Language of document : ECLI:EU:T:2022:780

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

7 ta’ Diċembru 2022 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea li tirrappreżenta inserzjoni sanitarja ċilindrika – Trade mark ta’ pożizzjoni li tintmiss – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi – Eżami ex officio – Eżami mill-Bord tal-Appell tal-karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (UE) 207/2009 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001] – Sinjal li ma jistax jikkostitwixxi trade mark tal-Unjoni Ewropea – Assenza ta’ rappreżentazzjoni grafika preċiża u kompleta fiha nnifisha tal-impressjoni li tintmiss prodott mis-sinjal – Artikoli 4 u 7(1)(a) tar-Regolament (CE) 207/2009 [li saru l-Artikolu 4 u l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1001]”

Fil-Kawża T‑487/21,

Neoperl AG, stabbilita f’Reinach (l-Isvizzera), irrappreżentata minn U. Kaufmann, avukata,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn T. Klee u D. Hanf, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn A. Kornezov, President, E. Buttigieg (Relatur), K. Kowalik-Bańczyk, G. Hesse u D. Petrlík, Imħallfin,

Reġistratur: R. Ūkelytė, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑12 ta’ Mejju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Neoperl AG, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat‑3 ta’ Ġunju 2021 (Każ R 2327/2019-5) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Fl‑1 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-EUIPO bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas‑26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1) [issostitut mir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑14 ta’ Ġunju 2017, dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1) għas-sinjal li ġej:

Image not found

3        Fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ġiet indikata bħala “trade mark oħra”, jiġifieri “trade mark ta’ pożizzjoni li tintmiss”, u deskritta bil-mod li ġej:

“It-trade mark hija trade mark ta’ pożizzjoni li tintmiss. Il-protezzjoni hija mitluba għal struttura, li hija disposta għal tarf ta’ element sanitarju ċilindriku li għandu jiddaħħal, intiż għall-fluss tal-ilma, orjentata lejn l-estern u li taqbeż bażi mhux elastika, fejn din l-istruttura ssir permezz ta’ paletti ċirkolari, konċentriċi u elastiċi ta’ ftit millimetri għolja fuq il-wiċċ kollu tat-tarf, peress li l-paletti elastiċi jkunu deformabbli billi tagħfas saba kontra l-bażi u b’mod parallel mal-bażi. L-ebda protezzjoni ma hija mitluba għall-bqija tal-kontorn tal-element li għandu jiddaħħal, bit-tikek fir-rappreżentazzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 11 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Elementi sanitarji li jiddaħħlu, b’mod partikolari regolaturi bil-ġett u formaturi bil-ġett”.

5        L-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat lok għal oġġezzjonijiet minħabba raġunijiet formali ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni previsti fl-Artikolu 26(1)(d) tar-Regolament Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 31(1)(d) tar-Regolament 2017/1001], moqri flimkien mar-Regola 9(3)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat‑13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189) (li sar l-Artikolu 41(2) tar-Regolament 2017/1001), peress li, “b’mod ġenerali, it-trade marks li jintmissu [...] ma humiex aċċettati mill-[EUIPO]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Huwa b’hekk issuġġerit lir-rikorrenti li tikklassifika mill-ġdid it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fi trade mark ta’ pożizzjoni.

6        Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrenti rrifjutat li tikklassifika mill-ġdid it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u insistiet, f’dan ir-rigward, fuq il-klassifikazzjoni ta’ trade mark ta’ pożizzjoni li tintmiss kif ukoll fuq id-deskrizzjoni ppreżentata.

7        Fil‑11 ta’ Ottubru 2019, l-eżaminatriċi ċaħdet l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni abbażi tal-Artikolu 41(4) tar-Regolament 2017/1001, moqri flimkien, essenzjalment, mal-Artikolu 4 u mal-Artikolu 31(3) tal-imsemmi regolament, għal raġunijiet formali, sa fejn, essenzjalment, l-applikazzjoni, sa fejn din kienet tirrigwarda r-reġistrazzjoni ta’ trade mark li tintmiss, ma kinitx preċiża biżżejjed fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

8        Fis‑16 ta’ Ottubru 2019, ir-rikorrenti appellat quddiem l-EUIPO mid-deċiżjoni tal-eżaminatriċi. Fit‑22 ta’ Jannar 2020, hija ppreżentat in-nota li tispjega r-raġunijiet ta’ dan l-appell.

9        Permezz ta’ komunikazzjoni tar-relatur tat‑3 ta’ Awwissu 2020, il-Bord tal-Appell tal-EUIPO indika lir-rikorrenti li, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni għal trade mark tissodisfax jew le r-rekwiżiti tal-Artikolu 31 tar-Regolament 2017/1001, huwa kien qies li r-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament kienet rilevanti u li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

10      Fit‑3 ta’ Marzu 2021, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-komunikazzjoni tat‑3 ta’ Awwissu 2020.

11      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO qies li s-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark tal-Unjoni kien nieqes minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 u ċaħad l-appell.

 It-talbiet tal-partijiet

12      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna l-EUIPO għall-ispejjeż.

13      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

 Osservazzjonijiet preliminari

14      Fid-dawl tad-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwistjoni, jiġifieri l‑1 ta’ Settembru 2016, li hija determinanti għall-identifikazzjoni tad-dritt sostantiv applikabbli għall-finijiet tal-eżami tal-eżistenza ta’ raġunijiet assoluti għal rifjut, din il-kawża hija rregolata mid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 207/2009, jekk ikun il-każ, kif emendati bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 u r-Regolament Nru 2868/95, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU 2015, L 341, p. 21 rettifika fil-ĠU 2016, L 71, p. 322, ĠU 2016, L 110, p. 4, u ĠU 2016, L 267, p. 1) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2019, EUIPO vs Wajos, C‑783/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1073, punt 2, u tat‑8 ta’ Mejju 2019, VI.TO vs EUIPO – Bottega (Forma ta’ flixkun tad-deheb), T‑324/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:297, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15      B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2015/2424 jipprevedi li dan ir-regolament jidħol fis-seħħ fit‑23 ta’ Marzu 2016, iżda li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009, kif emendat, li fosthom hemm l-Artikolu 4 u l-Artikolu 26(3), għandhom japplikaw biss mill‑1 ta’ Ottubru 2017.

16      Konsegwentement, f’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda r-regoli sostantivi, l-Artikolu 4 u l-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 207/2009 fil-verżjoni tagħhom applikabbli qabel l-emenda bir-Regolament 2015/2424 kif ukoll l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009, kif emendat bir-Regolament 2015/2424, huma applikabbli. Madankollu, fir-rigward ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, l-applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 207/2009, kif emendat bir-Regolament 2015/2424, ma twassalx għal riżultat differenti għall-eżami ta’ dan ir-rikors. Fil-fatt, l-emenda li saret għar-Regolament Nru 207/2009 bir-Regolament 2015/2424 ma tikkonċernax id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009, li huma l-uniċi rilevanti għall-finijiet tal-eżami ta’ dan ir-rikors. Għalhekk, f’dan il-każ, fir-rigward tar-regoli sostantivi, ir-riferimenti magħmula mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata u mir-rikorrenti fir-rikors għall-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għall-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, kif emendat, ta’ kontenut identiku.

17      Sa fejn ir-regoli proċedurali huma ġeneralment meqjusa applikabbli fid-data li fiha dawn jidħlu fis-seħħ (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata), it-tilwima hija rregolata mid-dispożizzjonijiet proċedurali tar-Regolament 2017/1001, fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq it-tressiq ex officio ta’ motiv ibbażat fuq ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi

18      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001. Hija ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-karatteristiċi partikolari tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala trade mark ta’ pożizzjoni li tintmiss u tikkritikah li ma stabbilixxiex, bi ksur b’mod partikolari tal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 95 tar-Regolament 2017/1001 li jwettaq l-eżami ex officio tal-fatti rilevanti, la l-impressjoni li tintmiss tas-soltu prodotta mir-regolaturi tal-ġett, u lanqas dik prodotta mis-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, u lanqas il-fatt li din l-impressjoni flessibbli li tintmiss tal-paletti li jikkomponu dan is-sinjal hija neċessarjament assoċjata ma’ kwalità funzjonali tal-prodotti inkwistjoni. Minn dan ir-rikorrenti tikkonkludi li, kuntrarjament għal dak li sostna l-Bord tal-Appell, l-imsemmi sinjal għandu karattru distintiv.

19      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u jsostni li huwa ġust li , wara li ddetermina b’mod eżawrjenti u preċiż il-fatti, il-Bord tal-Appell qies li s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kien nieqes minn karattru distintiv.

20      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-eżaminatriċi ċaħdet l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni abbażi tal-Artikolu 41(4) tar-Regolament 2017/1001, moqri flimkien mal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament (ara l-punt 7 iktar ’il fuq) minħabba li n-natura tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet indikata b’mod żbaljat, li d-deskrizzjoni li tinsab fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienet irrilevanti u li, fi kwalunkwe każ, din id-deskrizzjoni setgħet biss tiddeskrivi dak li kien hemm lok li wieħed jara fuq ir-rappreżentazzjoni grafika tal-imsemmija trade mark mingħajr ma tista’ tikkostitwixxi interpretazzjoni ta’ dak li wieħed jifhem minn trade mark partikolari. Hija żiedet li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet ipperċepita mis-sens tal-mess, filwaqt li l-proprjetajiet sensorjali ma setgħux jiġu direttament dedotti mir-rappreżentazzjoni tas-sinjal. Konsegwentement, skont l-eżaminatriċi, ir-rappreżentazzjoni grafika tas-sinjal ma kinitx tirriproduċi l-applikazzjoni bi preċiżjoni suffiċjenti.

21      Ir-rikorrenti kkontestat din id-deċiżjoni, billi indikat fil-kuntest tan-nota tagħha li tesponi l-aggravji tal-appell, tat‑22 ta’ Jannar 2020 (ara l-punt 8 iktar ’il fuq), li, mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2017/1001, ma kinitx meħtieġa rappreżentazzjoni grafika ta’ sinjal li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea. Sussidjarjament, fl-ipoteżi fejn ir-rekwiżiti dwar ir-rappreżentazzjoni grafika ta’ trade mark imsemmija fir-Regolament Nru 207/2009 għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, hija sostniet, billi bbażat ruħha fuq il-perizja legali mehmuża mal-osservazzjonijiet tagħha, li l-kapaċità ġenerali tat-trade marks ta’ pożizzjoni li jintmissu li jiġu rreġistrati ma kinitx eskluża fid-dritt tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea u li r-rappreżentazzjoni grafika tas-sinjal inkwistjoni akkumpanjata minn deskrizzjoni kienet tippermetti li “tiġi stabbilita” t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, inkluż fir-rigward tal-impressjoni li tintmiss li hija pproduċiet, b’mod li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti u għall-pubbliku li jiddetermina ċarament u mingħajr ambigwità l-għan tal-protezzjoni mitluba.

22      Fil-komunikazzjoni tar-relatur tat‑3 ta’ Awwissu 2021, indirizzata lir-rikorrenti wara l-preżentata tar-rikors kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatriċi (ara l-punt 9 iktar ’il fuq), u fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell iddeċieda li jeżamina r-raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u indika li ma kinitx rilevanti l-kwistjoni dwar jekk is-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni kellux, barra minn hekk, jiġi rrifjutat ir-reġistrazzjoni tiegħu konformement mal-Artikolu 41(4) tar-Regolament 2017/1001, moqri flimkien mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar, wara emenda, l-Artikolu 4 tar-Regolament 2017/1001), jew skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, kif emendat, sa fejn kien suffiċjenti li motiv ta’ rifjut imsemmi fl-imsemmi Artikolu 7(1) kien jipprekludi din ir-reġistrazzjoni (ara l-punt 58 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      Ir-rikorrenti ma qajmitx motiv ibbażat fuq il-ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi sabiex tikkontesta l-għażla magħmula mill-Bord tal-Appell li jeżamina l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni fid-dawl biss tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

24      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm ċerti motivi jistgħu, jew saħansitra għandhom, jitqajmu ex officio, motiv li jirrigwarda l-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni kkontestata jista’, min-naħa l-oħra, jiġi eżaminat mill-qorti tal-Unjoni biss jekk jiġi invokat mir-rikorrent (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑467/15 P, EU:C:2017:799, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, fil-kuntest tat-tilwima ddefinita mill-partijiet, il-qorti tal-Unjoni, filwaqt li għandha tiddeċiedi biss fuq it-talba tal-partijiet, ma tistax tkun marbuta biss bl-argumenti invokati minnhom insostenn tal-pretensjonijiet tagħhom, ħlief li tkun kostretta, jekk ikun il-każ, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos, C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punt 58). B’mod partikolari, f’tilwima bejn il-partijiet għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ, l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tapplika d-dispożizzjonijiet legali rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima għall-fatti ppreżentati lilha mill-partijiet. Fil-fatt, skont il-prinċipju iura novit curia, id-determinazzjoni tas-sens tal-liġi ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ prinċipju ta’ dispożizzjoni libera tat-tilwima f’idejn il-partijiet (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il‑Kummissjoni, T‑691/14, taħt appell, EU:T:2018:922, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Għalhekk, il-qorti tal-Unjoni għandha l-fakultà u, jekk ikun il-każ, l-obbligu li tqajjem ex officio ċerti motivi ta’ legalità interna (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni, C‑666/19 P, EU:C:2021:827, punt 25). Dan huwa l-każ, pereżempju, fir-rigward tal-motiv ta’ legalità interna bbażat fuq l-awtorità assoluta tar-res judicata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2006, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni (C‑442/03 P u C-471/03 P, EU:C:2006:356, punt 45).

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li motiv ibbażat fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi huwa ta’ ordni pubbliku u hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżaminah ex officio. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tikser il-funzjoni tagħha ta’ qorti tal-legalità jekk tastjeni milli tirrileva, anki fl-assenza ta’ kontestazzjoni tal-partijiet fuq dan il-punt, li d-deċiżjoni kkontestata quddiemha ttieħdet abbażi ta’ regola li ma tistax tiġi applikata għall-każ inkwistjoni u jekk, sussegwentement, hija kellha tiddeċiedi l-kawża quddiemha billi tapplika hija stess regola bħal din (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2019, RV vs Il‑Kummissjoni, T‑167/17, EU:T:2019:404, punti 60 u 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Madankollu, l-obbligu, għall-qorti tal-Unjoni, li tirrileva ex officio motiv ta’ ordni pubbliku għandu jkun eżerċitat fid-dawl tal-prinċipju ta’ kontradittorju. Għalhekk, minbarra l-każijiet partikolari bħal, b’mod partikolari, dawk previsti mir-Regoli tal-Proċedura tal-qrati tal-Unjoni, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq motiv ta’ liġi mqajjem ex officio, anki ta’ ordni pubbliku, mingħajr ma qabel tistieden lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-imsemmi motiv (sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 57; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission, C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li teżamina ex officio l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi, hija stiednet lill-partijiet, waqt is-seduta u permezz ta’ domanda għal risposta bil-miktub magħmula fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar l-eżistenza, jekk ikun il-każ, tal-obbligu tal-Bord tal-Appell li jeżamina jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tissodisfax ir-rekwiżit ta’ rappreżentazzjoni grafika msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009 u jekk, konsegwentement, l-imsemmija trade mark setgħetx tmur kontra r-raġuni assoluta għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(a) ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari fid-dawl tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, M/S. Indeutsch International vs EUIPO – 135 Kirkstall (Rappreżentazzjoni ta’aringi bejn żewġ linji paralleli) (T‑124/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:668). Barra minn hekk, il-partijiet ġew mistiedna jippreċiżaw jekk, fil-fehma tagħhom, l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 setax jiġi applikat fiċ-ċirkustanzi tal-każ.

30      B’risposta għall-imsemmija domanda, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kellu jeżamina jekk is-sinjal inkwistjoni jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 u, b’mod iktar partikolari, jekk kienx jissodisfa r-rekwiżit ta’ rappreżentazzjoni grafika msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, qabel ma jeżamina s-sinjal fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament. Tali obbligu jirriżulta mill-interpretazzjoni litterali, teleoloġika u sistematika tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni kif ukoll mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Rappreżentazzjoni ta’ aringi bejn żewġ linji paralleli (T‑124/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:668). Skont ir-rikorrenti, l-approċċ segwit mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009, b’mod partikolari tal-Artikolu 71(1) tiegħu, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(a) tiegħu u mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(1) ta’ dan ir-regolament. Il-Qorti Ġenerali għandha, skont ir-rikorrenti, teżamina ex officio dan il-ksur.

31      L-EUIPO jqis li l-kundizzjonijiet sabiex il-motiv ibbażat fuq ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi jitqajjem ex officio ma humiex issodisfatti f’dan il-każ. B’mod iktar partikolari, l-EUIPO jsostni li l-Bord tal-Appell kellu d-dritt li jiċħad l-appell billi eżamina s-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni fid-dawl biss tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, billi kkunsidra konsegwentement, fil-punt 58 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 4 tal-Artikolu 7(1)(a) ta’ dan ir-regolament kienet, f’dan il-każ, irrilevanti. Fil-fatt, skont l-EUIPO, minn naħa, iċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni tista’ tkun ibbażata fuq waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut, peress li ebda waħda minn dawn ir-raġunijiet ma hija ta’ natura li tipprevali fuq oħra, u, min-naħa l-oħra, l-eżami li wettaq il-Bord tal-Appell skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 kien l-iktar komplet possibbli. Barra minn hekk, l-EUIPO jsostni li l-prinċipju stabbilit mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Rappreżentazzjoni ta’ aringi bejn żewġ linji paralleli (T‑124/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:668), ma huwiex trasponibbli għal din it-tilwima.

32      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009 fil-verżjoni tiegħu applikabbli rationae temporis tiegħu (ara l-punt 16 iktar ’il fuq), jistgħu jikkostitwixxu trade marks tal-Unjoni Ewropea s-sinjali kollha li jistgħu jiġu rrappreżentati b’mod grafiku, b’mod partikolari l-kliem, inklużi ismijiet ta’ persuni, disinni, ittri, numri, il-forma tal-prodott jew l-imballaġġ tiegħu, sakemm tali sinjali jkunu jistgħu jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra.

33      Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009:

“1.      Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

(a)      sinjali li ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4;

b)       trade marks li mhumiex ta' karattru distintiv;

[…]

3.      Il-paragrafu 1(b), (c) u (d) m’għandhomx japplikaw jekk it-trade mark tkun saret distintiva fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni minħabba l-użu li jkun sar minn din it-trade mark.”

34      B’hekk mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li sinjal jista’ jikkostitwixxi trade mark tal-Unjoni Ewropea jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, fosthom dik li tista’ tiġi rrappreżentata grafikament. Peress li r-rappreżentazzjoni grafika għandha bħala funzjoni b’mod partikolari li tiddefinixxi t-trade mark sabiex jiġi ddeterminat is-suġġett eżatt tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark irreġistrata lill-proprjetarju tagħha, din għandha tkun ċara, preċiża, kompleta fiha nnifisha, faċilment aċċessibbli, intelliġibbli, durabbli u oġġettiva (sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann, C‑273/00, EU:C:2002:748, punti 48 u 55, u tas‑6 ta’ Ġunju 2019, Deichmann vs EUIPO, C‑223/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:471, punt 44; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Red Bull vs EUIPO, C‑124/18 P, EU:C:2019:641, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Għalhekk, skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, “trade marks” li ma humiex ta’ karattru distintiv ma jistgħux jiġu rreġistrati.

36      Minn dan isegwi li l-karattru distintiv ta’ sinjal jista’ jiġi evalwat biss, għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, ladarba jiġi kkonstatat li dan kien jikkostitwixxi trade mark fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, jiġifieri mill-mument li fih ġie kkonstatat li seta’ jiġi rrappreżentat grafikament fis-sens espost fil-punt 34 iktar ’il fuq (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Rappreżentazzjoni ta’ aringi bejn żewġ linji paralleli, T‑124/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:668, punt 46), li huwa essenzjalment ammess mill-EUIPO.

37      Konsegwentement, huwa biżżejjed, kif isostni l-EUIPO, li raġuni waħda biss għal rifjut tapplika sabiex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2002, DKV vs UASI, C‑104/00 P, EU:C:2002:506, punt 28). Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 36 iktar ’il fuq, l-eżami tar-raġuni assoluta għal rifjut ibbażata fuq l-assenza ta’ karattru distintiv, bħal dak imwettaq f’dan il-każ mill-Bord tal-Appell, jippreżupponi li t-trade mark ikkontestata tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Rappreżentazzjoni ta’ aringi bejn żewġ linji paralleli, T‑124/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:668, punt 56).

38      F’dan il-każ, mill-punt 58 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li (ara l-punt 22 iktar ’il fuq) il-Bord tal-Appell ma eżaminax jekk is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni setax jikkostitwixxi trade mark, sa fejn huwa kkunsidra li tali eżami kien irrilevanti fir-rigward tal-konklużjoni tiegħu li l-imsemmi sinjal kien nieqes minn karattru distintiv. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 36 iktar ’il fuq, dwar ir-regoli ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni fir-rigward tar-raġunijiet assoluti għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell wettaq l-eżami tal-karattru distintiv tal-imsemmi sinjal mingħajr ma eżamina minn qabel jekk dan setax jikkostitwixxi trade mark.

39      Filwaqt li ammetta li, “bħala prinċipju”, l-eżami tal-karattru distintiv ta’ trade mark jippreżupponi li din tissodisfa l-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 4 mill-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, l-EUIPO jsostni li, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta ma segwiex dan l-approċċ peress li huwa eżamina l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 bl-iktar mod komplet possibbli, jiġifieri fir-rigward tal-“oġġetti protetti u forom ta’ trade marks kollha li s-sinjal [inkwistjoni] seta’ ipotetikament jilbes” traduzzjoni mhux uffiċjali] u, b’hekk, eżamina r-rikors b’mod favorevoli għar-rikorrenti. Skont l-EUIPO, il-Bord tal-Appell eżamina s-sinjal, minn naħa, abbażi tar-rappreżentazzjoni grafika tiegħu kif ukoll tal-parti tad-deskrizzjoni korrispondenti għalih u, min-naħa l-oħra, billi ħa inkunsiderazzjoni d-deskrizzjoni li ma kinitx tikkorrispondi għall-imsemmija rappreżentazzjoni, jiġifieri sa fejn l-impressjoni li tintmiss kienet deskritta.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk jitqies li l-Bord tal-Appell effettivament eżamina l-eventwali karattru distintiv tad-diversi forom ipotetiċi li s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni seta’ jieħu, li madankollu ma jirriżultax b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata, tali eżami ma jistax jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza mill-Bord tal-Appell tal-obbligi dwar l-eżami tar-raġunijiet assoluti għal rifjut li huwa kellu skont ir-Regolament Nru 207/2009.

41      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi evalwat jekk trade mark hijiex nieqsa jew le minn karattru distintiv, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-impressjoni globali li hija tipproduċi (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI, C‑238/06 P, EU:C:2007:635, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Issa, f’dan il-każ, skont l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, il-protezzjoni hija mitluba kemm għal element tal-istruttura tal-ġett kif ukoll għall-aspett li jintmiss tas-sinjal inkwistjoni (ara l-punt 3 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li, fi kwalunkwe każ, il-Bord tal-Appell ma setax jeżamina l-karattru distintiv tal-imsemmi sinjal billi jsegwi l-ipoteżijiet li fihom huwa ħa inkunsiderazzjoni b’mod selettiv ċerti aspetti tas-sinjal, b’mod partikolari billi jeskludi l-aspett li jintmiss tiegħu. Barra minn hekk, l-argument, invokat mill-EUIPO waqt is-seduta, li l-Bord tal-Appell qies li l-impressjoni li jintmiss tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma kienx jikkorrispondi għar-rappreżentazzjoni grafika tiegħu, iżda kien jirriżulta biss mid-deskrizzjoni tiegħu, jaqa’ taħt l-eżami tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-Artikolu 7(1)(a) tiegħu.

43      L-argument tal-EUIPO ma jistax jintlaqa’.

44      L-EUIPO jsostni wkoll li l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 36 iktar ’il fuq, stabbiliti mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Rappreżentazzjoni ta’ aringi bejn żewġ linji paralleli (T‑124/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:668), huma relatati ma’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u ma jistgħux japplikaw f’dan il-każ. Dan l-argument ma huwiex validu. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jidher li jsostni l-EUIPO, l-eżami tal-eżistenza tar-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni ma jistax isir skont prinċipji differenti minn dawk applikabbli għall-eżami tal-eżistenza tal-imsemmija motivi meta dawn jiġu invokati, bħal fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, insostenn ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

45      Barra minn hekk, l-argument tal-EUIPO bbażat fuq il-fatt li, kuntrarjament għall-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Rappreżentazzjoni ta’ aringi bejn żewġ linji paralleli (T‑124/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:668), il-karattru distintiv miksub permezz tal-użu tas-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma kienx inkwistjoni f’dan il-każ, lanqas ma jista’ jintlaqa’. Fil-fatt, il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 36 iktar ’il fuq huma ċertament meħtieġa b’akutezza partikolari meta applikant għal reġistrazzjoni jinvoka l-karattru distintiv miksub permezz tal-użu tat-trade mark ikkonċernata, sa fejn, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, karattru distintiv miksub permezz tal-użu, jekk jitqies li huwa stabbilit, irendi inapplikabbli r-raġuni assoluta għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament. Madankollu, l-interess sottostanti għall-imsemmija kunsiderazzjonijiet ma huwiex limitat għal tali ċirkustanzi. Minn dan isegwi li l-karattru distintiv ta’ sinjal jista’ jiġi evalwat biss, għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, ladarba jiġi kkonstatat li dan kien jikkostitwixxi trade mark fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, kif jirriżulta mill-punt 36 iktar ’il fuq, jiġifieri mill-mument li fih ġie kkonstatat li seta’ jiġi rrappreżentat grafikament fis-sens espost fil-punt 34 iktar ’il fuq.

46      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell eżamina sussidjarjament, fil-punti 51 sa 54 tad-deċiżjoni kkontestata, jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kinitx kisbet karattru distintiv permezz tal-użu fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009. Issa, tali eżami lanqas ma huwa prevedibbli jekk is-sinjal inkwistjoni ma jistax jiġi rrappreżentat grafikament fis-sens tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament u għandu, konsegwentement, jiġi rrifjutat għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(1)(a) tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Rappreżentazzjoni ta’ aringi bejn żewġ linji paralleli, T‑124/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:668, punt 47).

47      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti, u b’mod partikolari tal-kwistjoni dwar jekk is-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, fosthom dik li tista’ tiġi rrappreżentata b’mod grafiku, u jekk jistax għalhekk jikkostitwixxi trade mark, hija, f’dan il-każ, kwistjoni preliminari li r-riżoluzzjoni tagħha hija neċessarja sabiex isir l-eżami tal-motivi tar-rikors ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u tal-Artikolu 95(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

48      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tinjora r-rwol tagħha ta’ qorti tal-legalità jekk, minn naħa, hija tonqos milli tirrileva, anki fl-assenza ta’ kontestazzjoni mill-partijiet fuq dan il-punt, li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet abbażi ta’ regola, jiġifieri l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li jista’ jirriżulta li ma jistax jiġi applikat għal dan il-każ fil-każ ineżami, li ma ġiex ivverifikat mill-Bord tal-Appell, fejn is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma jikkostitwixxix trade mark, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-istess regolament u jekk, min-naħa l-oħra, wassal li tittieħed deċiżjoni fuq it-tilwima li ġiet adita biha billi tapplika hija stess din ir-regola.

49      Għaldaqstant, hemm lok li jitqajjem ex officio l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi.

 Fuq il-fondatezza tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi

50      Kif jirriżulta mill-punti 36 u 47 iktar ’il fuq, sabiex jiġi deċiż jekk l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 kienx applikabbli f’dan il-każ għall-finijiet tal-eżami tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jissodisfax il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tal-istess regolament, jiġifieri, b’mod partikolari, jekk jistax jiġi rrappreżentat grafikament fis-sens espost fil-punt 34 iktar ’il fuq.

51      Ir-rikorrenti ssostni li r-rappreżentazzjoni grafika tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, flimkien mad-deskrizzjoni tiegħu, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-elastiċità u d-deformabbiltà tal-paletti li jikkomponuh billi tgħafas saba kontra l-bażi u b’mod parallel għall-bażi, hija suffiċjenti sabiex tirrappreżenta dan is-sinjal, inkluż l-impressjoni li tintmiss li jipproduċi. Barra minn hekk, hija rreferiet għall-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati fil-kuntest tan-nota tagħha tat‑22 ta’ Jannar 2020 li tesponi l-aggravji tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell. (ara l-punt 21 iktar ’il fuq).

52      L-EUIPO jsostni li l-impressjoni li tintmiss prodotta mis-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma tirriżultax mir-rappreżentazzjoni grafika tiegħu, iżda biss mid-deskrizzjoni li takkumpanja din ir-rappreżentazzjoni. Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/626 tal‑5 ta’ Marzu 2018 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2017/1001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1431 (ĠU 2018, L 104, p. 37), sa fejn dan iwessa’ s-suġġett tal-protezzjoni mitluba kif jirriżulta mir-rappreżentazzjoni grafika tas-sinjal.

53      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/626 jagħmel parti mit-Titolu II ta’ dan tal-aħħar. Issa, għalkemm dan ir-regolament kien fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 39(2)(a) tiegħu jipprevedi li l-imsemmi Titolu II ma huwiex applikabbli għall-applikazzjonijiet għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ppreżentati qabel l‑1 ta’ Ottubru 2017. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jippreżumu l-argumenti tal-EUIPO, dan ir-regolament ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, peress li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni ġiet ippreżentata fl‑1 ta’ Settembru 2016. Barra minn hekk, skont il-miżuri tranżitorji previsti fl-Artikolu 37 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/626, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2868/95 ikomplu japplikaw għall-proċeduri pendenti sat-tmiem tagħhom meta l-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni ma japplikax.

54      Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni, il-protezzjoni hija mitluba kemm għall-istruttura tar-regolaturi tal-ġett kif ukoll għall-aspett li jintmiss tas-sinjal. Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija orali tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti kkonfermat waqt is-seduta li ż-żewġ aspetti ta’ din it-trade mark, jiġifieri l-fatt li din hija trade mark ta’ pożizzjoni u l-aspett li jintmiss tagħha, kienu ta’ importanza ugwali għall-finijiet tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha u li l-għaqda ta’ dawn l-elementi għandha għalhekk tkun deċiżiva għal dan il-għan.

55      Għalhekk, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jissodisfax il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, l-istruttura ta’ dan is-sinjal, disposta fit-tarf ta’ element sanitarju ċilindriku li jiddaħħal, sa fejn huwa kompost minn paletti ċirkulari u konċentriċi ta’ ftit millimetru ta’ għoli fuq is-superfiċje kollha tat-tarf, tista’ tiġi rrappreżentata b’mod grafiku, kif jirriżulta mir-rappreżentazzjoni riprodotta fil-punt 2 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ, kif jammetti l-EUIPO (ara l-punti 39 u 52 iktar ’il fuq), tal-impressjoni li tintmiss prodotta minn din l-istruttura, fir-rigward tan-natura elastika tal-paletti, li jistgħu jiġu deformati billi tgħafas saba fuq il-bażi u b’mod paralleli għall-bażi. Issa, kif tfakkar fil-punt 34 iktar ’il fuq, sinjal jista’ jikkostitwixxi trade mark tal-Unjoni Ewropea jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, fosthom dik li tkun tista’ tiġi rrappreżentata grafikament, peress li din ir-rappreżentazzjoni grafika ta’ trade mark għandha barra minn hekk tkun ċara, preċiża, kompleta fiha nnifisha, faċilment aċċessibbli, intelliġibbli, durabbli u oġġettiva.

56      Ċertament, ir-Regola 3(3) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni “din għandha tinkludi indikazzjoni dwar dan”. Għaldaqstant, kif issostni essenzjalment ir-rikorrenti (ara l-punt 51 iktar ’il fuq), fl-ipoteżi li jkun hemm deskrizzjoni fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, din id-deskrizzjoni għandha tiġi eżaminata flimkien mar-rappreżentazzjoni grafika (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2019, adidas vs EUIPO – Shoe Branding Europe (Rappreżentazzjoni ta’ tliet strixxi paralleli), T‑307/17, EU:T:2019:427, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, skont il-ġurisprudenza, meta l-applikazzjoni tkun akkumpanjata minn deskrizzjoni verbali tas-sinjal, din id-deskrizzjoni għandha tikkontribwixxi sabiex tippreċiża s-suġġett u l-portata tal-protezzjoni mitluba skont id-dritt tat-trade marks u tali deskrizzjoni ma tistax tmur kontra r-rappreżentazzjoni grafika ta’ trade mark, u lanqas ma tista’ tkun ta’ natura li tqajjem dubji dwar is-suġġett u l-portata ta’ din ir-rappreżentazzjoni grafika (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Red Bull vs EUIPO, C‑124/18 P, EU:C:2019:641, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Issa, f’dan il-każ, l-impressjoni li tintmiss prodotta mis-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma tirriżultax b’mod preċiż u komplet mir-rappreżentazzjoni grafika ta’ dan is-sinjal fih nnifsu, iżda, l-iktar l-iktar, mid-deskrizzjoni li takkumpanjah. Konsegwentement, din id-deskrizzjoni ma tispeċifikax ir-rappreżentazzjoni grafika tal-imsemmi sinjal fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 56 iktar ’il fuq, iżda għall-kuntrarju tista’ tqajjem dubji dwar is-suġġett u l-portata ta’ din ir-rappreżentazzjoni grafika sa fejn hija tipprova twessa’ s-suġġett tal-protezzjoni mitluba, kif isostni, essenzjalment, l-EUIPO.

58      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma jissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009 u, konsegwentement, imur kontra r-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(a) ta’ dan ir-regolament.

59      Din il-konklużjoni tibqa’ bla ħsara għall-interpretazzjoni u għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament 2017/1001 fil-każijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dan ir-regolament.

60      Minn dan isegwi li, kif jirriżulta mill-punti 36 u 37 iktar ’il fuq, l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 ma setax japplika għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea tas-sinjal inkwistjoni. Konsegwentement, il-Bord ta’ l-Appell ma setax legalment japplika din id-dispożizzjoni sabiex jadotta d-deċiżjoni li tiċħad l-appell mid-deċiżjoni tal-eżaminatriċi li tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ dan is-sinjal.

61      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi u għandha, għaldaqstant, tiġi annullata mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tal-kampjuni prodotti mir-rikorrenti bl-ittra tagħha ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ April 2022.

 Fuq l-ispejjeż

62      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-EUIPO tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat3 ta’ Ġunju 2021 (Każ R 2327/2019-5) hija annullata.

2)      L-EUIPO huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Kornezov

Buttigieg

Kowalik-Bańczyk

Hesse

 

      Petrlík

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑7 ta’ Diċembru 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.