Language of document : ECLI:EU:C:2012:296

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fil-15 ta’ Mejju 2012 (1)

Kawża C-40/11

Yoshikazu Iida

vs

Stadt Ulm

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Ġermanja)]

“Artikolu 6 TUE — Artikoli 20 u 21 TFUE — Artikoli 7, 24 u 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 2, 3, 7(2), 10 u 12 tad-Direttiva 2004/38/KE — Artikolu 8 tal-Konvenżjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali — Protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundmentali — Wild minuri, ċittadin ta’ Stat Membru, li jmur joqgħod flimkien ma’ ommu ġewwa Stat Membru ieħor — Dritt ta’ residenza, fl-Istat ta’ oriġni tal-wild tiegħu, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jeżerċita l-awtorità tal-ġenituri — Kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”






I –    Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-kwistjoni jekk, u jekk ikun il-każ, sa fejn u f’liema kundizzjonijiet iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz jistgħu jitolbu, skont il-leġiżlazzjoni Ewropea, dritt ta’ residenza minħabba relazzjonijiet tal-familja u personali li jgħaqqduhom ma’ ċittadin minuri tal-Unjoni. Għalhekk ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-problema eżaminata fis-sentenzi Dereci (2) u Ruiz Zambrano (3), jiġifieri l-kwistjoni dwar sa fejn id-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni jestendi għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz. F’dan ir-rigward, din il-kawża għandha l-partikolarità li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma huwiex qed jitlob id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru fejn tirrisjedi bintu, ċittadina tal-Unjoni.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

2.        L-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta tad-Drittijiet Fundamentali”), bit-titolu “Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja”, jipprovdi:

“Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha”.

3.        L-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali taħt l-intestatura “Id-drittijiet tat-tfal” jipprovdi:

“1.      It-tfal għandhom id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-ġid tagħhom. Huma jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom liberament. [...]

[...]

3.      It-tfal kollha għandhom id-dritt li jkollhom, regolarment, relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri, sakemm dan ma jkunx kontra l-interessi tat-tfal”.

4.        L-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tgħid li:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni”.

2.      Id-Direttiva 2004/38/KE

5.        Il-premessa 5 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (4) tistabbilixxi:

“Id-dritt taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqalu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri għandu, jekk se jiġi eżerċitat taħt il-kondizzjonijiet objettivi tal-libertà u d-dinjità, jingħata wkoll lill-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza [...]”.

6.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/38 jiddetermina kif ġej l-għan tad-Direttiva:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

a)      il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom;

[...]”.

7.        L-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2004/38 jiddefinixxi bħala “membr[i] tal-familja il-qraba diretti dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba [...]”. L-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2004/38 jiddefinixxi min-naħa tiegħu l-“[Is]tat Membru ospitanti” bħala l-Istat Membru li jmur fih ċittadin tal-Unjoni sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u ta’ residenza.

8.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38, bit-titolu “Benefiċjarji” jipprovdi:

“1. Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.

2. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ta’ moviment liberu u residenza li l-persuni kkonċernati jista’ jkollhom, l-Istat Membru ospitanti, skond il-leġislazzjoni nazzjonali, għandu jiffaċilita d-dħul u r-residenza tal-persuni li ġejjin:

a)      kwalunkwe membri oħrajn tal-familja, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni tal-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li, fil-pajjiż li ġejjin minnu huma dipendenti jew membri tad-dar taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għandu d-dritt primarju ta’ residenza, jew meta raġunijiet serji ta’ saħħa strettament jeħtieġu l-kura personali tal-membru tal-familja miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni;

[...]”.

9.        L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li:

“Id-dritt ta’ residenza […] għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti […]”.

10.      L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi taħt l-intestatura “Ħruġ tal-karta ta’ residenza”:

“1. Id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat membru għandu jissaħħaħ bil-ħruġ ta’ dokument imsejjaħ ‘Karta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni’ mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data li fiha jippreżentaw l-applikazzjoni. […]

2. Biex tinħareġ il-karta ta’ residenza, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw id-dokumenti li ġejjin:

[…]

c) iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni, kwalunkwe evidenza oħra ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li qiegħdin jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu miegħu;

[…]”.

11.      L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38 fih id-dispożizzjonijiet li ġejjin fuq iż-“[ż]amma tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja f’każ ta’ mewt jew tluq miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”:

“[…]

3. It-tluq taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti jew il-mewt tiegħu m’għandux iwassal għal telf tad-dritt ta’ residenza tat-tfal tiegħu jew tal-ġenitur li għandu l-kustodja preżenti tat-tfal, irrispettivament miċ-ċittadinanza, jekk it-tfal jgħixu fl-Istat Membru ospitanti u huma miktuba f‘istituzzjoni edukattiv, għal skop ta‘ studju, sat-tlestija ta‘ l-istudji tagħhom”.

B –    Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

12.      L-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) jipprovdi kif ġej:

“1. Kulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu u tal‑familja tiegħu, ta’ daru u tal-korrispondenza tiegħu.

2. Ma għandux ikun hemm indħil minn awtorità pubblika dwar l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ħlief dak li jkun skond il-liġi u li jkun meħtieġ f’soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika jew il ġid ekonomiku tal-pajjiz, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta’ delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor”.

 Ċ -      Id-dritt nazzjonali

1.      Il-liġi dwar ir-residenza, ix-xogħol u l-integrazzjoni tal-barranin fit-territorju Federali.

13.      L-Artikolu 7 tal-liġi Ġermaniża dwar ir-residenza, ix-xogħol u l-integrazzjoni tal-barranin fit-territorju Federali (Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet ou Aufenthaltsgesetz, iktar ’il quddiem l-“AufenthG”) (5) jikkonċerna l-permess ta’ residenza u jgħid:

“1. Il-permess ta’ residenza huwa ċertifikat ta’ residenza temporanju. Dan jinħareġ għall-finijiet ta’ residenza imsemmija fid-dispożizzjonijiet li ġejjin. Fil-każ fejn dan jidher iġġustifikat, permess ta’ residenza jista’ jinħareġ ukoll għal għan mhux previst f’din il-liġi.

[...]”.

14.      L-Artikolu 18(2) tal-AufenthG jgħid:

“Barrani jista’ jikseb ċertifikat ta’ residenza biex ikun jista’ jaħdem [...]”.

2.      Il-liġi dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni

15.      Skont l-Artikolu 2 tal-liġi Ġermaniża dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni (Gesetz über die allgemeine Freizügigkeit von Unionsbürgern, iktar ’il quddiem il-“FreizügG/EU”) (6), iċ-ċittadini tal-Unjoni li jgawdu mil-libertà ta’ moviment għandhom id-dritt li jidħlu u li jirrisjedu fit-territorju Federali skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, iżda l-membri tal-familja tagħhom ma jistgħux fil-prinċipju jgawdu minn dan id-dritt ħlief “jekk jakkumpanjaw jew jingħaqdu maċ-ċittadin tal-Unjoni” [l-Artikolu 3(1) tal-FreizügG/EU] jew jekk jiksbu dritt ta’ residenza fit-tul wara residenza legali ta’ ħames snin (Artikolu 4a tal-FreizügG/EU).

16.      L-Artikolu 5 tal-FreizügG/EU jistabbilixxi, taħt l-intestatura “Ċertifikati tad-drittijiet ta’ residenza Komunitarji, karti ta’ residenza”:

“[...]

2. Membri tal-familja li jgawdu mil-libertà ta’ moviment u li ma humiex ċittadini tal-Unjoni għandha tinħarġilhom, awtomatikament, fi żmien sitt xhur wara li jkunu pprovdew l-informazzjoni meħtieġa, karta ta’ residenza għal membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li għandha tibqa’ valida għal ħames snin [...]”.

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali

17.      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa ċittadin Ġappuniż miżżewweġ ma’ ċittadina Ġermaniża mill-1998. It-tifla komuni tagħhom twieldet fl-2004 fl-Istati Uniti u għandha, minbarra n-nazzjonalità Amerikana, in-nazzjonalità Ġermaniża u dik Ġappuniża.

18.      Fl-aħħar tax-xahar ta’ Diċembru 2005, il-familja telqet mill-Istati Uniti biex tmur tgħix f’Ulm, il-Ġermanja. Fid-9 ta’ Jannar 2006, ir-rikorrent kiseb permess ta’ residenza nazzjonali bħala konjuġi barrani ta’ ċittadina Ġermaniża.

19.      Minn Frar 2006 huwa jaħdem full-time f’Ulm b’kuntratt tax-xogħol għal żmien indeterminat u jirċievi salarju gross fix-xahar ta’ EUR 4 850.

20.      Wara li aċċettat impjieg fi Vjenna matul is-sajf tal-2007, il-mara tar-rikorrent stabbilit ir-residenza prinċipali tagħha f’dik il-belt u ħadet magħha lil bintha filwaqt li r-rikorrent baqa’ f’Ulm. Iż-żewġ ġenituri jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri fuq binthom u jibagħtuha l-iskola fi Vjenna. Ir-rikorrent regolarment iżur lil bintu fi tmiem il-ġimgħa kull xahar u jipprovdi manteniment ta’ EUR 300 fix-xahar. Barra minn hekk, it-tifla tqatta’ l-biċċa l-kbira tal-vaganzi tagħha mar-rikorrent.

21.      Fix-xahar ta’ Ġunju 2008, il-konjuġi tar-rikorrent iddikjarat lill-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni Ġermaniż (Ausländerbehörde) li kienet ilha tgħix separata mir-rikorrent mill-1 ta’ Jannar 2008. Il-permess ta’ residenza li ngħata inizjalment lir-rikorrent bis-saħħa tar-rabta konjugali tiegħu ma’ ċittadina Ġermaniża ma setax jiġġedded iktar.

22.      Madankollu, ir-rikorrent kiseb, skont l-Artikolu 18 tal-AufenthG, permess ta’ residenza nazzjonali minħabba x-xogħol bi ħlas li għandu, tant li huwa attwalment jirrisjedi legalment fil-Ġermanja.

23.      Madankollu, ir-rikorrent jikkunsidra li jista’ jitlob ukoll dritt ta’ residenza bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, peress illi huwa jeżerċita l-awtorità tal-ġenituri fuq bintu li hija residenti fl-Awstrija. Tali dritt jippermettilu għalhekk li jikseb “[k]arta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni” kif iddefinita fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38.

24.      Fit-30 ta’ Mejju 2008, ir-rikorrent talab li tinħariġlu din il-karta, liema talba ġiet miċħuda. Din it-talba llum hija s-suġġett tal-proċedura ta’ appell quddiem il-qorti tar-rinviju.

IV – Id-domandi prelminari

25.      Kien f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-sensiela ta’ domandi li ġejjin:

A. Domandi dwar l-Artikoli 2, 3 u 7 tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni

1.      Fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikoli 7 u 24 tal-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali] u tal-Artikolu 8 tal-[KEDB] u b’interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2004/38/KE, “membru tal-familja” jista’ jinftiehem ukoll bħala l-ġenitur ta’ wild li jibbenefika mil-libertà li jiċċaqlaq bħala ċittadin tal-Unjoni Ewropea, meta l-wild ma huwiex dipendenti fuq dan il-ġenitur, ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu l-awtorità parentali [tal-ġenituri]?

2.      Fl-affermattiv: fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikoli 7 u 24 tal-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali] u tal-Artikolu 8 tal-[KEDB] u b’interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38/KE, l-imsemmija direttiva tapplika wkoll għal dan il-ġenitur, meta dan ma jakkompanjax jew ma jingħaqadx mal-wild tiegħu sa minn meta dan ikun stabbilixxa ruħu fi Stat Membru ieħor, iżda jkompli jgħix fl-Istat Membru ta’ oriġini tal-wild?

3.       Fl-affermattiv: fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikoli 7 u 24 tal-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali] u tal-Artikolu 8 tal-[KEDB], dan il-ġenitur jista’ jeżiġi dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur fl-Istat Membru ta’ oriġini tal-wild, b’interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38/KE, tal-inqas sakemm ikun għad għandu l-awtorità parentali u jkun għadu fil-fatt jeżerċitaha?

B. Domandi dwar id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 6(1) TUE u tal-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali]

L-ewwel domanda

1)      a)     Il-Karta hija intiża sabiex tapplika skont it-tieni alternattiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tagħha, meta s-suġġett tal-kawża jiddependi minn liġi nazzjonali (jew minn parti ta’ liġi) li fost affarijiet oħra — iżda mhux biss — tittrasponi direttivi Ewropej?

b)      Fin-negattiv: il-Karta hija intiża sabiex tapplika skont it-tieni alternattiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tagħha, mill-fatt biss li r-rikorrent jista’ possibbilment jeżiġi dritt ta’ residenza taħt il-leġiżlazzjoni Ewropea u jkun jista’ konsegwentement jitlob, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tal-FreizügG/EU], “Karta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”, kif previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38/KE?

ċ)      Fin-negattiv: fl-estensjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża ERT (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1991, C‑260/89, Ġabra p. I‑2925, punti 41 sa 45), il-Karta hija intiża sabiex tapplika skont it-tieni alternattiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tagħha, meta Stat Membru jillimita d-dritt ta’ residenza tal-missier ta’ ċittadin tal-Unjoni minuri li joqgħod fil-parti l-kbira taż-żmien fi Stat Membru ieħor ma’ ommu minħabba l-attività professjonali ta’ din tal-aħħar, filwaqt li l-missier, ċittadin ta’ pajjiż terz, jeżerċita wkoll l-awtorità parentali?

It-tieni domanda

1)      a)      Fil-każ fejn il-Karta hija intiża sabiex tkun applikabbli: huwa possibbli li mill-Artikolu 24(3) tal-[Karta] jiġi direttament dedott dritt ta’ residenza Ewropew għall-missier ċittadin ta’ pajjiż terz, tal-inqas sakemm dan ikollu l-awtorità parentali u sakemm huwa fil-fatt jeżerċitaha fir-rigward tal-wild tiegħu li jkollu ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, u dan, anki jekk il-wild ikun joqgħod fil-parti l-kbira taż-żmien fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea?

b)      Fin-negattiv: id-dritt ta’ moviment liberu li l-wild għandu bħala ċittadin tal-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 45(1) tal-[Karta] moqri flimkien ma’, jekk ikun il-każ, l-Artikolu 24(3) tal-imsemmija karta jippermetti li jiġi dedott dritt ta’ residenza Ewropew għall-missier ċittadin ta’ pajjiż terz, tal-inqas sakemm dan għandu l-awtorità parentali u sakemm dan fil-fatt jeżerċitaha fir-rigward tal-wild tiegħu, sabiex jiġi evitat b’mod partikolari li d-dritt ta’ moviment liberu tal-wild jitlef kull effett utli?

Ċ. Domandi dwar l-Artikolu 6(3) TUE flimkien mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni

1.      Id-drittijiet fundamentali “mhux miktuba” tal-Unjoni Ewropea, kif deskritti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mis-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1969 Stauder (29/69, Ġabra p. 419, punt 7) sa, pereżempju, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005 Mangold (C‑144/04, Ġabra p. I‑9981, punt 75), jistgħu japplikaw fl-intier tagħhom, anki jekk il-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali] ma hijiex intiża sabiex tapplika fil-każ ineżami; fi kliem ieħor, id-drittijiet fundamentali li jibqgħu applikabbli inkwantu huma prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 6(3) TUE jeżistu b’mod awtonomu u indipendenti flimkien mad-drittijiet fundamentali l-ġodda tal-Karta rrikonoxxuti fl-Artikolu 6(1)?

2.      Fl-affermattiv: sabiex jiġi żgurat eżerċizzju effettiv tal-awtorità parentali, il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fid-dawl b’mod partikolari tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja stabbilit fl-Artikolu 8 tal-[KEDB], jippermettu li jiġi dedott dritt ta’ residenza Ewropew għall-missier ta’ ċittadin tal-Unjoni minuri li joqgħod fil-parti l-kbira taż-żmien fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni ma’ ommu minħabba l-attività professjonali ta’ din tal-aħħar, meta l-missier ikun ċittadin ta’ pajjiż terz?

D. Domanda dwar id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 21(1) TFUE u tal-Artikolu 8 tal-[KEDB]

Fil-każ fejn l-Artikolu 6(1) jew (3) TUE ma jippermettix li r-rikorrent jikseb dritt ta’ residenza Ewropew: sabiex jiġi żgurat eżerċizzju effettiv tal-awtorità parentali fl-estensjoni tas-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004 Zhu u Chen (C‑200/02, Ġabra p. I‑9925, punti 45 sa 47), id-dritt ta’ moviment liberu ta’ ċittadin tal-Unjoni minuri li joqgħod fil-parti l-kbira taż-żmien fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni ma’ ommu minħabba l-attività professjonali ta’ din tal-aħħar jippermetti li jiġi dedott għall-missier ċittadin ta’ pajjiż terz dritt ta’ residenza Ewropew fl-Istat Membru ta’ oriġini tal-wild, fuq il-bażi tal-Artikolu 21(1) TFUE u, jekk ikun il-każ, fid-dawl tal-Artikolu 8 tal-[KEDB]?

E. Domanda dwar l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni

Fil-każ fejn dritt ta’ residenza Ewropew ikun irrikonoxxut: ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkun jinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrent, għandu d-dritt li jikseb il-ħruġ ta’ “Karta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”, b’mod partikolari fuq il-bażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38/KE?

26.      Iżda l-qorti tar-rinviju tammetti li “d-domandi preliminari kollha jistgħu naturalment jitpoġġew f’domanda waħda”:

Sabiex ċittadin ta’ pajjiż terz li jeżerċita l-awtorità tal-ġenituri bħala ġenitur ikun jista’ jżomm regolarment relazzjonijiet personali u kuntatti diretti mal-wild tiegħu li jkollu ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, id-dritt tal-Unjoni Ewropea jagħti lil dan il-ġenitur il-jedd li jibqa’ fi Stat Membru tal-oriġini tal-wild permezz ta’ “[k]arta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”, meta l-wild ikun stabbilit fi Stat Membru ieħor wara l-eżerċizzju tad-dritt tiegħu ta’ moviment liberu (7)?

V –    Kunsiderazzjonijiet tad-domandi preliminari

A –    Ordni li fiha ser jiġu eżaminati d-domandi

27.      Ser neżamina d-domandi fil-verżjoni mqassra riprodotta fil-punt 26 iktar ’il fuq, iżda din għandha tiġi analizzata fid-dawl tal-aspetti legali differenti msemmijin fil-punt 25, sakemm dawn ikunu rilevanti.

28.      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, ir-rikorrent jistax jitlob, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni, dritt ta’ residenza f-Istat Membru ta’ oriġini tal-wild Ġermaniż tiegħu. Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju trid tiddetermina jekk dan id-dritt ta’ residenza jippermettix lir-rikorrent li jitlob, abbażi tad-dritt tal-Unjoni, il-ħruġ ta’ “[k]arta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”.

B –    Dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jeżerċita l-awtorità tal-ġenituri fi Stat Membru ta’ oriġini ta’ ċittadin minuri tal-Unjoni, meta dan tal-aħħar ikun stabbilixxa ruħu fi Stat Membru ieħor

29.      Dritt ta’ residenza tar-rikorrent fil-Ġermanja bħala dritt tal-Unjoni jista’ jirriżulta mid-Direttiva 2004/38 jew mid-dritt primarju.

30.      L-ewwel nett għandu jiġi eżaminat jekk dan id-dritt ta’ residenza jistax jiġi bbażat fuq id-Direttiva 2004/38.

1.      Id-Direttiva 2004/38

31.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk dritt ta’ residenza jistax jiġi bbażat fuq id-Direttiva 2004/38, l-ewwel nett għandhom jiġu eżaminati l-kliem, l-istruttura kif ukoll l-ispirtu u l-għan ta’ din id-direttva. Imbagħad ser neżamina jekk ir-riżultat ta’ din l-interpretazzjoni letterali, sistematika u teleoloġika hijiex kompatibbli mad-drittijiet fundamentali.

a)      Interpretazzjoni letterali tad-Direttiva 2004/38

32.      Dritt ta’ residenza tar-rikorrent fil-Ġermanja jista’ jirriżulta mill-Artikolu 7(2) jew mill-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38. Barra minn hekk għandha tiġi kkunsidrata l-premessa 5 tad-Direttiva 2004/38.

i)      Dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 7(2) u tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2004/38

33.      Meta ċittadin tal-Unjoni Ewropea jmur fi Stat Membru ieħor li ma jkollux in-nazzjonalità tiegħu, id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 7(2) u tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2004/38 jagħtu lill-ġenituri ta’ dan iċ-ċittadin dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur f’dan l-Istat, bil-kundizzjoni li jkunu qed jieħdu ħsieb liċ-ċittadin. Iżda, dan id-dritt ta’ residenza ma jingħatax, għajr jekk il-membru tal-familja inkwistjoni jakkompanja jew jingħaqad effettivament maċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti.

34.      F’dan il-każ il-kundizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq ma humiex sodisfatti. Minn naħa, il-missier, ċittadin ta’ pajjiż terz, ġustament ma jinsistix fuq dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti fejn marret bintu (l-Awstrija), imma fl-Istat Membru ta’ oriġini ta’ bintu (il-Ġermanja). Barra minn hekk, jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38 li din id-dispożizzjoni ma tapplikax billi l-missier Ġappuniż la akkompanja u lanqas ingħaqad ma’ bintu fl-Istat Membru ospitanti. Fl-aħħar nett, il-kundizzjoni tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2004/38 ma ġietx issodisfatta għaliex f’dan il-każ, ma huwiex il-missier li huwa dipendenti taċ-ċittadin tal-Unjoni, imma bil-maqlub (8).

ii)    L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38

35.      Huwa veru li l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38 jagħti lil “ġenitur li għandu l-kustodja preżenti tat-tfal” dritt ta’ residenza sakemm il-wild jispiċċa l-istudji tiegħu, indipendentement min-nazzjonalità ta’ dan tal-aħħar. Iżda jirriżulta mill-kliem ċar ta’ din id-dispożizzjoni li din ma tapplikax ħlief fil-każ fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni jitlaq mill-Istat Membru ospitanti, u mhux, bħal f’dan il-każ, l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu. Għalhekk din id-dispożizzjoni bl-istess mod ma tistax tistabbilixxi dritt ta’ residenza fil-Ġermanja għall-missier Ġappuniż ta’ bintu Ġermaniża li marret fl-Awstrija.

iii) Il-premessa 5 tad-Direttiva 2004/38

36.      Wieħed jista’ jaħseb, mad-daqqa ta’ għajn, li l-premessa 5 tad-Direttiva 2004/38 hija abbozzata b’mod wiesa’ u li, meħuda waħedha, tidher li tagħti liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz dritt ta’ residenza fl-Unjoni kollha (“fit-territorju ta’ l-Istati Membri”).

37.      Madankollu, din l-affermazzjoni fformulata fil-kuntest ta’ premessa tista’ tiġi kkunsidrata biss bħala prinċipju utli għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38. Ma tistax twarrab il-lista eżawrjenti u l-kundizzjonijiet speċifiċi tad-drittijiet ta’ residenza previsti mid-direttiva u lanqas ma tista’ tissostitwixxihom bi dritt ta’ residenza mhux suġġett għall-kundizzjonijiet tal-membri tal-familja fl-Unjoni kollha (9). Jekk le, l-Artikoli 7(2) u 12(3) tad-Direttiva 2004/38, fost l-oħrajn, ma jkollhom l-ebda kamp ta’ applikazzjoni indipendenti.

38.      Għaldaqstant, mill-premessa 5 tad-Direttiva 2004/38 ma jista’ jiġi dedott l-ebda dritt ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz fi Stat Membru ta’ oriġini ta’ wildhom.

iv)    Konklużjoni provviżorja

39.      L-interpretazzjoni letterali tad-Direttiva 2004/38 għalhekk ma tippermettix li jiġi ġġustifikat dritt ta’ residenza għar-rikorrent fil-Ġermanja. Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju huwa neċessarju li wieħed jikkunsidra mhux biss kliemha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tar-regoli li tkun tifforma parti minnhom (10).

40.      Peress li l-kliem tad-Direttiva 2004/38 ma jippermettix li jiġi ġġustifikat, favur iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jeżerċita l-awtorità tal-ġenituri, dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin minuri tal-Unjoni, għandu jiġi eżaminat jekk, wara li jiġu kkunsidrati s-sinjifikat u l-għan tagħha, dik id-direttiva għandhiex tingħata “interpretazzjoni estensiva” (11) lil hinn minn kliemha.

b)      Interpretazzjoni sistematika tad-Direttiva 2004/38

41.      Dwar il-kwistjoni jekk, inkunsiderazzjoni tas-sinjifikat tad-Direttiva 2004/38 din tippermettix, lil hinn minn kliemha, li tipprovdi bażi għall-benefiċċju taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jeżerċita l-awtorità tal-ġenituri dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ta’ oriġini tal-wild issa stabbilit fi Stat Membru, il-Kummissjoni ġustament tiddikjara (12) li s-sinjifikat tad-Direttiva 2004/38 ma jħalli l-ebda marġni ta’ manuvra biex jiġi estiż id-dritt ta’ residenza għal każijiet fejn il-membri tal-familja, ċittadini ta’ pajjiż terz, jixtiequ jirrisjedu fi Stat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni wara li dan jitlaq lejn Stat Membru ieħor.

42.      Fil-fatt, id-dritt ta’ residenza mogħti permezz tad-Direttiva 2004/38 lill-membri tal-familja ċittadini ta’ pajjiż terz jiddependi mill-fatt li l-membru inkwistjoni jkun akkompanjat jew jingħaqad maċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, kif inhu previst fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38.

43.      Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, fl-interess tal-effettività tad-Direttiva 2004/38, it-termini “membri tal-familja [ta’ ċittadin tal-Unjoni] li jakkompanjawhom jew li jingħaqdu magħhom” ma għandhomx jiġu interpretati b’mod restrittiv u ftit jimporta li l-persuni kkonċernati daħlu fl-istess żmien bħaċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti (13).

44.      Madankollu, l-approċċ regolatorju tad-Direttiva 2004/38, kif jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 3(1) tagħha, jikkonsisti biss fil-prinċipju f’sitwazzjonijiet li jirrigwardaw drittijiet ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu fi Stati Membri oħrajn li ma jkunux dak li tiegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni jkollu n-nazzjonalità (14).

45.      Għaldaqstant, id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ċittadini ta’ pajjiż terz fl-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni fil-prinċipju ma huwiex kopert bid-Direttiva 2004/38, u inkluż preċiżament fil-każ fejn huwa ċ-ċittadin tal-Unjoni li jitlaq mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu biex imur fi Stat Membru ospitanti mingħajr ma jkun akkompanjat jew biex jingħaqad mal-membru tal-familja tiegħu.

46.      Il-leġiżlatur tad-Direttiva 2004/38 ma injorax il-problema tat-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni, imma rregolaha fid-dettall fl-Artikolu 12 tad-Direttiva. Madankollu, l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38 ma jagħtix dritt ta’ residenza lill-membri tal-familja ċittadini ta’ pajjiż terz ħlief fl-Istat Membru ospitanti, u mhux fl-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni. Minn aspett prattiku, din id-dispożizzjoni tapplika meta ċittadin tal-Unjoni li jkollu l-awtorità tal-ġenituri jiddeċiedi li jitlaq mill-Istat Membru ospitanti fejn ikun għex mal-konjuġi tiegħu u t-tfal tagħhom komuni u li dak il-konjuġi, ċittadin ta’ pajjiż terz, jixtieq jibqa’ f’dan l-Istat mat-tfal sakemm jispiċċaw l-istudji tagħhom. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38 ma jirregolax il-każ fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jixtieq jibqa’ fl-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni wara t-tluq ta’ dan tal-aħħar, iktar u iktar meta ma narax għaliex l-għażla leġiżlattiva magħmula mill-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38 għandha tiġi trasposta b’analoġija għall-Istat Membru ta’ oriġini, lil hinn mill-għan regolatorju tad-direttiva. Barra minn hekk, anki applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38 ma tippermettix, f’dan il-każ, li wieħed inissel dritt ta’ residenza għall-missier billi din id-dispożizzjoni titlaq b’mod manifest mill-prinċipju li l-missier ċittadin ta’ pajjiż terz u l-wild tiegħu jgħixu fl-istess Stat Membru — li ma għadux il-każ f’din il-kawża.

47.      Fl-aħħar mill-aħħar, is-sinjifikat tal-Artikoli 7(2) u 12(3) tad-Direttiva 2004/38 għandu dan inkomuni li d-dritt ta’ residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jiddependi minn dak taċ-ċittadin tal-Unjoni, sa fejn dak iċ-ċittadin ikun, l-ewwel nett, akkompanja liċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, jiġifieri fi Stat divers mill-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin. Din il-kundizzjoni ma hijiex sodisfatta f’dan il-każ billi ċ-ċittadina tal-Unjoni marret l-Awstrija waħedha ma’ ommha.

48.      Is-sinjifikat tad-Direttiva 2004/38 ma jippermettix li jiġi stabbilit, għall-benefiċċju taċ-ċittadin ta’ pajjjiż terz li jeżerċita l-awtorità tal-ġenituri, dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin minuri tal-Unjoni meta dan tal-aħħar ikun stabbilit fi Stat Membru ieħor.

49.      Barra minn hekk wieħed għandu jistaqsi jekk, lil hinn mis-sinjifikat tagħha d-Direttiva 2004/38 tistax, għal kunsiderazzjonijiet teleoloġiċi, tipprovdi, għall-benefiċċju ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jeżerċita l-awtorità tal-ġenituri, dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin minuri tal-Unjoni meta dan tal-aħħar ikun stabbilixxa ruħu fi Stat Membru ieħor.

c)      Interpretazzjoni teleoloġika tad-Direttiva 2004/38

50.      Kif għedt iktar ’il fuq, id-Direttiva 2004/38 tirregola każ fejn ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jippretendu dritt ta’ residenza fi Stati Membri oħrajn diversi minn dak li tiegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità. Fid-dawl tal-ispirtu u l-għan tagħha, ma tistax tiġi applikata interpretazzjoni li d-Direttiva 2004/38 tkopri sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali, jiġifieri sitwazzjonijiet fejn membru tal-familja jixtieq biss jikseb dritt ta’ residenza fi Stat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni, meta dan tal-aħħar jitlaq minn dak l-Istat.

51.      Il-qorti tar-rinviju madankollu tistaqsi jekk “interpretazzjoni estensiva” tad-Direttiva 2004/38 tistax tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali (15) li jikkontemplaw ir-rispett tal-ħajja familjari u d-dritt tat-tfal li jirċievu kura u li jkollhom regolarment relazzjoni personali mal-ġenituri tagħhom.

d)      Interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38 li tikkonforma mad-drittijiet fundamentali

52.      Jista’ jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 jiġu evoluti permezz ta’ interpretazzjoni li tikkonforma mad-drittijiet fundamentali.

53.      Skont l-Artikolu 6 TUE, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tagħmel parti mid-dritt primarju. Id-dritt sekondarju tal-Unjoni, li d-Direttiva 2004/38 tagħmel parti minnu, għandu jiġi interpretat kemm jista’ jkun possibbli b’mod konformi mad-dritt primarju u, għaldaqstant, mad-drittijiet fundamentali. Meta att ġuridiku jista’ jingħata iktar minn interpretazzjoni waħda, għandha tingħata preferenza lil dik li ma tkunx f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (16).

54.      Skont l-Artikolu 51, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandha tiġi kkunsidrata fl-implementazzjoni tad-Direttiva 2004/38. Il-kwistjoni tal-applikazzjoni u tal-interpretazzjoni konformi ta’ att ġuridiku ma tqumx, madankollu, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak l-att. Ladarba jiġi stabbilit li d-Direttiva 2004/38 ma tkoprix id-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fl-Istat Membru ta’ oriġini ta’ ċittadin tal-Unjoni, ma huwiex neċessarju li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (17).

55.      L-istess jgħodd għad-dispożizzjonijiet tal-KEDB (18) li, l-istess bħall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jistgħu jiġu kkunsidrati għall-finijiet ta’ interpretazzjoni biss fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38. Billi din id-direttiva tirregola biss ċerti drittijiet ta’ residenza fi Stati Membri diversi minn dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità ċ-ċittadin tal-Unjoni, ma jeħtieġx li dan il-punt jiġi analizzat fid-dettall.

56.      Iżda f’dan il-kuntest, wieħed għandu jerġa’ jistaqsi jekk, għal raġunijiet oħra, id-drittijiet fundamentali jistgħux jiġu applikati direttament b’mod biex eventwalment jagħtu lir-rikorrent dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ta’ oriġini ta’ bintu, indipendentement mid-Direttiva 2004/38. Ser neżamina din il-kwistjoni iktar ’il quddiem fil-punti 75 et seq.

57.      Madankollu jidher li d-drittijiet fundamentali ma jeħtieġux li d-Direttiva 2004/38 tevolvi b’mod li, għall-benefiċċju ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jeżerċita l-awtorità tal-ġenituri, jinħoloq dritt ta’ residenza fi Stat Membru ta’ oriġini ta’ ċittadin minuri tal-Unjoni meta dan tal-aħħar ikun stabbilit fi Stat Membru ieħor.

e)      Konklużjoni provviżorja

58.      Provviżorjament għandu jiġi konkluż li d-Direttiva 2004/38 ma tippermettix li, għall-benefiċċju ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jeżerċita l-awtorità tal-ġenituri, jinħoloq dritt ta’ residenza fi Stat Membru ta’ oriġini ta’ ċittadin minuri tal-Unjoni meta dan tal-aħħar ikun stabbilit fi Stat Membru ieħor.

59.      Billi d-dritt sekondarju ma jippermettix li jingħata lir-rikorrent id-dritt ta’ residenza li huwa jallega li għandu skont id-dritt tal-Unjoni, issa għandu jiġi eżaminat id-dritt primarju.

2.      Id-dritt primarju

60.      Ir-rikorrent jista’ jitlob, fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 u l-Artikolu 3 TUE, dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ta’ oriġini tat-tifla tiegħu stabbilita fl-Awstrija, fuq il-bażi tal-Artikoli 20 u 21 TFUE.

a)      Rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza għall-benefiċċju taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jeżerċita l-awtorità ta’ ġenitur b’mod li s-sustanza tad-drittijiet mogħtija lill-minuri minħabba l-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni tiġi effettivament iggarantita.

61.      Bħala ċittadin ta’ pajjiż terz, ir-rikorrent, li għandu l-awtorità tal-ġenituri, ma jistax jinvoka direttament id-dritt tal-moviment liberu stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 TFUE u lanqas jippretendi dritt ta’ residenza fid-dawl taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-karatteristika ta’ ċittadin tal-Unjoni ta’ persuna tista’ wkoll, f’ċerti każijiet, twassal għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza skont id-dritt tal-Unjoni lill-membru tal-familja ċittadin ta’ pajjiż terz.

i)      Ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (19)

62.      Ir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza imnissel mid-dritt primarju tal-Unjoni għall-benefiċċju ta’ ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jippreżupponi li ċ-ċaħda ta’ dritt ta’ residenza lil dan il-ġenitur tippreġudika l-eżerċizzju effettiv tas-sustanza tad-drittijiet li jgawdi ċ-ċittadin tal-Unjoni (20). B’hekk ġie rrikonoxxut dritt ta’ residenza lil ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz — barra minn hekk fl-istess Stat Membru fejn irresjeda l-minuri — meta “rifjut ta’ residenza [kellu] l-konswegwenza li l-imsemmija wlied [...] jiġu obbligati li jitilqu mit-territorju tal-Unjoni” (21) jew li d-dritt ta’ residenza tal-wild kien jiġi mċaħħad mill-“effettività kollha tiegħu” (22).

63.      B’riferiment għall-kriterju tal-“essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus taċ-ċittadin tal-Unjoni”, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat mill-ġdid fis-sentenza reċenti Dereci (23) li dritt ta’ residenza sekondarju taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz fil-prinċipju ma jistax jiġi rrikonoxxut ħlief eċċezzjonalment. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “s-sempliċi fatt li jista’ jidher desiderabbli għal ċittadin ta’ Stat Membru, għal raġunijiet ekonomiċi jew sabiex iżomm il-familja tiegħu flimkien fit-territorju tal-Unjoni, li membri tal-familja tiegħu, li ma għandhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru, ikunu jistgħu jgħixu miegħu fit-territorju tal-Unjoni, ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun obbligat jitlaq mit-territorju tal-Unjoni jekk tali dritt ma jingħatax”. Fl-istess ħin, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li dan ma jippreġudikax “[i]l-kwistjoni dwar jekk, fuq bażijiet oħra, b’mod partikolari dak tad-dritt dwar il-protezzjoni tal-ħajja tal-familja, dritt ta’ residenza jistax jiġi rrifjutat. Din il-kwistjoni għandha madankollu tiġi ttrattata fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li huma applikabbli f’kull każ”.

ii)    Applikazzjoni tal-prinċipji tal-ġurisprudenza f’dan il-każ

64.      L-ewwel nett f’dan il-każ huwa diffiċli li jingħad li l-essenzjal tad-drittijiet mogħtija lill-bint minuri mill-istatus tagħha ta’ ċittadina tal-Unjoni jiġu leżi jekk missierha, ċittadin ta’ pajjiż terz, ma jiksibx dritt ta’ residenza fil-Ġermanja skont id-dritt tal-Unjoni.

65.      Kontra dan l-argument hemm il-fatt li ċ-ċittadina tal-Unjoni marret fl-Awstrija ma’ ommha u għalhekk eżerċitat bis-sħiħ id-dritt tagħha ta’ moviment liberu, filwaqt li missierha għadu ma ngħatax fil-Ġermanja dritt ta’ residenza skont id-dritt tal-Unjoni. Billi l-effettività tal-essenzjal tad-drittijiet mogħti liċ-ċittadina tal-Unjoni mid-dritt tal-Unjoni ma hijiex manifestament mhedda f’dan il-każ, abbażi tal-prinċipji tal-ġurisprudenza, il-missier għandu jiġi miċħud id-dritt ta’ residenza sekondarju bbażat fuq iċ-ċittadinanza tal-Unjoni jew fuq il-libertà ta’ moviment liberu li tgawdi minnha bintu.

66.      Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li huwa possibbli li l-missier, li huwa kemm ċittadin ta’ pajjiż terz kif ukoll detentur tal-awtorità tal-ġenituri, jeżerċita konġuntament mal-omm id-dritt li jiġi ddeterminat il-post ta’ residenza tat-tifla u għaldaqstant jista’ jiddeċiedi (flimkien mal-omm) dan il-post ta’ residenza. Huwa konċepibbli li, jekk it-tiġdid tal-permess ta’ residenza tiegħu fil-Ġermanja jithedded jew li dritt ta’ residenza skont id-dritt tal-Unjoni jinċaħadlu, ir-rikorrent jista’ jkollu l-intenzjoni, bi ftehim mal-omm, li jistabbilixxi mill-ġdid ir-residenza tat-tifla fil-Ġermanja.

67.      Madankollu, huwa diffiċli li jiġi rrikonoxxut, f’dan il-każ — għalissa ipotetiku — preġudizzju konkret għad-drittijiet essenzjali mogħtija lill-bint mid-dritt tal-Unjoni.

iii) Konklużjoni provviżorja

68.      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, wara li titqies il-linja ġurisprudenzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin minuri tal-Unjoni ma jistax jiġi rrikonoxxut għall-benefiċċju taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jeżerċita l-awtorità tal-ġenituri.

69.      Iżda fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma eżaminatx fid-dettall jekk, sabiex tiġi żgurata garanzija effettiva tad-drittijiet fundamentali, id-dritt primarju jippermettix, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, li jiġi stabbilit, għall-benefiċċju ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni.

b)      Rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza għall-benefiċċju taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz sabiex tiġi żgurata garanzija effettiva tad-drittijiet fundamentali.

70.      Fis-sentenza Dereci, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja qajmet din il-possibbiltà meta ddikjarat dan li ġej: “jekk il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi [...], is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija għandha teżamina jekk ir-rifjut tad-dritt għal residenza ta’ dawn tal-aħħar “[j]ippreġudikax id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja previst fl-Artikolu 7 tal-Karta. Min-naħa l-oħra, jekk hija tikkunsidra li tali sitwazzjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-drit[t] tal-Unjoni, hija [għandha] twettaq tali eżami fid-dawl tal-Artikolu 8(1) tal-KEDB” (24).

71.      Huwa veru li l-kawża Dereci kienet tirrigwarda r-residenza komuni ta’ ċittadin tal-Unjoni u ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fl-istess Stat Membru wieħed. Id-dikjarazzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tas-sentenza Dereci huma, madankollu, ifformulati b’mod tant ġenerali li jidhru li huma trasponibbli f’dan il-każ, anki jekk din il-kawża tirrigwarda żewġ Stati Membri.

72.      Għandha tiġi eżaminata din il-problema u l-ewwel nett jiġi vverifikat jekk il-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem tapplikax f’dan il-każ. Dan jippresupponi li l-kawża prinċipali għandha rabta mal-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kif inhu meħtieġ mill-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

73.      Iżda ma huwiex biżżejjed li l-kawża prinċipali jkollha rabta mad-dispożizzjonijiet purament nazzjonali mingħajr relazzjoni mad-dritt tal-Unjoni (25). Madankollu, jista’ jiġi kkunsidrat li teżisti rabta suffiċjenti mal-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni peress illi, mingħajr ma tippreġudika b’mod tant radikali l-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, iċ-ċaħda tal-permess ta’ residenza previst mid-dritt tal-Unjoni xorta tirrestrinġi, anki jekk f’livell inqas, id-dritt ta’ moviment liberu li jgawdi ċ-ċittadin minuri tal-Unjoni.

74.      Parti mid-duttrina tiddubita, minħabba l-kliem tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (li jitkellem fuq “jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni”) li l-Karta tapplika meta jiġu ristretti libertajiet fundamentali (26). Dawn id-dubji jgħoddu wkoll għad-dritt tal-moviment liberu ggarantit fl-Artikolu 21 TFUE (27). Madankollu, huwa possibbli li jiġi sostnut li, peress li l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (28) jagħmlu riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li d-drittijiet fundamentali huma applikabbli għall-miżuri li jirrestrinġu l-libertajiet fundamentali (29), id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta japplikaw ukoll fil-każ ta’ restrizzjoni fuq il-moviment liberu prevista fl-Artikolu 21 TFUE.

i)      Restrizzjoni fuq il-moviment liberu prevista fl-Artikolu 21 TFUE bħala element ta’ konnessjoni li jiġġustifika l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

75.      Il-kwistjoni dwar jekk u, jekk ikun il-każ, sa fejn il-libertà ta’ moviment prevista fl-Artikolu 21 TFUE hija ristretta tiddependi fl-aħħar lok miċ-ċirkustanzi tal-każ li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa.

76.      Madankollu ma jistax jiġi eskluż li d-dritt ta’ residenza tal-missier fil-Ġermanja ma huwiex iggarantit għall-ġejjieni u li din is-sitwazzjoni tista’ tiddisswadi lil bintu minuri milli tkompli teżerċita d-dritt ta’ moviment liberu li hija tgawdi bħala ċittadina tal-Unjoni (30), għalkemm dan id-dritt ikun ristrett anki fl-assenza ta’ preġudizzju fuq l-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni skont il-ġurisprudenza attwali (31).

77.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ser ikollha eventwalment tagħmel eżami iktar iddettaljat tal-fatti. L-atti tal-proċess fil-fatt ma jippermettux li jiġi ddeterminat sa fejn in-natura inċerta tad-dritt ta’ residenza tar-rikorrent ser ikollu konsegwenzi fuq il-ħajja fil-futur tal-omm u tal-bint.

78.      Madankollu, jidher plawsibbli li ċ-ċittadina tal-Unjoni — jekk wieħed jassumi li r-relazzjonijiet bejnha u missierha huma tajbin, kif jirriżulta mill-proċess — tista’ iktar u iktar tiġi dissważa milli tuża d-dritt tagħha ta’ moviment liberu milli ċ-ċaħda ta’ dritt ta’ residenza fil-Ġermanja skont id-dritt tal-Unjoni jkun jista’ jobbliga lil missierha, bħala ċittadin ta’ pajjiż terz, milli jistabbilixxi r-residenza tiegħu ’l bogħod minnha. Madankollu għandha tiġi evalwata s-sitwazzjoni fil-kumpless tagħha u jitqies li, kif jindika l-Gvern Ġermaniż (32), iċ-ċittadin tal-pajjiż terz jista’ bla dubju jitlob, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, perpetwazzjoni tat-titolu għal residenza nazzjonali tiegħu.

79.      Jekk f’dan il-każ jiġi konkluż li ċ-ċaħda tad-dritt ta’ residenza previst mid-dritt tal-Unjoni jipproduċi tali effett dissważiv u li l-moviment liberu taċ-ċittadin tal-Unjoni b’hekk jiġi ristrett, id-drittijiet fundamentali jkunu applikabbli.

80.      F’dan il-kuntest, għandhom jiġu kkunsidrati debitament id-drittijiet fundamentali u b’mod partikolari jiġi vverifikat jekk iċ-ċittadin tal-pajjiż terz jistax jibbaża fuqhom biex xorta jikseb ir-rikonoxximent tad-dritt ta’ residenza previst mid-dritt tal-Unjoni.

ii)    Possibbiltà ta’ dritt ta’ residenza fid-dawl tad-drittijiet fundamentali?

81.      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali hija intiża sabiex tapplika skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) ta’ din il-karta meta ċ-ċaħda tad-dritt ta’ residenza tippreġudika d-dritt ta’ moviment liberu li tgawdi l-bint bis-saħħa tal-Artikolu 21 TFUE u li l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija għalhekk inkwistjoni.

82.      Id-drittijiet fundamentali rilevanti f’dan il-każ huma, b’mod partikolari, id-dritt tal-bint li regolarment ikollha relazzjonijiet personali u kuntatti diretti maż-żewġ ġenituri tagħha [l-Artikolu 24 (3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali] kif ukoll ir-rispett għall-ħajja tal-familja (l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali).

83.      Madankollu, wieħed jista’ jiddubita jekk iċ-ċaħda tad-dritt ta’ residenza tippreġudikax dawn id-drittijiet fundamentali u din il-kwistjoni għandha, hija wkoll, tiġi deċiża mill-qorti tar-rinviju fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ (33).

84.      Fil-fatt, iċ-ċaħda tad-dritt ta’ residenza fil-Ġermanja mhux bilfors ikollha riperkussjonijiet fuq il-possibbiltà, għall-missier, li jżomm kuntatti regolari ma’ bintu stabbilita fl-Awstrija. Għall-kuntrarju, huwa probabbli li l-Artikolu 24(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiggarantixxi preċiżament lill-missier il-possibbiltà li jżomm kuntatti ma’ bintu fl-Awstrija wara li din teżerċita d-dritt ta’ moviment liberu.

85.      Madankollu jekk fil-prattika kellu jirriżulta li relazzjonijiet personali regolari ma humiex possibbli minħabba ċ-ċaħda tad-dritt ta’ residenza, jista’ jiġi kkunsidrat li d-drittijiet fundamentali huma suġġetti għal indħil u li l-ġustifikazzjoni għal dan għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat b’mod partikolari jekk iċ-ċittadin tal-pajjiż terz jeżerċitax effettivament l-awtorità tal-ġenituri li għandu fil-kwalità tiegħu ta’ missier u jekk huwiex dispost li jissodisfa l-obbligi li għandu f’dan ir-rigward.

86.      Jekk dan huwa l-każ, iċ-ċittadin tal-pajjiż terz jista’ forsi jippretendi, abbażi tal-linja segwita fis-sentenza Dereci, dritt għal residenza bbażat fuq id-drittijiet fundamentali u, b’mod iktar partikolari, fuq id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 24(3) u 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (34).

87.      Għandu jiġi indikat ukoll li din l-analiżi tirriżulta wkoll mill-Artikolu 8 tal-KEDB billi dan huwa wkoll intiż sabiex jirregola r-relazzjonijiet bejn ġenitur u wild li ma għadhomx jgħixu b’mod permanenti taħt l-istess saqaf (35). Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, id-drittijiet tal-Karta li jikkorrispondu mad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom l-istess tifsira u l-istess ambitu bħal dawk li tagħtihom il-KEDB. Huwa wkoll espressament ipprovdut fl-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix lid-dritt tal-Unjoni milli jipprovdi protezzjoni iktar estensiva (36).

c)      Konklużjoni provviżorja

88.      Għalhekk, bħala konklużjoni provviżorja, għandu jingħad li l-Artikoli 20 u 21 TFUE, fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 6(1) u (3) TUE u b’mod partikolari, tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jistgħu jkunu l-bażi ta’ dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ta’ oriġini ta’ ċittadin minuri tal-Unjoni għall-benefiċċju ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jeżerċita l-awtorità tal-ġenituri sabiex il-wild, li jkun stabbilixxa ruħu fi Stat Membru ieħor wara l-eżerċizzju tad-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, u dan il-ġenitur jistgħu jżommu relazzjonijiet personali u kuntatti diretti regolari. Għal dan il-għan, huwa neċessarju li ċ-ċaħda tad-dritt ta’ residenza tipproduċi effett restrittiv fuq id-dritt tal-moviment liberu tal-wild u tiġi kkunsidrata, fir-rigward tad-drittijiet fundamentali ċċitati iktar ’il fuq, bħala ndħil sproporzjonat fuq id-drittijiet fundamentali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti.

C –    Dritt għall-ħruġ ta’ “Karta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni” skont id-dritt tal-Unjoni

89.      Indipendentement mill-fatt jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jistax, b’mod definittiv, fir-rigward tad-drittijiet fundamentali applikabbli, jitlob fil-Ġermanja dritt ta’ residenza bbażat fuq id-dritt primarju, dan iċ-ċittadin ma jistax tinħariġlu, abbażi tad-dritt tal-Unjoni, “Karta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”.

90.      Il-kundizzjonijiet ta’ ħruġ ta’ din il-karta huma indikati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38 u huma adattati b’mod speċjali għad-dritt ta’ residenza mogħti minn dik id-direttiva liċ-ċittadini tal-pajjiż terz. Huwa għalhekk li dan l-artikolu jeżiġi l-produzzjoni ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jakkompanja jew jingħaqad miegħu. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma huwiex fil-pożizzjoni li jippreżenta din iċ-ċertifikazzjoni, peress illi huwa ma segwiex lil bintu fl-Awstrija.

91.      L-istess bħad-dritt sostantiv ta’ residenza, id-dispożizzjoni inkwistjoni ma tistax tapplika lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38, minkejja li l-ħruġ tal-karta ta’ residenza ċċitata iktar ’il fuq ma jistax jintalab abbażi tad-dritt tal-Unjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, jekk ikun il-każ, jekk id-dritt nazzjonali jistabbilixxix li l-karta ċċitata iktar ’il fuq tistax tingħata għal kull dritt ta’ residenza skont id-dritt tal-Unjoni, inkluż lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38.

VI – Konklużjonijiet

92.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari kif ġej:

Sabiex ċittadin ta’ pajjiż terz li jeżerċita l-awtorità tal-ġenituri bħala ġenitur ikun jista’ jżomm regolarment relazzjonijiet personali u kuntatti diretti ma’ wild tiegħu li jkollu ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE ma tagħtix lil dan il-ġenitur id-dritt li jibqa’ fi Stat Membru ta’ oriġini tal-wild permezz ta’ “[k]arta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”, meta l-wild ikun stabbilit fi Stat Membru ieħor wara l-eżerċizzju tad-dritt tiegħu ta’ moviment liberu.

L-Artikoli 20 u 21 TFUE, fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 6(1) u (3) TUE u b’mod partikolari, tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jistgħu jkunu l-bażi ta’ dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ta’ oriġini ta’ ċittadin minuri tal-Unjoni għall-benefiċċju ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jeżerċita l-awtorità tal-ġenituri fil-kwalità tiegħu ta’ ġenitur sabiex il-wild, li jkun stabbilixxa ruħu fi Stat Membru ieħor wara l-eżerċizzju tad-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, u dan il-ġenitur jista’ jżomm relazzjonijiet personali u kuntatti diretti regolari. Għal dan il-għan, huwa neċessarju li ċ-ċaħda tad-dritt ta’ residenza tipproduċi effett restrittiv fuq id-dritt tal-moviment liberu tal-wild u tiġi kkunsidrata, fir-rigward tad-drittijiet fundamentali ċċitati iktar ’il fuq, bħala ndħil sproporzjonat fuq id-drittijiet fundamentali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti.

Il-ħruġ ta’ karta ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni ma jistax jintalab skont id-dritt tal-Unjoni biex jiġi kkonstatat id-dritt ta’ residenza msemmi iktar ’il fuq.


1 —      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 —      Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C‑256/11, Ġabra I‑1177).


3 —      Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, Ġabra p. I‑11315).


4 —      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46 b’corrigendum fil-ĠU L 229, p. 35. Id-Direttiva 2004/38 ġiet emendata reċentement bir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 141, p. 1).


5 —      Aufenthaltsgesetz fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-25 ta’ Frar 2008 (BGBl. I, p. 162), kif emendata bl-Artikolu 2(25) tal-liġi tat-22 ta’ Diċembru 2011 (BGBl. I, p. 3044).


6 —      Freizügigkeitsgesetz/EU tat-30 ta’ Lulju 2004 (BGBl. I, p. 1950, 1986), fil-verżjoni tagħha emendata bl-Artikolu 14 tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2011 (BGBl. I, p. 2854).


7 —      P. 16 tad-deċiżjoni tar-rinviju.


8 —      Fir-rigward tar-regola simili li tinsab fl-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 90/364/KEE tal-Kunsill, tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar id-dritt ta’ residenza, ara s-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, Ġabra p. I‑9925, punt 44).


9 —      Ara, f’dan ir-rigward, K. Riesenhuber, “Die Auslegung”, fi: K. Riesenhuber, Europäische Methodenlehre, it-Tieni edizzjoni, Walter de Gruyter, Berlin/NewYork, 2010, § 11, punt 37: “id-drittijiet għandhom dejjem jiġu dedotti mill-parti regolatorja tal-att ġuridiku”.


10 —      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Mejju 2000, KVS International (C‑301/98, Ġabra p. I‑3583, punt 21); tat-23 ta’ Novembru 2006, ZVK (C‑300/05, Ġabra p. I‑11169, punt 15), u tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrosian (C‑19/08, Ġabra p. I‑495, punt 34). Fuq id-dettalji tal-metodi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ara C. Wendehorst, “Methodenlehre und Privatrecht in Europa”, fi: C. Jabloner et, Vom praktischen Wert der Methode, Festschrift für Heinz Mayer zum 65. Geburtstag, Manzsche Verlags- und Universitätsbuchhandlung, Vjenna, 2011, p. 827 et seq. Fuq ir-riskji partikolari tal-multilingwiżmu fid-dritt tal-Unjoni, ara, F. Müller u R. Christensen, Juristische Methodik, vol. II, Europarecht, it-Tieni edizzjoni, Duncker & Humblot, Berlin, 2007, punti 324 sa 344.


11 —      Ara p. 16 tad-deċiżjoni tar-rinviju.


12 —      Il-punt 45 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta’ fatti konkreti, ma jidhirx li jeħtieġ li tiġi eżaminata fid-dettall ir-rilevanza eventwali tad-Direttiva 2004/38 fil-każ li ċittadin tal-Unjoni jerġa’ jmur lura fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu. Ara, f’każ simili bħal dan, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind (C‑291/05, Ġabra p. I‑10719).


13 —      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, Ġabra p. I‑6241, punt 93), u d-digriet tad-19 ta’ Diċembru 2008, Sahin (C‑551/07, Ġabra p. I‑10453, punt 28).


14 —      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “benefiċjarji” fis-sens tad-Direttiva 2004/38, ara l-punti 25 sa 45 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2012, McCarthy (C‑434/09, Ġabra p. I‑3375).


15 —      Filwaqt li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra tali “interpretazzjoni estensiva” hija tqisha wkoll bħala li “diffiċilment tista’ tiġi difiża” (p. 16 tad-deċiżjoni tar-rinviju).


16 —      Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C‑305/05, Ġabra p. I‑5305, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, Ġabra p. I‑10923, punt 48). Fuq il-preċedenza tad-drittijiet fundamentali u l-interpretazzjoni li tikkonforma mad-drittijiet fundamentali, ara, H. D. Jarass, EU-Grundrechte, C. H. Beck, München, 2005, § 3, punt 7.


17 —      Fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawża li tat lok għas-sentenza McCarthy, l-Avukat Ġenerali Kokott tindika li d-Direttiva 2004/38 hija konformi mad-dritt primarju; din il-konformità mad-dritt primarju u, b’mod iktar partikolari, mad-drittijiet fundamentali hija enfasizzata wkoll fil-premessa 31 tad-Direttiva.


18 —      Fuq ir-relazzjonijiet bejn il-KEDB u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ara l-konklużjonijiet tiegħi tat-22 ta’ Settembru 2011 fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et (C‑411/10 u C‑493/10, Ġabra p. I‑13905, punti 142 sa 148).


19 —      Minbarra s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Dereci et (nota ta’ qiegħ il-paġna 2), Ruiz Zambrano (nota ta’ qiegħ il-paġna 3) u Zhu u Chen (nota ta’ qiegħ il-paġna 8), ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter (C‑60/00, Ġabra p. I‑6279, punt 46 dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi “fid-dawl tad-dritt fundamentali tar-rispett għal ħajja tal-familja”)[traduzzjoni mhux uffiċjali], u tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy (C‑434/09, punt 57).


20 —      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ruiz Zambrano (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 42), li tgħid li “miżuri nazzjonali li għandhom l-effett li [ma għandhomx] iċaħħdu liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni”.


21 —      Sentenza Ruiz Zambrano (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 44).


22 —      Sentenza Zhu u Chen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 45).


23 —      Sentenza Dereci et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 65 sa 69).


24 —      Sentenza Dereci (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 72).


25 —      Huwa dan li jidher li qiegħda tikkunsidra l-qorti tar-rinviju fil-parti B1 tad-domandi tagħha.


26 —      Ara, fuq dan il-kunflitt duttrinali, M. Borowsky, fi: J. Meyer, Charta der Grundrechte der Europäischen Union, it-Tielet edizzjoni, Nomos Verlagsgesellschaft, Baden-Baden, 2011, Artikolu 51, punti 29 sa 31; D. Ehlers, fi: D. Ehlers, Europäische Grundrechte und Grundfreiheiten, it-Tielet edizzjoni, De Gruyter, Berlin, 2009, § 14, punt 53, u Jarass (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16), § 4, punt 15.


27 —      Fuq in-natura ġuridika ta’ dan id-dritt, ara s-sentenza Zhu u Chen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 39 sa 41) kif ukoll is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C‑148/02, Ġabra p. I‑11613, punt 24). Ara wkoll S. Seyr u H.-C. Rümke, “Das grenzüberschreitende Element in der Rechtsprechung des EuGH zur Unionsbürgerschaft — zugleich eine Anmerkung zum Urteil in der Rechtssache Chen”, EuR 2005, p. 667 u b’mod iktar partikolari p. 672 et seq; C. Calliess, “Der Unionsbürger: Status, Dogmatik und Dynamik”, EuR 2007, p. 7 u b’mod iktar partikolari p. 23 et seq, kif ukoll, b’riferiment għall-premessa 2 tad-Direttiva 2004/38, N. Graf Vitzthum, “Die Entdeckung der Heimat der Unionsbürger”, EuR 2011, p. 550 u b’mod iktar partikolari p. 555 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 29.


28 —      Ara, f’dan ir-rigward, l-ispjegazzjoni dwar l-Artikolu 51 (ĠU 2007, C 303, p. 32).


29 —      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-25 ta’ Marzu 2004, Karner (C‑71/02, Ġabra p. I‑3025, punti 48 et seq u l-ġurisprudenza ċċitata); tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 40), u tas-26 ta’ Ġunju 1997, Familiapress (C‑368/95, Ġabra p. I‑3689, punt 24).


30 —      Fuq id-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ restrizzjoni, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2006, Tas-Hagen u Tas (C‑192/05, Ġabra p. I‑10451, punti 30 et seq u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper (C‑406/04, Ġabra p. I‑6947, punt 39). F’dan ir-rigward, ara wkoll il-punt 69 tal-konklużjonijiet tas-27 ta’ Marzu 2012 tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Rahman et (C‑83/11, sentenza li għadha ma ngħatatx).


31 —      Ara, fuq dan is-suġġett, l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, p. 21 u 22.


32 —      Ara, fuq dan is-suġġett, l-osservazzjonijiet bil-miktub tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, punti 95 et seq.


33 —      Ara, f’dan is-sens, il-punt 78 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Rahman et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30), peress li, f’din il-kawża, il-membri tal-familja xtaqu jiksbu dritt ta’ soġġorn fl-istess Stat Membru bħaċ-ċittadin tal-Unjoni.


34 —      Fuq ir-rilevanza, għad-dritt ta’ soġġorn, tad-dritt primarju, konġuntament mad-drittijiet fundamentali u mad-drittijiet tal-bniedem, ara l-punti 74 u 79 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Rahman et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30).


35 —      Ara, fuq dan is-suġġett, U. Karpenstein u F. C. Mayer, EMRK, C. H. Beck, München, 2012, Artikolu 8, punti 41 sa 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll C. Grabenwarter, Europäische Menschenrechtskonvention, ir-Raba’ edizzjoni, C. H. Beck, München, 2009, § 22, punt 16 sa 18. B’mod ġenerali, ara wkoll, fuq il-portata tad-dritt iggarantit fl-Artikolu 8 tal-KEDB, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem., sentenzi Ahmut vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi tat-28 ta’ Novembru 1996 (Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 1996‑VI, p. 2030, § 71), Gül vs L‑Isvizzera tad-19 ta’ Frar 1996 (Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 1996‑I, p. 174, § 38) u Sen vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi tal-21 ta’ Diċembru 2011 (Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 2001‑I, § 31).


36 —      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza N.S.et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 143 et seq).