Language of document : ECLI:EU:T:2012:325

Kawża T-372/10

Bolloré

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-karta saħħara — Iffissar tal-prezzijiet — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE — Deċiżjoni meħuda wara l-annullament tal-ewwel deċiżjoni — Imputazzjoni tal-ksur lill-kumpannija parent bħala awtur dirett — Legalità tar-reati u tal-pieni — Ċertezza legali — Individwalità tal-pieni — Smigħ xieraq — Ugwaljanza fit-trattament — Terminu raġonevoli — Drittijiet tad-difiża — Multi — Preskrizzjoni — Ċirkustanzi attenwanti — Kooperazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Ksur tal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni — Assenza

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

2.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Imprevedibbiltà tar-responsabbiltà tal-kumpanniji parent — Assenza — Ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali — Assenza

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

3.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Responsabbiltà tal-kumpannija parent li ma tistax titqies li hija responsabbiltà mingħajr tort — Sanzjoni imposta fuq il-kumpannija parent — Ksur tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni — Assenza

(Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE)

4.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Seduti — Smigħ ta’ impriża fl-assenza tal-membri tal-kulleġġ ġudikanti tal-Kummissjoni — Ksur tad-dritt għal smigħ xieraq — Assenza

(Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004, Artikolu 14(1))

5.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Dritt għal smigħ xieraq — Kumulu, mill-Kummissjoni, tal-funzjonijiet istruttorji u ta’ sanzjoni tal-ksur — Ksur tar-rekwiżit ta’ imparzjalità — Assenza

(Artikolu 101 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

6.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Dritt għal smigħ xieraq — Adozzjoni, wara annullament mill-qorti tal-Unjoni, ta’ att ġdid fuq il-bażi tal-atti preparatorji preċedenti validi — Affermazzjoni, mill-Kummissjoni, tad-determinazzjoni tagħha li ma tħallix xi impriżi milli jaħarbu mis-sanzjonijiet għal raġunijiet proċedurali — Ksur tar-rekwiżit ta’ imparzjalità — Assenza

(Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE)

7.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Manifestazzjoni prematura mill-Kummissjoni tal-konvinzjoni tagħha tal-eżistenza tal-ksur — Rilevanza fuq ir-realtà tal-prova tal-ksur prodotta sussegwentement — Assenza

8.      Kompetizzjoni — Multi — Evalwazzjoni skont l-aġir individwali tal-impriża — Rilevanza tal-assenza ta’ sanzjoni kontra operatur ekonomiku ieħor — Assenza

(Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23)

9.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Proċedura amministrattiva — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Kompetizzjoni — Proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji — Distinzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-osservanza ta’ terminu raġonevoli

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47(2); Regolamenti tal-Kunsill Nru 17 u Nru 1/2003)

10.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Preskrizzjoni fil-qasam tal-multi — Applikazzjoni esklużiva tar-Regolamenti Nru 2988/74 u Nru 1/2003 — Inapplikabbiltà tal-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 2988/74 u Nru 1/2003)

11.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Obbligu tal-Kummissjoni — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Annullament tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur minħabba tul eċċessiv tal-proċedura — Kundizzjoni — Ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati — Impossibbiltà għal kumpannija parent li tiddefendi ruħha wara t-trasferiment tas-sussidjarja tagħha u tal-arkivji tagħha — Ċirkustanzi attenwanti imputabbli esklużivament lil din il-kumpannija

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003)

12.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Osservanza ta’ terminu raġonevoli

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003)

13.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Preskrizzjoni fil-qasam tal-multi — Kisba tal-preskrizzjoni fir-rigward tas-sussidjarja — Assenza ta’ inċidenza fuq ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 25)

14.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Preskrizzjoni fil-qasam tal-azzjonijiet — Interruzzjoni — Portata — Terminu interrott fil-konfront tal-parteċipanti kollha fil-ksur — Kunċett ta’ impriża li pparteċipat fil-ksur

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 25(3) u (4))

15.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni — Portata

(Artikolu 261 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31)

16.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Kundizzjoni finanzjarja ħażina tas-settur inkwistjoni — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23)

17.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tnaqqis tal-ammont tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Kundizzjonijiet — Neċessità li l-aġir ikun iffaċilita l-konstatazzjoni tal-ksur mill-Kummissjoni — Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04, Titolu D)

1.      Il-prinċipju ta’ legalità tal-pieni jeżiġi li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u l-pieni li hija tissanzjona. Dan ir-rekwiżit ikun sodisfatt meta l-individwu jista’ jkun jaf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u jekk meħtieġ bl-għajnuna tal-interpretazzjoni li l-qrati taw ta’ din id-dispożizzjoni, liema atti jew ommissjonijiet jagħtu lok għar-responsabbiltà kriminali tiegħu. F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “dritt” fis-sens tal-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jikkorrispondi għal dak ta’ “liġi” użat f’dispożizzjonijiet oħra tal-istess konvenzjoni u jinkludi d-dritt kemm ta’ oriġini leġiżlattiva kif ukoll ġurisprudenzjali.

B’hekk, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li permezz tagħha timponi sanzjoni fuq impriża minħabba l-fatt li hija kienet il-kumpannija parent ta’ parteċipant fl-akkordju li magħha hija kienet tifforma unità ekonomika, bl-ebda mod ma tikser il-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni, peress li l-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni huwa ddefinit b’mod ċar fl-Artikolu 101 TFUE u fl-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u li l-imputazzjoni lill-kumpannija parent tal-ksur imwettaq mis-sussidjarja, minħabba l-fatt li dawn il-kumpanniji jifformaw impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u, għaldaqstant, li l-kumpannija parent hija meqjusa bħala li pparteċipat fil-ksur bħal ma għamlet is-sussidjarja tagħha, jirriżulta wkoll b’mod ċar mid-dritt tal-Unjoni, skont ġurisprudenza diġà stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali.

(ara l-punti 35-37, 42)

2.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, iċ-ċirkustanzi tar-responsabbiltà tal-kumpanniji parent minħabba s-sussidjarji tagħhom bl-ebda mod ma huma vvizzjati b’imprevedibbiltà assoluta li tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

Iċ-ċirkustanza li l-kunċett ta’ impriża japplika għal metodi potenzjalment varjati ta’ eżerċizzju ta’ attività ekonomika, peress li l-impriża fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni tinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u tal-metodu ta’ finanzjament tagħha, u li l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi, ma tieħu xejn mill-fatt li l-kunċett ta’ impriża, bħala unità ekonomika, hija assolutament identifikata u prevedibbli fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn kumpanniji parent u sussidjarji miżmuma 100 %.

Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni tista’ timponi s-sanzjoni lis-sussidjarja biss, jew lill-kumpannija parent biss, jew saħansitra lit-tnejn, bl-ebda mod ma jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jirrikjedi li r-regoli tad-dritt ikunu ċari u preċiżi u jkunu intiżi li jiggarantixxu l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet ġuridiċi. Fil-fatt, il-possibbiltà għall-Kummissjoni li timponi multa fuq waħda u/jew lill-oħra mill-entitajiet, jiġifieri l-kumpannija parent u s-sussidjarja, li jifformaw impriża li kisret l-Artikolu 101 TFUE jew l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jirriżulta b’mod ċar min-natura in solidum tar-responsabbiltà tagħhom.

(ara l-punti 43, 48-50)

3.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-bażi tar-responsabbiltà tal-kumpannija parent ma hijiex responsabbiltà mingħajr tort dovuta għal ħaddieħor, iżda responsabbiltà għal tort u ta’ natura personali.

Fil-fatt, id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni huwa msejjes fuq il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali tal-entità ekonomika li wettqet il-ksur. Issa, jekk il-kumpannija parent tifforma parti minn din l-unità ekonomika, din il-kumpannija parent tiġi kkunsidrata bħala responsabbli in solidum mal-persuni ġuridiċi l-oħra li jikkostitwixxu din l-unità għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, għalkemm il-kumpannija parent ma tipparteċipax direttament għall-ksur, hija teżerċita, f’dan il-każ, influwenza determinanti fuq is-sussidjarji li pparteċipaw fih. Minn dan jirriżulta li, f’dan il-kuntest, ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent ma tistax tiġi kkunsidrata bħala responsabbiltà mingħajr tort. F’tali ċirkustanza, il-kumpannija parent hija kkundannata għal ksur meqjus li twettaq minnha stess.

Għaldaqstant, is-sanzjoni li l-Kummissjoni timponi fuq kumpannija parent minħabba l-parteċipazzjoni tas-sussidjarja tagħha ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni, li jipprovdi li aġir għandu jiġi ssanzjonat skont dak li huwa responsabbli għalih.

(ara l-punti 51, 52)

4.      Fil-kuntest ta’ proċedura għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, id-dritt għal smigħ xieraq ta’ impriża ma huwiex miksur minħabba l-fatt li l-ebda wieħed mill-membri tal-kulleġġ ġudikanti ma pparteċipa fis-smigħ ta’ din l-impriża.

Fil-fatt, il-Kummissjoni ma hijiex qorti fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jew tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-fatt li ħadd mill-membri tal-kulleġġ ġudikanti tal-Kummissjoni ma assista għal smigħ tar-rikorrenti ma huwiex tali li jivvizzja l-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni. Fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni, xejn ma jipprekludi li membri tal-Kummissjoni inkarigati milli jieħdu deċiżjoni li timponi multi jiġu informati bir-riżultati tas-smigħ minn persuni li l-Kummissjoni inkarigat biex jipproċedu bis-smigħ. Din is-soluzzjoni, ibbażata fuq in-natura amministrattiva — u mhux ġudizzjarja — tal-proċeduri quddiem il-Kummissjoni, hija valida fil-kuntest tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 101 TFUE u 102 TFUE, u, b’mod iktar partikolari, tal-Artikolu 14(1) tiegħu.

(ara l-punti 56-60)

5.      Matul il-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom id-dritt għal smigħ xieraq, imsemmi fl-Artikolu 6 tal-KEDB u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, u fejn ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jikkostitwixxi manifestazzjoni ta’ dan id-dritt. Madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni, organu amministrattiv, teżerċita kemm il-funzjonijiet istruttorji u ta’ sanzjoni tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE ma jikkostitwixxix ksur ta’ dan ir-rekwiżit ta’ imparzjalità, ġaladarba d-deċiżjonijiet tagħha huma suġġetti għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni. Iċ-ċirkustanza li deċiżjoni ġdida ġiet adottata wara l-annullament mill-qorti tal-Unjoni ta’ deċiżjoni preċedenti bl-ebda mod ma tqiegħed inkwistjoni din l-evalwazzjoni.

(ara l-punti 65-67)

6.      Fil-kuntest ta’ proċedura għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, ma hemm ebda parzjalità fil-fatt li l-Kummissjoni tkompli bil-proċeduri mill-punt fejn ġiet ikkonstatata illegalità li tivvizzja deċiżjoni preċedenti, peress li l-proċedura intiża għas-sostituzzjoni tal-att annullat tista’ bħala prinċipju titkompla fil-punt preċiż meta seħħet l-illegalità.

Lanqas ma hija manifestazzjoni ta’ parzjalità l-affermazzjoni mill-Kummissjoni tad-determinazzjoni tagħha li l-membri ta’ akkordji antikompetittivi ma jaħarbux, għal raġunijiet proċedurali, mis-sanzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, peress li din hija sempliċement affermazzjoni ta’ rieda ċara, bis-sħiħ konformi mal-missjoni li għandha l-Kummissjoni, li tipprovdi rimedju, skont il-każ, għall-irregolaritajiet proċedurali kkonstatati, sabiex ma tiddgħajjifx l-effikaċja tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

(ara l-punti 73, 74)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 78)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 93)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 103-105, 107, 111)

10.    Għalkemm id-dekorriment ta’ terminu raġonevoli jista’ jiġġustifika, taħt ċerti ċirkustanzi, l-annullament ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-istess ma jistax japplika meta jkun qed jiġi kkontestat l-ammont tal-multi imposti permezz ta’ din id-deċiżjoni, peress li s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi hija rregolata b’leġiżlazzjoni li stabbilixxiet terminu ta’ preskrizzjoni f’dan ir-rigward.

Issa, ir-Regolament Nru 2988/74, li jikkonċerna l-perijodi ta’ limitazzjoni fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni, u sussegwentement ir-Regolament Nru 1/2003 li ssostitwieh fil-qasam tal-kompetizzjoni, stabbilixxew leġiżlazzjoni kompleta li tirregola fid-dettall it-termini li fihom il-Kummissjoni għandha d-dritt, mingħajr ma tippreġudika r-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali, timponi multi fuq l-impriżi li huma s-suġġett ta’ proċeduri ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Minħabba li hemm din il-leġiżlazzjoni, kull kunsiderazzjoni marbuta mal-obbligu tal-Kummissjoni li teżerċita s-setgħa tagħha li timponi multi f’terminu raġonevoli għandha titwarrab.

(ara l-punti 115-117)

11.    Fil-każ ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, id-dekorriment tat-terminu raġonevoli jista’ jikkostitwixxi motiv għal annullament biss meta jiġi stabbilit li l-ksur ta’ dan il-prinċipju jippreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati. Minbarra f’din is-sitwazzjoni speċifika, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli huwa irrilevanti għall-validità tal-proċedura amministrattiva taħt ir-Regolament Nru 17 u r-Regolament Nru 1/2003.

F’dan ir-rigward, hija l-kumpannija parent li għandha tħares, fiċ-ċirkustanzi tal-bejgħ ta’ sussidjarja, li żżomm, fil-kotba u fl-arkivji tagħha stess jew permezz ta’ kull mezz ieħor, bħal pereżempju li dritt ta’ aċċess għall-arkivji ttrasferiti, l-elementi li jippermettulha telenka l-attività tas-sussidjarja tagħha, sabiex ikollha l-provi neċessarji sabiex tkun tista’ tiddefendi ruħha fl-ipoteżi ta’ azzjonijiet ġudizzjarji jew amministrattivi. B’dan il-mod, meta impriża ssostni li hija effettivament inkapaċi li tiddefendi ruħha kontra l-implikazzjoni tagħha, fit-tieni proċedura amministrattiva, bħala kumpannija parent, minħabba li ttrasferiet is-sussidjarja bl-arkivji tagħha, din l-inkapaċità ma tirriżultax mid-dekorriment taż-żmien bejn tmiem il-ksur u t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew minn tort tal-Kummissjoni, iżda biss minn ċirkustanzi attribwibbli lil din il-kumpannija parent.

(ara l-punti 119, 152, 153)

12.    Ara t-test tad-deċiżjoni

(ara l-punti 142-149)

13.    Iċ-ċirkustanza eventwali li s-sussidjarja ta’ kumpannija parent ma tistax tiġi ssanzjonata iżjed għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, kemm jekk minħabba t-tmiem ta’ eżistenza ta’ din is-sussidjarja jew ukoll minħabba l-kisba tal-preskrizzjoni favur din is-sussidjarja, hija mingħajr effett fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kumpannija parent, hija stess meqjusa bħala awtriċi tal-ksur minħabba l-unità ekonomika mas-sussidjarja tagħha, tistax tiġi ssanzjonata. Ċertament, ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent ma teżistix li kieku kellu jiġi pprovat li ma kienx hemm ksur, iżda din ir-responsabbiltà ma tistax tisparixxi minħabba l-fatt li s-sanzjoni ġiet preskritta fir-rigward tas-sussidjarja tagħha. Fil-fatt, il-preskrizzjoni prevista fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 ma għandhiex bħala effett li tħassar l-eżistenza ta’ ksur, iżda sempliċement li teskludi lill-benefiċjarji tagħha mis-sanzjonijiet.

(ara l-punt 194)

14.    L-għan tal-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa li jiddefinixxi l-perimetru tal-azzjonijiet tal-Kummissjoni li jagħtu lok għall-interruzzjoni tal-preskrizzjoni. Din id-dispożizzjoni tillimita espressament dan il-perimetru għall-atti ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni li huma nnotifikati lil (mill-inqas) impriża li pparteċipat fil-ksur, jiġifieri, finalment, lil impriża identifikata bħala tali fid-deċiżjoni li tissanzjona l-ksur.

Fir-rigward tal-Artikolu 25(4) tar-Regolament Nru 1/2003, dan jipprovdi li l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni tapplika għall-impriżi u l-assoċjazzjonijiet tal-impriżi “kollha” li pparteċipaw fil-ksur. L-għan ta’ dan l-artikolu huwa, għaldaqstant, li jiġi ddefinit il-perimetru tal-impriżi li fir-rigward tagħhom topera interruzzjoni tal-preskrizzjoni. Il-kelma “kollha” użata f’din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex jiġi enfasizzat li hija importanti l-parteċipazzjoni oġġettiva tal-impriża kkonċernata fil-ksur, għaldaqstant, indipendentement mill-punt dwar f’liema kwalità din l-impriża pparteċipat fil-ksur, jew jekk din l-impriża kinitx magħrufa mill-Kummissjoni qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jew jekk kinitx jew le d-destinatarja ta’ att li jinterrompi l-preskrizzjoni qabel din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jew ukoll jekk fl-imgħoddi hija kinitx kisbet l-annullament ta’ deċiżjoni inizjali ta’ sanzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tagħha.

Għaldaqstant, meta impriża tkun ipparteċipat fil-ksur, jiġifieri, finalment, meta din l-impriża tiġi identifikata bħala tali fid-deċiżjoni kkontestata, l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni, li tirriżulta min-notifika ta’ att ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni lil mill-inqas impriża waħda (din l-impriża jew oħra) identifikata wkoll bħala li pparteċipat fil-ksur, topera fir-rigward tagħha.

(ara l-punti 198, 199, 201-203, 205)

15.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 220)

16.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 234, 235)

17.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 253, 254, 258-261)