinn mil-limiti tal-kompetenzi tal-Bank. Għall-kuntrarju, dawn il-miżuri jaqgħu fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu u tal-missjonijiet fundamentali tiegħu sa fejn dawn kienu intiżi preċiżament li jippreżervaw il-marġni ta’ manuvra tal-imsemmija banek ċentrali u jiżguraw il-kontinwità tal-funzjonament tajjeb tal-Eurosistema. F’dan ir-rigward, il-konklużjoni tal-imsemmi ftehim kienet intiża li tevita li l-banek ċentrali tal-Eurosistema jipparteċipaw fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg billi jissagrifikaw parti mill-valur tat-titoli ta’ dejn Griegi miżmuma fil-portafolli rispettivi tagħhom. Issa, tali parteċipazzjoni mingħajr kundizzjonijiet irriskjat preċiżament li din tiġi kklassifikata bħala intervent li għandu effett ekwivalenti għal dak tal-akkwist dirett mill-imsemmija banek ċentrali ta’ titoli tal-Istat, ipprojbit mill-Artikolu 123 TFUE.

(ara l-punti 87, 88, 92, 93, 108, 114)

8.      Ma jistax jikkostitwixxi inugwaljanza fit-trattament imputabbli għall-Bank Ċentrali Ewropew għad-detriment tal-investituri privati l-fatt li l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2012/153 tiegħu, dwar l-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika fil-kuntest tal-offerta għall-iskambju ta’ dejn tar-Repubblika Ellenika, kien jipprevedi obbligu għal din tal-aħħar li tipprovdi tisħiħ tal-kollateral favur il-banek ċentrali nazzjonali fil-forma ta’ programm ta’ xiri intiż sabiex tissaħħaħ il-kwalità tat-titoli ta’ dejn Griegi. Fil-fatt, billi huwa intiż biss li jiggarantixxi ż-żamma tal-possibbiltà għall-imsemmija banek ċentrali li jaċċettaw it-titoli ta’ dejn Griegi bħala garanziji xierqa għall-finijiet ta’ operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 18(1) tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank, l-imsemmi obbligu għaldaqstant jiżgura ż-żamma tal-marġni ta’ manuvra tal-banek ċentrali tal-Eurosistema skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 127(1) u (2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 282(1) TFUE, kif ukoll tal-ewwel u t-tieni inċiżi tal-Artikolu 18(1) tal-Protokoll dwar l-imsemmija statuti, u, għaldaqstant, kien jipprevedi sitwazzjoni li ma kinitx paragunabbli ma’ dik li fiha kienu jinsabu l-investituri privati. Fil-fatt, peress li dawn tal-aħħar kienu akkwistaw u żammew titoli ta’ dejn Griegi għal finijiet esklużivament privati, huma kienu jinsabu f’sitwazzjoni differenti mill-banek ċentrali tal-Eurosistema li kellhom setgħat u dmirijiet skont id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq. Minn dan jirriżulta li l-imsemmija investituri privati ma setgħux jitolbu, taħt il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-benefiċċju analogu ta’ programm ta’ xiri mill-ġdid tat-titoli ta’ dejn tagħhom mill-Istat Grieg.

F’dan ir-rigward, din il-miżura ma tistax titqies bħala abbużiva jew li tmur lil hinn mil-limiti tal-kompetenzi tal-Bank, iżda bħala li taqa’ fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu u tal-missjonijiet fundamentali tiegħu sa fejn dawn kienu intiżi preċiżament li jippreżervaw il-marġni ta’ manuvra tal-imsemmija banek ċentrali u jiżguraw il-kontinwità tal-funzjonament tajjeb tal-Eurosistema.

(ara l-punti 94, 108)

9.      Il-klawżola msejħa par condicio creditorum jew pari passu, li tippreżupponi li l-kredituri jiġu ttrattati b’mod ugwali fil-ħlas, ma teżistix fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 1346/2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, ikkonstata l-eżistenza ta’ diverġenzi kunsiderevoli f’dan ir-rigward fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, inklużi dawk li jikkonċernaw it-trattament preferenzjali tal-kredituri u kulma għamel kien li stabbilixxa regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet uniformi għall-finijiet, b’mod partikolari, li jikkoordina t-tqassim tal-prodott tat-twettiq sabiex l-ugwaljanza fit-trattament tal-kredituri tiġi ppreżervata l-iktar possibbli.

Barra minn hekk, sa fejn regola li timponi l-pari passu timplika trattament ugwali tal-kredituri mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjonijiet distinti li fihom ikunu jinsabu, b’mod partikolari, l-investituri privati, minn naħa, u l-banek ċentrali tal-Eurosistema li jaġixxu fl-eżerċizzju tal-missjonijiet tagħhom skont l‑Artikolu 127 TFUE u l-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, min-naħa l-oħra, ir-rikonoxximent ta’ tali regola fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jkun jista’ jidħol f’kunflitt mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, hija biss l-inklużjoni tiegħu fil-kuntest ta’ klawżoli kuntrattwali, inklużi dawk dwar il-ħruġ u l-bejgħ ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat, li jirregolaw ir-relazzjoni bejn min joħroġhom u d-debitur u d-detentur u l-kreditur ta’ bond tista’, jekk ikun il-każ, tagħti natura ġuridikament obbligatorja lil klawżola pari passu.

(ara l-punti 98-101)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 106)

11.    Fir-rigward tar-responsabbiltà kuntrattwali tal-Bank Ċentrali Ewropew, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE minn att leċitu li jaqa’ fl-isfera ta’ kompetenza normattiva tal-Unjoni, fl-istat attwali tad-dritt tagħha, l-eżami komparattiv tal-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri ma jippermettix li l-eżistenza ta’ sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni tiġi kkonsagrata mill-fatt tal-eżerċizzju leċitu minnha tal-attivitajiet tagħha li jaqgħu fl-isfera normattiva. Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda l-atti ta’ portata ġenerali adottati mill-Bank fl-eżerċizzju tas-setgħat deċiżjonali normattivi tiegħu, bħad-Deċiżjoni 2012/153, dwar l-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika fil-kuntest tal-offerta għall-iskambju ta’ dejn tar-Repubblika Ellenika, jew f’dak li jirrigwarda r-rifjut tiegħu li jadotta tali att, talba għal kumpens għandha, għal din ir-raġuni biss, tiġi miċħuda.

Barra minn hekk, fl-ipoteżi fejn il-prinċipju ta’ tali responsabbiltà kellu jkun rikonoxxut, l-iskattar tar-responsabbiltà tal-Bank ikun jippreżupponi l-eżistenza ta’ dannu anormali u speċjali. Dannu jkun ta’ natura anormali jekk dan ikun jaqbeż il-limiti tar-riskji ekonomiċi inerenti għall-attivitajiet fis-settur ekonomiku inkwistjoni, u għandu jiġi kklassifikat bħala speċjali jekk l-att ikkonċernat jaffettwa kategorija partikolari ta’ operaturi ekonomiċi b’mod sproporzjonat meta mqabbel ma’ operaturi oħra. Dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ dannu li jikkonsisti fit-tnaqqis tal-valur ta’ titoli ta’ dejn Griegi waqt l-implementazzjoni tal-imsemmija offerta ta’ skambju ta’ bonds Griegi fl-involviment tal-investituri privati u fi proċedura prevista mid-dritt Grieg li jirrendu obbligatorju l-iskambju ta’ titoli għall-investituri privati kollha kkonċernati. Fil-fatt, dan id-dannu ma jaqbiżx il-limiti tar-riskji ekonomiċi inerenti għall-attivitajiet kummerċjali fil-kuntest tas-settur finanzjarju, b’mod partikolari għat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġa minn Stat, speċjalment meta dan l-Istat ikollu klassifikazzjoni mnaqqsa. Għall-kuntrarju, indipendentement mill-prinċipju ġenerali li jgħid li kull kreditur għandu jsostni r-riskju ta’ insolvenza tad-debitur tiegħu, inkluż dak li jkun Stat, tali tranżazzjonijiet jitwettqu fi swieq partikolarment volatili, spiss suġġetti għal perikoli u għal riskji mhux kontrollabbli fir-rigward tat-tnaqqis jew taż-żieda tal-valur ta’ tali titoli, u dan jista’ jistieden l-ispekulazzjoni sabiex jinkisbu renditi għolja fi żmien qasir ħafna. Għaldaqstant, anki jekk wieħed jippreżupponi li mhux l-operaturi li jitolbu l-kumpens kollha huma involuti fi tranżazzjonijiet ta’ natura spekulattiva, huma kellhom ikunu jafu bl-imsemmija perikoli u riskji fir-rigward ta’ telf kunsiderevoli possibbli tal-valur tat-titoli akkwistati. Dan huwa iktar minnu għaliex, anki qabel il-bidu tal-kriżi finanzjarja fl-2009, l-Istat Membru emettur kien diġà qiegħed jiffaċċja dejn u defiċit għolja. Għaldaqstant, id-dannu sostnut ma jistax jiġi kklassifikat bħala anormali.

Lanqas ma hu possibbli li dan id-dannu jiġi kklassifikat bħala speċjali, peress li r-rikorrenti kienu suġġetti, bl-istess mod bħall-investituri privati l-oħra kollha, ċertament b’esklużjoni tal-banek ċentrali tal-Eurosistema, għat-tranżazzjoni ta’ skambju volontarju ta’ titoli ta’ dejn li jinvolvu lill-investituri privati u għall-mekkaniżmu ta’ tnaqqis ibbażat fuq id-dritt nazzjonali. F’dawn il-kundizzjonijiet u b’teħid inkunsiderazzjoni tan-numru kbir ta’ investituri kkonċernati, identifikati mill-imsemmi dritt nazzjonali b’mod ġenerali u oġġettiv skont, b’mod partikolari, in-numru tas-serje tat-titoli inkwistjoni, l-operaturi li jitolbu l-kumpens għall-imsemmi dannu ma jistgħux jitqiesu bħala li jappartjenu għal kategorija partikolari ta’ operaturi ekonomiċi li kienu affettwati b’mod sproporzjonat meta mqabbel ma’ operaturi oħra.

(ara l-punti 119-122)