Language of document : ECLI:EU:T:2019:780

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

7 ta’ Novembru 2019 (*)

“Dritt istituzzjonali – Il-Parlament Ewropew – Deċiżjoni li tiddikjara ineliġibbli ċertu nfiq ta’ partit politiku għall-finijiet ta’ sussidju għas-sena 2015 – Deċiżjoni li tagħti sussidju għas-sena 2017 u li tipprevedi l-prefinanzjament għal 33 % tal-ammont massimu tas-sussidju u l-obbligu ta’ provvista ta’ garanzija bankarja – Obbligu ta’ imparzjalità – Drittijiet tad-difiża – Regolament Finanzjarju – Regoli ta’ Applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju – Regolament (KE) Nru 2004/2003 – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża T‑48/17,

Alliance for Direct Democracy in Europe ASBL (ADDE), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), inizjalment irrappreżentata minn L. Defalque u L. Ruessmann, sussegwentement minn M. Modrikanen u fl-aħħar minn Y. Rimokh, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn C. Burgos u S. Alves, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Parlament tal‑21 ta’ Novembru 2016 li tiddikjara ċertu nfiq ineliġibbli għall-finijiet ta’ sussidju għas-sena 2015 u, min-naħa l-oħra, tad-Deċiżjoni tal-Parlament FINS‑2017‑13 tat‑12 ta’ Diċembru 2016 dwar l-għoti ta’ sussidju lir-rikorrenti għas-sena 2017, sa fejn din id-deċiżjoni tillimita l-prefinanzjament għal 33 % tal-ammont massimu tas-sussidju suġġett għall-provvista ta’ garanzija bankarja,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn A. M. Collins (Relatur), President, M. Kancheva, R. Barents, J. Passer u G. De Baere, Imħallfin,

Reġistratur: F. Oller, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ Mejju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Alliance for Direct Democracy in Europe ASBL (ADDE), hija partit politiku fil-livell Ewropew fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 500).

2        Fit‑30 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrenti ppreżentat, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2004/2003, applikazzjoni għal finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015.

3        Matul il-laqgħa tiegħu tal‑15 ta’ Diċembru 2014, il-Bureau tal-Parlament Ewropew adotta d-deċiżjoni tiegħu FINS‑2015‑14, li tat sussidju massimu ta’ EUR 1 241 725 lir-rikorrenti għas-sena finanzjarja 2015.

4        Fit‑18 ta’ April 2016, l-awditur estern adotta r-rapport ta’ awditu tiegħu li qies l-infiq fl-ammont ta’ EUR 157 935.05 għas-sena finanzjarja 2015 bħala ineliġibbli.

5        Minn Mejju 2016, is-servizzi tal-Parlament wettqu kontrolli addizzjonali. Wara dawn il-kontrolli, fit‑23 ta’ Mejju 2016, il-Parlament bagħat ittra lir-rikorrenti fejn informaha b’deċiżjoni tal-Bureau tiegħu tad‑9 ta’ Mejju 2016 li kienet tispeċifika l-kriterji ta’ interpretazzjoni tal-projbizzjoni tal-finanzjament ta’ kampanji ta’ referendum.

6        Fis‑26 u fis‑27 ta’ Settembru 2016, is-servizzi tal-Parlament wettqu żjara ta’ spezzjoni fl-uffiċċji tar-rikorrenti.

7        Fit‑30 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017.

8        Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Ottubru 2016, id-Direttur Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament informa lir-rikorrenti li, wara r-rapport ta’ awditu estern u l-kontrolli addizzjonali mwettqa mis-servizzi tal-Parlament, serje ta’ nfiq ġiet meqjusa bħala ineliġibbli għas-sena finanzjarja 2015. Ir-rikorrenti ġiet mistiedna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha sa mhux iktar tard mill‑4 ta’ Novembru 2016.

9        Fit‑2 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-ittra tad-Direttur Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament tal‑14 ta’ Ottubru 2016. Barra minn hekk, hija talbet li tinstema’ fil-laqgħa tal-Bureau tal-Parlament prevista sabiex tiġi adottata d-deċiżjoni dwar ir-rapport finali li hija kienet ippreżentat għas-sena finanzjarja 2015.

10      Fl‑10 ta’ Novembru 2016, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament stieden lill-Bureau tal-Parlament sabiex jadotta d-deċiżjoni dwar ir-rapport finali li r-rikorrenti kienet ippreżentat għas-sena finanzjarja 2015, billi ddikjara ċertu nfiq ineliġibbli.

11      Matul il-laqgħa tiegħu tal‑21 ta’ Novembru 2016, il-Bureau tal-Parlament eżamina r-rapport finali li r-rikorrenti kienet ippreżentat għas-sena finanzjarja 2015 wara l-għeluq tal-kontijiet tagħha għall-imsemmija sena finanzjarja. Huwa ddikjara li s-somma ta’ EUR 500 615.55 ma kinitx eliġibbli u ffissa l-ammont tas-sussidju finali allokat lir-rikorrenti għal EUR 820 725.08. Għalhekk, huwa talab ir-rimbors mingħand ir-rikorrenti tas-somma ta’ EUR 172 654.92 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015”).

12      Fil‑5 ta’ Diċembru 2016, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament stieden lill-Bureau sabiex jadotta d-deċiżjoni tiegħu dwar l-applikazzjonijiet għal finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, għas-sena finanzjarja 2017, ippreżentati minn numru ta’ partiti politiċi u ta’ fondazzjonijiet politiċi fil-livell Ewropew, fosthom ir-rikorrenti.

13      Matul il-laqgħa tiegħu tat‑12 ta’ Diċembru 2016, il-Bureau tal-Parlament Ewropew adotta d-deċiżjoni tiegħu FINS‑2017‑13, li tat sussidju massimu ta’ EUR 1 102 642.71 lir-rikorrenti għas-sena finanzjarja 2017 u li kienet tipprevedi li l-prefinanzjament huwa limitat għal 33 % tal-ammont massimu tas-sussidju, u dan suġġett għall-provvista ta’ garanzija bankarja mal-ewwel talba (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2017”). Din id-deċiżjoni ġiet iffirmata u kkomunikata lir-rikorrenti fil‑15 ta’ Diċembru 2016.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

15      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal‑14 ta’ Marzu 2017, ADDE vs Il‑Parlament Ewropew (T‑48/17 R, mhux ippubblikat, EU:T:2017:170). L-ispejjeż ta’ din l-istanza ġew irriżervati.

16      Wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, ir-rikorrenti ssejħet għal seduta inizjalment prevista għas‑6 ta’ Ġunju 2018, li ġiet posposta minħabba l-indisponibbiltà tar-rappreżentant tar-rikorrenti.

17      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti ressqet talba sabiex tingħata l-benefiċċju tal-għajnuna legali abbażi tal-Artikolu 147 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Fid-dawl tal-osservazzjonijiet tal-Parlament, u wara li għamlet ċerti mistoqsijiet lir-rikorrenti u stednitha tippreżenta ċerti dokumenti bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għal għajnuna legali permezz ta’ digriet tal‑5 ta’ Frar 2019, ADDE vs Il‑Parlament Ewropew (T‑48/17 AJ, mhux ippubblikat).

18      Wara l-ħatra ta’ rappreżentant ġdid mir-rikorrenti, is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat‑8 ta’ Mejju 2019.

19      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2017 sa fejn tillimita l-prefinanzjament għal 33 % tal-ammont massimu tas-sussidju suġġett għall-provvista ta’ garanzija bankarja;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

20      Il-Parlament jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

 Id-dritt

 Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015

21      Insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni li tiddikjara ineliġibbli ċertu nfiq għas-sena finanzjarja 2015, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-drittijiet tad-difiża; it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikoli 7 sa 9 tar-Regolament Nru 2004/2003; u, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

22      Peress li r-rikors ma jinkludi l-ebda argument li jiżviluppa t-tielet motiv, li huwa għalhekk imsemmi b’mod astratt, l-imsemmi motiv huwa inammissibbli peress li s-sempliċi invokazzjoni tal-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni li jkun allegat il-ksur tiegħu, mingħajr ma jiġu indikati l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom tkun ibbażata din l-allegazzjoni, ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura (sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2007, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑219/04, EU:T:2007:121, punt 89).

 Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-drittijiet tad-difiża

23      L-ewwel motiv invokat insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015 huwa maqsum f’żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti tal-imsemmi motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Parlament kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), peress li d-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015 ma hijiex ekwa u lanqas imparzjali minħabba l-kompożizzjoni tal-Bureau tal-Parlament. B’mod partikolari, hija tirrileva li dan il-Bureau, kompost mill-President u mill-erbatax-il Viċi President tal-Parlament, ma jinkludi l-ebda rappreżentant tal-partiti magħrufa bħala “Ewroxettiċi”. Għaldaqstant, fid-dawl tal-kompożizzjoni tiegħu, l-imsemmi Bureau ma huwiex f’pożizzjoni li jiżgura l-kontroll imparzjali u oġġettiv tal-fondi allokati lill-partiti politiċi Ewropej u lill-fondazzjonijiet politiċi marbuta magħhom. Dan huwa barra minn hekk ikkonfermat mill-ħolqien ta’ awtorità indipendenti għal dawn il-finijiet, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (ĠU 2014, L 317, p. 1).

24      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li Ulrike Lunacek, Viċi President tal-Parlament fil-Grupp tal-Ħodor/Alleanza Ħielsa Ewropea u membru tal-Bureau tal-Parlament, pubblikament għamlet kummenti, qabel il-laqgħa li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015, li kienu juru l-ostilità tagħha u n-nuqqas ta’ imparzjalità tagħha fil-konfront tagħha.

25      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv invokat insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, żgurati mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta u mill-Artikolu 224 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament fis-seħħ f’dak iż-żmien. Hija ssostni li l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha tat‑2 ta’ Novembru 2016 ma ġewx ikkomunikati lill-Bureau tal-Parlament. Skontha, in-nota indirizzata mis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament lill-imsemmi Bureau kienet sempliċement tindika li l-imsemmija osservazzjonijiet kienu disponibbli fuq talba. Hija ssostni wkoll li, minkejja talba f’dan is-sens, hija ma ġietx mistiedna tinstema’ minn dan il-Bureau matul il-laqgħa li matulha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015. Fl-aħħar nett, hija tirrileva li d-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015 kienet diġà ġiet adottata u ffirmata qabel il-laqgħa tal-Bureau tal-Parlament tal‑21 ta’ Novembru 2016 peress li din kienet intbagħtitilha bil-posta elettronika qabel it-tmiem previst tal-imsemmija laqgħa.

26      Fir-replika, ir-rikorrenti żżid li d-Direttur Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament u s-Segretarju Ġenerali tal-Parlament fin-nota tiegħu lill-Bureau tal-Parlament la ħadu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha tat‑2 ta’ Novembru 2016 u lanqas ikkummentaw dwarhom jew irrifjutawhom. Skontha, l-ittra tal-imsemmi Direttur Ġenerali tal-Finanzi tal‑14 ta’ Ottubru 2016 li ġiet indirizzata lilha u n-nota tal-imsemmi Segretarju Ġenerali tal‑10 ta’ Novembru 2016 li ġiet indirizzata lill-imsemmi Bureau huma identiċi. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hija ssostni li d-dritt tagħha li tinstema’ mill-awtorità kompetenti, jiġifieri dan il-Bureau, ġie miksur.

27      Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

28      Fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-Parlament isostni li r-rikorrenti ma ressqet l-ebda prova dwar l-allegata parzjalità tal-Bureau tiegħu. Barra minn hekk, il-kompetenza tal-imsemmi Bureau sabiex jieħu d-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi fil-livell Ewropew tirriżulta mill-Artikolu 224 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament fis-seħħ f’dak iż-żmien u mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tad‑29 ta’ Marzu 2004 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewopew u tal-Kunsill dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi fuq livell Ewropew u r-regoli dwar l-iffinanzjar tagħhom, kif emendata (ĠU 2014, C 63, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-Bureau tad‑29 ta’ Marzu 2004”), mingħajr ma r-rikorrenti qajmet ebda eċċezzjoni ta’ illegalità kontra dawn id-dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, il-Parlament jirrimarka li r-Regolament Nru 1141/2014 ma japplikax f’dan il-każ u li, fi kwalunkwe każ, il-kompetenza sabiex jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għal finanzjament hija dejjem tal-Parlament u mhux tal-awtorità indipendenti maħluqa minn dan ir-regolament.

29      Il-Parlament isostni fil-kontroreplika li l-allegazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti dwar l-assenza ta’ imparzjalità ta’ membru tal-Bureau tiegħu kienu jikkonċernaw membru wieħed biss ta’ dan il-korp. Barra minn hekk, skontu, id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni ma jurux assenza ta’ imparzjalità, iżda jindikaw biss li din il-membru kienet diġà eżaminat il-kwistjoni u kienet diġà ddeċidiet kif kienet ser tivvota waqt il-laqgħa tal-imsemmi Bureau.

30      Fir-rigward tal-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ, il-Parlament isostni li r-rikorrenti kienet ġiet mistiedna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-fatt li serje ta’ nfiq setgħet titqies bħala ineliġibbli għas-sena finanzjarja 2015, u hija għamlet dan fit‑2 ta’ Novembru 2016. Fil-fehma tiegħu, dawn l-osservazzjonijiet kienu ġew eżaminati mid-Direttur Ġenerali tal-Finanzi tiegħu, li qies li dawn ma setgħux jinvalidaw l-ineliġibbiltà tal-infiq inkwistjoni. Barra minn hekk, huwa josserva li n-nota tas-Segretarju Ġenerali tiegħu tal‑10 ta’ Novembru 2016 li stiednet lill-Bureau tiegħu sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015 kienet tirreferi espliċitament għall-imsemmija osservazzjonijiet. Barra minn hekk, huwa jindika li din in-nota żiedet li l-istess osservazzjonijiet kienu għad-dispożizzjoni mis-Segretarjat tiegħu fuq talba. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegazzjoni li l-imsemmija deċiżjoni kienet ġiet adottata u ffirmata qabel il-laqgħa tal-imsemmi Bureau, huwa jsostni li, għalkemm din id-deċiżjoni kienet ġiet ippreparata qabel l-imsemmija laqgħa, hija kienet intbagħtet lir-rikorrenti biss wara li l-Bureau kien eżaminaha u adottaha.

31      Il-Qorti Ġenerali qabelxejn tqis li għandha tiġi eżaminata t-tieni parti tal-ewwel motiv invokat insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015.

32      Skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali fil-konfront tagħha li tolqotha negattivament.

33      Skont l-Artikolu 224(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament fis-seħħ f’dak iż-żmien, il-Bureau tal-Parlament, wara t-tmiem tas-sena baġitarja, għandu japprova r-rapport ta’ attività finali u d-dikjarazzjoni finanzjarja tal-partit politiku benefiċjarju. Skont il-paragrafu 5 tal-istess artikolu, il-Bureau jaġixxi abbażi ta’ proposta tas-Segretarju Ġenerali. Ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u 4 ta’ dan l-artikolu, il-Bureau għandu jisma’ lir-rappreżentanti tal-partiti politiċi kkonċernati qabel ma jieħu deċiżjoni.

34      Barra minn hekk, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li japplika meta amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni li tadotta, fil-konfront ta’ persuna, att li jikkawżalha preġudizzju. Skont dan il-prinċipju, id-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw sinjifikattivament l-interessi tagħhom għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jressqu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv fir-rigward tal-informazzjoni li fuqha l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha. Għal dan l-għan, huma għandu jkollhom terminu suffiċjenti (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C‑349/07, EU:C:2008:746, punti 36 u 37).

35      L-ewwel nett, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li hija ma nstemgħetx speċifikament fil-kuntest ta’ seduta waqt il-laqgħa tal-Bureau tal-Parlament li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li la l-leġiżlazzjoni inkwistjoni u lanqas il-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jagħtuha d-dritt għal seduta formali, peress li l-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub hija suffiċjenti sabiex tiżgura r-rispett tad-dritt għal smigħ (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2005, Common Market Fertilizers vs Il‑Kummissjoni, T‑134/03 u T‑135/03, EU:T:2005:339, punt 108, u tas‑6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, T‑35/10 u T‑7/11, EU:T:2013:397, punt 105). Huwa stabbilit ukoll li r-rikorrenti setgħet tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fit‑2 ta’ Novembru 2016.

36      It-tieni nett, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha tat‑2 ta’ Novembru 2016 ma ġewx ikkomunikati lill-Bureau tal-Parlament, hemm lok li jiġi rrilevat li l-punti 5 u 6 tan-nota tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament tal‑10 ta’ Novembru 2016 li tistieden lill-Bureau tal-Parlament sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015 jirreferu għal dawn l-osservazzjonijiet, jindikaw li dawn ittieħdu inkunsiderazzjoni u jżidu li d-dokumenti oriġinali huma disponibbli fuq talba mis-Segretarjat tal-Parlament. Għaldaqstant, dan l-ilment ma jistax jiġi milqugħ.

37      It-tielet nett, hemm lok li tiġi miċħuda l-allegazzjoni tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015 kienet ġiet adottata u ffirmata qabel il-laqgħa tal-Bureau tal-Parlament peress li l-imsemmija deċiżjoni kienet intbagħtet lir-rikorrenti permezz tal-posta elettronika fil‑21 ta’ Novembru 2016 fis‑19.16, jiġifieri qabel it-tmiem tal-imsemmija laqgħa. Kif isostni ġustament il-Parlament, xejn ma jipprekludi li abbozz ta’ deċiżjoni jkun ġie ppreparat qabel din il-laqgħa, bħal f’dan il-każ. Barra minn hekk, il-Parlament jippreċiża li din id-deċiżjoni kienet intbagħtet lir-rikorrenti biss wara li l-Bureau kien eżamina l-kwistjoni u adotta d-deċiżjoni inkwistjoni. Hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova li tippermetti li jitqies li din l-aħħar affermazzjoni hija żbaljata. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

38      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li d-Direttur Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament u s-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, fin-nota ta’ dan tal-aħħar tal‑10 ta’ Novembru 2016, la ħadu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha tat‑2 ta’ Novembru 2016 u lanqas ikkummentaw dwarhom jew irrifjutawhom, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija nota tirreferi espliċitament għal dawn l-osservazzjonijiet u tindika li dawn ittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-proposta inkwistjoni. Għaldaqstant, il-Parlament ma jistax jinżamm responsabbli għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti f’dan ir-rigward. Peress li r-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015 ma tweġibx b’mod adegwat għall-argumenti esposti fl-osservazzjonijiet tagħha, hija r-responsabbiltà tagħha li tikkontesta l-mertu ta’ din id-deċiżjoni, kif hija għamlet barra minn hekk fil-kuntest tat-tieni motiv invokat insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015.

39      Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel motiv invokat insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015 għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

40      Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel motiv invokat insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 41(1) tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba”, kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u f’terminu raġonevoli mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni.

41      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, żgurat mill-Artikolu 41(1) tal-Karta, jirrifletti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑521/15, EU:C:2017:982, punti 88 u 89).

42      Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jimplika, b’mod partikolari, l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Schniga vs CPVO, C‑625/15 P, EU:C:2017:435, punt 47).

43      Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li l-ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata inkarigat mill-kawża ma għandu jimmanifesta pożizzjoni diġà meħuda jew preġudizzju personali, u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex teskludi f’dan ir-rigward kull dubju leġittimu (sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 155; tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑521/15, EU:C:2017:982, punt 91; u tas‑27 ta’ Marzu 2019, August Wolff u Remedia vs Il‑Kummissjoni, C‑680/16 P, EU:C:2019:257, punt 27).

44      B’mod iktar partikolari, fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet li jistgħu jikkontestaw ir-rekwiżiti ta’ imparzjalità, hemm lok li jitfakkar li dak li huwa importanti huwa s-sens reali tagħhom, u mhux il-forma letterali tagħhom. Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjonijiet jistgħux jikkostitwixxu ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, u b’mod partikolari tad-dritt li l-kawżi jiġu ttrattati b’mod imparzjali, għandha tiġi deċiża fil-kuntest taċ-ċirkustanzi partikolari li fihom ġiet ifformulata d-dikjarazzjoni kkontestata. B’mod partikolari, hemm lok li jiġi eżaminat jekk id-dikjarazzjonijiet sempliċement jenfasizzawx l-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur tar-regoli applikabbli jew jippreġudikawx deċiżjoni definittiva f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98 u T‑212/98 sa T‑214/98, EU:T:2003:245, punti 445 u 448).

45      Barra minn hekk, meta l-Parlament ikollu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ ġudizzjarju li jsir fuq l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2009, VIP Car Solutions vs Il‑Parlament, T‑89/07, EU:T:2009:163, punt 56, u tal‑10 ta’ Novembru 2015, GSA u SGI vs Il‑Parlament, T‑321/15, mhux ippubblikata, EU:T:2015:834, punt 33). Issa, f’każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom tali setgħa diskrezzjonali, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi, fosthom il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u b’mod partikolari l-obbligu ta’ imparzjalità, hija ta’ importanza iktar fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14). F’dan il-każ, fir-rigward ta’ proċedura amministrattiva li tirrigwarda evalwazzjonijiet legali u ta’ kontabbiltà kumplessi, għandu jiġi kkonstatat li l-Parlament għandu ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jieħu deċiżjoni dwar l-eliġibbiltà tal-infiq imġarrab mir-rikorrenti għas-sena finanzjarja 2015, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 2004/2003.

46      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat il-każ preżenti.

47      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tqis li, min-natura tagħha, il-kompożizzjoni tal-Bureau tal-Parlament hija suffiċjenti fiha nnifisha sabiex tiġi kkontestata l-imparzjalità ta’ dan il-korp. Dan l-argument ma jistax jintlaqa’ għal tliet raġunijiet.

48      Qabelxejn għandu jiġi rrilevat li l-Bureau tal-Parlament huwa korp kolleġjali, kompost minn president u minn erbatax-il viċi-president tal-Parlament, li huma kollha eletti b’vot tal-Membri tal-Parlament, skont l-Artikoli 16 u 17 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament fis-seħħ f’dak iż-żmien. Għaldaqstant, il-kompożizzjoni ta’ dan il-korp hija intiża sabiex tirrifletti l-pluralità eżistenti fi ħdan il-Parlament innifsu.

49      Sussegwentement, huwa irrilevanti li r-Regolament Nru 1141/2014 ħoloq awtorità indipendenti sabiex teżerċita ċerti funzjonijiet fir-rigward tal-fondazzjonijiet politiċi fil-livell Ewropew, peress li l-imsemmi regolament ma japplikax għall-fatti li wasslu għal din il-kawża. Fil-fatt, skont l-Artikolu 41 tiegħu, dan ir-regolament sar applikabbli biss mill‑1 ta’ Jannar 2017. Fi kwalunkwe każ, skont l-Artikolu 18(4) tal-istess regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tat‑12 ta’ Ġunju 2017 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1141/2014 (ĠU 2017, C 205, p. 2), il-kompetenza sabiex jittieħdu deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għal finanzjament dejjem tappartjeni lil dan il-Bureau.

50      Fl-aħħar nett, kif irrileva ġustament il-Parlament, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma qajmitx eċċezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE kontra d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kompożizzjoni tal-Bureau tal-Parlament u l-kompetenza tiegħu sabiex jieħu d-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament tal-partiti u tal-fondazzjonijiet politiċi fil-livell Ewropew, b’mod partikolari l-Artikoli 24 u 25 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament fis-seħħ f’dak iż-żmien u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Bureau tad‑29 ta’ Marzu 2004.

51      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-aġir ta’ waħda mill-membri tal-Bureau tal-Parlament, ir-rikorrenti ssostni li l-imsemmija membru pubblikament ifformulat dikjarazzjonijiet li juru n-nuqqas ta’ imparzjalità tagħha fil-konfront tagħha qabel il-laqgħa tal-imsemmi Bureau tal‑21 ta’ Novembru 2016.

52      Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-ilment tar-rikorrenti dwar id-dikjarazzjonijiet magħmula minn membru tal-Bureau tal-Parlament, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni sensiela ta’ elementi, bħall-kontenut tad-dikjarazzjonijiet kontenzjużi, il-funzjonijiet tal-persuna li fformulat id-dikjarazzjonijiet u r-rwol effettivament eżerċitat minn din il-persuna fil-proċedura ta’ deċiżjoni.

53      F’dak li jirrigwarda d-dikjarazzjonijiet kontenzjużi, hemm lok li jiġi rrilevat f’dan il-każ li, fis‑17 ta’ Novembru 2016, il-grupp politiku li tifforma parti minnu l-membru inkwistjoni tal-Bureau tal-Parlament ħareġ stqarrija għall-istampa li kienet tinkludi d-dikjarazzjoni, ifformulata mill-imsemmi membru, li “[q]ed nistennew li r-rapport ta’ awditu jiġi kkonfermat matul il-laqgħa tal-Bureau tal-Parlament Ewropew nhar it-Tnejn u li l-awtoritajiet tal-Parlament jagħtu tweġiba soda u inekwivokabbli” u li “[il]-fondi għandhom jitħallsu lura u l-UKIP għandu jirrispondi għall-manipulazzjoni frawdolenti tiegħu tal-elettorat Britanniku”. Din l-istqarrija żiedet li r-rikorrenti kienet partit politiku fil-livell Ewropew iddominat mill-UKIP, jiġifieri l-UK Independence Party.

54      Barra minn hekk, fit‑18 ta’ Novembru 2016, il-membru inkwistjoni tal-Bureau tal-Parlament ippubblikat kumment fuq il-midja soċjali li kien jgħid li “[t]rid tkun sfaċċat sabiex tmaqdar lill-[Unjoni] f’kull okkażjoni, waqt li, fl-istess ħin, tirċievi fondi tal-[Unjoni] b’mod illegali”. Bħala tweġiba għal kumment ta’ persuna terza fuq il-midja soċjali, il-membru tal-Bureau żiedet dan li ġej: “[j]ien hawnhekk qed nitkellem dwar l-użu frawdolenti ta’ fondi!”

55      Il-minuti tal-laqgħa tal-Bureau tal-Parlament tal‑21 ta’ Novembru 2016, li huma disponibbli online fis-sit internet tal-Parlament u li matul is-seduta l-Qorti Ġenerali staqsiet lill-Parlament dwarhom, isemmu l-fatt li l-membru tal-Bureau attendiet il-laqgħa u pparteċipat fid-dibattiti li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015. Barra minn hekk, skont dawn il-minuti, l-uniku intervent ta’ membru tal-Bureau waqt id-diskussjoni dwar dan il-punt tal-aġenda kien dak tal-membru inkwistjoni, u dan jippermetti li jiġi kkonstatat li din il-persuna kellha rwol attiv waqt id-dibattiti, minkejja li d-deċiżjoni ttieħdet fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament.

56      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi rrilevat li l-membru tal-Bureau tal-Parlament għamlet kummenti li, mill-perspettiva ta’ osservatur estern, kienu jippermettu li jitqies li l-imsemmija membru kienet ippreġudikat il-kwistjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015. Fil-fatt, il-kummenti inkwistjoni ma kinux limitati sabiex jikkonstataw is-sempliċi eżistenza ta’ riskju ta’ ksur tar-regoli applikabbli iżda kienu jindikaw li l-ġbir tal-fondi kien “illegali” u “frawdolenti”. Barra minn hekk, anki jekk din il-membru ma kellhiex il-funzjoni ta’ relatur jew ta’ president, il-Parlament ammetta, waqt is-seduta, li l-membru inkwistjoni kienet, flimkien ma’ membru ieħor, responsabbli fi ħdan il-Bureau sabiex issegwi l-fajls relatati mal-finanzjament tal-partiti politiċi fil-livell Ewropew.

57      Barra minn hekk, ma humiex konvinċenti l-argumenti mressqa mill-Parlament fil-kontroreplika, li skonthom dawn il-kummenti kienu joriġinaw minn membru wieħed tal-Bureau tiegħu u kienu sempliċement juru li l-membru inkwistjoni kienet eżaminat il-kwistjoni u li kienet diġà ddeċidiet kif kienet ser tivvota.

58      L-ewwel nett, il-fatt li d-dubji fir-rigward tal-apparenzi ta’ imparzjalità jaffettwaw biss persuna waħda fi ħdan korp kolleġjali kompost minn ħmistax-il membru ma huwiex neċessarjament determinanti, fid-dawl tal-fatt li din il-persuna setgħet teżerċita influwenza deċiżiva waqt id-deliberazzjonijiet (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, il-Qorti EDB, 23 ta’ April 2015, Morice vs Franza, CE:ECHR:2015:0423JUD002936910, punt 89). F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar ir-rwol attiv li kellha l-membru inkwistjoni waqt il-laqgħa tal-Bureau, kif jirriżulta mill-minuti (ara l-punt 55 iktar ’il fuq).

59      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tal-Parlament li d-dikjarazzjonijiet kontenzjużi kienu limitati sabiex jindikaw kif ser tivvota l-membru tal-Bureau tiegħu inkwistjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li mhux biss hemm bżonn li l-imsemmi Bureau jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu b’mod imparzjali, iżda li huwa meħtieġ ukoll li joffri garanziji suffiċjenti sabiex jeskludi f’dan ir-rigward kull dubju leġittimu, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq. Minħabba l-kontenut kategoriku u inekwivokabbli tal-imsemmija dikjarazzjonijiet, ifformulati qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015, għandu jiġi kkonstatat li l-apparenzi ta’ imparzjalità ġew serjament kompromessi f’dan il-każ.

60      F’dan il-kuntest, il-Parlament ma jistax validament jopponi l-fatt li l-membru tal-Bureau tiegħu li hija l-awtur tad-dikjarazzjonijiet kontenzjużi setgħet tesprimi l-opinjoni personali tagħha, peress li, bħala prinċipju, il-membri ta’ korp kolleġjali ta’ deċiżjoni ma jistgħux jesprimu pubblikament l-opinjoni personali tagħhom dwar kawża pendenti li tista’ tneħħi s-sustanza tar-rekwiżit ta’ imparzjalità.

61      Fil-fatt, il-Parlament għandu joffri garanziji suffiċjenti sabiex jeskludi kull dubju dwar l-imparzjalità tal-membri tiegħu matul it-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ natura amministrattiva, li jimplika li l-membri għandhom jastjenu milli jagħmlu kummenti pubbliċi relatati mal-ġestjoni tajba jew ħażina tal-partiti politiċi fil-livell Ewropew tal-fondi mogħtija meta l-fajls ikunu għadhom qegħdin jiġu eżaminati.

62      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li tintlaqa’ l-ewwel parti tal-ewwel motiv invokat insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015.

 Fuq l-allegat ksur tal-Artikoli 7 sa 9 tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003

63      Permezz tat-tieni motiv invokat insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015, ir-rikorrenti ssostni li l-Parlament kiser l-Artikoli 7 sa 9 tar-Regolament Nru 2004/2003 billi qies li ċertu nfiq kien ineliġibbli peress li dan intuża għall-finanzjament ta’ partiti politiċi nazzjonali u ta’ kampanja ta’ referendum. B’mod partikolari, hija tikkontesta l-konklużjonijiet ta’ ineliġibbiltà relatati, l-ewwel nett, mal-finanzjament ta’ ċertu stħarriġ fir-Renju Unit, it-tieni nett, mal-pagamenti magħmula lil tliet konsulenti fir-Renju Unit u, it-tielet nett, ma’ ċerti pagamenti marbuta mal-Partit Popolari tal-Belġju. Ir-raba’ nett, hija tikkontesta l-fondatezza tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn din tqis bħala ineliġibbli l-pagamenti lil fornitur minħabba allegat kunflitt ta’ interessi.

64      Fid-dawl tal-konklużjoni li tirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv invokat insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li, fil-kuntest tat-tieni motiv, huwa xieraq li tingħata deċiżjoni biss fuq l-ilment dwar id-dikjarazzjoni ta’ ineliġibbiltà tal-infiq marbut ma’ stħarriġ imwettaq f’seba’ Stati Membri f’Diċembru 2015.

65      Ir-rikorrenti tikkontesta l-interpretazzjoni tal-Parlament li l-finanzjament tal-istħarriġ imwettaq f’seba’ Stati Membri jmur kontra l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2004/2003 dwar il-projbizzjoni tal-finanzjament indirett ta’ partit politiku nazzjonali. Barra minn hekk, hija tikkontesta l-fatt li l-infiq relatat ma’ dan l-istħarriġ jista’ jiġi ddikjarat ineliġibbli minħabba l-projbizzjoni tal-finanzjament ta’ kampanji ta’ referendum prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament.

66      Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

67      Il-Parlament jenfasizza li l-istħarriġ imwettaq wara l-elezzjonijiet leġiżlattivi fir-Renju Unit bejn Ġunju u Diċembru 2015 kienu parzjalment jirrigwardaw kwistjonijiet ta’ politika nazzjonali, iżda fuq kollox dwar ir-referendum dwar il-Brexit. Fil-kontroreplika, huwa jissuġġerixxi li l-istħarriġ imwettaq f’seba’ Stati Membri kien fih mistoqsijiet dwar is-sħubija tar-Renju Unit mal-Unjoni u l-pożizzjoni tal-parteċipanti fir-rigward tar-referendum dwar il-Brexit.

68      Bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali matul is-seduta, il-Parlament sostna li l-istħarriġ imwettaq f’seba’ Stati Membri kien orjentat lejn ir-Renju Unit u kien jirrigwarda essenzjalment ir-referendum dwar il-Brexit, favur il-UKIP.

69      Fir-rigward tal-istħarriġ li twettaq wara l-elezzjonijiet leġiżlattivi fir-Renju Unit bejn Ġunju u Diċembru 2015, mid-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015 jirriżulta li l-infiq relatat magħhom ġie meqjus bħala ineliġibbli għal żewġ raġunijiet, jiġifieri l-projbizzjoni tal-finanzjament indirett ta’ partit politiku nazzjonali, prevista fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2004/2003, u l-projbizzjoni tal-finanzjament ta’ kampanji ta’ referendum, stabbilita fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 8 tal-istess regolament. Fil-fatt, skont l-imsemmija deċiżjoni, dan l-istħarriġ kien jirrigwarda b’mod partikolari r-referendum dwar il-Brexit u parti minnu kienet parzjalment tirrigwarda wkoll kwistjonijiet ta’ politika nazzjonali.

70      Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2004/2003, il-fondi ta’ partiti politiċi fil-livell Ewropew li joriġinaw mill-baġit ġenerali tal-Unjoni jew minn kwalunkwe sors ieħor ma jistgħux jintużaw għall-finanzjament dirett jew indirett ta’ partiti politiċi oħra, u b’mod partikolari ta’ partiti nazzjonali jew ta’ kandidati nazzjonali.

71      Hemm lok li jitfakkar li jeżisti finanzjament indirett meta partit nazzjonali jikseb vantaġġ finanzjarju anki jekk ma jkun hemm l-ebda trasferiment dirett ta’ fondi, pereżempju billi jevita ċertu nfiq li kien ikun dovut (sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2018, Mouvement pour une Europe des nations et des libertés vs Il‑Parlament, T‑829/16, taħt appell, EU:T:2018:840, punt 72). Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jsir riferiment għal sensiela ta’ indizji temporali, ġeografiċi u dawk relatati mal-kontenut tal-att iffinanzjat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2018, Mouvement pour une Europe des nations et des libertés vs Il‑Parlament, T‑829/16, taħt appell, EU:T:2018:840, punt 83).

72      Fir-rigward tal-projbizzjoni tal-finanzjament ta’ kampanji ta’ referendum, hemm lok li jiġi rrilevat li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2004/2003 jistabbilixxi li l-infiq eliġibbli ma għandux iservi sabiex jiffinanzja kampanji ta’ referendum.

73      Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tiegħu tad‑9 ta’ Mejju 2016, il-Bureau tal-Parlament ippreċiża li l-kwistjoni dwar jekk attività ta’ partit politiku fil-livell Ewropew kinitx tikkostitwixxi kampanja ta’ referendum kienet tiddependi b’mod partikolari minn ċerti kundizzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, jekk l-eventwali żamma ta’ tali referendum kinitx diġà ġiet mgħarrfa lill-pubbliku, anki jekk din kienet għadha ma kinitx is-suġġett ta’ dikjarazzjoni uffiċjali; it-tieni nett, jekk kinitx teżisti rabta diretta u manifesta bejn l-attività inkwistjoni tal-partit politiku u l-kwistjoni msemmija fir-referendum; u, it-tielet nett, jekk kinitx teżisti prossimità ratione temporis bejn l-attività inkwistjoni tal-partit politiku u d-data prevista għar-referendum, anki mhux uffiċjalment. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Parlament ma jikkontestax li d-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015 tapplika l-kriterji speċifikati fid-deċiżjoni tal-imsemmi Bureau tad‑9 ta’ Mejju 2016.

74      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015 sa fejn din tqis bħala ineliġibbli l-infiq marbut mal-istħarriġ imwettaq f’seba’ Stati Membri.

75      Mill-eżami tad-dokument li jinkludi r-riżultati tal-istħarriġ imwettaq f’seba’ Stati Membri jirriżulta li dan twettaq fil-Belġju, fi Franza, fl-Ungerija, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Polonja, fl-Isvezja u fir-Renju Unit, b’kampjun ta’ madwar 1 000 persuna f’kull Stat. Il-mistoqsijiet, li kienu l-istess fis-seba’ Stati Membri, kienu jirrigwardaw is-sħubija ta’ dawn l-Istati Membri mal-Unjoni, il-vot tal-parteċipanti f’referendum possibbli dwar is-sħubija mal-Unjoni, ir-riforma tal-kundizzjonijiet ta’ sħubija mal-Unjoni, il-ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-ammissjoni ta’ refuġjati minn kull wieħed mis-seba’ Stati Membri, it-theddid għas-sigurtà tas-seba’ Stati Membri, il-parteċipazzjoni tas-seba’ Stati Membri f’forza armata Ewropea, u ż-żona Schengen.

76      L-ewwel nett, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-parti tal-istħarriġ imwettaq f’seba’ Stati Membri dwar ir-Renju Unit taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-finanzjament ta’ kampanji ta’ referendum prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2004/2003, peress li l-leġiżlazzjoni dwar iż-żamma tar-referendum fir-Renju Unit ġiet approvata b’mod definittiv f’Diċembru 2015, jiġifieri fil-mument tal-imsemmi stħarriġ, u li l-kontenut ta’ din il-parti kien marbut mill-qrib, fil-parti l-kbira tiegħu, ma’ dan ir-referendum.

77      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kunsiderazzjonijiet ma japplikawx fir-rigward tal-parti tal-istħarriġ imwettaq fis-sitt Stati Membri l-oħra, fejn ma kien previst l-ebda referendum dak iż-żmien. Barra minn hekk, il-Parlament ma argumentax, u lanqas ma wera, li l-imsemmija parti setgħet tkun ta’ xi utilità għall-kampanja tar-referendum dwar il-Brexit fir-Renju Unit. Għaldaqstant, minn din il-perspettiva, din il-parti tal-istħarriġ ma tistax titqies li hija intiża sabiex tiffinanzja kampanja ta’ referendum.

78      It-tieni nett, fir-rigward tal-projbizzjoni tal-finanzjament indirett ta’ partit politiku nazzjonali, hemm lok li jiġi miċħud l-argument imressaq mill-Parlament li l-parti mill-istħarriġ dwar is-sitt Stati Membri l-oħra hija ta’ xi utilità għall-UKIP. Fil-fatt, ma ntweriex li l-kontenut tal-imsemmija parti jista’ jkun ta’ xi utilità għall-UKIP. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li din il-parti twettqet f’sitt Stati Membri, minbarra r-Renju Unit, li fihom il-UKIP ma huwiex stabbilit.

79      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, dan l-ilment għandu jiġi milqugħ.

80      Fid-dawl tal-konklużjonijiet li jinsabu fil-punti 62 u 79 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015 għandha tiġi annullata.

 Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2017

81      Insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2017, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-drittijiet tad-difiża, it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikolu 134 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), u tal-Artikolu 206 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad‑29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 362, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju”), u, it-tielet, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

 Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-drittijiet tad-difiża

82      L-ewwel motiv invokat insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2017 huwa maqsum f’żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Parlament kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll l-Artikolu 41 tal-Karta. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-argumenti żviluppati fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv invokat insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni dwar is-sena finanzjarja 2015, imsemmija fil-punt 23 iktar ’il fuq.

83      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv invokat insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2017, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, żgurati mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta u mill-Artikolu 224 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament fis-seħħ f’dak iż-żmien. Insostenn ta’ din il-parti, ir-rikorrenti tirreferi l-ewwel nett għall-argumenti żviluppati fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv invokat insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni dwar is-sena finanzjarja 2015, imsemmija fil-punt 25 iktar ’il fuq. It-tieni nett, hija żżid li d-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2017 hija bbażata fuq “opinjoni addizzjonali” tal-awdituri esterni fuq il-vijabbiltà finanzjarja tagħha, li ma ġietx ikkomunikata lilha u li fuqha hija ma setgħetx tikkummenta. It-tielet nett, hija ssostni li din id-deċiżjoni kkontestata tal-aħħar affettwatha b’mod negattiv, peress li hija ma kinitx kapaċi tikseb il-garanzija bankarja mitluba u dan fl-aħħar mill-aħħar wassal għall-istralċ tagħha fis‑26 ta’ April 2017.

84      Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

85      Għandu jiġi rrilevat li, f’dak li jirrigwarda l-ewwel parti tal-ewwel motiv invokat insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni dwar is-sena finanzjarja 2017, ir-rikorrenti tirreferi għall-argumenti żviluppati fil-kuntest tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni dwar is-sena finanzjarja 2015, mingħajr madankollu ma tinvoka nuqqas ta’ imparzjalità li jirriżulta minn kummenti magħmula minn membru tal-Bureau tal-Parlament qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2017.

86      Peress li r-rikorrenti tinvoka nuqqas ta’ imparzjalità tal-Bureau tal-Parlament minħabba l-kompożizzjoni tiegħu, l-ewwel parti tal-ewwel motiv invokat insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni dwar is-sena finanzjarja 2017 għandha tiġi miċħuda bħala infondata għall-istess raġunijiet esposti fil-punti 40 sa 50 iktar ’il fuq.

87      Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel motiv invokat insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2017 dwar il-ksur tad-dritt għal smigħ, qabelxejn għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 224(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament fis-seħħ f’dak iż-żmien, il-Bureau tal-Parlament għandu jieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal finanzjament imressqa minn partit politiku fil-livell Ewropew. Barra minn hekk, skont il-paragrafu 5 tal-istess artikolu, ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 4, l-imsemmi Bureau għandu jisma’ r-rappreżentanti tal-partit politiku kkonċernat qabel ma jieħu deċiżjoni.

88      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 224 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament fis-seħħ f’dak iż-żmien ma jagħtix dritt speċifiku lill-partiti politiċi li jinstemgħu qabel ma l-Bureau tal-Parlament ikun adotta d-deċiżjoni tiegħu dwar l-applikazzjonijiet tagħhom għal finanzjament.

89      Issa, minkejja din il-konstatazzjoni dwar l-Artikolu 224 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament fis-seħħ f’dak iż-żmien, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, ir-rikorrenti tistax validament tinvoka dritt għal smigħ direttament ibbażat fuq l-Artikolu 41(2) tal-Karta. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi żgurat anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni jew meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix espressament tali formalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 86, u tad‑9 ta’ Lulju 1999, New Europe Consulting u Brown vs Il‑Kummissjoni, T‑231/97, EU:T:1999:146, punt 42).

90      Bħala prinċipju, meta persuna tippreżenta applikazzjoni quddiem istituzzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari applikazzjoni għal finanzjament, id-dritt għal smigħ għandu jitqies li jkun ġie osservat meta l-istituzzjoni tadotta d-deċiżjoni tagħha fi tmiem il-proċedura abbażi tal-elementi ppreżentati mill-applikant, mingħajr ma tagħtih opportunità addizzjonali li jinstema’ lil hinn mill-argumenti li huwa seta’ jressaq fil-mument meta ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 1995, Windpark Groothusen vs Il‑Kummissjoni, T‑109/94, EU:T:1995:211, punt 48, u tal‑15 ta’ Settembru 2016, AEDEC vs Il‑Kummissjoni, T‑91/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:477, punt 24; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Euris Consult vs Il‑Parlament, T‑637/11, EU:T:2014:237, punt 119).

91      Madankollu, b’mod eċċezzjonali, huwa possibbli li jiġi invokat il-ksur tad-dritt għal smigħ meta l-istituzzjoni tal-Unjoni tibbaża ruħha fuq kunsiderazzjonijiet ta’ fatt jew ta’ liġi li l-applikant ma kellux għarfien tagħhom jew fuq provi differenti minn dawk ipprovduti minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 1995, Windpark Groothusen vs Il‑Kummissjoni, T‑109/94, EU:T:1995:211, punt 48; tat‑30 ta’ April 2014, Euris Consult vs Il‑Parlament, T‑637/11, EU:T:2014:237, punt 119; u tal‑15 ta’ Settembru 2016, AEDEC vs Il‑Kummissjoni, T‑91/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:477, punt 24) jew meta tikkritika ċertu aġir tal-applikant mingħajr ma tagħtih l-opportunità li jesprimi l-opinjoni tiegħu b’mod utli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 1999, New Europe Consulting u Brown vs Il‑Kummissjoni, T‑231/97, EU:T:1999:146, punti 5 u 42 sa 44). Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ proċeduri dwar il-ħlas ta’ dazji doganali, ġie deċiż li kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża meta r-rikorrent ma kienx f’pożizzjoni li jagħti l-opinjoni tiegħu dwar ir-rilevanza tal-fatti jew tad-dokumenti kkunsidrati fl-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 25; tad‑19 ta’ Frar 1998, Eyckeler & Malt vs Il‑Kummissjoni, T‑42/96, EU:T:1998:40, punt 86 sa 88; u tas‑17 ta’ Settembru 1998, Primex Produkte Import-Export et vs Il‑Kummissjoni, T‑50/96, EU:T:1998:223, punti 63 sa 71).

92      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat l-ilment imressaq mir-rikorrenti.

93      F’dan il-każ, l-ewwel nett, id-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2017 mingħajr dubju tikkostitwixxi miżura individwali lejn ir-rikorrenti, fis-sens tal-Artikolu 41(2) tal-Karta.

94      It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, din hija miżura li taffettwaha b’mod sfavorevoli, għaliex id-deċiżjoni li tagħti l-finanzjament hija suġġetta għal kundizzjonijiet li jimponu spejjeż mhux negliġibbli, jiġifieri l-obbligu li tiġi pprovduta garanzija bankarja u l-limitazzjoni tal-prefinanzjament għal 33 % tal-ammont massimu tas-sussidju (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 1974, Transocean Marine Paint Association vs Il‑Kummissjoni, 17/74, EU:C:1974:106, punti 15 sa 17, dwar il-ksur tad-dritt għal smigħ fil-kuntest tal-għoti ta’ eżenzjoni suġġetta għal kundizzjonijiet skont id-dispożizzjoni li saret l-Artikolu 101(3) TFUE).

95      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2017 hija bbażata fuq “opinjoni addizzjonali” tal-awdituri esterni dwar il-vijabbiltà finanzjarja tagħha, li ma ġietx ikkomunikata lilha u li fuqha hija ma setgħetx tikkummenta.

96      F’dan ir-rigward, anki jekk il-Parlament jammetti li ma kkomunikax l-“opinjoni addizzjonali” inkwistjoni bħala tali lir-rikorrenti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2017, hemm lok li jiġi rrilevat li n-noti tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament tal‑10 ta’ Novembru u tal‑5 ta’ Diċembru 2016 li stiednu lill-Bureau sabiex jadotta d-deċiżjonijiet ikkontestati, ipprovduti mir-rikorrenti stess, kienu jsemmu d-dubji tal-awdituri esterni fir-rigward tal-vijabbiltà finanzjarja tar-rikorrenti. Meta ġiet mistoqsija matul is-seduta, ir-rikorrenti affermat li hija rċeviet kopja tan-nota tal-imsemmi Segretarju Ġenerali tal‑10 ta’ Novembru 2016 matul dak l-istess xahar. Barra minn hekk, dawn id-dubji dwar il-vijabbiltà finanzjarja tar-rikorrenti kienu jinsabu wkoll fir-rapport ta’ awditu tal-awdituri esterni tat‑18 ta’ April 2016, li r-rikorrenti tirrikonoxxi li saret taf bihom f’ittra tal‑10 ta’ Mejju 2016 lill-awdituri esterni.

97      Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti kienet diġà taf bid-dubji dwar il-vijabbiltà finanzjarja tagħha li ddeterminaw id-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2017, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka ksur tad-dritt għal smigħ fir-rigward taċ-ċirkustanzi ta’ fatt li hija diġà kienet taf bih qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2017.

98      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ewwel motiv invokat insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2017 għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 134 tar-Regolament Finanzjarju u tal-Artikolu 206 tar-Regoli ta’ Applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju

99      Permezz tat-tieni motiv invokat insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2017, ir-rikorrenti ssostni li l-limitazzjoni tal-prefinanzjament għal 33 % tal-ammont massimu tas-sussidju suġġett għall-provvista ta’ garanzija bankarja tmur kontra l-Artikolu 134 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 206 tar-Regoli ta’ Applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju.

100    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 134 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 206 tar-Regoli ta’ Applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 204j tar-Regolament Finanzjarju, introdott permezz tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1142/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012 fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej (ĠU 2014, L 317, p. 28). Hija tqis li hija ma kienet fl-ebda waħda mis-sitwazzjonijiet identifikati f’din id-dispożizzjoni li jistgħu jeżiġu l-provvista ta’ garanzija bankarja.

101    Ir-rikorrenti żżid li l-limitazzjoni tal-prefinanzjament għal 33 % tal-ammont massimu tas-sussidju suġġett għall-provvista ta’ garanzija bankarja hija manifestament żbaljata, peress li d-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2017 ittieħdet fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha fi tmiem is-sena 2015 u mhux fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija miżuri, jiġifieri f’Diċembru 2016. Dan ġie kkonfermat mill-awditur estern. Fil-fehma tagħha, is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha kienet b’saħħitha f’Diċembru 2016. B’mod partikolari, hija ssostni li hija kienet kisbet impenji ta’ donaturi potenzjali u li diversi delegazzjonijiet nazzjonali kienu aċċettaw li jżidu l-kontribuzzjoni tagħhom għal ammont li seta’ jkun bejn EUR 30 000 u EUR 100 000.

102    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tirrepeti li t-teħid inkunsiderazzjoni mill-Parlament ta’ awditu estern fuq il-vijabbiltà finanzjarja tagħha, li ma ġiex ikkomunikat lilha, jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża.

103    Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

104    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regolament Finanzjarju, intitolat “Il-garanzija ta’ qabel il-finanzjament”, l-uffiċjal kompetenti jista’, jekk iqis li jkun xieraq u proporzjonat, skont il-każ u suġġett għal analiżi tar-riskju, jitlob garanzija bil-quddiem mingħand il-benefiċjarju sabiex jillimita r-riskji finanzjarji marbuta mal-ħlas ta’ prefinanzjament.

105    Skont l-Artikolu 206(1) tar-Regoli ta’ Applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju, sabiex ir-riskji finanzjarji marbuta mal-ħlas ta’ prefinanzjament jiġu limitati, l-uffiċjal kompetenti jista’, abbażi ta’ analiżi tar-riskju, jitlob garanzija bil-quddiem mingħand il-benefiċjarju, li l-ammont tagħha jista’ jilħaq dak tal-prefinanzjament, ħlief fil-każ ta’ sussidji ta’ valur żgħir, jew tal-ħlas f’diversi partijiet.

106    Barra minn hekk, mill-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Bureau tad‑29 ta’ Marzu 2004 jirriżulta li, ħlief fil-każ ta’ deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament, is-sussidju għandu jitħallas bħala prefinanzjament lill-benefiċjarji f’pagament uniku ekwivalenti għal 80 % tal-ammont massimu tas-sussidju, u dan fil-ħmistax-il jum ta’ wara d-data tad-deċiżjoni tal-għoti tas-sussidju. Prefinanzjament għal 100 % tal-ammont massimu tas-sussidju huwa possibbli, jekk il-benefiċjarju jipprovdi garanzija ta’ prefinanzjament skont l-Artikolu 206 tar-Regoli ta’ Applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju, li tkopri 40 % tas-sussidju mogħti.

107    Mill-qari flimkien tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 104 sa 106 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Parlament għandu s-setgħa, minn naħa, li jeżiġi l-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja u, min-naħa l-oħra, li jillimita l-ammont tal-prefinanzjament sabiex jillimita r-riskju finanzjarju għall-Unjoni marbut mal-ħlas ta’ prefinanzjamenti.

108    Mill-eżami tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 104 sa 106 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Parlament għandu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddetermina, minn naħa, l-eżistenza ta’ riskju finanzjarju għall-Unjoni u, min-naħa l-oħra, il-miżuri xierqa u neċessarji sabiex l-Unjoni tiġi protetta minn dan ir-riskju. B’mod partikolari, il-Parlament għandu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeċiedi jekk hemmx lok li jiġu kkombinati ż-żewġ tipi ta’ miżuri msemmija fil-punt 107 iktar ’il fuq u sabiex jiġi ddeterminat, jekk ikun il-każ, l-ammont tal-prefinanzjament.

109    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni motiv invokat insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2017.

110    L-ewwel nett, kif isostni ġustament il-Parlament, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 204j tar-Regolament Finanzjarju, introdott bir-Regolament Nru 1142/2014, ma japplikax għall-fatti li wasslu għal din il-kawża. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2 tiegħu, dan ir-regolament sar applikabbli biss mill‑1 ta’ Jannar 2017. Fi kwalunkwe każ, l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni mressqa mir-rikorrenti hija żbaljata, peress li mill-formulazzjoni tagħha jirriżulta li l-Parlament jista’ jeżiġi l-kostituzzjoni ta’ garanzija bil-quddiem meta l-partit politiku inkwistjoni jkun f’riskju immedjat li jsib ruħu b’mod partikolari f’falliment jew fi stralċ u mhux biss meta dan ikun diġà jinsab f’tali sitwazzjoni.

111    It-tieni nett, il-Parlament ma wettaqx żball meta, fit‑12 ta’ Diċembru 2016, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2017, ħa inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015, adottata biss ftit jiem qabel, jiġifieri fil‑21 ta’ Novembru 2016, li ddikjarat ineliġibbli s-somma ta’ EUR 500 615.55 u li talbet ir-rimbors ta’ EUR 172 654.92. Barra minn hekk, il-Parlament ma wettaqx żball meta ħa inkunsiderazzjoni l-“opinjoni addizzjonali” tal-awditur estern, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tqajjem dubju dwar il-vijabbiltà finanzjarja tar-rikorrenti fl-assenza ta’ riżorsi proprji addizzjonali.

112    Barra minn hekk, anki jekk, matul il-laqgħa tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti tas‑6 ta’ Diċembru 2016 u l-laqgħa ġenerali tal-istess ġurnata, saru diskussjonijiet dwar in-neċessità li jinkisbu riżorsi addizzjonali ta’ ammont ta’ EUR 100 000, il-minuti ta’ dawn il-laqgħat ma jipprovdux elementi li jippermettu li tiġi antiċipata l-kisba b’mod raġonevoli ta’ dan l-ammont.

113    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hemm lok li jiġi konkluż li l-Parlament seta’ jqis, mingħajr ma jwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li kien jeżisti riskju finanzjarju għall-Unjoni li jirriżulta mill-eventwali għoti lir-rikorrenti ta’ sussidju għas-sena finanzjarja 2017.

114    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża f’dak li jirrigwarda l-“opinjoni addizzjonali”, li tikkostitwixxi repetizzjoni tat-tieni parti tal-ewwel motiv invokat insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2017, dan għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet esposti fil-punti 87 sa 95 iktar ’il fuq.

115    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tieni motiv invokat insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2017 għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-allegat ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament

116    Fil-kuntest tat-tielet motiv invokat insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2017, ir-rikorrenti tinvoka, minn naħa, il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, min-naħa l-oħra, il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

117    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2017 tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-Parlament seta’ jipprevedi miżuri alternattivi, pereżempju x-xoljiment tas-sussidju meta l-benefiċjarju jkun ġie ddikjarat fallut jew ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ stralċ jew, alternattivament, is-sempliċi limitazzjoni tal-prefinanzjament għal 33 % tal-ammont tas-sussidju mingħajr ir-rekwiżit ta’ garanzija bankarja.

118    It-tieni nett, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn il-Parlament talab lil benefiċjarji oħra, li kien hemm ukoll dubji dwar il-vijabbiltà finanzjarja tagħhom, li jipproponu miżuri ta’ titjib tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom. Issa, għalkemm dan kien previst, il-Parlament ma offrilhiex din l-opportunità u ddeċieda direttament li jillimita l-ammont tal-prefinanzjament tagħha suġġett għall-provvista ta’ garanzija bankarja.

119    Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

120    Minn naħa, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Agrana Zucker, C‑33/08, EU:C:2009:367, punt 31).

121    Kif ġie indikat fil-punti 107 u 108 iktar ’il fuq, mid-dispożizzjonijiet applikabbli f’dan il-każ jirriżulta li l-Parlament għandu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddetermina qabelxejn l-eżistenza ta’ riskju finanzjarju għall-Unjoni u, sussegwentement, il-miżuri xierqa u neċessarji sabiex l-Unjoni tiġi protetta minn dan ir-riskju.

122    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tikkontesta n-natura neċessarja tal-miżuri adottati mill-Parlament, jiġifieri l-limitazzjoni tal-prefinanzjament għal 33 % tal-ammont tas-sussidju totali flimkien mar-rekwiżit ta’ garanzija bankarja.

123    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri alternattivi msemmija mir-rikorrenti ma ppermettewx li jiġu mħarsa bl-istess mod l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħalma huma mħarsa bil-miżuri adottati mill-Parlament. Fil-fatt, ix-xoljiment tas-sussidju meta l-benefiċjarju jiġi ddikjarat bħala fallut jew ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ stralċ ma jippermettix li jiġi żgurat li l-Parlament ikun jista’ eventwalment jirkupra l-fondi mħallsa. Dan jgħodd ukoll għas-sempliċi limitazzjoni ta’ prefinanzjament għal 33 % tal-ammont tas-sussidju mingħajr ir-rekwiżit ta’ garanzija bankarja, li ma jistax jiżgura l-irkupru eventwali tal-fondi mħallsa mill-Parlament.

124    Għaldaqstant, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Parlament sabiex jiddetermina l-miżuri xierqa u neċessarji sabiex l-Unjoni tiġi protetta minn riskju finanzjarju, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi miċħud.

125    Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li tiegħu l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni huwa espressjoni partikolari. L-imsemmi prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punti 29 u 30).

126    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat, minn naħa, li mill-minuti tal-laqgħa tal-Bureau tal-Parlament tat‑12 ta’ Diċembru 2016, li matulha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2017, jirriżulta li dan il-Bureau adotta miżuri simili ta’ tnaqqis tar-riskju finanzjarju għal seba’ benefiċjarji, fosthom ir-rikorrenti.

127    Barra minn hekk, anki jekk huwa korrett li, skont in-noti tas-Segretarju Ġenerali lill-Bureau tal-Parlament tal‑5 ta’ Settembru 2016 fir-rigward ta’ benefiċjarji oħra u tal‑10 ta’ Novembru 2016 fir-rigward tar-rikorrenti, il-Parlament ippreveda li jitlob mingħand ċerti benefiċjarji miżuri ta’ titjib tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, din il-possibbiltà ġiet prevista għal kulħadd fil-kuntest tal-applikazzjonijiet għal sussidju għas-sena finanzjarja 2017. Barra minn hekk, ma hemmx indikazzjoni li l-Parlament effettivament offra din il-possibbiltà lil ċerti benefiċjarji, iżda mhux lir-rikorrenti.

128    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, għaldaqstant, it-tielet motiv invokat insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2017 fit-totalità tagħha għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

129    Għaldaqstant, it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2017 għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq l-ispejjeż

130    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. F’dan il-każ, peress li hija biss it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2015 li ġiet milqugħa, filwaqt li t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sena finanzjarja 2017 ġiet miċħuda, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Parlament tal21 ta’ Novembru 2016 li tiddikjara ċertu nfiq ineliġibbli għall-finijiet ta’ sussidju għas-sena 2015 hija annullata.

2)      It-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Parlament FINS201713 tat12 ta’ Diċembru 2016 dwar l-għoti ta’ sussidju lir-rikorrenti għas-sena 2017 hija miċħuda.

3)      Alliance for Direct Democracy in Europe ASBL u l-Parlament Ewropew għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

Collins

Kancheva

Barents

Passer

 

      De Baere

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑7 ta’ Novembru 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l‑Ingliż.