Language of document : ECLI:EU:T:2012:19

Kawża T-103/11

Tiantian Shang

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva justing — Trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti JUSTING — Invokazzjoni tal-anzjanità tat-trade mark nazzjonali preċedenti — Assenza ta’ identiċità tas-sinjali — Artikolu 34 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja — Talba tal-anzjanità tat-trade mark nazzjonali — Kundizzjoni — Identiċità bejn is-sinjal u t-trade mark — Interpretazzjoni restrittiva

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 34(1) u (2))

2.      Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja — Invokazzjoni tal-anzjanità tat-trade mark nazzjonali — Kundizzjoni — Identiċità bejn is-sinjal u t-trade mark

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 34(1))

1.      Sabiex tintlaqa’ t-talba tal-anzjanità tat-trade mark nazzjonali preċedenti għall-finijiet tat-talba ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja abbażi tal-Artikolu 34(1), tar-Regolament Nru 207/2009, dwar it-trade mark Komunitarja, għandhom jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet b’mod kumulattiv: it-trade mark nazzjonali preċedenti u t-trade mark Komunitarja mitluba għandhom ikunu identiċi; il-prodotti jew servizzi tat-trade mark Komunitarja mitluba għandhom ikunu identiċi għal, jew jinsabu, f’dawk koperti mit-trade mark nazzjonali preċedenti; il-proprjetarju tat-trade marks inkwistjoni għandu jkun l-istess.

Il-kundizzjoni li s-sinjali u t-trade mark ikunu identiċi għandha tkun interpretata b’mod restrittiv minħabba l-konsegwenzi li huma relatati ma’ tali identiċità. F’dan il-każ, skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 207/2009, il-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja li l-invokazzjoni tal-anzjanità tat-trade mark nazzjonali preċedenti tiegħu ġiet milqugħa jista’, fil-każ fejn dan iċedi t-trade mark preċedenti jew iħalliha tiskadi, ikompli jibbenefika mill-istess drittijiet daqs li kieku t-trade mark preċedenti baqgħet irreġistrata.

(ara l-punti 14, 17)

2.      Ma tistax tintlaqa’ l-invokazzjoni tal-anzjanità abbażi tal-Artikolu 34(1), tar-Regolament Nru 207/2009, dwar it-trade mark Komunitarja, tat-trade mark nazzjonali figurattiva JUSTING għat-trade mark Komunitarja figurattiva justing, peress li t-trade marks ma humiex identiċi. L-element verbali “justing” huwa riprodott f’karattri tipografiċi differenti skont it-trademarks. Fit-trade mark nazzjonali preċedenti, il-karattri użati huma karattri tal-istampa f’tipa normali, filwaqt li, fit-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni intużaw karattri gotiċi, li jagħtu lit-terminu “justing” karatteristika grafika u stilistika preċiża. Barra minn hekk, l-elementi figurattivi taż-żewġ trade marks huma differenti. Fil-fatt, fit-trade mark nazzjonali preċedenti, hemm, minn naħa u minn oħra tal-element verbali, is-simboli li jirrappreżentaw iż-żewġ sessi, filwaqt li fit-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni, l-element figurattiv, li jinsab fuq l-element verbali, jirrappreżenta ċirku mdawwar b’raġġi li jinkludu l-ittra “j”.

(ara l-punti 21-23)