Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Lulju 2011 - Hüttenwerke Krupp Mannesmann et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-379/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Hüttenwerke Krupp Mannesmann GmbH (Duisburg, il-Ġermanja), ROGESA Roheisengesellschaft Saar mbH (Dillingen, il-Ġermanja), Salzgitter Flachstahl GmbH (Salzgitter, il-Ġermanja), ThyssenKrupp Steel Europe AG (Duisburg, il-Ġermanja), voestalpine Stahl GmbH (Linz, l-Awstrija) (rappreżentanti: S. Altenschmidt u C. Dittrich, avukati)

Konvenuti: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [C (2011) 2772, ĠU L 130, p. 1] u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-27 ta' April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1. Huma jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kollha.

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE 2 minħabba l-punt ta' riferiment ta' prodotti għal minerali sinterizzati

Ir-rikorrenti jinvokaw l-illegalità tal-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-punti ta' riferiment ta' prodott.

Inkompatibbiltà mal-Artikolu 10a(2) tad-Direttva 2003/87

Ir-rikorrenti jsostnu li l-iffissar tal-punt ta' riferiment ta' prodott għal minerali sinterizzati jmur kontra l-Artikolu 10a(2) tad-Direttva 2003/87, minħabba li l-Kummissjoni stabbilixxiet dan il-punt ta' riferiment abbażi ta' installazzjoni ta' produzzjoni ta' gerbub sabiex jiġi stabbilit ir-rendiment medju tal-installazzjonijiet li jiffurmaw l-ogħla 10 % tal-iktar installazzjonijiet effiċjenti f'settur jew subsettur. Issa, huma jqisu li l-gerbub huwa prodott li ma jikkorrispondix ma' minerali sinterizzati u li l-installazzjonijiet ta' produzzjoni ta' gerbub għalhekk ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi stabbilit 10 % ta' installazzjonijiet ta' amalgamazzjoni permezz tas-sħana l-iktar effiċjenti.

Inkompatibbiltà mal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87

Ir-rikorrenti jsostnu li l-iffissar tal-punt ta' riferiment ta' prodotti għal minerali sinterizzati wkoll imur kontra l-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, għar-raġuni li l-Kummissjoni stabbilixxiet dan il-punt ta' riferiment filwaqt li kkorreġiet xi data. Huma jqisu li dan il-metodu ta' twettiq ma huwiex konformi mal-kriterji ta' definizzjoni tal-punti ta' riferimenti li huma ddefiniti fl-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 minħabba l-punt ta' riferiment ta' prodott għal metall sħun

Bl-istess mod, ir-rikorrenti jsostnu li d-definizzjoni tal-punt ta' riferiment ta' prodott għall-metall sħun tmur kontra l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 sa fejn il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kontenut sħiħ tal-karbonju tal-gassijiet tal-iskart li jinħolqu matul il-produzzjoni ta' ħadid u ta' azzar billi tinkludi l-użu tagħhom fil-produzzjoni tal-elettriku, u għall-kuntrarju applikat tnaqqis ta' madwar 25 %. Issa, ir-rikorrenti jikkunsidraw li mill-formulazzjoni tat-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, mill-istruttura ġenerali, mill-għan u mill-interpretazzjoni storika tagħha jirriżulta li l-Kummissjoni ma għandhiex id-dritt li tagħmel tali tnaqqis.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni ma mmotivatx id-deċiżjoni tagħha b'mod suffiċjenti. Skont huma, il-motivazzjoni tad-definizzjoni tal-punti ta' riferiment ma hijiex kompleta. Huma jsostnu li r-riżervi espressi mill-Kummissjoni fir-rigward ta' distorsjonijiet eventwali tal-kompetizzjoni ma kinux ġew immotivati debitament. Billi għamlet dan, il-Kummissjoni kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

Ir-rikorrenti jqisu li d-deċiżjoni kkontestata hija kuntrarja wkoll għall-prinċipu ta' proporzjonalità fir-rigward tad-definizzjoni tal-punti ta' riferiment għall-minerali sinterizzati u għall-metall sħun.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq in-neċessità li tiġi annullata d-deċiżjoni kollha

Ir-rikorrenti jsostnu l-argument li d-deċiżjoni għandha tiġi annullata kollha kemm hi, u dan minħabba li annullament parzjali tad-deċiżjoni, li jkun limitat esklużivament għall-punti ta' riferiment għall-minerali sinterizzati u metall sħun, iwassal awtomatikament għall-applikazzjoni ta' mudell ta' riżerva skont dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 10(2)(b) u tal-Artikolu 3(c) tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, l-applikazzjoni ta' dan il-mudell ta' riżerva tqiegħed lir-rikorrenti f'sitwazzjoni iktar żvantaġġuża milli kieku jiġu applikati l-valuri ineżatti tal-punti ta' riferiment tal-Kummissjoni għal minerali sinterizzati u metall sħun.

____________

1 - ĠU L 130, p. 1

2 - Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631).