Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia n.º 1 de Cazalla de la Sierra (Spanja) fl-4 ta’ Diċembru 2020 – Caixabank SA vs ZN, SD, AH

(Kawża C-657/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de Primera Instancia n.º 1 de Cazalla de la Sierra

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Caixabank SA

Konvenuti: ZN, SD, AH

Domanda preliminari

Fid-dawl tad-drittijiet sanċiti fid-Direttiva [tal-Kunsill] 93/13[KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur] 1 u tal-kriterji stabbiliti permezz tas-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C-415/11, EU:C:2013:164) u tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia (C-70/17 u C-179/17, EU:C:2019:250), relatati mal-fatt li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ħlas għandu jkun ta’ natura suffiċjentement serja fir-rigward tat-tul u mal-ammont tas-self sabiex tkun applikabbli l-klawżola ta’ ħlas antiċipat, iqum id-dubju li ġej:

In-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ħlas għandu jkun simultanjament serju kemm fir-rigward tal-ammont tas-self kif ukoll fir-rigward tat-tul tiegħu jew huwa biżżejjed li dan in-nuqqas ikun serju fir-rigward ta’ wieħed minn dawn il-kriterji?

Jekk għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn iż-żewġ kriterji (tul u ammont tas-self) u jekk għandu jitqies li dawn għandhom jiġu ssodisfatti u evalwati flimkien, jeżistu dubji dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 24 tal-[Ley 5/2019, de 15 de marzo, reguladora de los contratos de crédito inmobiliario (il-Liġi 5/2019, tal-15 ta’ Marzu 2019, li Tirregola l-Kuntratti ta’ Self għal Beni Immobbli)] u l-ġurisprudenza nazzjonali (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2019 tat-Tribunal Supremo [il-Qorti Suprema] Nru 463/2019) teżiġix it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kriterji).

Jekk dawn iż-żewġ kriterji (tul u ammont tas-self) għandhom jiġu ssodisfatti u evalwati flimkien, iqumu dubji dwar kif għandhom jiġu deċiżi dawk il-kawżi fejn in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni serju jseħħ biss fir-rigward tal-ammont tas-self, jiġifieri nuqqas ta’ ħlas ta’ 3 % tal-kapital misluf skont l-Artikolu 24 tal-Ley 5/2019, mingħajr nuqqas ta’ eżekuzzjoni serju fir-rigward tat-tul tas-self, f’konformità mal-punti ta’ riferiment fiż-żmien previsti fl-Artikolu 24 tal-imsemmija liġi, sa fejn in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jikkonċerna inqas minn tnax il-pagament ta’ kull xahar.

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288)