Language of document : ECLI:EU:T:2019:879

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Diċembru 2019 (*)(i)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedura għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea CINKCIARZ – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru distintiv – Assenza ta’ karattru deskrittiv – Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Kelma peġġorattiva li hija marbuta mal-prodotti jew mas-servizzi inkwistjoni”

Fil-Kawża T-501/18,

Currency One S.A., stabbilita f’Poznań (Il-Polonja), irrappreżentata minn P. Szmidt u B. Jóźwiak, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Walicka, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Cinkciarz.pl sp. z o.o., stabbilita f’Zielona Góra (Il-Polonja), irrappreżentata minn E. Skrzydło-Tefelska u K. Gajek, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO tat-18 ta’ Ġunju 2018 (Każ R 2598/2017-5), marbuta ma’ proċedura għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Currency One u Cinkciarz.pl,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Nihoul, li qed jaġixxi bħala President, J. Svenningsen (Relatur) u U. Öberg, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, amministratur prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Awwissu 2018,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Ottubru 2018,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Ottubru 2018,

wara s-seduta tas-7 ta’ Mejju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-26 ta’ Jannnar 2015, l-intervenjenti, Cinkciarz.pl sp. z o.o., ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat [issostitwit bir-irr].

2        It-trade mark li saret applikazzjoni għaliha hija s-sinjal verbali CINKCIARZ.

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 9, 36 u 41 fis-sens ta ta tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 9: “Softwers; softwers tal-logħob tal-kompjuter; programmi tal-kompjuter irreġistrati; programmi tal-kompjuter li jistgħu jitniżżlu mill-internet; applikazzjonijiet tal-kompjuter li jistgħu jitniżżlu mill-internet; programmi ta’ ipproċessar tad-data; programmi tal-kompjuter tal-multimedja interattivi; pubblikazzjonijiet f’forma elettronika li jistgħu jitniżżlu mill-internet; materjal u aċċessorji tal-informatika medja tad-data (manjetiċi u ottiċi); apparat għar-reġistrazzjoni, it-trażmissjoni jew ir-riproduzzjoni ta’ ħsejjes jew ta’ immaġni; nuċċalijiet tax-xemx”;

–        klassi 36: “Servizzi bankarji; Skambju tal-flus; Servizzi ta’ uffiċini tal-kambju; Il-provvista ta’ informazzjoni relatata mar-rati tal-kambju; provvista ta’ muniti barranini; Kummerċ fil-kambju tal-flus barranin; Servizzi ta’ tranżazzjonijiet tal-kambju f’ħin reali u onlajn; informazzjoni finanzjarja fil-forma ta’ rata tal-kambju; Kwotazzjonijiet tar-rata tal-kambju; Tbassir ta’ rati tal-kambju; Suq tal-kambju; Servizzi finanzjarji kompjuterizzati relatati ma’ negozju f’muniti barranin; Preparazzjoni u kwotazzjoni ta’ informazzjoni ta’ rati tal-kambju; servizzi marbuta ma’ skambji ta’ rati tal-kambju; Provvista ta’ informazzjoni dwar prezzijiet ta’ rati ta’ kambju ta’ muniti barranin; servizzi ta’ aġenziji fil-qasam tal-kambju ta’ muniti; Servizzi ta’ pariri dwar il-kambju; Servizzi ta’ bażi tad-data finanzjarji fil-qasam tal-kambju ta’ muniti; L-iskambju u t-trasferiment ta’ flus; Provvista ta’ listi tar-rati tal-kambju; Uffiċċji tal-kambju; Servizzi ta’ ordni ta’ flus kontanti, ċekk (ċekk) u servizzi ta’ money order; Trasferiment ta’ fondi elettroniku bit-telekomunikazzjonijiet; Servizzi ta’ ħlas awtomatizzat; Servizzi ta’ trasferiment ta’ flus; Servizzi ta’ ħlas elettroniku; Servizzi ta’ aġenti tal-proprjetà; Aġenziji tal-irkupru ta’ djun; Analiżi finanzjarja; Bank dirett [home-banking]; Informazzjoni finanzjarja; Kummerċ bankarju; Tranżazzjonijiet bankarji ipotekarji; Uffiċċji ta’ informazzjoni fil-qasam tal-kreditu; Il-ġbir tal-kera; Konsulenza finanzjarja; Konsulenza dwar l-assigurazzjoni; Amministrazzjoni finanzjarja; Stima finanzjarja għal skopijiet ta’ assigurazzjoni, banek u inkonnessjoni mal-proprjetà; Konsulenza finanzjarja; Informazzjoni finanzjarja; Servizzi bankarji; servizzi finanzjarji; Kostituzzjoni ta’ fondi tal-investiment; Servizzi ta’ fondi tal-assigurazzjoni; Kwotazzjonijiet tal-borża; Servizzi ta’ aġenziji għal sensarija fuq stokks; Garanziji bħala kawzjonijiet; Informazzjoni fil-qasam tal-assigurazzjonijiet; Informazzjoni finanzjarja; Investimenti ta’ fondi; Investiment kapitali; transferiment elettroniku ta’ fondi; Servizzi marbuta ma’ karti ta’ kreditu u ta’ debitu; Servizzi ta’ karti ta’ debiti u ta’ karti ta’ krediti; Ħruġ ta’ karti ta’ kreditu u ta’ debitu; Sensarija ta’ assigurazzjoni; Servizzi ta’ aġenziji għal sensarija fuq stokks; Kwotazzjonijiet tal-borża; Servizzi ta’ valutazzjonijiet fiskali; Servizzi ta’ aġenziji għal sensarija fuq stokks; Sensarija ta’ assigurazzjoni; Self finanzjarju; Servizzi bankarji; assigurazzjonijiet; tranżazzjonijiet tal-kambju; Ġestjoni finanzjarja; Amministrazzjoni ta’ proprjetajiet; Ġestjoni ta’ attivi”;

–        klassi 41: “Il-pubblikazzjoni ta’ testi (minbarra testi pubbliċitarji); Pubblikazzjonijiet elettroniċi online ta’ materjali li ma jistgħux jitniżżlu mill-internet; Pubblikazzjonijiet ta’ materjal aċċessibbli minn bażi tad-data jew mill-internet; Servizzi ta’ logħob elettroniku u ta’ kompetizzjonjiet ipprovduti permezz tal-internet; Servizzi ta’ informazzjoni dwar l-edukazzjoni, ipprovduta online minn bażi tad-data tal-kompjuter jew mill-Internet; Edukazzjoni (taħriġ); Edukazzjoni (informazzjoni fil-qasam ta’-); Servizzi ta’ studios taċ-ċinema; Fotografija; Rappurtaġġi fotografiċi; provvista ta’ swali tal-logħob rikreattivi; Servizzi fil-qasam ta’ logħob ipprovdut online; logħob tal-flus; Servizzi ta’ klabbs (divertiment jew edukazzjoni); Pubblikazzjoni elettronika ta’ dokumenti permezz ta’ kompjuter; Dimostrazzjonijiet ta’ formazzjoni prattika; organizzazzjoni u tmexxija ta’ workshops u ta’ tagħlim; Organizzazzjoni u tmexxija ta’ kunċerti; organizzazzjoni u tmexxija ta’ konferenzi; organizzazzjoni u tmexxija ta’ kungressi; organizzazzjoni u tmexxija ta’ seminars; organizzazzjoni u tmexxija ta’ simpożji; organizzazzjoni u tmexxija ta’ kollokwi; organizzazzjoni u ta’ kompetizzjonijiet (edukazzjoni jew divertiment); pubblikazzjoni elettronika ta’ kotba u ta’ perjodiċi online; Provvista ta’ pubblikazzjonijiet elettroniċi online li ma jistgħux jitniżżlu mill-internet; Pubblikazzjoni ta’ kotba; Pubblikazzjoni ta’ testi minbarra testi pubbliċitarji”.

4        It-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata fil-15 ta’ Ġunju 2015 bin-numru 13678991 b’mod partikolari għall-prodotti u s-servizzi msemmija fil-punt 3 hawn fuq.

5        Fit-22 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrenti, Currency One S.A., ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata, skont l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 59(1)(a) tar-Regolament 2017/1001], għall-prodotti u s-servizzi kollha previsti fil-punt 3 iktar ’il fuq, ibbażata, minn naħa, fuq l-Artikolu 7(1)(c), tar-Regolament Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 7(1)(c), tar-Regolament 2017/1001, li l-kliem tiegħu huwa identiku u li għalih ser isir riferiment iktar ’il quddiem], peress li s-sinjal li jikkomponi l-imsemmija trade mark kien jiddeskrivi tali prodotti u servizzi, u, min-naħa l-oħra, fuq l-Artikolu 7(1)(b), tar-Regolament Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 7(1)(b), tar-Regolament 2017/1001, li l-kliem tiegħu huwa identiku u li għalih ser isir riferiment iktar ’il quddiem], peress li l-imsemmija trade mark ma kellhiex karattru distintiv.

6        L-imsemmija talba dikjarazzjoni ta’ invalidità nċħadet b’deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tas-6 ta’ Ottubru 2017.

7        Fil-5 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrenti appellat quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament Nru 2017/1001.

8        Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ġunju 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Ħames Bord tal-Appell ċaħad l-appell.

9        Fir-rigward, minn naħa, tar-raġuni prevista fl-Artikolu 7(1)(c), tar-Regolament Nru 2017/1001, hija tqis li l-ebda tifsira tal-kelma “cinkciarz” ma kienet tiddeskrivi l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jew xi karatteristika essenzjali ta’ dawn tal-aħħar. B’mod patrikolari, hija tqis li din il-kelma, li, fl-oriġini tagħha, fir-Repubblika popolari tal-Polonja, kienet tagħmel riferiment għall-persuni involuti fil-kummerċ illegali ta’ muniti barranin, fis-sens attwali tagħha li huwa marbut ma’ attività ta’ kambju ta’ muniti, għandha biss konnotazzjonijiet negattivi, bl-esklużjoni ta’ riferiment newtrali għal tali attività. Għaldaqstant, l-imsemmija kelma kienet tikkostitwixxi isem tal-fantażija, ċertament suġġestiv jew allużiv, iżda li, minħabba dan kollu, hija tiddeskrivi b’mod indirett biss din l-attività u tista’ torjenta lill-konsumaturi lejn karatteristiċi ta’ servizzi inkonnessjoni mal-imsemmija attività biss permezz ta’ assoċjazzjoni mentali. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-raġuni prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 2017/1001, il-Bord tal-Appell qies li s-sinjal CINKCIARZ huwa pperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala isem oriġinali, fallaċi jew ironiku u, minħabba dan, sorprendenti, adatt biex jindika l-oriġini kummerċjali tas-servizzi inkonnessjoni mal-attività ta’ kambju ta’ muniti. Fl-aħħar, hija tqis li l-imsemmija evalwazzjonijiet a fortiori jgħoddu għall-prodotti jew għas-servizzi l-oħra inkwistjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell.

11      L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

12      Ir-rikorrenti ppreżentat tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 inkonnessjoni mas-servizzi ta’ kambju ta’ muniti, it-tieni wieħed, fuq il-ksur ta’ din l-istess dispożizzjoni u tal-obbligu ta’ motivazzjoni inkonnessjoni mal-prodotti u s-servizzi l-oħra inkwistjoni u, it-tielet wieħed fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament.

13      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, minn naħa, skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 2017/1001 għandha tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade marks li huma komposti esklużivament minn sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn ta’ dawn tal-aħħar.

14      Sabiex sinjal ikun jista’ jitqies bħala deskrittiv u għaldaqstant jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni, hemm bżonn li jkollu konnessjoni diretta u konkreta biżżejjed mal-prodotti jew mas-servizzi inkwistjoni sabiex il-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom (ara s-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2005, Deutsche Post EURO EXPRESS vs UASI (EUROPREMIUM), T-334/03, EU:T:2005:4, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikoli 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament, għandha tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade marks li ma għandhomx karattru distintiv.

16      Il-karattru distintiv ta’ trade mark skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 ifisser li din it-trade mark tippermetti l-identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tkun saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala li huma joriġinaw minn impriża partikolari u b’hekk id-distinzjoni bejn dan il-prodott jew serizz u dawk ta’ impriżi oħra (ara s-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, Audi vs UASI, C-398/08 P, EU:C:2010:29, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17      Sinjal jista’ jiġi identifikat bħala li joriġina minn impriża partikolari u b’hekk li għandu karattru distintiv meta jkun jirrikjedi ċertu sforz ta’ interpretazzjoni min-naħa tal-pubbliku rilevanti u jkun jippreżenta ċerta oriġinalità u riżonanza li jirrenduh faċilment memorizzabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, Audi vs UASI, C-398/08 P, EU:C:2010:29, punt 59).

18      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari jirriżulta li, sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-motivi ppreżentati mir-rikorrenti, qabel xejn huwa neċessarju li tiġi ddeterminata t-tifsira tal-kema “cinkciarz”, li għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-komprensjoni li għandu tagħha l-pubbliku rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, Lancôme vs UASI – CMS Hasche Sigle (COLOR EDITION), T-160/07, EU:T:2008:261, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      F’dan ir-rigward, mill-atti prodotti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jirriżulta li l-kelma “cinkciarz” kienet tirreferi għal persuna li teżerċita b’mod klandestin attività illegali ta’ kambju ta’ muniti meta, fi żmien ir-Repubblika popolari tal-Polonja jew immedjatament wara dan iż-żmien, din l-attività kienet is-suġġett ta’ monopolju tal-Istat. Din il-kelma kienet ingħatat konnotazzjoni negattiva marbuta ma’ attività meqjusa bħala traffikar u eżerċitata minn persuni dubbjużi. Billi l-eżerċizzju tal-attività ta’ kambju ta’ muniti minn persuni suġġetti għad-dritt privat ġie legalizzat fl-1989, din l-attività setgħet issa tiġi eżerċitata liberament minn uffiċċji tal-kambju, li, minħabba n-natura leġittima tagħhom, ġew distinti mill-persuni previsti minn din il-kelma. Minn dak il-mument, din tal-aħħar jidher li akkwistat konnotazzjoni essenzjalment storika, li tagħmel riferiment għall-persuni li sal-1989 kienu jeżerċitaw l-attività illegali u klandestina tal-kambju ta’ muniti.

20      Fid-dawl tal-fatt li l-kuntest li ta lok għall-oriġini tal-kelma “cinkciarz” intemm biss fl-1989 u tal-fama tal-figura storika tal-presuni previsti mill-imsemmija kelma fil-kultura Pollakka, kif ikkonfermata b’mod partikolari minn diversi titoli ta’ artikoli li jagħmlu riferiment għal din il-figura (Annessi E. 20, E. 24 sa E. 26), iżda wkoll minn pubblikazzjonijiet riċenti dwar is-suġġett (Annessi E. 19, E. 21, E. 36 à E. 41), hemm lok li jitqies li, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, fis-26 ta’ Jannar 2015, il-parti l-kbira tal-pubbliku rilevanti kienet konxja mit-tifsira storika ta’ din il-kelma.

21      Billi kkonstatat fil-punt 10 tar-rikors, inkonnessjoni mal-kelma “cinkciarz”, li dan ix-“xogħol ma huwiex irrikonoxxut uffiċjalment” jew li “is-siegħa tiegħu ta’ glorja għaddiet”, ir-rikorrenti tammetti impliċitament li l-imsemmija kelma essenzjalment tirreferi għal perusna li kienet tipprattika b’mod klandestin il-kambju ta’ muniti fi żmien ir-Repubblika popolari tal-Polonja. Barra minn hekk, hija tammetti espliċitament, fil-punt 11 tar-rikors, li din il-kelma tintuża prinċipalment fil-pubblikazzjonijiet sabiex tinġi indikata tali persuna. Madankollu hija tikkonferma, fl-istess żewġ punti tar-rikors, li x-“xogħol” li jikkonsisti fit-twettiq tal-“kummerċ klandestin tal-muniti” ma sparixxiex u li persuna li attwalment teżerċita tali attività tusta’ tibqa’ tissejjaħ bil-kelma “cinkciarz”, filwaqt li tammetti, fil-punt 12 tar-rikors, li din il-kelma għandha konnotazzjoni negattiva u tintiża b’mod kritiku u prinċipalment peġġorattiv.

22      Dawn id-dikjarazzjonijiet huma kkorroborati minn ċerti provi prodotti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

23      F’dan ir-rigward, id-definizzjonijiet estratti mid-dizzjunarji (Annessi E. 1 sa E. 15) huma ambigwi. Fil-fatt, minkejja li kollha jsemmu li s-sostantiv “cinkciarz” hija kelma familjari li tirreferi għal traffikant ta’ muniti, il-kwotazzjonijiet jidhru li jikkorrispondu għat-tifsira storika ta’ din il-kelma. Madankollu, ċerti artikoli ppubblikati fuq l-internet jikkonfermaw li din il-kelma kompliet tintuża u tinftiehem bħala riferiment għal persuna attwalment involuta fil-kambju ta’ muniti mwettaq b’mod klandestin u frawdolenti, u għaldaqstant illegali, bil-metodu tas-“cinkciarz” li kien jeżisti fi żmien ir-Repubblika popolari tal-Polonja (Annessi E. 32 u E. 33) u, b’assoċjazzjoni, fi kwalunkwe attività li hija ta’ natura frawdolenti, irregolari jew diżonesta, jew meqjusa bħala tali (Anness E. 31).

24      Madankollu, billi tiddikjara, fil-punt 10 tar-rikors, li l-kelma “cinkciarz” tista’ tirreferi wkoll għal “operatur fornitur” ta’ “servizzi ta’ kambju ta’ muniti lil hinn miċ-ċirkulazzjoni uffiċċjali” u, fil-punt 25 tar-rikors, li din il-kelma “tintuża komunement fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi marbuta mal-kambju ta’ muniti estranji għaċ-ċirkulazzjoni uffiċċjali minn operaturi multipli”, u żżid, bil-punt 24 tar-rikors, li l-imsemmija kelma “isservi, f’kundizzjonijiet normali, biex jiġu ppreżentati l-prodotti jew is-servizzi” inkwistjoni, ir-rikorrenti tidher li timplika li l-kelma “cinkciarz” tista’ tintuża wkoll b’mod newtrali, jiġifieri ħielsa minn kull konnotazzjoni negattiva jew peġġorattiva, biex isir riferiment għal persunal fiżika jew legali li teżerċita attività ta’ kambju ta’ muniti. Madankollu, ir-rikors ma jagħmel l-ebda riferiment għall-atti prodotti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

25      Meta ġiet mistoqsija dwar dan il-punt waqt is-seduta, ir-rikorrenti indikat li din id-dikjarazzjoni kienet sostnuta mill-Annessi E. 29, E. 30 u E. 34.

26      Filwaqt li ppreżentat sussegwentement l-artikolu li jikkostitwixxi l-Anness E. 30, intitolat “Huwa b’hekk li ċ-cinkciarz jisirqu l-flus tal-vjaġġaturi fl-ajruporti”, hija ammettiet madankollu li dan l-artikolu kien jikkonċerna, b’mod kritiku, attività li tikkonsisti fi frodi. Fir-rigward tal-artikolu li jikkostitwixxi l-Anness E. 29, intitolat “Il-Gvern ikompli maċ-cinkciarz?”, hija sempliċiment enfasizzat li dan l-artikolu kien juri l-użu attwali tal-kelma “cinkciarz”, mingħajr ma tippretendi li dan ma kellux portata kritika.

27      Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti sostniet, dejjem waqt is-seduta, li, fl-artikolu li jikkostitwixxi l-Anness E. 34, ippubblikat fis-17 ta’ April 2014 u intitolat “Iċ-cinkciarz tal-internet. L-istorja ta’ erbat’irġiel li ‘serqu’ 20 biljun mill-banek”, il-kelma “cinkciarz” intużat biex isir riferiment għal diversi entitajiet ekonomiċi differenti, fosthom ir-rikorrenti u l-intervenjenti, jew biex isir riferiment għas-“servizzi tal-kummerċ ta’ muniti lil hinn miċ-ċirkulazzjoni uffiċjali”.

28      Mill-kontenut ta’ dan tal-aħħar jista’ jiġi inferit li, bl-espressjoni “entitajiet ekonomiċi differenti”, ir-rikorrenti kienet qiegħda tirreferi għal impriżi li jeżerċitaw attivitajiet ta’ kambju ta’ muniti b’mezz differenti, jiġifieri fuq l-internet, u billi jippreżentaw ruħhom bħala banek inkonnessjoni mar-rati tal-kambju pprattikati. Mill-imsemmi artikolu jirriżulta li dawn l-impriżi ffjorixxew wara l-liġi tal-2011 li awtorizzat lill-persuni li jissellfu li jkunu ħadu self fi franki Svizzeri mingħand banek Pollakki li jirrimborsaw il-pagamenti mensili ta’ dan is-self bil-muniti mixtrija mingħand operaturi li ma humiex dawn il-banek. L-artikolu inkwistjoni kien jagħmel riferiment għall-fatti li r-rikorrenti u l-intervenjenti jikkondividu l-kważi-totalità tas-suq Pollakk ta’ kambju ta’ muniti fuq l-internet f’partijiet kważi ugwali, filwaqt li xi erbgħin impriża oħra kienu wkoll preżenti f’dan is-suq b’mod marġinali ħafna.

29      Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, dan l-artikolu ma jistabbilixxix li l-kelma “cinkciarz” tintuża sabiex isir riferiment, b’mod newtrali, għal ċerti impriżi li jipprovdu servizzi tal-kambju ta’ muniti, jiġifieri dawk li huma attivi fuq l-internet, jew sabiex isir riferiment għas-servizzi pprovduti minn dawn l-impriżi.

30      Fil-fatt, l-artikolu inkwistjoni essenzjalment jittratta żewġ impriżi, fosthom l-intervenjenti, li isimiha jissemma diversi drabi. F’dan il-kuntest, il-preżenza tal-kelma “cinkciarz” fit-titolu u fit-test ta’ dan l-artikolu ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni billi jitħalla barra l-isem tal-intervenjenti. Barra minn hekk, kif jirriżulta mit-titolu tal-imsemmi artikolu, l-użu ta’ din il-kelma f’dan tal-aħħar jikkonċerna mhux liż-żewġ impriżi li huma s-suġġett tal-artikolu kkonċernat fihom nfushom, iżda l-erba’ persuni li kkostitwixxew dawn l-impriżi, li l-perkorsi professjonali tagħhom huma deskritti u li l-għanijiet tagħhom huma rrappurtati. Bl-istess mod, fid-darba li tidher fit-test tal-imsemmi artikolu, il-kelma “cinkciarz” tirreferi mhux għaż-żewġ impriżi, iżda għall-fondaturi ta’ dawn tal-aħħar, li huma ppreżentati bħala “impriża tagħhom”. Barra minn hekk, meta ma jissemmewx b’referenza għall-isem kummerċjali tagħhom jew għall-ismijiet li jirreferu għas-siti tal-internet tagħhom (Currency One, Internetowykantor.pl u Walutomat.pl, minn naħa, Cinkciarz.pl, min-naħa l-oħra), l-imsemmija impriżi jissemmew fl-artikolu inkwistjoni permezz ta’ kliem bħal “uffiċċji tal-kambju fuq l-internet” jew “uffiċċji tal-kambju virtwali”.

31      B’mod superfluwu, jista’ jiġi rrilevat li, fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell essenzjalment wettaq analizi simili tad-dokumenti li fuqhom huwa msejsa l-opinjoni li tikkostitwixxi ll-Anness E. 43, l-unika opinjoni li tinkludi tifsira newtrali tal-kelma “cinkciarz”. Ir-rikorrenti ma kkontestax l-imsemmi analiżi u lanqas, barra minn hekk, ma invokat l-imsemmija opinjoni quddiem il-Qorti Ġenerali.

32      B’konklużjoni dwar dan il-punt, jidher li dawn iż-żewġ tifsiriet tal-kelma “cinkciarz” huma marbuta mas-servizzi tal-kambju ta’ muniti. L-ewwel tifsira hija dik storika, li biha jsir riferiment għal persuna li b’mod klandestin u illegali kienet twettaq il-kambju ta’ muniti fi żmien ir-Repubblika popolari tal-Polonja. It-tieni tifsira hija waħda kontemporanja li fiha din il-kelma tintuża f’sens derivat, ġenerali, bħala sinonimu ta’ persuna li twettaq frodi, iżda wkoll, f’sens qrib tat-tifsira storika, sabiex isir riferiment għal persuna li attwalment għadha teżerċita l-kummerċ klandestin u frawdolenti, u għaldaqstant illegali, ta’ muniti. Għall-kuntrarju, kif ikkonstata l-Bord tal-Appell b’mod korrett, ma huwiex stabbilit li l-kelma “cinkciarz” attwalment tirreferi, b’mod newtrali, għal persuna jew impriża li tipprovdi servizzi tal-kambju ta’ muniti.

33      Huwa abbażi ta’ dawn it-tifsiriet tal-kelma “cinkciarz” li issa hemm lok li tiġi evalwata l-fondatezza tal-motivi tar-rikorrenti.

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 2017/1001 inkonnessjoni mas-servizzi tal-kambju ta’ muniti.

34      Ir-rikorrenti ssostni li l-kelma “cinkciarz” tista’ tintuża biex isir riferiment għal operatur li jipprovdi servizzi ta’ kambju ta’ muniti lil hinn miċ-ċirkulazzjoni uffiċjali u li, konsegwentement, dan kien isem ta’ xogħol li seta’ jintuża liberament, indipendentement mill-fatt li huwa jintuża prinċipalment f’sens negattiv.

35      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw il-fondatezza ta’ dan il-motiv. Skont l-intervenjenti, il-kelma “cinkciarz” għandha biss tifsira storika, li tirreferi għal perusna li kienet twettaq traffikar klandestin ta’ muniti fi żmien ir-Repubblika popolari tal-Polonja, u ma tintuzax sabiex isir riferiment għal attività attwali tal-kambju ta’ muniti.

36      Skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, għandha tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade marks li huma komposti esklużivament minn sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn ta’ dawn tal-aħħar.

37      Minn dak li tfakkar fil-punt 14 iktar ’il fuq, sabiex sinjal jaqa’ taħt l-interdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 2017/1001, huwa meħtieġ li jkollu rapport dirett u konkret biżżejjed mal-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni b’tali mod li l-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom.

38      L-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal tista’ ssir biss, minn naħa, b’riferiment għal dak li jifhem bih il-pubbliku kkonċernat u, min-naħa l-oħra, b’riferiment għall-prodotti jew għas-servizzi kkonċernati (ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, COLOR EDITION, T-160/07, EU:T:2008:261, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      F’dan il-każ, il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni huma, essenzjalment, inkonnessjoni mal-klassi 9, is-softwers, il-pubblikazzjoniijiet elettroniċi u l-medja tad-data, inkonnessjoni mal-klassi 36, is-servizzi bankarji u finanzjarji, is-servizzi marbuta mal-kambju ta’ muniti, is-servizzi ta’ aġenzija u ta’ amministrazzjoni ta’ proprjetà, is-servizzi ta’ rkupru ta’ djun, is-servizzi marbuta mal-assigurazzjonijiet u s-servizzi ta’ tagħrif espert fiskali, u, inkonnessjoni mal-klassi 41, servizzi ta’ pubblikazzjoni u ta’ editjar, servizzi ta’ logħob u servizzi marbuta mal-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-Bord tal-Appell ikkonstata li tali prodotti u servizzi huma intiżi kemm għal professjonisti kif ukoll għall-pubbliku ġenerali u li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti jvarja minn medju għal għoli. Barra minn hekk, hija qieset li l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata għandha titwettaq mill-perspettiva tal-pubbliku li jitkellem bil-Pollakk, peress li din it-trade mark hija kkostitwita minn kelma li għandha tifsira f’din il-lingwa.

40      Dawn l-evalwazzjonijiet ma humiex ikkontestati u l-ebda element ma jwassal sabiex dawn jitpoġġew f’dubju. Madankollu jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-fatt li l-pubbliku rilevanti huwa, parzjalment, speċjalizzat ma jistax ikollu influwenza determinanti fuq il-kriterji legali użati għall-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal (sentenza tas-7 ta’ Mejju 2019, Fissler vs EUIPO (vita), T-423/18, EU:T:2019:291, punt 14).

41      Meta jipprojbixxi r-reġistrazzjoni, bħala trade mark, tas-sinjali jew indikazzjonijiet li huwa jsemmi, l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 għandu għan ta’ interess pubbliku, li jitlob li s-sinjali jew indikazzjonijiet deskrittivi tal-karatteristiċi ta’ prodotti jew servizzi li għalihom issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni jkunu jistgħu jintużaw minn kulħadd bla tfixkil. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tipprekludi li tali sinjali jew indikazzjonijiet ikunu rriżervati għal impriża waħda minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark (ara s-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C-191/01 P, EU:C:2003:579, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      L-għażla, mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, tal-kelma “karatteristika” tenfasizza l-fatt li s-sinjali koperti mill-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 huma biss dawk li jservu sabiex tiġi indikata proprjetà, faċilment rikonoxxibbli mill-pubbliku rilevanti, tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni. B’dan il-mod, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal tista’ tiġi rrifjutata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni biss jekk ikun raġonevoli li jiġi previst li huwa ser ikun effettivament irrikonoxxut mill-partijiet ikkonċernati bħala deskrizzjoni ta’ waħda mill-imsemmija karatteristiċi. B’hekk, tista’ tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ sinjal abbażi ta’ din id-dispożizzjoni biss jekk ikun raġjonevoli li jiġi previst li dan effettivament sejjer ikun rikonoxxut mill-pubbliku rilevanti bħala deskrizzjoni ta’ waħda mill-imsemmija karatteristiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C-51/10 P, EU:C:2011:139, punt 50, u tas-7 ta’ Mejju 2019, vita, T-423/18, EU:T:2019:291, punt 43).

43      Sabiex tiġi rrifjutata reġistrazzjoni ta’ sinjal abbażi tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, ma huwiex neċessarju li s-sinjali u l-indikazzjonijiet li jikkomponu t-trade mark imsemmija f’dan l-artikolu effettivament jintużaw, fil-mument tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, għal finijiet deskrittivi ta’ prodotti jew ta’ servizzi bħal dawk li għalihom ġiet ippreżentata l-applikazzjoni jew għal karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi. Huwa biżżejjed, kif jindika l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, li s-sinjali u l-indikazzjonijiet jistgħu jintużaw għal dawn il-finijiet (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C-191/01 P, EU:C:2003:579, punt 32).

44      Finalment, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 7(2) tal-istess regolament, l-Artikolu 7(1), ta’ dan tal-aħħar huwa applikabbli anki jekk ir-raġunijiet għal rifjut ikunu jeżistu biss f’parti mill-Unjoni, anki jekk din il-parti tkun limitata għal Stat Membru wieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C-25/05 P, EU:C:2006:422, punt 83).

45      B’dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-kelma “cinkciarz” tiddeskrivi servizzi tal-kambju ta’ muniti, b’tali mod li r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, li hija kkostitwita esklużivament minn din il-kelma, kellha tiġi annullata sa fejn din it-trade mark tkopri l-imsemmija servizzi.

46      Mill-premessi li jinsabu fil-punti 19 sa 32 iktar ’il fuq jirriżulta li l-kelma “cinkciarz”, fit-tifsiriet tagħha rilevanti fil-kawża odjerna, minn naħa, tippreżenta rabta storika iżda bl-istess mod attwali mas-servizzi ta’ kambju ta’ muniti u, min-naħa l-oħra, għandha konnotazzjoni esklużivament peġġorattiva, jiġifieri li tinvolvi idea negattiva li tiddisprezza l-persuna indikata, jiġifieri persuna li tinvolvi ruħha fit-traffikar, fi frodi jew f’atti meqjusa bħala diżonesti, b’mod partikolari, iżda mhux esklużivament, fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet ta’ kambju ta’ muniti mwettqa b’mod klandestin.

47      Ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 ma tirrikjedix li l-indikazzjoni deskrittiva tkun pożittiva jew newtrali, iżda sempliċiment li tkun tiddeskrivi prodott jew servizz kopert minn applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew karatteristika ta’ dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, il-konnotazzjoni negattiva tal-kelma “cinkciarz” tista’ tisparixxi maż-żmien.

48      Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 37 u 38 iktar ’il fuq, l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 hija possibbli biss jekk, b’kont meħud tal-komprensjoni li għandu l-pubbliku rilevanti tas-sinjal ikkontestat, dan ikollu mas-servizz inwistjoni rabta suffiċjentment diretta u konkreta ta’ natura li tippermetti lil dan il-pubbliku li jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni ta’ dan is-servizz jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tiegħu.

49      Din il-ġurisprudenza għandha tiġi approssimata ma’ dik li skontha s-sinjali u l-indikazzjonijiet deskrittivi fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni huma dawk li jistgħu jservu sabiex, fl-użu normali mill-perspettiva tal-konsumatur, jindikaw jew direttament, jew b’riferiment għal waħda mill-karatteristiċi essenzjali tagħhom, il-prodott jew is-servizz li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, XXXLutz Marken vs UASI, C-306/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:401, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessa 3 tiegħu, ir-Regolament 2017/1001 huwa intiż li jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni ta’ ostakli għall-moviment liberu ta’ oġġetti u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-suq intern. Mdankollu, dawn il-libertajiet jikkonċernaw biss il-prodotti li jiddaħħlu fiċ-ċirkulazzjoni ekonomika u kummerċjali tal-Unjoni b’mod legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Josemans, C-137/09, EU:C:2010:774, punt 42) u b’analoġija, il-provvista ta’ servizzi leċiti. Minn dan jirriżulta li l-protezzjoni prevista mid-dritt tat-trade marks tal-Unjoni tista’ tingħata lil trade mark sa fejn din tkopri prodotti u servizzi leċiti u li jkunu pprovduti b’mod legali.

51      Hemm lok li jiġi preżunt li l-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, huwa konxju minn dan il-fatt, tal-inqas peress li huwa konsapevoli li l-valuri tal-Istat tad-dritt jikkostitwixxu l-bażi tal-Unjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 2 TUE, u li huwa inerenti għal Stat tad-dritt li l-liġi ma jkunx jista’ jkollha l-għan li tipproteġi jew tiffavorixxi l-atti illegali, billi din il-karatteristika ta’ Stat tad-dritt hija magħrufa pubblikament. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-kelma “cinkciarz” ma tistax titqies bħala li tagħmel riferiment għal “xogħol”, meta din tirreferi esklużivament għat-twettiq ta’ atti illegali.

52      Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-pubbliku rilevanti huwa konxju mill-fatt li s-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata ma jistgħux ikunu attivitajiet klandestini u illegali ta’ kambju ta’ muniti.

53      Minn dan kollu jirriżulta li l-kelma “cinkciarz”, li tikkostitwixxi din it-trade mark u li tkopri tali attivitajiet klandestini u illegali, ma tistax isservi sabiex, fl-użu normali mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, tindika s-servizzi leċiti ta’ kambju ta’ muniti. F’dan ir-rigward tista’ ssir approssimazzjoni mal-ġurisprudenza li skontha, fir-rigward ta’ sinjali jew ta’ indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika tal-prodott jew tas-servizz li għalih tkun intalbet ir-reġistrazzjoni, l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 ma jipprekludix ir-reġistrazzjoni ta’ ismijiet ġeografiċi li fir-rigward tagħhom, minħabba l-karatteristiċi tal-post identifikat, ma huwiex verosimili li l-kategorija ta’ persuna kkonċernati tista’ tqis li l-kategorija ta’ prodotti kkonċernata toriġina minn dan il-post (ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2018, Bundesverband Souvenir – Geschenke – Ehrenpreise vs EUIPO, C-488/16 P, EU:C:2018:673, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Konsegwentement, il-kelma “cinkciarz” ma tippermettix lill-pubbliku rilevanti li jipperċipixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni tas-servizzi ta’ kambju ta’ muniti leċiti jew ta’ entità li tipprovdi tali servizzi. Fil-fatt, ladarba karatteristika essenzjalment koeżistenti mal-kelma, jiġifieri li tagħmel riferiment għal attivitajiet klandestini u illegali, hija f’oppożizzjoni sħiħa ma’ karatteristika ta’ tali servizzi, jiġifieri n-natura intrinsikament leċita tagħhom, il-pubbliku rilevanti ma jistax jistabbilixxi rabta bejn it-trade mark ikkontestata u s-servizzi leċiti ta’ kambju ta’ muniti dment li ma jegħlibx din il-kontradizzjoni sabiex jasal għall-konklużjoni li, bl-ironija u l-effett ta’ logħba spirituża, l-imsemmija trade mark, għall-kuntrarju tat-tifsira tagħha, tkopri servizzi ta’ kambju ta’ muniti pprovduti b’mod leċitu.

55      Għaldaqstant, it-trade mark ikkontestata ma tippreżentax rabta suffiċjentement diretta u konkreta mas-servizzi ta’ kambju ta’ muniti koperti minnha.

56      Din il-konklużjoni hija kkorroborata minn eżami fir-rigward tal-għan ta’ interess ġenerali segwit permezz tal-projbizzjoni ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, liema għan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami konkret tal-elementi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw applikazzjoni għal reġistrazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ April 2003, Linde et, C-53/01 sa C-55/01, EU:C:2003:206, punt 75) jew, bħal fil-każ odjern, reġistrazzjoni li fir-rigward tagħha tintalab dikjarazzjoni ta’ invalidità.

57      Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 41 iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni hija intiża li tippreserva l-libertà tal-operaturi kollha interessati li jużaw sinjali jew indikazzjonijiet deskrittivi ta’ karatteristiċi tas-servizzi inkwistjoni, jiġifieri l-karatteristiċi oġġettivi tagħhom, intrinsiċi u permanenti. Fil-fatt, kieku impriża kienet awtorizzata li timmonopolizza l-użu ta’ kelma deskrittiva, minn dan tkun tirriżulta limitazzjoni tal-firxa tal-vokabolarju li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom il-kompetituri tagħha biex jiddeskrivu l-prodotti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, Larrañaga Otaño vs UASI (GRAPHENE), T-458/13, EU:T:2014:891, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan l-għan ta’ interess ġenerali fih innifsu jaqa’ fil-kuntest tas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta li t-Trattat FUE huwa intiż li jistabbilixxi u jżomm fis-seħħ, u li fir-rigward tagħha, id-dritt tat-trade marks jikkostitwixxi element essenzjali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel, C-104/01, EU:C:2003:244, punti 48 sa 52).

58      Madankollu, mill-konstatazzjonijiet ipprovduti inkonnessjoni mat-tifsira tal-kelma “cinkciarz” jirriżulta li din tal-aħħar hija marbuta b’mod indiviżibbli ma’ aspett essenzjali tal-attività indikata minnha, jiġifieri n-natura klandestina u illegali tagħha, li hija f’oppożizzjoni sħiħa ma’ karatteristika tas-servizzi ta’ kambju ta’ muniti inkwistjoni, jiġifieri n-natura intrinsikament leċita tagħhom.

59      Fl-aħħar, huwa ċertament minnu li, skont il-kliem stess tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, is-sinjali u l-indikazzjonijiet li r-reġistrazzjoni tagħhom hija pprojbita abbażi ta’ din id-dispożizzjoni huma dawk li sempliċiment jistgħu jintużaw għal finijiet deskrittivi, mingħajr ma huwa rikjest li dawn is-sinjali jew indikazzjonijiet ikunu effettivament jintużaw fil-mument tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

60      Madankollu, tali possibbiltà ta’ użu ma tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss jekk ikun raġjonevoli li jiġi previst li s-sinjali inkwistjoni jikkostitwixxi fil-futur, f’għajnejn il-persuni kkonċernati, deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C-363/99, EU:C:2004:86, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-imsemmija possibbiltà ma tistax tkun imsejsa fuq sempliċi spekulazzjonijiet, iżda għandha, għall-kuntrarju tkun sostnuta minn ċerti elementi li jirrenduha b’mod partikolari raġjonevolment plawżibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2008, Compagnie générale de diététique vs UASI (GARUM), T-341/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:70, punt 43).

61      Issa tikkostitwixxi tali spekulazzjoni l-eventwalità, prevista mir-rikorrenti, li l-kelma “cinkciarz” fil-futur titlef il-konnotazzjoni negattiva marbuta man-natura klandestina u illegali tal-attività prevista minnha, li hija essenzjalment koeżistenti magħha, u, konsegwentement, tagħmel riferiment b’mod newtrali għall-eżerċizzju ta’ attività ta’ kambju ta’ muniti.

62      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-atti prodotti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 19, 23 u 32 iktar ’il fuq, sa mill-oriġini tagħha, il-kelma “cinkciarz”, fit-tifsiriet tagħha rilevanti fil-kawża odjerna, kellha tifsira negattiva marbuta man-natura illegali u klandestina tal-attivitajiet ta’ persuni previsti minnha u, wara tibdil fil-kuntest storiku li fih din żviluppat, il-portata tagħha żviluppat ukoll billi ġie avvanzat dan l-aspett negattiv, peress li l-użu tagħha ġie ġġeneralizzat sabiex isir riferiment għal persuna involuta f’attività meqjusa bħala illegali, frawdolenti jew diżonesta. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 29 u 30 iktar ’il fuq, ma jeżisti l-ebda indizju rilevanti li l-imsemmija kelma tintuża wkoll b’mod newtrali sabiex isir riferiment għal operatur li jipprovdi servizzi ta’ kambju ta’ muniti.

63      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma jidhirx li kien raġjonevoli li jkun previst, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, li l-kelma “cinkciarz” kienet sejra tikkostitwixxi fil-futur, f’għajnejn il-persuni kkonċernati, deskrizzjoni tas-servizzi inkwistjoni.

64      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Bord tal-Appell ġustament iddeċieda li t-trade mark ikkontestata ma tistax tiġi annulata skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 inkonnessjoni mas-servizzi ta’ kambju ta’ muniti. Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 u tal-obbligu ta’ motivazzjoni inkonnessjoni mal-prodotti u s-servizzi inkwistjoni minbarra s-servizzi ta’ kambju ta’ muniti

65      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni inkonnessjoni maċ-ċaħda tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità sa fejn din kienet ibbażata fuq il-karattru deskrittiv tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni minbarra l-kambju ta’ muniti, minħabba li l-Bord tal-Appell kien inkunsiderazzjoni dawn il-prodotti u s-servizzi l-oħra globalment, u mhux kategorija b’kategorija.

66      Fil-punt 59 tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li issellef, f’dan ir-rigward, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, il-Bord tal-Appell ikkonstata li, peress li l-kelma “cinkciarz” ma kinitx tiddeskrivi servizzi ta’ kambju ta’ muniti, kienet hekk ukoll inkonnessjoni mas-servizzi u l-prodotti l-oħra inkwistjoni, li r-rabta tagħhom mal-imsemmija kelma kienet iktar u iktar dgħajfa.

67      Jeħtieġ jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni li huwa impost fuq il-Bord tal-Appell, li jirriżulta b;mod partikolari mill-Artikolu 94(1) tar-Regolament 2017/1001, għandu l-għan doppju li jippermetti, minn naħa, lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata biex jiġu difiżi d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkonċernata. Il-motivazzjoni għandha tkun turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att, mingħajr ma huwa neċessarju li din il-motivazzjoni tispeċifika l-elementi fattwali u legali rilevanti kollha, filwaqt li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax l-imsemmija rekwiżiti għandha madankollu tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-materja kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, EUIPO vs Puma, C-564/16 P, EU:C:2018:509, punti 64 u 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-argument li r-rikorrenti kienet żviluppat quddiem l-istanzi tal-EUIPO, li barra minn hekk ġie ppreżentat fir-rikors, kien sempliċiment jindika kif ċerti kategoriji ta’ prodotti u ta’ servizzi inkwistjoni, minbarra s-servizzi ta’ kambju ta’ muniti, setgħu jippreżentaw, skontha, relazzjoni ma’ dawn l-aħħar imsemmija servizzi jew mal-persuni li jipprovdu tali servizzi. Minn dan hija ddeduċiet li l-kelma “cinkciarz”, li hija kienet tqis bħala li tiddeskrivi s-servizzi tal-kambju, kienet tiddeskrivi wkoll karatteristika ta’ dawn il-prodotti jew servizzi oħra.

69      F’tali kuntest, u ġaladarba l-Bord tal-Appell kien minn qabel ikkonstata li l-kelma “cinkciarz” ma kinitx tiddeskrivi s-servizzi ta’ kambju ta’ muniti, u b’hekk warrbet il-premessa li kienet ibbażat fuqu l-argument tar-rikorrenti marbut ma’ prodotti u ma’ servizzi li ma humiex is-servizzi ta’ kambju ta’ muniti, hija setgħet sempliċiment tagħti motivazzjoni globali għall-prodotti jew is-servizzi kollha kkonċernati.

70      Fil-fatt, l-EUIPO huwa awtorizzat jadotta motivazzjoni globali, fir-rigward ta’ raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, għal prodotti jew servizzi li jippreżentaw bejniethom rabta suffiċjentement diretta u konkreta, sal-punt li jkunu jifformaw kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi ta’ omoġenjità suffiċjenti b’mod partikolari abbażi tal-karatteristiċi li huma komuni għalihom u li huma rilevanti għall-analiżi dwar jekk tistax tiġi opposta kontra t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għall-imsemmija prodotti u servizzi, raġuni assoluta għal rifjut ikkonċernata. L-evalwazzjoni għandha titwettaq b’mod konkret f’kull każ, mingħajr ma jiġi eskluż li l-prodotti u s-servizzi koperti minn applikazzjoni għal reġistrazzjoni jkollhom kollha karatteristika rilevanti għall-analiżi ta’ raġuni assoluta għal rifjut u li jistgħu jinġabru, għall-finijiet tal-eżami tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwistjoni fir-rigward ta’ din ir-raġuni assoluta għal rifjut, f’kategorija waħda jew fi grupp wieħed ta’ omoġenjità suffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2017, EUIPO vs Deluxe Entertainment Servizzi Group, C-437/15 P, EU:C:2017:380, punti 30 sa 34).

71      Issa, fil-kawża odjerna, ir-rikorrenti stess kienet ikkategorizzat il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni minbarra s-servizzi ta’ kambju ta’ muniti b’rabta ma’ karatteristika globali u unika li kienet tiġġustifika li jiġi rrikonoxxut il-karattru deskrittiv tas-sinjal CINKCIARZ inkonnessjoni ma’ dawk il-prodotti u s-servizzi l-oħra, jiġifieri li kollha kienu jippreżentaw rabta mal-attività ta’ kambju ta’ muniti.

72      Għaldaqstant, wara li qies li t-trade mark ikkontestata ma kinitx tiddeskrivi s-servizzi ta’ kambju ta’ muniti fihom nfushom, il-Bord tal-Appell seta’, fil-kuntest ta’ eżami suffiċjenti, iqis li din il-konklużjoni kienet tgħodd a fortiori għal prodotti u servizzi li ma humiex servizzi ta’ kambju ta’ muniti li kienu jippreżentaw ċerta rabta ma’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, b’dan, huwa wettaq evalwazzjoni b’mod konkret, billi ddeċieda dwar ir-rabta li bbażat fuqha r-rikorrenti stess it-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, abbażi tal-Artikolu 7(1)(c), tar-Regolament 2017/1001, inkonnessjoni ta’ dawn il-prodotti u servizzi oħra. Barra minn hekk, dan l-eżami wassal għal konklużjoni konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

73      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud it-tieni motiv bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b), tar-Regolament 2017/1001

74      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b), tar-Regolament 2017/1001 hija imposta minħabba l-karattru deskrittiv tas-sinjal CINKCIARZ, sinjal deskrittiv li neċessarjament ma kellux karattru distintiv.

75      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell ma eżaminax il-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata inkonnessjoni mal-prodotti u mas-servizzi inkwistjoni u mal-perċezzjoni li għandu l-pubbliku rilevanti ta’ din it-trade mark. B’mod partikolari, in-natura peġġorattiva tal-kelma “cinkciarz” ma tipprekludix li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ karattru distintiv. Fil-kawża odjerna, ġaladarba l-imsemmija kelma tintuża komunement fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ kambju ta’ muniti lil hinn miċ-ċirkulazzjoni uffiċjali, it-trade mark li tikkonsisti f’din il-kelma ma tistax tissodisfa l-funzjoni ta’ identifikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni. Għall-istess raġuni, l-imsemmija kelma ma kinitx tippreżenta lill-pubbliku Pollakk aspett ta’ fantażija, atipiku, mhux mistenni jew sorprendenti.

76      Il-Bord tal-Appell qies li s-sinjal verbali CINKCIARZ jinftiehem mill-pubbliku rilevanti bħala li jagħmel riferiment għal persuna involuta fil-kummerċ illegali ta’ muniti, spekultaur, persuna li twettaq il-frodi. Billi tintuża b’rabta mal-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, hija pperċepita minn dan il-pubbliku bħala isem oriġinali, fallaċi jew ironiku u, minħabba f’hekk, sorprendenti, adatt sabiex jindika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni u ta’ natura li faċilment jiġi innotat bħala tali.

77      Skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, ir-reġistrazzjoni ta’ trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv għandha tiġi rrifjutata.

78      Kif ġie mfakkar fil-punt 16 iktar ’il fuq, il-karattru distintiv ta’ trade mark fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 2017/1001 ifisser li din it-trade mark tippermetti li jiġi identifikat il-prodott jew is-servizz li għalih tkun saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala li ġej minn impriża partikolari u b’hekk tiddistingwi dan il-prodott jew is-servizz minn dawk ta’ impriżi oħra (ara s-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, Audi vs UASI, C-398/08 P, EU:C:2010:29, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Dan il-karattru distintiv għandu jiġi evalwat, minn naħa, b’riferiment għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, b’riferiment għall-mod kif il-pubbliku rilevanti jipperċepixxih (ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C-456/01 P u C-457/01 P, EU:C:2004:258, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Qabel xejn, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel u t-tieni motivi, l-argument tar-rikorrenti għandu jitwarrab sa fejn huwa bbażat fuq il-konferma tal-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti u s-servizzi inkwistjoni.

81      Sussegwentement, mill-punti 53 u 54 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dan li tiddikjara r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell wettaq eżami tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata billi ħa inkunsiderazzjoni il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti kif ukoll il-prodotti u s-servizz inkwistjoni. Għalkemm, ċertament, jirriżulta mill-kuntest li, impliċitament, l-analiżi inkluża f’dawn il-punti tikkonċerna essenzjalment is-servizzi ta’ kambju ta’ muniti, hemm lok li jitteħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-punti 59 u 60 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Bord tal-Appell estenda r-raġunament tiegħu billi qies li l-konstatazzjonijiet magħmula inkonnessjoni mas-servizzi ta’ kambju ta’ muniti kienu jgħoddu a fortiori għall-prodotti u s-servizzi l-oħra kkontestati b’kont meħud tar-rabta iktar dgħajjfa li teżisti bejn dawn il-prodotti u s-servizzi l-oħra u l-kelma “cinkciarz”.

82      Finalment, sa fejn id-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata hija msejsa fuq l-allegazzjoni li l-kelma “cinkciarz” “tintuża komunement fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi marbuta mal-kambju ta’ muniti lil hinn miċ-ċirkulazzjoni uffiċjali”, jeħtieġ li jiġi rrilevat li ġie kkonstatat, fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel motiv, li din l-allegazzjoni ma hijiex stabbilita sa fejn din il-kelma tista’ tagħmel riferiment b’mod newtrali għal attivitajiet ta’ kambju ta’ muniti, indipendentement min-natura legali jew illegali tagħhom.

83      Għall-kuntrarju, fid-dawl tal-użu normali tal-kelma “cinkciarz” inkonnessjoni ma’ attività klandestina u illegali ta’ kambju ta’ muniti, użu magħruf mill-pubbliku rilevanti, hemm lok li jiġi ammess, bħalma għamel il-Bord tal-Appell, li din il-kelma tippreżenta karattru allużiv jew suġġestiv fil-konfront tas-servizzi leċiti ta’ kambju ta’ muniti.

84      Madankollu, kif ġie kkonstatat fil-punti 54 iktar ’il fuq, ladarba karatteristika essenzjalment koeżistenti mal-kelma “cinkciarz”, jiġifieri li tirreferi għal attivitajiet klandestini u illegali, hija f’oppożizzjoni sħiħa ma’ karatteristika tas-servizzi ta’ kambju ta’ muniti inkwistjoni, jiġifieri n-natura intrinsikament leċita tagħhom, il-pubbliku rilevanti ma jistax jistabbilixxi rabta bejn it-trade mark ikkontestata u s-servizzi leċiti ta’ kambju ta’ muniti dment li ma jegħlibx din il-kontradizzjoni sabiex jasal għall-konklużjoni li, bl-ironija u l-effett ta’ logħba spirituża, l-imsemmija trade mark, għall-kuntrarju tat-tifsira tagħha, tkopri servizzi ta’ kambju ta’ muniti pprovduti b’mod leċitu. Minn dan jirriżulta li, fir-rigward ta’ dawn is-servizzi, din il-kelma tirrikjedi sforz ta’ interpretazzjoni mill-imsemmi pubbliku u minħabba dan, tippreżenta ċerta oriġinalità u riżonanza li jirrenduh faċilment memorizzabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, Audi vs UASI, C-398/08 P, EU:C:2010:29, punt 59) u hija adatta sabiex tindika lill-konsumatur l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi rrikonoxxut favur l-imsemmija kelma karattru distintiv fir-rigward tas-servizzi ta’ kambju ta’ muniti.

85      Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll inkonnessjoni mas-servizzi inkwistjoni li jaqgħu taħt il-klassi 36 li jippreżentaw rabta mas-servizzi ta’ kambju ta’ muniti, jiġifieri, essenzjalment, is-servizzi bankarji u finanzjarji.

86      Fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi l-oħra inkwistjoni, kif ikkonstata l-Bord tal-Appell, ir-rabta bejn it-tifsira tal-kelma “cinkciarz” avvanzata mir-rikorrenti, jiġifieri dik marbuta ma’ attività illegali u klandestina ta’ kambju ta’ muniti, u dawn il-prodotti u s-servizzi l-oħra, li ma humiex marbuta direttament mal-kummerċ tal-muniti, hija dgħajjfa jekk mhux ineżistenti. Konsegwentement, it-trade mark ikkontestata tista’ tippreżenta, l-iktar l-iktar, karattru allużiv ridott ħafna għal uħud minn dawn il-prodotti u s-servizzi l-oħra, b’tali mod li l-argument tar-rikorrenti, li huwa essenzjalment ibbażat fuq il-karattru deskrittiv tal-imsemmija trade mark inkonnessjoni mas-servizzi ta’ kambju ta’ muniti u fuq ir-relazzjoni li kienet teżisti bejn dawn is-servizzi u l-prodotti u s-servizzi l-oħra inkwistjoni, ma jistax jintlaqa’. Barra minn dan, jista’ jiġi rrilevat li l-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 84 iktar ’il fuq jgħoddu wkoll, essenzjalment, għall-prodotti u s-servizzi l-oħra inkwistjoni, b’kont meħud tat-tifsira ġenerali tal-imsemmija kelma, li tagħmel riferiment għal persuna involuta fi kwalunkwe attività meqjusa li hija illegali, frawdolenti jew diżonesta. Fil-fatt, l-iżvantaġġ li jirriżulta mill-użu ta’ din il-kelma biex isir riferiment għal prodotti jew servizzi leċiti joħloq effett ta’ sorpriża u li jirrikjedi riflessjoni li minnu jirriżulta ċertu karattru distintiv.

87      Konsegwentement, hemm lok li jiġi mwarrab ukoll it-tielet motiv bħala infondat u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

88      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

89      Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tal-EUIPO u tal-intervenjenti, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Currency One S.A. hija kkundannata, minbarra għall-ispejjeż tagħha, għal dawk sostnuti mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u minn Cinkciarz.pl sp. z o.o.

Nihoul

Svenningsen

Öberg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Diċembru 2019

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.


i Fil-punt 65 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li li kien tqiegħed online għal ewwel darba.