Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Marzu 2022 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża

(Kawża C-220/22)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: I. Melo Sampaio u M. Noll-Ehlers, aġenti)

Konvenut: Ir-Repubblika Portugiża

Talbiet

tiddikjara li billi qabeż, b’mod sistematiku u persistenti, il-valuri ta’ limitu annwali ta’ NO2, sa mill-1 ta’ Jannar 2010, fiż-żoni PT-3001 Lisboa Norte, PT-1004 Porto Litoral u PT-1009 Entre Douro e Minho (li qabel kienet PT-1001 Braga), il-Portugall naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu bis-saħħa tal-Artikolu 13(1), moqri flimkien mal-Parti B tal-Anness XI tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa 1 ;

tiddikjara li l-Portugall ma wettaqx l-obbligi imposti fuqu bis-saħħa tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50/KE, individwalment u moqri flimkien mal-Parti A tal-Anness XV tal-imsemmija direttiva, fir-rigward ta’ dawn iż-żoni kollha, u b’mod partikolari l-obbligu impost fuqu bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) li jadotta l-miżuri adegwati sabiex il-perijodu ta’ skadenza jkun l-iqsar possibbli;

tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-informazzjoni trażmessa mill-Portugall turi li sa mill-1 ta’ Jannar 2010 dan l-Istat Membru jinsab f’qagħda ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi imposti fuqu bis-saħħa tal-Artikolu 13(1) moqri flimkien mal-Parti B tal-Anness XI tad-Direttiva 2008/50, sa fejn qed isir riferiment għaż-żoni Porto Litoral (PT-1004), Entre Douro e Minho (PT-1009) u Lisboa Norte (PT-3001).

Minbarra dan, l-awtoritajiet Portugiżi ma adottawx jew ma implimentawx il-miżuri kollha xierqa u neċessarji sabiex jiggarantixxu li l-perijodu ta’ skadenza fiż-żoni Lisboa Norte (PT-3001), Porto Litoral (PT-1004) u Entre Douro e Minho (PT-1009), tal-valuri ta’ limitu annwali ta’ NO2 previst fl-Artikolu 13(1) moqri flimkien mal-Parti B tal-Anness XI tad-Direttiva 2008/50 ikun l-iqsar possibbli konformement ma kif rikjest mill-Artikolu 23(1) tal-imsemmija direttiva.

____________

1     ĠU 2008, L 152, p. 1.