Language of document : ECLI:EU:T:2015:513

Kawżi T‑389/10 u T‑419/10

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Siderurgica Latina Martin SpA (SLM)

u

Ori Martin SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-azzar għall-prestressing — Iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE — Ksur uniku, kumpless u kontinwu — Preskrizzjoni — Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006 — Imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur lill-kumpannija parent — Proporzjonalità — Prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet — Ġurisdizzjoni sħiħa”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-15 ta’ Lulju 2015

1.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Preskrizzjoni fil-qasam tal-azzjonijiet — Bidu tad-dekorrenza — Ksur kontinwu jew ikkontinwat — Jum tal-waqfien tal-ksur — Interruzzjoni — Talba għal informazzjoni — Portata

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 25)

2.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Nuqqas ta’ retroattività tad-dispożizzjonijiet kriminali — Kamp ta’ applikazzjoni — Multi imposti għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni — Inklużjoni — Ksur eventwali minħabba l-applikazzjoni għal ksur li seħħ qabel l-introduzzjoni tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi — Natura prevedibbli tal-emendi introdotti mil-Linji gwida — Assenza ta’ ksur

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 49(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 98/C 9/03 u 2006/C 210/02)

3.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Iffissar tal-ammont bażiku — Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ — Kalkolu fid-dawl tal-valur tal-bejgħ tal-impriżi li jkunu pparteċipaw fil-ksur fis-settur ġeografiku kkonċernat

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 13)

4.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Metodu ta’ kalkolu indikat mil-linji gwida adottati mill-Kummissjoni — Individwalizzazzjoni tal-piena f’diversi stadji tad-determinazzjoni tal-ammont

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 22, 27, 29, 36 u 37)

5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Iffissar tal-ammont bażiku — Gravità tal-ksur — Dritt ta’ dħul — Fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni — Rekwiżit ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjoni fl-istadju inizjali tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku — Assenza

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 19 sa 23 u 25)

6.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni — Portata tal-oneru probatorju — Grad ta’ preċiżjoni mitlub mill-provi meqjusa mill-Kummissjoni — Sensiela ta’ indizji — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata — Deċiżjoni li tħalli dubju f’għajnejn il-qorti — Osservanza tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 48(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Aġġustament tal-ammont bażiku — Ċirkustanzi attenwanti — Natura indikattiva taċ-ċirkustanzi msemmija fil-Linji gwida

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 29)

8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Aġġustament tal-ammont bażiku — Ċirkustanzi attenwanti — Tul limitat tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur — Teħid inkunsiderazzjoni — Limiti

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 29)

9.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Aġġustament tal-ammont bażiku — Ċirkustanzi attenwanti — Aġir diverġenti minn dak miftiehem fl-akkordju — Parteċipazzjoni limitata — Kundizzjonijiet

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, it-tielet paragrafu tal-punt 29)

10.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet — Obbligu ta’ individwalizzazzjoni tal-piena fid-dawl tal-modalitajiet ta’ parteċipazzjoni partikolari għal kull impriża implikata — Assenza ta’ individwalizzazzjoni suffiċjenti — Konsegwenzi

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

11.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Obbligi tal-Kummissjoni — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Ksur — Konsegwenzi — Annullament tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur minħabba tul eċċessiv tal-proċedura — Kundizzjoni — Ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

12.    Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha — Natura konfutabbli — Teħid inkunsiderazzjoni fl-osservanza tal-prinċipju ta’ personalità tal-pieni

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

13.    Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha — Natura konfutabbli — Ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà limitata li jirriżulta mid-dritt tal-kumpanniji fi ħdan l-Unjoni — Assenza

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

14.    Rikors għal annullament — Ammissibbiltà — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Impriża destinatarja ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li ma tkunx ikkontestat il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi ta’ din id-dikjarazzjoni matul il-proċedura amministrattiva — Limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għal azzjoni legali — Assenza

(Artikoli 6(1) TFUE u 101 TFUE, u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

15.    Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta' evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha — Obbligi probatorji tal-kumpannija li tkun tixtieq tegħleb din il-preżunzjoni — Elementi insuffiċjenti sabiex tingħeleb il-preżunzjoni

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

16.    Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Multi — Ksur imwettaq intenzjonalment jew b’mod negliġenti — Imputabbiltà lil impriża tal-aġir tal-korpi tagħha — Kundizzjonijiet

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23)

17.    Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett — Att li jipproduċi effetti legali vinkolanti — Assenza ta’ teħid ta’ pożizzjoni mill-Kummissjoni dwar talba intiża għall-ħlas ta’ interessi fuq il-parti żejda ta’ multa diġà mħallsa wara deċiżjoni inizjali qabel ma ġiet irrimborsata minħabba deċiżjoni ta’ emenda — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni

(Artikoli 261 TFUE u 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003)

18.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni — Portata — Tnaqqis tal-ammont ta’ multa imposta bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità — Teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni

(Artikolu 261 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 23(2) u (3), u 31)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 76-81)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 92-107, 109)

3.      Fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, meta jkun hemm ksur uniku, fis-sens ta’ ksur kumpless li jiġbor fih sett sħiħ ta’ ftehimiet u ta’ prattiki miftiehma fuq swieq distinti fejn il-partijiet li jipparteċipaw fil-ksur ma jkunux dejjem preżenti jew jista’ jkollhom biss għarfien parzjali tal-pjan ġenerali, is-sanzjonijiet għandhom ikunu individwalizzati, fis-sens li għandhom ikunu marbuta mal-aġir u mal-karatteristiċi speċifiċi tal-impriżi kkonċernati.

B’hekk, minn naħa, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa fid-dawl tal-gravità u tat-tul tal-ksur imwettaq minn impriża, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni, għat-tul kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, il-valur tal-bejgħ imwettaq fi Stat li ma kienx is-suġġett tad-diskussjonijiet li nżammu fil-preżenza tagħha.

Min-naħa l-oħra, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa fid-dawl tal-gravità u tat-tul tal-ksur imwettaq minn din l-impriża, meta s-swieq ta’ ċerti Stati Membri kienu s-suġġett ta’ diskussjoni fil-preżenza ta’ din l-impriża, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni, għat-tul kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, il-valur tal-bejgħ imwettaq f’dawn l-Istati fejn l-imsemmija impriża ma kinitx inizjalment preżenti minħabba b’mod partikolari li ma kinitx awtorizzata sabiex tikkummerċjalizza l-prodotti tagħha fihom.

Għaldaqstant, meta impriża tkun ipparteċipat biss b’mod tardiv u progressiv fi ksur uniku billi llimitat ruħha essenzjalment, inizjalment, għall-arranġamenti konklużi fir-rigward tas-suq ta’ Stat Membru wieħed, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-ammont tal-multa, l-assenza ta’ ċertifikazzjonijiet li jippermettu lill-imsemmija impriża tbigħ fi Stati Membri oħra qabel ċerta data u l-assenza ta’ element li jippermetti li jitqies li din l-impriża setgħet tkun implikata fl-akkordju saħansitra qabel ma pparteċipat fil-laqgħat.

(ara l-punti 140, 174, 178, 327)

4.      Fil-kuntest ta’ ksur uniku tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-multa imposta mill-Kummissjoni għandha tiġi ffissata proporzjonalment għall-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm sabiex tiġi evalwata l-gravità oġġettiva tal-ksur, bħala tali, u kemm sabiex tiġi evalwata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur min-naħa tal-impriża ssanzjonata.

Il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, tiżgura li tindividwalizza l-pieni fil-konfront tal-ksur billi tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ kull parti li tkun wettqet il-ksur. Fil-prattika, l-individwalizzazzjoni tal-piena fil-konfront tal-ksur tista’ titwettaq f’diversi stadji tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tista’ tirrikonoxxi n-natura partikolari tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-gravità oġġettiva tal-ksur uniku, fis-sens tal-punt 22 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003.

It-tieni nett, il-Kummissjoni tista’ tirrikonoxxi l-imsemmija natura partikolari fl-istadju tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti msemmija fil-punt 29 tal-Linji gwida fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha (ara l-punt 27 tal-imsemmija linji gwida).

It-tielet nett, il-Kummissjoni tista’ tirrikonoxxi din in-natura partikolari fi stadju ulterjuri għal dak tal-evalwazzjoni tal-gravità oġġettiva tal-ksur jew taċ-ċirkustanzi attenwanti invokati mill-impriżi kkonċernati. F’dan is-sens, il-punt 36 tal-Linji gwida jindika li l-Kummissjoni tista’, f’ċerti każijiet, timponi multa simbolika u tista’ wkoll, kif jindika l-punt 37 ta’ dawn il-linji gwida, ma timxix mal-metodoloġija ġenerali indikata għall-iffissar tal-ammont tal-multi, fid-dawl b’mod partikolari tal-karatteristiċi partikolari ta’ sitwazzjoni speċifika.

(ara l-punti 141-146, 314)

5.      Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multi imposti minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-livell tal-gravità tal-ksur, l-istess bħal dawk li jwasslu lill-Kummissjoni sabiex tinkludi ammont speċifiku fil-multa, li ma huwiex marbut mat-tul tal-ksur, sabiex tiddisswadi lill-impriżi milli jinvolvu ruħhom f’aġir illegali, jikkonċernaw il-ksur b’mod ġenerali. Fid-dawl tal-metodoloġija ġenerali esposta fil-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, huwa biss fi stadju ulterjuri li l-Kummissjoni hija meħtieġa taġġusta l-ammont bażiku sabiex tieħu inkunsiderazzjoni eventwali ċirkustanzi attenwanti, fosthom dik marbuta mar-rwol individwali ta’ kull impriża. F’dan is-sens, meta l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-erba’ fatturi msemmija bħala eżempji fil-punt 22 tal-Linji gwida, hija ma tistax tiġi kkritikata meta tqis li huwa xieraq li tinkludi ammont speċifiku, li ma huwiex marbut mat-tul tal-ksur, fl-ammont bażiku tal-multa. F’dan ir-rigward, sa fejn il-kunsiderazzjonijiet dwar l-eżami mill-perspettiva tal-motivazzjoni tal-proporzjon ikkunsidrat sabiex jiġi ddeterminat il-valur tal-bejgħ intiż għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur jgħoddu wkoll fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-motivazzjoni pprovduta sabiex jiġi ġġustifikat il-proporzjon ikkunsidrat sabiex jiġi ddeterminat l-ammont addizzjonali għal finijiet ta’ dissważjoni, is-sempliċi riferiment għall-analiżi tal-fatturi użati sabiex tiġi evalwata l-gravità huwa biżżejjed bħala motivazzjoni dwar il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ użat għall-finijiet tal-ammont addizzjonali.

(ara l-punti 186, 193, 261-264)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 215-219, 223-227, 233, 240-249, 251)

7.      Il-punt 29 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 sempliċement jistabbilixxi, b’mod indikattiv u mhux b’mod eżawrjenti, ċerti ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, kif jirriżulta mill-espressjoni “bħalma huma” użata f’dan il-punt.

(ara l-punt 271)

8.      Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE, it-tul limitat tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur huwa element li jkun diġà ttieħed inkunsiderazzjoni fl-istadju tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa, li jieħu inkunsiderazzjoni t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ kull impriża fil-ksur.

Għaldaqstant, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti ipoteżijiet, differenza sinjifikattiva fit-tul tal-parteċipazzjoni tad-diversi impriżi kkonċernati tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest taċ-ċirkustanzi attenwanti, dan ma jkunx il-każ meta l-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur tkun suffiċjentement sinjifikattiva fit-tul tagħha.

(ara l-punti 283, 285)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 287, 288, 297-300)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 314-320, 323, 324, 326-328)

11.    Fir-rigward tal-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni, in-natura raġonevoli tat-tul ta’ din il-proċedura għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ u, b’mod partikolari, tal-kuntest tiegħu, tal-imġiba tal-partijiet matul il-proċedura, tal-interessi inkwistjoni fil-każ għad-diversi impriżi kkonċernati u tal-livell tal-kumplessità tiegħu kif ukoll, jekk ikun il-każ, tal-informazzjoni jew tal-ġustifikazzjonijiet li l-Kummissjoni tkun tista’ tipprovdi fir-rigward tal-atti ta’ investigazzjoni mwettqa matul il-proċedura amministrattiva.

F’dan ir-rigward, it-tul ta’ tali proċedura jista’ jkun dovut għal diversi fatturi. Dawn jistgħu jkunu, b’mod partikolari, it-tul tal-akkordju, id-dimensjoni ġeografika partikolarment estiża tiegħu, l-organizzazzjoni tal-akkordju fil-livell ġeografiku u mill-aspett temporali, in-numru ta’ laqgħat li nżammu, in-numru ta’ impriżi kkonċernati, in-numru ta’ talbiet għal klemenza u l-volum partikolarment sostanzjali ta’ dokumenti, ipprovduti f’dan il-kuntest jew miksuba matul l-ispezzjonijiet u redatti b’diversi lingwi, li kellhom jiġu eżaminati mill-Kummissjoni, id-diversi talbiet għal informazzjoni komplementari li kellhom jintbagħtu mill-Kummissjoni lid-diversi kumpanniji kkonċernati skont il-bżonn fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-komprensjoni tal-akkordju, in-numru ta’ destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, in-numru ta’ lingwi proċedurali kif ukoll id-diversi talbiet dwar il-kapaċità tal-ħlas.

Fl-eventwalità li t-tul ta’ proċedura amministrattiva jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, dan il-ksur jista’ jwassal għal żewġ tipi ta’ konsegwenzi. Minn naħa, meta l-ksur ta’ terminu raġonevoli jkun kellu impatt fuq l-eżitu tal-proċedura, tali ksur ikun ta’ natura li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan id-dawl, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-fatt li jinqabeż terminu raġonevoli jista’ jikkostitwixxi raġuni għal annullament biss ta’ deċiżjonijiet li jikkonstataw ksur u bil-kundizzjoni li jkun ġie stabbilit li l-ksur ta’ dan il-prinċipju ppreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati. Ħlief f’dan il-każ partikolari, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli ma jkollu ebda impatt fuq il-validità tal-proċedura amministrattiva skont ir-Regolament Nru 1/2003. Madankollu, peress li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża għandu importanza kbira fi proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-kompetizzjoni, għandu jiġi evitat li dawn id-drittijiet ikunu jistgħu jiġu kompromessi b’mod li ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat minħabba t-tul eċċessiv tal-fażi istruttorja u li dan it-tul ikun jista’ jostakola l-istabbiliment ta’ provi intiżi li jinnegaw l-eżistenza ta’ aġir ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-impriżi kkonċernati. Għalhekk, l-eżami tal-eventwali ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża ma għandux ikun limitat għall-istess fażi li fiha dawn id-drittijiet jipproduċu l-effett sħiħ tagħhom, jiġifieri t-tieni fażi tal-proċedura amministrattiva. L-evalwazzjoni tas-sors tal-eventwali indeboliment tal-effikaċja tad-drittijiet tad-difiża għandha testendi għal din il-proċedura kollha billi jsir riferiment għat-tul kollu tagħha.

Min-naħa l-oħra, meta l-ksur ta’ terminu raġonevoli ma jkollux impatt fuq l-eżitu tal-proċedura, tali ksur jista’ jwassal lill-qorti tal-Unjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, sabiex tirrimedja b’mod adegwat il-ksur li jirriżulta mill-fatt li jkun inqabeż terminu raġonevoli fil-proċedura amministrattiva billi tnaqqas, jekk ikun il-każ, l-ammont tal-multa imposta.

(ara l-punti 336, 338-342, 354, 355)

12.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 372-384, 386, 387)

13.    Fil-qasam tal-kompetizzjoni, għall-finijiet tal-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur lil kumpannija parent, il-Kummissjoni tista’ tinvoka l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fid-dawl tal-fatt li l-kumpannija parent ikollha l-kapital kollu jew kważi kollu tas-sussidjarja li wettqet il-ksur, mingħajr ma hija meħtieġa tinvoka elementi oħra f’dan ir-rigward.

F’dan ir-rigward, meta żżomm lill-kumpannija parent responsabbli in solidum, il-Kummissjoni ma tiksirx il-prinċipju tar-responsabbiltà limitata li jirriżulta mid-dritt tal-kumpanniji fi ħdan l-Unjoni. Fil-fatt, ir-responsabbiltà limitata tal-kumpanniji hija intiża essenzjalment sabiex tistabbilixxi limitu massimu għar-responsabbiltà finanzjarja tagħhom, u mhux sabiex tipprekludi li impriża li tkun wettqet ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tiġi ssanzjonata permezz tal-entitajiet ġuridiċi li jikkostitwixxuha u, b’mod iktar partikolari, permezz tal-kumpannija li tkun wettqet il-ksur u tal-kumpannija parent tagħha, b’mod partikolari meta din tal-aħħar ikollha l-kapital kważi kollu tas-sussidjarja tagħha u meta ma tkunx f’pożizzjoni li tegħleb il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq din tal-aħħar.

(ara l-punti 385, 388)

14.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 391-393)

15.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 394-400, 407-409)

16.    Fil-qasam ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-imputazzjoni lil impriża ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE ma teħtieġx azzjoni jew saħansitra konoxxenza ta’ dan il-ksur min-naħa tal-membri jew tad-diretturi prinċipali tal-impriża kkonċernata minn dan il-ksur, iżda l-azzjoni ta’ persuna li tkun awtorizzata sabiex taġixxi f’isem l-impriża.

B’hekk, meta r-rappreżentanti ta’ sussidjarja fi ħdan akkordju jkunu ġew awtorizzati b’mod validu mill-imsemmija sussidjarja sabiex jorbtu lill-impriża, il-fatt li dawn ir-rappreżentanti ma kienu jeżerċitaw ebda funzjoni fi ħdan il-kumpannija parent huwa irrilevanti peress li kienu awtorizzati jorbtu lis-sussidjarja li ħadet sehem fil-ksur. Għaldaqstant, il-fatt li dawn il-persuni jaġixxu b’mod awtonomu ma huwiex ta’ natura li jeżenta lis-sussidjarja u, b’hekk, lill-kumpannija parent, mir-responsabbiltà tagħhom.

(ara l-punti 410, 411)

17.    Fl-assenza ta’ kwalunkwe teħid ta’ pożizzjoni min-naħa tal-Kummissjoni dwar talba ta’ impriża sabiex titħallas l-interessi fuq il-parti żejda tal-multa mħallsa sussegwentement għad-deċiżjoni inizjali qabel ma kienet irrimborsata għal din il-parti żejda minħabba t-tieni deċiżjoni ta’ emenda, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-talbiet għal ordni mressqa mill-imsemmija impriża f’dan ir-rigward fl-osservazzjonijiet tagħha dwar id-deċiżjoni ta’ emenda, u dan b’mod partikolari sa fejn tali ġurisdizzjoni ma tirriżultax mill-Artikolu 263 TFUE jew mill-Artikolu 261 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003.

Dan ikun b’mod partikolari l-każ meta deċiżjoni ta’ emenda li naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq impriża ma tindirizzax il-kwistjoni tar-rimbors tal-ammont imħallas żejjed flimkien mal-interessi jekk dan jintalab mill-persuna kkonċernata, meta l-imsemmija impriża ma tkunx ressqet talbet f’dan is-sens quddiem il-Kummissjoni u meta din tal-aħħar ma tkunx ħadet pożizzjoni dwar din it-talba f’att li jista’ jikkawżalha preġudizzju.

(ara l-punti 428-430)

18.    Il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-qorti tal-Unjoni, skont l-Artikolu 261 TFUE, mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 tawtorizzaha sabiex, lil hinn minn sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjonijiet imposti minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, li jippermetti biss li jiġi miċħud ir-rikors għal annullament jew li jiġi annullat l-att ikkontestat, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tagħha u, għaldaqstant, tibdel l-att ikkontestat, anki jekk ma tannullahx, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali kollha, billi tibdel b’mod partikolari l-multa imposta fil-każ li l-kwistjoni tal-ammont tagħha tkun tressqet għall-evalwazzjoni tagħha.

L-iffissar ta’ multa mill-qorti tal-Unjoni, min-natura tiegħu stess, ma huwiex eżerċizzju aritmetiku preċiż. Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex marbuta mill-kalkoli tal-Kummissjoni u lanqas mil-Linji gwida meta tiddeċiedi bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, iżda għandha twettaq l-evalwazzjoni tagħha stess billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami. F’dan ir-rigward, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa intiża sabiex tissanzjona l-parteċipazzjoni fi ksur uniku, mill-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li, minbarra l-gravità tal-ksur, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tiegħu, u mill-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni jirriżulta li s-sanzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ kull impriża responsabbli għall-ksur fir-rigward ta’ dan il-ksur. Dan għandu jkun b’mod partikolari l-każ meta jkun hemm ksur kumpless u li jkun dam ħafna tat-tip bħal dak iddefinit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li huwa kkaratterizzat min-natura eteroġenea tal-parteċipanti.

(ara l-punti 432, 436, 437)