Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Settembru 2014 – El-Qaddafi vs Il-Kunsill

(Kawża T-681/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Aisha Muammer Mohamed El-Qaddafi (Muskat, l-Oman) (rappreżentant: J. Jones, barrister)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura bis-saħħa tal-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, billi tobbliga lill-Kunsill jiżvela l-informazzjoni kollha ta’ sostenn għall-inklużjoni tar-rikorrenti fil-lista relatata mal-miżuri kontenzjużi;

tannulla totalment jew parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK, tat-28 ta’ Frar 2011, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/380/PESK, tat-23 ta’ Ġunju 2014, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti;

tannulla totalment jew parzjalment ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 204/2010, tat-2 ta’ Marzu 2011, implementat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 689/2014, tat-23 ta’ Ġunju 2014, li jimplimenta l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 204/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali għandha l-ġurisdizzjoni li tistħarreġ il-legalità ta’ miżuri restrittivi meħuda kontra r-rikorrenti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sabiex tiġi implementata s-sistema ta’ sanzjonijiet imposta mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti b’relazzjoni mal-Libja. Ir-rikorrenti ssostni li l-miżuri tal-Unjoni li jimplementaw miżuri restrittivi adottati fuq livell internazzjonali ma jgawdu minn ebda immunità ta’ ġurisdizzjoni minħabba li huma intiżi li japplikaw riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li twettaq stħarriġ komplet u fuq il-mertu tal-legalità tal-miżuri kontenzjużi tal-Unjoni li jimplementaw ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li jimponu miżuri restrittivi fuq ir-rikorrenti. Dan l-istħarriġ jirrigwarda, speċifikament, il-kwistjoni dwar jekk il-motivi invokati mill-Kunsill insostenn tad-deċiżjoni tagħha li tikkonferma l-inklużjoni tar-rikorrenti fil-lista humiex fondati u suffiċjentement iddettaljati u preċiżi.It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-miżuri kontenzjużi tal-Unjoni jiksru d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti kif ukoll id-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill naqas milli jagħtiha l-motivi jew xi prova preċiża li jiġġustifikaw iż-żamma tagħha fil-lista.Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-miżuri kontenzjużi tal-Unjoni jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, inkluż id-dritt tagħha għall-proprjetà u d-dritt tagħha għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja.Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-inklużjoni tar-rikorrenti fil-lista hija infondata, mhux preċiża, mhux iġġustifikata u insuffiċjentement iddettaljata fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti ma t

ikkostitwixxi l-ebda theddida għall-paċi u għas-siġurtà internazzjonali. Ir-rikorrenti ssostni li ż-żamma tagħha fil-lista minħabba biss ir-rabta familjari mal-mexxej mejjet tar-reġim ta’ Gaddafi li llum ma għadux jeżisti tikser id-dritt tal-Unjoni. Ir-rikorrenti tallega, barra minn hekk, li hija ma kienet involuta f’e

bda avveniment fil-Libja li jikkostitwixxi theddida għall-paċi u għas-siġurtà internazzjonali.