Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta' Settembru 2012 - Württembergische Gemeinde-Versicherung vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-421/12)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Württembergische Gemeinde-Versicherung a. G. (Stuttgart, il-Ġermanja) (rappreżentanti: A. Birnstiel, H. Heinrich u J.-O. Schrotz, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni Ewropea tas-17 ta' Lulju 2012, li tirrifjuta t-talba tar-rikorrenti, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 , sabiex tingħata aċċess għal dokumenti partikolari ta' proċedura dwar akkordju (COMP/39.125 - Carglass);

tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż tagħha u kif ukoll dawk tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni erba' motivi.

L-ewwel motiv: nuqqas ta' eżami tad-dokumenti individwali indikati fit-talba

Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni ma hijiex ibbażata fuq eżami konkret u individwali ta' kull dokument partikolari. Fil-fehma tar-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni legalment żbaljata li fil-każ ineżami hemm preżunzjoni ġenerali għall-applikazzjoni ta' eċċezzjoni.

It-tieni motiv: ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni

Fil-kuntest ta' dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha, immotivat iċ-ċaħda integrali tat-talba tagħha permezz ta' kunsiderazzjonijiet ġenerali biss u, għaldaqstant, b'mod insuffiċjenti. Skont ir-rikorrenti, dan jammonta għal ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni u, konsegwentement, għal nuqqas ta' osservanza tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali.

It-tielet motiv: żball ta' liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-eċċezzjonijiet taħt l-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 kienu vvizzjati fid-dritt. Fil-fehma tar-rikorrenti, il-Kummissjoni tapplika ħażin ir-relazzjoni regola-eċċezzjoni u tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni wisq wiesgħa tal-"ħarsien ta' l-iskop ta' ispezzjonijiet" u tal-kunċett tal-"interessi kummerċjali".

Ir-raba' motiv: nuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni, li jaqa' taħt id-dritt privat, hija ta' interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

Permezz tar-raba' motiv, ir-rikorrenti tirrileva li l-Kummissjoni inġustament ċaħdet li hemm interess pubbliku prevalenti għall-iżvelar tad-dokumenti mitluba. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tikkunsidra, b'mod partikolari fl-ambitu tal-evalwazzjoni tal-interessi, li anki l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni, li jaqa' taħt id-dritt privat, tirrapreżenta interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni speciali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).