Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Settembru 2014 – Krka vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-684/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Krka Tovarna Zdravil d.d. (Novo Mesto, is-Slovenja) (rappreżentanti: T. Ilešič u M. Kocmut, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 4955 finali, tad-9 ta’ Lulju 2014 fil-Każ AT.39612 – Perindopril (Servier), innotifikata lir-rikorrenti fil-11 ta’ Lulju 2014, sa fejn tirrigwarda lir-rikorrenti, b’mod partikolari l-Artikoli 4, 7(4)(a), 8 u 9;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti u għal spejjeż oħra relatati ma’ din il-kawża; u

tordna kull miżura oħra ġuridikament meħtieġa.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas tal-Kummissjoni li tanaliżża b’mod xieraq il-kuntest legali, fattwali u ekonomiku tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-konklużjoni żbaljata tal-Kummissjoni li r-rikorrenti u Servier kienu kompetituri effettivi u potenzjali skont l-Artikolu 101 TFEU.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konklużjoni żbaljata tal-Kummissjoni li l-ftehim dwar il-brevett konkluż bejn ir-rikorrenti u Servier kien jirrestrinġi, permezz tal-għan tiegħu, il-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(1) TFEU hija bbażata fuq analiżi fattwali u legali żbaljata kif ukoll fuq applikazzjoni żbaljata tal-prinċipji stabbiliti dwar ir-restrizzjonijiet permezz tal-għan.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi eżaminat b’mod inkonsistenti l-kuntratt ta’ ċessjoni u liċenzja u żbaljat meta kkonkludiet li dan il-ftehim kien jikkostitwixxi restizzjoni, permezz tal-għan tiegħu, tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(1) TFEU.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-konklużjoni żbaljata tal-Kummissjoni li l-ftehimiet konklużi bejn ir-rikorrenti u Servier kienu jirrestrinġu, permezz tal-effett tagħhom, il-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(1) TFEU.

Is-sitt motiv ibbażat fuq in-nuqqas tal-Kummissjoni li tevalwa b’mod preċiż l-argumenti mqajma mir-rikorrenti skont l-Artkolu 101(3) TFEU.