Language of document : ECLI:EU:C:2024:29

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fil‑11 ta’ Jannar 2024 (1)

Kawża C20/23

SF

vs

MV,

Instituto da Segurança Social IP,

Autoridade Tributária e Aduaneira,

Cofidis SA – Sucursal em Portugal,

fil-preżenza ta’

José da Costa Araújo, bħala amministratur tal-insolvenza

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal da Relação do Porto (il-Qorti tal-Appell ta’ Porto, il-Portugall))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Direttiva (UE) 2019/1023 – Proċeduri ta’ insolvenza – Talba għal ħelsien mid-djun – Esklużjoni tad-djun lejn l-amministrazzjoni fiskali u s-sigurtà soċjali – Neċessità ta’ ġustifikazzjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza) (2), kif ukoll tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (3).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SF, persuna fiżika li saret insolventi (iktar ’il quddiem id-“debitur”), u, b’mod partikolari, l-Instituto da Segurança Social IP (l-Istitut tas-Sigurtà Soċjali, il-Portugall) u l-Autoridade Tributária e Aduaneira (l-Awtorità Fiskali u Doganali, il-Portugall) dwar talba għal ħelsien mid-djun imressqa minn SF matul il-proċedura ta’ insolvenza li tikkonċernah.

3.        Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser niffoka l-analiżi tiegħi fuq il-kwistjoni dwar il-possibbiltà għall-Istati Membri li jeskludu mill-ħelsien mid-djun totali l-krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali, jiġifieri t-tieni domanda preliminari.

4.        Ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Istati Membri jistgħu jeskludu l-krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali mill-ħelsien mid-djun totali previst fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2019/1023 billi jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 23(4) ta’ din id-direttiva, bil-kundizzjoni li dan ikun debitament iġġustifikat u li din il-ġustifikazzjoni tista’ tinsab fid-dritt nazzjonali barra mil-leġiżlazzjoni li ttrasponiet l-imsemmija direttiva.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

5.        L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2019/1023, intitolat “Derogi”, jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jeskludu kategoriji speċifiċi ta’ dejn, mill-ħelsien mid-dejn, jew jirrestrinġu l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn jew jistabbilixxu perjodu itwal tal-ħelsien mid-dejn jekk tali esklużjonijiet, restrizzjonijiet jew perjodi itwal huma debitament iġġustifikati, bħal fil-każ ta’:

a)      dejn garantit;

b)      dejn li jirriżulta minn jew b’rabta ma’ pieni kriminali;

c)      dejn li jirriżulta minn responsabbiltà għad-danni;

d)      dejn rigward obbligi ta’ manteniment li jirriżultaw minn relazzjonijiet tal-familja, ta’ filjazzjoni, ta’ żwieġ jew ta’ affinità;

e)      dejn imġarrab mill-applikazzjoni għal jew il-ftuħ ta’ proċedura li twassal għal ħelsien mid-dejn; u

f)      dejn li jirriżulta mill-obbligu li titħallas l-ispiża tal-proċedura li twassal għal ħelsien mid-dejn.”

B.      Iddritt Portugiż

1.      CIRE

6.        Is-sistema legali Portugiża introduċiet il-possibbiltà ta’ aċċess għall-ħelsien mid-djun fl‑2004, fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza tal-persuni fiżiċi, permezz tad-Decreto-Lei n.o 53/2004 (id-Digriet-Liġi Nru 53/2004) (4), tat‑18 ta’ Marzu 2004, li stabbilixxa l-Código da Insolvência e da Recuperação de Empresas (il-Kodiċi tal-Insolvenza u tal-Irkupru tal-Impriżi, iktar ’il quddiem iċ-“CIRE”).

7.        L-Artikolu 235 taċ-CIRE, li jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali tal-ħelsien mid-djun, jaqra kif ġej:

“Jekk id-debitur ikun persuna fiżika, huwa jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni mill-krediti li jifformaw il-passiv tal-insolvenza li ma tħallsux matul il-proċedura ta’ insolvenza jew fi żmien tliet snin mill-għeluq tagħha, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-kapitolu.”

8.        F’dak li jirrigwarda speċifikament is-suġġett tal-ħelsien mid-djun, l-Artikolu 245(2)(d) taċ-CIRE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mid-Decreto-Lei n.o 84/2019 (id-Digriet-Liġi Nru 84/2019) (5), tat‑28 ta’ Ġunju 2019, li stabbilixxa r-regoli ta’ implimentazzjoni tal-baġit tal-Istat għall‑2019, jipprevedi li l-ħelsien mid-djun ma jkoprix “il-krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali”.

9.        Fl‑2022, il-Lei n.o 9/2022 (il-Liġi Nru 9/2022) (6), tal‑11 ta’ Jannar 2022, li ttrasponiet id-Direttiva 2019/1023, ma biddlitx il-lista ta’ kategoriji ta’ djun esklużi mill-ħelsien mid-djun, b’mod partikolari dawk dovuti lill-amministrazzjoni fiskali u tas-sigurtà soċjali. Din il-liġi ma introduċietx ġustifikazzjoni għal din l-esklużjoni.

2.      IlLGT

10.      Il-kuntest ġuridiku Portugiż dwar l-istabbiliment tat-taxxi għandu bħala bażi legali d-Decreto-Lei n.o 398/98 (id-Digriet-Liġi Nru 398/98) (7), tas‑17 ta’ Diċembru 1998, li approva l-Lei Geral Tributária (il-Liġi Fiskali Ġenerali, iktar ’il quddiem il-“LGT”), li tistabbilixxi u tiddefinixxi l-prinċipji ġenerali li jirregolaw id-dritt fiskali Portugiż u s-setgħat tal-amministrazzjoni fiskali, kif ukoll il-garanziji tal-kontributuri.

11.      L-Artikolu 5(1) u (2) tal-LGT jipprovdi:

“1.      It-tassazzjoni għandha l-għan li tissodisfa l-ħtiġijiet finanzjarji tal-Istat u ta’ entitajiet pubbliċi oħra u li tippromwovi l-ġustizzja soċjali, l-opportunitajiet indaqs u l-korrezzjonijiet meħtieġa tal-inugwaljanzi fid-distribuzzjoni tal-ġid u tal-introjtu.

2.      It-tassazzjoni tosserva l-prinċipji ta’ ġeneralità, ta’ ugwaljanza, ta’ legalità u ta’ ġustizzja materjali.”

12.      Skont l-Artikolu 30(2) u (3) tal-LGT:

“2.      Id-dejn fiskali ma huwiex disponibbli u l-kundizzjonijiet għat-tnaqqis jew għat-tmiem tiegħu jistgħu jiġu stabbiliti biss b’osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ legalità fiskali.

3.      Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti jipprevalu fuq kull leġiżlazzjoni speċjali.”

III. Ilfatti talkawża u ddomandi preliminari

13.      Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2018, li saret res judicata, id-debitur ġie ddikjarat insolventi.

14.      Fit‑23 ta’ Jannar 2019, il-qorti tal-ewwel istanza ddikjarat ammissibbli, preliminarjament, it-talba għall-ħelsien mid-djun tad-debitur.

15.      Fid‑29 ta’ Lulju 2022, l-istralċjarju tal-proċedura ta’ insolvenza ppreżenta opinjoni definittiva, li fiha qies li d-debitur kellu jkun jista’ jibbenefika mill-ħelsien mid-djun.

16.      Fit‑3 ta’ Ottubru 2022, id-debitur ingħata l-eżenzjoni tal-passiv li kien fadal, bl-eċċezzjoni tal-krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali, skont l-Artikolu 245(2) taċ-CIRE.

17.      Id-debitur appella minn din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal da Relação do Porto (il-Qorti tal-Appell ta’ Porto, il-Portugall). Insostenn tal-appell tiegħu, huwa sostna li l-Artikolu 245(2) taċ-CIRE ma huwiex konformi mal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023, peress li l-esklużjoni tal-ħelsien mid-djun mill-krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali ma hijiex, kuntrarjament għal dak li huwa previst f’din l-aħħar dispożizzjoni, “debitament iġġustifikata”.

18.      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-Liġi Nru 9/2022, li permezz tagħha d-Direttiva 2019/1023 ġiet trasposta fid-dritt nazzjonali, ma tinkludi ebda ġustifikazzjoni għall-esklużjoni tal-krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali u li tali ġustifikazzjoni lanqas ma kienet prevista fl-abbozz ta’ din il-liġi. Dik il-qorti tirrileva li, mingħajr dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 245(2) taċ-CIRE ma’ din id-direttiva, hija għandha wkoll dubji dwar jekk l-esklużjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tikkostitwixxix ostakolu għall-għanijiet imfittxija mill-imsemmija direttiva, mit-Trattat FUE u mill-effettività tad-dritt tal-Unjoni.

19.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal da Relação do Porto (il-Qorti tal-Appell ta’ Porto) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 23(4) tad-Direttiva [2019/1023] għandu jiġi interpretat fis-sens li hija permessa biss l-esklużjoni ta’ dejn ieħor (minbarra dawk elenkati fis-subparagrafi) meta din tkun ‘debitament iġġustifikat[a]’?

2)      Il-possibbiltà li l-Istati Membri jeskludu kategoriji speċifiċi ta’ dejn minn ħelsien mid-dejn (sakemm tali esklużjoni tkun debitament iġġustifikata, hekk kif previst fl-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023) għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti li l-Istati Membri jeskludu l-krediti ta’ taxxa (mhux indikati fl-Artikolu rispettiv), b’tali mod li joħolqu sitwazzjoni pprivileġġata għalihom infushom?

3)      Fl-eventwalità li r-risposta għal dawn id-domandi tkun fl-affermattiv, liema kriterji jissodisfaw dan ir-rekwiżit ta’ ġustifikazzjoni, skont id-dritt tal-Unjoni […], sabiex jiġu osservati (tali ġustifikazzjonijiet) il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, li għalihom huma suġġetti l-leġiżlatur [tal-Unjoni] u [l-leġiżlatur] nazzjonali [‘nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità’ (Artikolu 18 TFUE) u ‘libertà ta’ intrapriża’ (Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea), minbarra l-libertajiet ekonomiċi fundamentali tas-suq intern]?

4)      Fl-eventwalità li r-risposta għad-domanda preċedenti tkun fin-negattiv, id-definizzjoni (skont id-dritt tal-Unjoni […] u għal skopijiet ta’ interpretazzjoni tad-direttiva inkwistjoni) ta’ ‘dejn li jirriżulta minn jew b’rabta ma’ pieni kriminali’, kif ukoll ta’ ‘dejn li jirriżulta minn responsabbiltà għad-danni’ jinkludi wkoll id-dejn ta’ taxxa, hekk kif previst mill-att leġiżlattiv intern ta’ traspożizzjoni [ta’ din id-direttiva] […] [il-Liġi Nru 9/2022])?”

20.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mid-debitur, mill-Istitut tas-Sigurtà Soċjali, mill-Gvern Portugiż u mill-Gvern Spanjol kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

IV.    Analiżi

21.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà għall-Istati Membri li jeskludu ċerti kategoriji ta’ djun mill-ħelsien mid-djun, b’mod partikolari l-krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali, li joħolqu sitwazzjoni pprivileġġata fir-rigward tagħhom stess.

22.      Kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern Portugiż u dak Spanjol, fl-osservazzjonijiet tagħhom, jirrikonoxxu n-natura mhux eżawrjenti tal-lista li tinsab fl-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023, peress li hija tipprevedi li jistgħu jiġu esklużi klassijiet speċifiċi ta’ krediti mill-ħelsien ta’ djun f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari sitt klassijiet ta’ krediti elenkati fil-bqija ta’ dan il-paragrafu.

23.      Id-dubju seta’ jiġi permess mir-redazzjoni inizjali ta’ dan l-artikolu, fil-lingwa Spanjola, li kienet tindika li l-Istati Membri setgħu “jeskludu kategoriji speċifiċi ta’ dejn […], bħal fil-każ ta’” (8). Iżda din il-formulazzjoni ġiet issostitwita b’“b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda” (9) b’rettifika ta’ din id-direttiva (10) li allinjat il-formulazzjoni bil-lingwa Spanjola mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra.

24.      Għalhekk, l-eżitazzjoni ma għadhiex permessa: l-użu tal-kliem “[l]-Istati Membri jistgħu jeskludu kategoriji speċifiċi ta’ dejn” u l-avverbju “b’mod partikolari” jfisser li l-lista li tinsab fl-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023 tikkostitwixxi lista mhux eżawrjenti ta’ klassijiet ta’ krediti li jistgħu jiġu esklużi mill-ħelsien mid-djun li tista’ tiġi kkompletata mill-Istati Membri. Din l-analiżi hija msaħħa mill-premessa 81 ta’ din id-direttiva, moqrija fid-dawl tad-dibattiti fi ħdan il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (11), li minnhom jirriżulta li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeskludu kategoriji oħra ta’ krediti f’każijiet debitament iġġustifikati.

25.      B’mod iktar ġenerali, fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri sabiex jeskludu ċerti klassijiet ta’ krediti mill-possibbiltà ta’ ħelsien mid-djun, għandha ssir distinzjoni bejn il-prinċipju ta’ esklużjoni ta’ klassi ta’ krediti u l-kundizzjonijiet ta’ din l-esklużjoni.

26.      Fir-rigward tal-esklużjoni, bħala prinċipju, tal-krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023 jelenka sitt kategoriji ta’ djun li l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-ħelsien mid-djun, jew li għalihom il-ħelsien mid-djun jista’ jkun limitat jew inkella t-terminu ta’ ħelsien itwal. Dawn il-kategoriji huma li ġejjin: id-djun iggarantiti, id-djun li ġejjin minn sanzjonijiet kriminali jew marbuta ma’ tali sanzjonijiet, id-djun li jirriżultaw minn responsabbiltà delittwali, id-djun ta’ manteniment, id-djun imġarrba wara l-introduzzjoni jew il-ftuħ tal-proċedura ta’ ħelsien mid-djun kif ukoll id-djun relatati mal-ispejjeż ta’ din il-proċedura.

27.      Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tqajjem l-argument li teżisti rabta bejn dawn il-kategoriji differenti ta’ krediti li tiġġustifika li ma jitħallewx marġni ta’ diskrezzjoni totali lill-Istati Membri li jixtiequ joħolqu eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ ħelsien mid-djun totali, minħabba n-natura tad-dejn ikkonċernat.

28.      B’hekk, din ir-rabta tinsab fi tħassib ta’ ġustizzja materjali: fl-ewwel lok, id-debitur ma għandux ikun jista’ jaħrab mill-konsegwenzi finanzjarji tal-atti mhux marbuta mal-ħajja normali tan-negozju (djun tal-familja, djun kriminali jew djun ta’ responsabbiltà ċivili). Fit-tieni lok, id-djun li nħolqu fil-kuntest tal-proċedura ta’ ħelsien mid-djun jew sussegwentement jistgħu ma jkunux is-suġġett ta’ ħelsien mid-djun sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja ta’ din il-proċedura. Fit-tielet lok, id-djun iggarantiti jistgħu jiġu esklużi wkoll, peress li dan sar speċifikament bl-għan li jiġu evitati l-konsegwenzi ta’ insolvenza.

29.      Madankollu, diversi elementi jmorru kontra dan l-argument.

30.      L-ewwel nett, il-formulazzjoni stess tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2019/1023 tipprevedi tipi differenti tal-forom ta’ għażliet fir-rigward tal-eċċezzjonijiet possibbli għall-prinċipju ta’ ħelsien mid-djun totali. Il-paragrafu 1 jipprevedi li l-Istati Membri kollha għandhom jipprovdu għal esklużjoni tad-debitur diżonest jew f’mala fede. B’kuntrast ma’ dan, il-paragrafi 3 u 5 jindikaw li l-Istati Membri jistgħu jorganizzaw perijodi itwal għall-ħelsien mid-djun jew perjodu itwal għall-iskadenza f’ċerti każijiet strettament elenkati. Il-paragrafu 4 li għalih qiegħda tintalab l-interpretazzjoni tiegħu, kif imsemmi fil-paragrafu 2, jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-ħelsien mid-djun totali, jekk huma debitament iġġustifikati, billi juru din il-possibbiltà permezz ta’ lista mhux eżawrjenti ta’ eżempji. Għaldaqstant, il-proċedura ta’ ħelsien mid-djun totali jista’ jkollha funzjonament u kamp differenti ħafna skont l-għażliet magħmula minn kull wieħed mill-Istati Membri. Konsegwentement, jidher li huwa diffiċli li jiġi affermat li l-għan ta’ armonizzazzjoni ta’ din il-proċedura ta’ ħelsien mid-djun jiġġustifika li ma tiġix awtorizzata, bħala prinċipju, l-esklużjoni ta’ ċerti klassijiet speċifiċi ta’ krediti minn dan il-ħelsien mid-djun.

31.      Sussegwentement, xejn fid-diskussjonijiet ta’ qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2019/1023 ma jippermetti li jiġi affermat li l-krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali ma jistgħux jiġu esklużi mill-ħelsien mid-djun. Fil-fatt, il-proposta għal direttiva kienet tistabbilixxi ċarament, fir-rigward tal-Artikolu 22 (li sar l-Artikolu 23 tad-Direttiva adottata), li l-Istati Membri kellhom “marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni […] fit-twaqqif tal-limitazzjonijiet għad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ħelsien mid-djun u dwar il-perjodi ta’ ħelsien mid-djun, sakemm dawn il-limitazzjonijiet ikunu speċifikati b’mod ċar u jkunu meħtieġa sabiex jipproteġu interess ġenerali” (12).

32.      Din ir-rieda li titħalla flessibbiltà suffiċjenti lill-Istati Membri ġiet ikkonfermata fid-diskussjonijiet fi ħdan il-Kunsill (13). Fil-fatt, matul in-negozjati fi ħdan din l-istituzzjoni, l-esklużjonijiet mill-ħelsien tad-dejn ġew miżjuda mingħajr kummenti speċifiċi (14) u ġie ċċarat li l-Istati Membri jistgħu jeskludu wkoll ċerti tipi ta’ krediti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom mingħajr ma jispeċifikaw in-natura ta’ dawn (15). Fl-aħħar tan-negozjati fi ħdan il-Kunsill, il-Portugall għamel dikjarazzjoni li fiha indika, essenzjalment, minn naħa, li t-test kien flessibbli biżżejjed sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet li jeskludu jew jillimitaw il-possibbiltà ta’ ħelsien mid-djun tat-taxxa, peress li tali miżuri kellhom jiġu kkunsidrati bħala debitament iġġustifikati, b’kunsiderazzjoni tan-natura partikolari ta’ djun fiskali, u, min-naħa l-oħra, xtaq jirriżerva l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tar-regolamentazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ ħelsien mid-djun fiskali matul it-traspożizzjoni tad-direttiva (16).

33.      Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi tal-Parlament Ewropew, li ġie mitlub jagħti opinjoni, ippropona lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, li quddiemu tressqet il-kawża, emenda dwar premessa u paragrafu favur il-possibbiltà espliċita tal-esklużjoni tal-krediti pubbliċi li fir-rigward tagħha l-Istati Membri kellhom iqisu l-bilanċ meħtieġ bejn l-interess ġenerali u l-promozzjoni tal-intraprenditorija (17).

34.      Fl-aħħar, huwa ċar li d-Direttiva 2019/1023 hija direttiva ta’ armonizzazzjoni minima, dwar il-ħelsien mid-djun totali, li l-għan tagħha huwa l-ħolqien ta’ dan it-tip ta’ proċedura f’kull Stat Membru u mhux il-ħolqien ta’ proċedura armonizzata ta’ ħelsien mid-djun. Fil-fatt, in-negozjati kienu, għall-Istati Membri, l-okkażjoni li jfakkru li din il-proċedura, ġdida jew le, skont l-Istati Membri, kellha tkun tista’ tiġi adattata biżżejjed sabiex ma tinterferixxix mas-sistemi nazzjonali li jiffunzjonaw b’mod effikaċi, peress li tali proċedura kellha rabtiet ma’ oqsma oħra tad-dritt nazzjonali, u li s-sitwazzjoni ekonomika u l-istrutturi ġuridiċi kienu differenti minn Stat Membru għal ieħor (18).

35.      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ esklużjoni ta’ klassi ta’ krediti, l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023 jipprevedi li l-“esklużjonijiet, restrizzjonijiet jew perjodi itwal huma debitament iġġustifikati”. Konsegwentement, għalkemm il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri ma huwiex limitat fir-rigward tan-natura tal-klassijiet speċifiċi ta’ krediti li jistgħu jiġu esklużi, madankollu, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa limitat permezz tal-ġustifikazzjoni li huma għandhom jipprovdu insostenn ta’ din l-esklużjoni.

36.      Barra minn hekk, l-Istati Membri użaw dan il-marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jeskludu ċerti klassijiet ta’ krediti minbarra dawk li jinsabu fil-lista tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023. Fi Franza, il-krediti dovuti lill-impjegati u l-krediti li jirriżultaw minn azzjonijiet relatati ma’ proprjetà akkwistata taħt it-titlu ta’ suċċessjoni miftuħa matul il-proċedura huma esklużi mill-ħelsien mid-djun (19). Fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-krediti relatati mas-self lill-istudenti huma esklużi (20) Fi Spanja, il-krediti għal salarju huma, b’mod partikolari, esklużi wkoll (21).

37.      Permezz tal-frażi “b’tali mod li joħolqu sitwazzjoni pprivileġġata għalihom infushom”, il-qorti tar-rinviju tidher li tqis li r-Repubblika Portugiża, billi tirrifjuta li tissuġġetta ruħha għall-istess trattament bħall-kredituri l-oħra fit-trattament tal-ħelsien mid-djun totali, peress li hija teskludi l-krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali minn dan il-ħelsien, tippreġudika l-ugwaljanza bejn il-kredituri. Issa, fil-qasam tal-proċedura kollettiva, li magħha tista’ tiġi assimilata proċedura ta’ ħelsien mid-djun totali minħabba l-effetti tagħha fuq il-kredituri, ma hijiex l-ugwaljanza bejn il-kredituri kollha li hija mfittxija, iżda l-ugwaljanza bejn il-kredituri li jinsabu f’sitwazzjoni simili. Għalhekk, fil-qasam tar-ristrutturazzjoni, l-Artikolu 10(2)(b) tad-Direttiva 2019/1023 jipprevedi li l-kredituri li għandhom biżżejjed interessi komuni fi ħdan l-istess klassi għandhom jibbenefikaw minn ugwaljanza fit-trattament, u għandhom jiġu ttrattati b’mod proporzjonali għall-kreditu tagħhom. Bl-istess mod, il-premessa 52 ta’ din id-direttiva tiddikjara li mill-kriterju tal-aħjar interess tal-kredituri jirriżulta li, meta kredituri istituzzjonali pubbliċi jgawdu minn status ipprivileġġat bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-pjan ma jistax jimponi annullament totali jew parzjali tal-krediti miżmuma minn dawn il-kredituri. Fir-rigward tal-premessa 44 tal-imsemmija direttiva, din tfakkar, minn naħa, li għandu jiġi ggarantit li drittijiet sostanzjalment simili jiġu ttrattati b’mod ġust u li l-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni jistgħu jiġu adottati mingħajr ma jiġu ppreġudikati inġustament id-drittijiet tal-partijiet affettwati, peress li dawn tal-aħħar għandhom jitqassmu fi klassijiet distinti li jikkorrispondu għall-kriterji ta’ tqassim fi klassijiet previsti mid-dritt nazzjonali u, min-naħa l-oħra, li l-Istati Membri jkunu jistgħu jaqsmu fi klassijiet distinti tipi ta’ kredituri li ma għandhomx biżżejjed interessi komuni, pereżempju l-amministrazzjonijiet fiskali jew tas-sigurtà soċjali.

38.      Dawn ir-regoli huma konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-libertà ta’ intrapriża protetta mill-Artikolu 16 tal-Karta. Fil-fatt, hija ddeċidiet li, jekk tiġi żgurata l-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà mill-ordinament kostituzzjonali tal-Istati Membri kollha u jekk jingħataw garanziji simili għall-eżerċizzju liberu tal-kummerċ, tax-xogħol u ta’ attivitajiet professjonali oħra, id-drittijiet hekk iggarantiti, mhux talli ma jidhrux bħala prerogattivi assoluti, iżda għandhom jitqiesu fid-dawl tal-funzjoni soċjali tal-beni u tal-attivitajiet protetti. Hija żiedet li, għal din ir-raġuni, id-drittijiet ta’ dan l-ordni huma ggarantiti regolarment biss bla ħsara għal-limitazzjonijiet previsti skont l-interess pubbliku (22).

39.      Għaldaqstant, billi tipprevedi l-esklużjoni tal-krediti fiskali u tas-sigurtà soċjali mill-proċedura ta’ ħelsien mid-djun totali, ir-Repubblika Portugiża la tippreġudika, fiha nnifisha, l-ugwaljanza bejn il-kredituri, kif għandha tiġi implimentata f’dan il-qasam, u lanqas il-libertà ta’ intrapriża.

40.      Fir-rigward tal-modalitajiet ta’ ġustifikazzjoni ta’ din l-esklużjoni, il-Kummissjoni tqis li din ma tistax taqa’ taħt sempliċi dikjarazzjoni pro forma u li l-leġiżlatur Portugiż ma pprovda ebda ġustifikazzjoni għal din l-esklużjoni tal-krediti fiskali u ta’ sigurtà soċjali, anki purament formali.

41.      Madankollu, kif indikajt preċedentement, il-Portugall għamel dikjarazzjoni preċiża waqt in-negozjati tad-Direttiva 2019/1023 dwar l-esklużjoni tal-krediti fiskali (23). Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Portugiż jirrileva li, minn naħa, l-Artikolu 103(1) tal-Constituição da República Portuguesa (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika Portugiża) jipprevedi li s-sistema fiskali hija intiża sabiex tissodisfa l-bżonnijiet finanzjarji tal-Istat u ta’ entitajiet pubbliċi oħra u sabiex tqassam b’mod ġust id-dħul u l-ġid kif ukoll, min-naħa l-oħra, li l-Artikoli 5 u 30 tal-LGT jistabbilixxu regoli u prinċipji li jiġġustifikaw din l-esklużjoni bħala s-sodisfazzjon tal-bżonnijiet finanzjarji tal-Istat, il-promozzjoni tal-ġustizzja soċjali u l-opportunitajiet indaqs kif ukoll il-korrezzjonijiet neċessarji tal-inugwaljanzi fit-tqassim tal-ġid u tad-dħul filwaqt li jiġu osservati l-prinċipji ta’ ġeneralità, ta’ ugwaljanza, ta’ legalità, ta’ ġustizzja materjali u ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà tad-dejn fiskali.

42.      L-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023 ma jgħid xejn dwar il-forma tal-ġustifikazzjoni meħtieġa, iżda l-premessa 81 tippreċiża li għandu jkun hemm raġuni debitament iġġustifikata bis-saħħa tad-dritt nazzjonali. Ma jidhirlix li huwa meħtieġ li l-ġustifikazzjoni tingħata fl-att li jittrasponi din id-direttiva stess jekk din tkun diġà teżisti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali (Kostituzzjoni, liġi, regolament) jew anki jekk tkun dehret fil-kuntest tan-negozjati tal-imsemmija direttiva, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju billi tieħu inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni kollha applikabbli u l-koerenza tagħha.

43.      Bħala konklużjoni, jidhirli li d-Direttiva 2019/1023 hija direttiva ta’ armonizzazzjoni minima li l-għan tagħha huwa l-introduzzjoni f’kull Stat Membru ta’ proċedura ta’ ħelsien mid-djun li l-limiti tagħha fir-rigward tan-natura tal-krediti li jistgħu jiġu esklużi minn dan il-ħelsien huma fil-parti l-kbira tagħhom riferuti għall-evalwazzjoni tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni li l-esklużjonijiet ikunu debitament iġġustifikati, inkluż barra mill-att ta’ traspożizzjoni.

44.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej: l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-lista li tinsab fih ma hijiex eżawrjenti u li klassijiet speċifiċi oħra ta’ krediti minbarra dawk li jinsabu f’din il-lista jistgħu jkunu suġġetti għal ħelsien mid-dejn, għal ħelsien limitat mid-djun jew għal terminu ta’ ħelsien itwal bil-kundizzjoni li dan ikun debitament iġġustifikat fid-dritt nazzjonali, inkluż barra mid-dispożizzjoni ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.

V.      Konklużjoni

45.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal da Relação do Porto (il-Qorti tal-Appell ta’ Porto, il-Portugall) kif ġej:

L-Artikolu 23(4) tad-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-djun u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza),

għandu jiġu interpretat fis-sens li:

il-lista li tinsab fih ma hijiex eżawrjenti u klassijiet speċifiċi oħra ta’ krediti minbarra dawk li jinsabu f’din il-lista jistgħu jkunu suġġetti għal ħelsien mid-djun, għal ħelsien limitat mid-djun jew għal terminu ta’ ħelsien itwal bil-kundizzjoni li dan ikun debitament iġġustifikat fid-dritt nazzjonali, inkluż barra mid-dispożizzjoni ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2019, L 172, p. 18.


3      Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


4      Diário da República, serje I‑A, Nru 66, tat‑18 ta’ Marzu 2004.


5      Diário da República, l-ewwel serje, Nru 122, tat‑28 ta’ Ġunju 2019.


6      Diário da República, l-ewwel serje, Nru 7, tal‑11 ta’ Jannar 2022.


7      Diário da República, serje I‑A, Nru 290, tas‑17 ta’ Diċembru 1998.


8      “en los siguientes casos”.


9      “como en los siguientes casos”.


10      ĠU 2022, L 43, p. 94.


11      Ara n-nota tas‑16 ta’ Mejju 2018 tal-Presidenza lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti dwar il-Proposta għal Direttiva dwar oqfsa ta’ risturtturar preventiv u tat-tieni opportunità, kif ukoll miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn u li temenda d-Direttiva 2012/30/UE – Approċċ ġenerali parzjali (dokument 8830/18 ADD 1), b’mod partikolari n-nota f’qiegħ il-paġna 14 li tiddikjara li l-premessi ser jiċċaraw li l-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 22 (li saru l-paragrafi 2 u 4 tal-Artikolu 23 tad-Direttiva adottata) ma jridux ikunu eżawrjenti.


12      Ara l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar oqfsa ta’ risturtturar preventiv u tat-tieni opportunità, kif ukoll miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn u li temenda d-Direttiva 2012/30/UE (COM (2016) 723 finali), p. 26.


13      Ara l-punt 5 tan-nota tad‑19 ta’ Mejju 2017 tal-Presidenza lill-Coreper/Kunsill dwar il-Proposta għal Direttiva dwar oqfsa ta’ risturtturar preventiv u tat-tieni opportunità, kif ukoll miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn u li temenda d-Direttiva 2012/30/UE – Dibattitu ta’ orjentazzjoni (dokument 9316/17): “Fis‑27 ta’ Jannar 2017, fil-laqgħa informali tal-Kunsill ‘Ġustizzja u Affarijiet Interni’, il-Ministri taw appoġġ wiesa’ fil-prinċipju għall-għanijiet tal-proposta. Il-ħidma mwettqa f’din l-okkażjoni enfasizzat l-importanza li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn l-interessi rispettivi tad-debituri u l-kredituri u li tiġi offruta ċerta flessibbiltà, b’tali mod li ma jkunx hemm interferenza mas-sistemi nazzjonali li jiffunzjonaw b’mod effettiv. Il-ħidma fi ħdan il-grupp ‘Kwistjonijiet dwar id-Dritt Ċivili’ (Insolvenza) żvelat li l-għanijiet tal-proposta jwasslu għal qbil ġenerali. Madankollu, id-delegazzjonijiet enfasizzaw ukoll il-kumplessità tad-direttiva proposta minħabba r-rabtiet tagħha ma’ oqsma oħra tad-dritt nazzjonali, kif ukoll il-ħtieġa riżultanti li l-Istati Membri jingħataw biżżejjed flessibbiltà sabiex jadattaw il-miżuri tal-(Unjoni) għas-sitwazzjoni ekonomika u l-istrutturi ġuridiċi nazzjonali ” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


14      Ara n-nota tas‑16 ta’ Marzu 2018 tal-Presidenza Bulgara u l-Presidenza Awstrijaka li jmiss lill-grupp ‘Kwistjonijiet ta’ Dritt Ċivili’ (Insolvenza) dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar oqfsa ta’ risturtturar preventiv u tat-tieni opportunità, kif ukoll miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn u li temenda d-Direttiva 2012/30/UE – Test rivedut tal-Artikoli 19, 20 u 22 tat-Titolu III u definizzjonijiet assoċjati (dokument 7150/18), p. 6.


15      Ara n-nota tal‑24 ta’ Mejju 2018 tal-Presidenza lill-Kunsill dwar il-proposta għal direttiva dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, it-tieni opportunità u l-miżuri li għandhom jittieħdu biex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri ta’ ristrutturar, ta’ insolvenza u ta’ approvazzjoni u li temenda d-Direttiva 2012/30/UE – Approċċ ġenerali parzjali (dokument 9236/18 ADD 1), p. 9.


16      Ara n-nota tal‑21 ta’ Mejju 2019 tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti/Kunsill dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar oqfsa ta’ risturtturar preventiv u tat-tieni opportunità, kif ukoll miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn u li temenda d-Direttiva 2012/30/UE (Direttiva dwar ir-Ristrutturar u l-Insolvenza) (l-ewwel qari) – Adozzjoni tal-att leġiżlattiv – Dikjarazzjoni (dokument 9170/2/19 REV 2 ADD 1), p. 1 u 2.


17      Ara l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tas‑7 ta’ Diċembru 2017 lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar oqfsa ta’ risturtturar preventiv u tat-tieni opportunità, kif ukoll miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn u li temenda d-Direttiva 2012/30/UE, Relatur għal opinjoni: Enrique Calvet Chambon, proposta għall-emendi 22 u 94.


18      Ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


19      Ara l-Artikolu L. 645–11 tal-Kodiċi tal-Kummerċ.


20      Ara l-Artikolu 299a tal-Faillissementswet (il-Liġi dwar il-Falliment).


21      Ara l-punti 4 u 5 tal-Artikolu 489(1) tal-Ley 22/2003 Concursal (il-Liġi 22/2003 dwar l-Insolvenza).


22      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 1974, Nold vs Il‑Kummissjoni (4/73, EU:C:1974:51, punt 14).


23      Ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.