Language of document :

Appell ippreżentat fit-23 ta’ Awwissu 2023 mir-Renju ta’ Spanja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fl-14 ta’ Ġunju 2023 fil-Kawża T-376/21, Instituto Cervantes vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-539/23 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Ir-Renju ta' Spanja (rappreżentant: I. Herranz Elizalde, agent)

Partijiet oħra fil-proċedura: Instituto Cervantes, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2023, Instituto Cervantes vs Il-Kummissjoni (T-376/21, EU:T:2023:331) u tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża billi tilqa’ r-rikors għal annullament imressaq kontra d-deċiżjoni kkontestata;

sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li tilqa’ l-argumenti relatati mar-rifjut illegali tal-prova offerta, tqis li l-amministrazzjoni ta’ din tal-aħħar hija meħtieġa sabiex tiddeċiedi fuq it-tieni aggravju, ir-Renju ta’ Spanja jikkonkludi li, skont l-Artikolu 170 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara l-annullament tas-sentenza appellata, il-kawża tintbagħat lura lura lill-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tkun tista’ twettaq l-amministrazzjoni tal-provi indebitament irrifjutata u tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

Ir-Renju ta’ Spanja jqajjem erba’ aggravji insostenn tal-appell tiegħu.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ evalwazzjoni billi ma applikatx b’mod korrett l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u billi naqset milli tikkonstata n-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-att ikkontestat.

Skont ir-Renju ta’ Spanja, is-sentenza appellata kienet żbaljata meta ċaħdet il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni għal żewġ raġunijiet: (i) billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-għażla tal-offerta hija bbażata fuq il-proporzjon kwalità/prezz u li, f’dan il-każ, kien ikun meħtieġ li tiġi ppreżentata motivazzjoni li kapaċi tiġġustifika l-fatt li l-offerta tal-grupp CLL-interlingua (iktar ʼil quddiem “CLL”) hija 1.49 punt ogħla, li huwa impossibbli sakemm din il-motivazzjoni ma tinkludix il-valur attribwit għall-elementi evalwati f’kull sottokriterju; u ii) tqis li formulazzjoni inqas dettaljata tal-kriterji ta’ għoti tista’ tirrestrinġi l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti tal-Kummissjoni rikjest mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ evalwazzjoni billi naqset milli tikkonstata l-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi mwettaq mill-Kummissjoni sa fejn ma tatx lill-Instituto Cervantes il-possibbiltà li jagħti l-prova li d-dokumenti aċċessibbli minnu ħoloq hyperexts ma kinux ġew immodifikati.

Skont ir-Renju ta’ Spanja, is-sentenza appellata b’mod żbaljat iddeċidiet fuq iċ-ċarezza tal-qafas legali applikabbli (l-ispeċifikazzjonijiet approvati mill-Kummissjoni), mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-aġir preċedenti u attwali tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-istess klawżola, u mingħajr ma jitqies l-istess żball magħmul minn offerenti oħra.

Dejjem skont ir-Renju ta’ Spanja, is-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball sa fejn il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, fid-dawl tan-nuqqas ta’ ċarezza fil-qafas legali applikabbli, ikkawżat mill-Kummissjoni stess, din tal-aħħar ma setatx sempliċement tissanzjona l-iżball imwettaq mill-Instituto Cervantes billi teskludi d-dokumenti ppreżentati, iżda kellha tieħu miżuri pożittivi sabiex tirrimedja l-iżball li hija stess kienet ikkawżat, pereżempju, billi tippermetti lill-Instituto Cervantes u offerenti oħra kkonċernati li jikkoreġu l-iżball magħmul billi jagħtu l-prova li d-dokumenti aċċessibbli permezz ta’ ħoloq hypertext ma kinux ġew immodifikati.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq li l-Qorti tal-Ġustizzja wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta ċaħdet il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-projbizzjoni tal-arbitrarjetà fl-evalwazzjoni tal-offerti kif ukoll tal-ksur tal-Artikolu 145(2)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jirriżulta mill-fatt li miżura istruttorja ġiet miċħuda illegalment.

Skont ir-Renju ta’ Spanja, is-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball sa fejn il-Qorti Ġenerali kkuntentat ruħha li tevalwa n-natura pożittiva jew negattiva tal-kummenti u ma evalwatx il-każijiet invokati mill-partijiet li jindikaw li l-Kummissjoni applikat metodoloġija differenti. fl-evalwazzjoni tal-offerti mill-Instituto Cervantes u CLL.

Barra minn hekk, is-sentenza appellata tikser l-Artikolu 145(2)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali sa fejn il-Qorti Ġenerali rrifjutat il-miżura istruttorja proposta mir-Renju ta’ Spanja.

Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ evalwazzjoni sa fejn ċaħdet il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba li jirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipji ta’ imparzjalità oġġettiva u ta’ trasparenza.

Skont ir-Renju ta’ Spanja, is-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball sa fejn il-Qorti Ġenerali eskludiet il-possibbiltà li jkun hemm ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità oġġettiva fi proċedura ta’ sejħa għal offerti, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, li fiha ma hemm l-ebda garanzija ta’ separazzjoni adegwata bejn evalwazzjoni bbażata fuq ġudizzji ta’ valur u oħra bbażata fuq formuli matematiċi.

____________