Language of document : ECLI:EU:T:2013:83

Kawża T‑378/11

Franz Wilhelm Langguth Erben GmbH & Co. KG

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva MEDINET — Trade marks nazzjonali u internazzjonali figurattivi preċedenti MEDINET — Talba tal-anzjanità tat-trade marks nazzjonali u internazzjonali preċedenti — Trade marks preċedenti bil-kulur u trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni li ma turi l-ebda kulur b’mod partikolari — Assenza ta’ identiċità tas-sinjali — Artikolu 34 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Obbligu ta’ motivazzjoni — Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 — Espedjenza tal-proċedimenti orali — Artikolu 77 tar-Regolament Nru 207/2009”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal-20 ta’ Frar 2013

1.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati — Motivi ta’ dritt li ma ġewx ippreżentati fir-rikors — Riferiment ġenerali għal dokumenti oħra — Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(c))

2.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Motivazzjoni tad-deċiżjonijiet — L-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 — Portata identika għal dik tal-Artikolu 296 TFUE — Użu mill-Bord tal-Appell ta’ motivazzjoni impliċita — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75)

3.      Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja — Talba tal-anzjanità tat-trade mark nazzjonali — Kundizzjoni — Identiċità bejn is-sinjal u t-trade mark — Interpretazzjoni restrittiva

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 34(1) u (2))

4.      Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja — Talba tal-anzjanità tat-trade mark nazzjonali — Kundizzjoni — Identiċità bejn is-sinjal u t-trade mark — Kunċett — Portata identika għal dik tal-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 8(1)(a) u 34(1); Direttiva tal-Kunsill 89/104, Artikolu 5(1)(a))

5.      Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja — Talba tal-anzjanità tat-trade mark nazzjonali — Kundizzjoni — Identiċità bejn is-sinjal u t-trade mark — Trade marks figurattivi MEDINET

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 34(1))

6.      Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja — Talba tal-anzjanità tat-trade mark nazzjonali — Kundizzjoni — Identiċità bejn is-sinjal u t-trade mark — Portata tal-protezzjoni tat-trade marks — Assenza ta’ effett

7.      Trade mark Komunitarja — Deċiżjonijiet tal-Uffiċċju — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Prassi deċiżjonali preċedenti tal-Uffiċċju

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 13)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 14, 15)

3.      Sabiex tintlaqa’ t-talba tal-anzjanità tat-trade mark preċedenti għall-finijiet tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja skont l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, għandhom jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet b’mod kumulattiv: it-trade mark preċedenti u t-trade mark Komunitarja li għaliha saret applikazzjoni għandhom ikunu identiċi; il-prodotti jew servizzi tat-trade mark Komunitarja li għaliha saret applikazzjoni għandhom ikunu identiċi għal, jew jinsabu, f’dawk intiżi mit-trade mark preċedenti; il-proprjetarju tat-trade marks inkwistjoni għandu jkun l-istess.

Il-kundizzjoni li s-sinjal u t-trade mark ikunu identiċi għandha tkun interpretata b’mod restrittiv minħabba l-konsegwenzi li huma relatati ma’ tali identiċità. F’dan il-każ, skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 207/2009, il-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja li t-talba tal-anzjanità tat-trade mark nazzjonali preċedenti tagħha tkun intlaqgħet jista’, fil-każ fejn dan iċedi t-trade mark preċedenti jew iħalliha tiskadi jkompli jibbenefika mill-istess drittijiet daqs li kieku t-trade mark preċedenti baqgħet irreġistrata.

(ara l-punti 26, 28)

4.      Sinjal ikun identiku għal trade mark meta jirriproduċi, mingħajr modifika jew żieda, l-elementi kollha li jikkostitwixxu din it-trade mark jew meta, meqjus fit-totalità tiegħu, ikollu differenzi tant insinjifikattivi li jistgħu jiġu injorati minn għajnejn il-konsumatur medju.

Din id-definizzjoni tal-kunċett ta’ identiċità tat-trade marks hija ispirata mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) tal-Ewwel Direttiva 89/104 dwar it-trade marks, ekwivalenti għall-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja. Anki jekk l-għanijiet tal-Artikolu 8(1)(a) u tal-Artikolu 34 tal-imsemmi regolament ma humiex l-istess, it-tnejn jistabbilixxu bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni tagħhom l-identiċità tat-trade marks inkwistjoni. Kunċett, impjegat f’diversi dispożizzjonijiet ta’ att ġuridiku, għandu, għal raġunijiet ta’ koerenza u ta’ ċertezza legali, u iktar u iktar għaliex huwa għandu jiġi interpretat b’mod strett, jiġi preżunt li jfisser l-istess ħaġa, indipendentement mid-dispożizzjoni li jinsab fiha.

(ara l-punti 27, 39-41)

5.      Ma tistax tintlaqa’ t-talba tal-anzjanità tat-trade mark preċedenti skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, tat-trade marks nazzjonali u internazzjonali figurattivi MEDINET għat-trade mark Komunitarja figurattiva MEDINET, peress li t-trade marks ma humiex identiċi.

Minkejja li t-trade marks nazzjonali u internazzjonali preċedenti u t-trade mark Komunitarja li għaliha saret applikazzjoni jinkludu element verbali komuni, jiġifieri l-element “medinet”, li jinsab f’forma figurattiva li tirrappreżenta salib, it-trade marks imsemmija l-ewwel huma ta’ kulur dehbien filwaqt li t-trade mark imsemmija fit-tieni lok ma turi l-ebda kulur partikolari. Issa, il-fatt li trade mark tkun irreġistrata b’kulur jew, bil-kontra, ma turix kulur partikolari ma jistax jitqies bħala element negliġibbli f’għajnejn il-konsumatur. Fil-fatt, l-impressjoni mogħtija minn trade mark hija differenti skont jekk din hijiex bil-kulur jew ma turi l-ebda kulur partikolari.

(ara l-punti 30, 52, 54)

6.      Rigward il-portata tal-protezzjoni tat-trade marks inkwistjoni, dan ma huwiex element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tat-talba tal-anzjanità tat-trade mark preċedenti skont l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja. Fil-fatt, waħda mill-kundizzjonijiet eżaminati mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) sabiex tintlaqa’ jew le tali talba hija l-identiċità tat-trade marks inkwistjoni. L-eżami ta’ tali identiċità jippreżumi l-paragun tal-elementi li jikkostitwixxu t-trade marks inkwistjoni u mhux l-evalwazzjoni u lanqas il-paragun tal-portata tal-protezzjoni li minnha jibbenefikaw jew jistgħu jibbenefikaw l-imsemmija trade marks u li, barra minn hekk, tista’ tvarja skont id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 li tkun applikabbli.

(ara l-punt 47)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 61, 62)