Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Jannar 2014 – Taetel vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-29/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Taetel, SL (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: E. Navarro Varona, P. Vidal Martínez, J. López-Quiroga Teijero u G. Canalejo Lasarte, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 263 TFUE, sa fejn tiddikjara l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u tordna l-irkupru tagħha mingħand l-investituri;

sussidjarjament, tannulla l-Artikoli 1, 2 u 4(1) tad-Deċiżoni, sa fejn jidentifikaw lill-investituri bħala benefiċjarji li għandhom jirrimborsaw l-allegata għajnuna;

sussidjarjament tħassar l-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna mingħand l-investituri fl-Artikolu 4(1) in fine, minħabba li tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, peress li ma jistax jiġi ordnat l-irkupru f’data qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura;

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni u tiddikjara l-metodoloġija użata għad-determinazzjoni tal-vantaġġ allegat li l-investituri għandhom jirrimborsaw bħala mhux konformi mad-dritt;

tiddikjara l-ineżistenza jew, alternattivament, l-annullament parzjali tal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni, dwar il-projbizzjoni li “jiġi ttrasferit l-oneru tal-irkupru lil persuni oħra” sa fejn dan jikkonċerna dikjarazzjoni dwar il-projbizzjoni jew l-allegata nullità tal-klawżoli kuntrattwali ta’ ripetizzjoni kontra terzi tal-ammonti li l-investituri għandhom jirrimborsaw lill-Istat Spanjol, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni kkontestata f’din il-kawża hija l-istess bħal dik tal-Kawżi T-700/13, Bankia vs Il-Kummissjoni, T-719/13, Lico Leasing u Pequeños y Medianos Astilleros de Reconversión vs Il-Kummissjoni u T-3/14, Anudal Industrial vs Il-Kummissjoni.

Il-motivi u l-argumenti prinċipali huma simili għal dawk diġà invokati f’dawn il-kawżi.

Qigħed jiġi osservat, b’mod partikolari, ksur tal-Artikolu 107 TFUE peress li fid-deċiżjoni kkontestata ġie kkunsidrat li s-sistema fiskali inkwistjoni, applikabbli għal ftehim partikolari ta’ leasing finanzjaru għax-xiri ta’ bastimenti ġodda, tikkostitwixxi globalment għajnuna mill-Istat.

Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni fiskali tikser ukoll l-Artikolu 107 TFUE peress li tikkunsidra li l-miżuri li jikkostitwixxu l-imsemmija sistema fiskali huma għajnuna mill-Istat “ġdida”.

Sussidjarjament ir-rikorrenti tallega l-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, kif ukoll tal-Artikoli 107, 108 u 206 TFUE, minħabba identifikazzjoni żbaljata tal-benefiċjarji u żball fid-determinazzjoni tal-kwantitajiet li għandhom jiġu rkuprati, tal-Artikolu 108(3) TFUE, l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 659/1999, l-Artikolu 3(6) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn l-Artikolu 4(1) tad-deċiżjoni kkontestata jipprojbixxi, jew jiddikjara nulli l-klawżoli kuntrattwali li skont dawn l-investituri jistgħu jitolbu kontra terzi l-ammonti li kellhom jirrimborsaw lill-awtoritajiet Spanjoli.