Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' Frar 2012 - IRISL Maritime Training Institute et vs Il-Kunsill

(Kawża T-56/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: IRISL Maritime Training Institute (Tehran, l-Iran), Kara Shipping and Chartering GmbH & Co. KG (Hamburg, il-Ġermanja), Kheibar Co. (Tehran, l-Iran), Kish Shipping Line Manning Co. (Kish Island, l-Iran), Fairway Shipping Ltd (Londra, ir-Renju Unit) u IRISL Multimodal Transport Co. (Tehran, l-Iran) (rappreżentanti: F. Randolph u M. Lester, Barristers, u M. Taher, Solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

-    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta' Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 71) u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta' Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 11), sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrenti;

-    tordna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba' motivi, li jallegaw li bl-inklużjoni ta' isimhom fil-listi li jinsabu fid-Deċiżjoni u fir-Regolament ikkontestati, il-Kunsill:

-    naqas milli jagħti raġunijiet xierqa u suffiċjenti;

-    naqas milli jissodisfa l-kriterji għall-inklużjoni fil-listi, u/jew wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni meta stabbilixxa li dawk il-kriterji kienu ġew sodisfatti fir-rigward tar-rikorrenti u/jew inkluda lir-rikorrenti fil-listi mingħajr bażi legali;

-    naqas milli josserva d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv tar-rikorrenti; u

-    kiser, mingħajr ġustifikazzjoni jew proporzjon, id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, inkluż id-dritt tagħhom għall-protezzjoni tal-proprjetà, tan-negozju u tar-reputazzjoni tagħhom.

____________