Language of document :

Appell ippreżentat fit-8 ta’ Jannar 2014 minn Peter Schönberger mis-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-5 ta’ Novembru 2013 fil-Kawża F-14/12, Schönberger vs Il-Qorti tal-Awdituri

(Kawża T-26/14 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Peter Schönberger (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentant: O. Mader, avukat)

Konvenuta: Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tal-appellant

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-5 ta’ Novembru 2013 fil-Kawża F-14/12 (Schönberger vs Il-Qorti tal-Awdituri);

tilqa’ ir-rikors tar-rikorrent fl-ewwel istanza;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka seba’ aggravji.

L-ewwel aggravju: skont l-appellant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku naqas milli jiddeċiedi dwar l-ewwel motiv tar-rikors, fejn matul il-proċedura ta’ promozzjoni 2011, peress li kienu disponibbli biss tliet pożizzjonijiet għall-proċedura ta’ promozzjoni 2011, il-medja ta’ ħames snin għas-snin 2007-2011 kif stabbilita bir-Regoli tal-Proċedura ma ntlaħqitx b’għaxar pożizzjonijiet.

It-tieni aggravju: skont l-appellant is-sentenza appellata tiżnatura l-pożizzjoni tal-partijiet, sa fejn din tispjega l-proċedura ta’ promozzjoni għall-perijodu ta’ ħames snin mill-2010 sal-2014 inkwistjoni.

It-tielet aggravju: fuq dan il-punt, l-appellant isostni li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent kienu ġew miksura minħabba li ma ngħata l-ebda opportunità sabiex jieħu pożizzjoni dwar il-perijodu ta’ ħames snin ikkunsidrat bħala rilevanti mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Ir-raba’ aggravju: l-appellant jallega nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li s-sentenza appellata ma tat l-ebda raġuni għalfejn il-perijodu ta’ ħames snin mill-2010 sal-2014 għandu jiġi kkunsidrat bħala l-perijodu ta’ referenza.

Il-ħames aggravju: l-appellant jikkontesta lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-interpretazzjoni tiegħu tar-Regolamenti tal-Persunal li b’mod ċar hija f’kunflitt mar-rieda tal-leġiżlatur li fl-2014 jinbeda perijodu ġdid ta’ ħames snin.

Is-sitt aggravju: l-appellant jilmenta f’dan il-punt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, billi bbaża s-sentenza tiegħu fuq interpretazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal li ġiet espressament miċħuda mill-konvenut.

Is-seba’ aggravju: l-appellant isostni li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ġie applikat b’mod żbaljat u mhux b’mod konformi mal-ġurisprudenza stabbilita.