Language of document : ECLI:EU:T:2004:72

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

10 ta’ Marzu 2004 (*)

“Sigurtà ġenerali tal-prodotti – Sistema Komunitarja ta’ twissija rapida għall-prodotti tal-ikel – Rikors għad-danni”

Fil-Kawża T-177/02,

Malagutti-Vezinhet SA, fi stralċ ġudizzjarju, stabbilita f’Cavaillon (Franza), irrappreżentata minn B. Favarel Veidig u N. Boron, avocats, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M.-J. Jonczy u M. França, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-kumpens għad-danni allegatament subiti mir-rikorrenti wara li l-Kummissjoni ħarġet messaġġ ta’ twissija rapida dwar il-preżenza ta’ residwi ta’ pestiċidi fit-tuffieħ ġejjin minn Franza li fih ir-rikorrenti ssemmiet b’isimha bħala esportatriċi tal-merkanzija inkwistjoni,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood, President, J. Pirrung u A. W. H. Meij, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

Wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Novembru 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest leġiżlattiv u l-fatti li taw lok għall-kawża

 Sistema Komunitajra ta’ twissija rapida

1        Id-Direttiva tal-Kunsill 92/59/KEE, tad-29 ta’ Ġunju 1992, dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 228, p. 24, iktar ’il quddiem id-“direttiva”), stabbiliet fuq il-livell Komunitarju obbligu ġenerali ta’ sigurtà għall-prodotti kollha mqiegħda fis-suq, li huma intiżi għall-konsumaturi jew li jistgħu jintużaw minn dawn tal-aħħar. Għal dan il-għan, id-direttiva, b’mod partikolari, stabbiliet sistema ta’ skambju rapidu ta’ informazzjoni f’sitwazzjonijiet urġenti fir-rigward tas-sigurtà tal-prodotti. Din hija s-“sistema Komunitarja ta’ twissija rapida għall-prodotti tal-ikel” (iktar ’il quddiem is-“SKTR”) li jipparteċipaw fiha wkoll l-Istati firmatarji tal-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), fosthom ir-Repubblika tal-Iżlanda.

2        L-Artikolu 2(b) tad-direttiva jiddefinixxi bħala “prodott mhux perikoluż” “kull prodott li, taħt kundizzjonijiet normali jew raġonevolment previdibbli ta’ użu, inkluż it-tul taż-żmien, ma jippreżenta ebda riskju jew biss riskji minimi kompatibbli mal-użu tal-prodott u kkunsidrati aċċettabbli u konsistenti ma’ livell għoli ta’ protezzjoni għas-sigurtà u s-saħħa tal-persuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

3        L-Artikoli 5 u 6 tad-direttiva jistabbilixxu l-obbligi u s-setgħat tal-Istati Membri fir-rigward tal-kontroll tas-sigurtà tal-prodotti.

4        L-Artikolu 7 tad-direttiva jiddisponi:

“1. Meta Stat Membru jadotta miżuri li jirrestrinġu t-tqegħid fis-suq ta’ prodott jew ta’ lott ta’ prodotti jew jeħtieġ l-irtirar tiegħu mis-suq […] huwa għandu jinnotifika dawn il-miżuri lill-Kummissjoni […] u għandu jispeċifika r-raġunijiet għalfejn adottahom. Dan l-obbligu ma japplikax jekk il-miżuri jirrigwardaw inċident li għandu effett lokali jew fi kwalunkwe każ limitat għat-territorju tal-Istat ikkonċernat.

2. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati fl-iqsar żmien possibbli. Jekk il-Kummissjoni tikkonstata, wara din il-konsultazzjoni, li l-miżura hija ġġustifikata, hija għandha tinforma lill-Istat Membru li ħa l-inizjattiva kif ukoll lill-Istati Membri l-oħra b’dan immedjatament. Jekk il-Kummissjoni tikkonstata, wara din il-konsultazzjoni, li l-miżura mhijiex iġġustifikata, hija għandha tinforma lill-Istat Membru li ħa l-inizjattiva b’dan immedjatament” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5        Fir-rigward tas-SKTR, l-Artikolu 8 tad-direttiva jistipula:

“1. Meta Stat Membru jadotta jew jiddeċiedi li jadotta miżuri urġenti sabiex jipprevjeni, jirrestrinġi jew jimponi kundizzjonijiet speċifiċi fuq il-kummerċjalizzazzjoni jew l-użu possibbli, ġewwa t-territorju tiegħu, ta’ prodott jew ta’ lott ta’ prodotti minħabba riskju gravi u immedjat li dan il-prodott jew dan il-lott ta’ prodotti joħloq għas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi, għandu mill-ewwel jinforma lill-Kummissjoni b’dan […]

2. Malli tirċievi din l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tivverifika l-konformità tagħha mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u għandha tibgħatha lill-Istati Membri l-oħra li, min-naħa tagħhom, għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, immedjatament, il-miżuri li jkunu ħadu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

6        L-anness tad-direttiva jistabbilixxi l-proċeduri dettaljati għall-applikazzjoni tas-SKTR.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża 

7        Ir-rikorrenti tesporta frott u ħxejjex minn Franza, b’mod partikolari, lejn l-Olanda u r-Renju Unit.

8        Hekk kif jirriżulta minn diversi fatturi datati Awwissu 2001, hija biegħet lill-kumpannija Olandiża van den Bosch diversi mijiet ta’ kaxxi tat-tuffieħ minn Franza li kien ġie ttrattat bil-pestiċida dicofol.

9        Nhar il-Ħamis 6 ta’ Settembru 2001, il-Kummissjoni ġiet informata, fil-kuntest tas-SKTR, mill-punt ta’ kuntatt Iżlandiż, li l-awtorità kompetenti Iżlandiża kienet iddeċidiet, fl-4 ta’ Settembru, li tirtira jew tirrifjuta lott ta’ tuffieħ ta’ oriġini Franċiża kkummerċjalizzat via l-Olanda, u dan wara li kienet ġiet skoperta, fit-3 ta’ Settembru, il-preżenza ta’ livell ta’ 0.8 mg/kg ta’ dicofol f’dan it-tuffieħ. L-informazzjoni speċifikat li l-merkanzija kienet ġiet iddistribwita mill-kumpannija J. P. Viens SA via l-Olanda u li l-importatur Izlandiż kien xtraha mingħand il-kumpannija Olandiża Greevecetrus; ġiet mehmuża kopja tar-riżultati tal-analiżi ma’ dan il-messaġġ.

10      Huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-livell massimu ta’ dicofol għat-tuffieħ kien iffissat għal 0.02 mg/kg mil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-livelli massimi għar-residwi ta’ pestiċidi fil-frott u l-ħxejjex fis-seħħ fi żmien il-fatti rilevanti, b’mod li t-tuffieħ analizzat mill-awtoritajiet Iżlandiżi f’Settembru tal-2001 kellu jirrispetta dan il-livell massimu.

11      Nhar it-Tnejn 10 ta’ Settembru 2001, wara li kkonsultat id-dipartimenti tekniċi kompetenti, il-Kummissjoni bagħtet il-messaġġ tal-awtoritajiet Iżlandiżi lill-punti ta’ kuntatt tal-Istati li huma parti mis-SKTR, u dan permezz tan-notifika oriġinali bir-referenza 2001/KL. Din in-notifika kienet tgħid hekk:

“pesticide residues (Dicofol) in apples from France via the Netherlands […] The product has been recalled and will be rejected. Exporter: JP Viens S.A. The contact points in France and in the Netherlands are kindly requested to provide the Commission services with the possible distribution to other members of the E.E.A. of the product involved” [residwi ta’ pestiċida (Dicofol) f’tuffieħ minn Franza via l-Olanda […] Il-merkanzija ġiet irtirata u ser tiġi rrifjutata. Esportatur: J. P. Viens SA. Il-punti ta’ kuntatt fi Franza u fl-Olanda huma ġentilment mitluba jgħarrfu lid-dipartimenti tal-Kummissjoni bid-distribuzzjoni eventwali tal-prodott inkwistjoni lil membri oħra taż-ŻEE].

12      Nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Settembru 2001, il-Kummissjoni rċeviet posta elettronika mill-punt ta’ kuntatt Olandiż li taha informazzjoni fuq id-diversi partijiet involuti fil-kummerċjalizzazzjoni tat-tuffieħ inkwistjoni, fosthom il-kumpannija rikorrenti. Il-Kummissjoni xandret dan il-messaġġ immedjatament bħala informazzjoni addizzjonali bir-referenza 2001/KL‑add01 indirizzata lill-punti ta’ kuntatt tas-SKTR. Din l-informazzjoni tgħid hekk:

“pesticide residues (Dicofol) in apples from France via the Netherlands. The company ‘Greve’ (NL) mentioned in the notification received the apples from the company ‘Bosch’ situated in Alkmaar (NL) which in his turn receives them from the below mentioned company:

Supplier in France: Company ‘Malagutti’ at Cavaillon (FR)

Tel. +33-4900-66767; Fax: +33-490066768

The Consignment has been received by the company ‘Greve’ on 20-08-2001 and no stock remained. The distribution is still subject of investigation.

How the name ‘Viens’ is involved is completely unknown” [residwi ta’ perstiċida (Dicofol) f’tuffieħ minn Franza via l-Olanda. Il-kumpannija “Greve” (NL) imsemmija fin-notifika rċeviet it-tuffieħ mingħand il-kumpannija “Bosch” stabbilita f’Alkmaar (NL) li, min-naħa tagħha rċevietu mill-kumpannija msemmija hawn isfel: fornitur fi Franza : kumpannija “Malagutti” fi Cavaillon (FR), tel. +33-4900-66767; faks: +33-490066768. Il-kumpannija “Greve” irċeviet il-kunsinna fl-20 ta’ Awwissu 2001, u ma fadal ebda stokk. Id-distribuzzjoni għadha qed tiġi investigata. Mhuwiex magħruf kif l-isem “Viens” ġie involut].

13      Fis-17 u t-18 ta’ Settembru 2001, żewġ aġenziji Britanniċi (il-“Pesticides Safety Directorate” u l-“Fresh Produce Consortium”) ħarġu messaġġi li fihom ġie indikat il-periklu marbut mal-preżenza tad-dicofol fit-tuffieħ esportat mir-rikorrenti. Dawn il-messaġġi ntbagħtu lill-atturi prinċipali fid-distribuzzjoni Britannika bl-indikazzjoni espressa li l-prodotti tar-rikorrenti ma kellhomx jiġu importati jew ikkummerċjalizzati.

14      Wara dan, ir-rikorrenti ġiet affaċċjata b’interruzzjoni ta’ kwalunkwe kummerċ mar-Renju Unit. B’hekk żewġ kunsinni ta’ tuffieħ li kienu diġà telqu ntbagħtu lura Franza u r-rikorrenti kellha tħallas l-ispejjeż tat-trasport bir-ritorn u l-ispejjeż tal-ħażna fir-Renju Unit. Il-bejgħ ta’ kunsinna oħra ġie annullat. Dawn il-kunsinni kollha nbigħu bi prezz irħas minn dak applikat fir-Renju Unit.

15      Fid-19 ta’ Settembru 2001, l-awtoritajiet Franċiżi ħadu kampjuni mill-maħżen tar-rikorrenti fuq l-istess kategorija ta’ tuffieħ bħal dak irrifjutat fl-Iżlanda.

16      Fl-20 ta’ Settembru 2001, ir-rikorrenti bagħtet faks lill-Kummissjoni fejn iddikjarat li qatt ma kienet esportat tuffieħ lejn l-Iżlanda u talbet żmentiment formali min-naħa tal-Kummissjoni. Fil-25 ta’ Settembru 2001, wara li kkontestat ir-raġunijiet li fuqhom kienu bbażati l-messaġġi maħruġa, hija informat lill-Kummissjoni bid-danni subiti.

17      Fis-26 ta’ Ottubru 2001, l-awtoritajiet Franċiżi nnotifikaw ir-riżultat tal-analiżijiet li kienu għamlu fuq il-kampjuni tat-tuffieħ meħudin mir-rikorrenti fid-19 ta’ Settembru. Skont din in-notifika:

“Is-servizzi uffiċjali ta’ kontroll Franċiżi ħadu kampjuni mill-impriża kkonċernata […] Fil-ħames kampjuni analizzati, ma nstabitx il-preżenza ta’ dicofol.”

18      Fis-26 ta’ Settembru 2001 ukoll, il-Kummissjoni, wara li indikat li kienet irċevietu mill-punt ta’ kuntatt fi Franza, għarrfet it-test komplet ta’ din in-notifika lill-punti ta’ kuntatt tas-SKTR permezz ta’ informazzjoni addizzjonali (bir-refernza 2001/KL‑add02) li tgħid kif ġej:

“outcome of investigation in France – Analysis for the detection of pesticide residues performed in France at the establishment mentioned in notification 2001/KL‑add01 on 5 samples gave negative results (no detection of dicofol). The contact point in the Netherlands is kindly reminded to the request for submission of accompanying documents of the consignments involved” [eżitu tal-investigazzjoni fi Franza – L-analiżi magħmula fi Franza fl-istabbiliment imsemmi fin-notifika 2001/KL-add01 fir-rigward ta’ 5 kampjuni sabiex jinstabu residwi ta’ pestiċida tat riżultat negattiv (ma nstab ebda dicofol). Il-punt ta’ kuntatt fl-Olanda qed jiġi ġentilment imfakkar biex jibgħat id-dokumenti li ntbagħtu flimkien mal-kunsinni inkwistjoni].

19      Fid-29 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni rċeviet talba għall-kumpens għad-danni subiti mir-rikorrenti wara li ntbagħtu, fil-kuntest tas-SKTR, messaġġi dwar l-iskoperta ta’ dicofol li jaqbeż il-livell massimu fit-tuffieħ li hija kienet esportat.

20      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ April 2002, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba għal kumpens.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-10 ta’ Ġunju 2002, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

22      Wara li rat ir-rapport tal-imħallef relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (it-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

23      Fis-seduta tal-4 ta’ Novembru 2003, instemgħu it-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmulin mill-Qorti tal-Prim’Istanza. F’din l-okkażjoni, il-Kummissjoni ppreżentat dokument. Wara l-komunikazzjoni tal-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti fuq dan id-dokument, ingħalqet il-proċedura orali fl-1 ta’ Diċembru 2003.

24      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ EUR 704 998.74 bħala kumpens għad-danni subiti;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

25      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammisibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

26      Il-Kummissjoni, mingħajr ma tqajjem eċċezzjoni formali ta’ inammissibbiltà, tikkunsidra li r-rikors huwa inammissibbli.

27      Fil-fatt, il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istati Membri tal-informazzjoni li rċeviet skont l-Artikolu 8 tad-direttiva saret fil-kuntest ta’ kooperazzjoni interna mal-aġenziji nazzjonali inkarigati mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, jiġifieri s-SKTR. Tali kooperazzjoni ma tistax tagħti lok għar-responsabbiltà tal-Komunità lejn l-individwi, peress li t-twissija nħarġet, finalment, fuq l-inizjattiva u abbażi tal-analiżi tal-awtoritajiet nazzjonali biss.

28      Għaldaqstant, ir-rikorrenti jmissha adixxiet lill-qorti nazzjonali kompetenti. Fil-fatt, il-kwistjoni tal-kumpens għad-danni kkawżati lill-persuni privati mill-aġenziji nazzjonali, jew minħabba ksur tad-dritt Komunitarju, jew minħabba att jew ommissjoni kontra d-dritt nazzjonali, meta jkun qed jiġi applikat id-dritt Komunitarju, għandha tiġi evalwata mill-qrati nazzjonali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Granaria, 101/78, Ġabra p. 623). Ir-rikorrenti bl-ebda mod ma wriet li rikors għad-danni ppreżentat quddiem il-qrati nazzjonali ta’ xi wieħed mill-Istati Membri involuti ma kienx jippermettilha tikseb kumpens ġust għad-danni invokati.

29      F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-aġir kolpuż allegat mir-rikorrenti f’dan il-każ huwa dak tal-Kummissjoni u ma jistax jitqies bħala imputabbli lil aġenziji nazzjonali.

30      Fil-fatt, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha rwol fil-kuntest tas-SKTR: skont l-Artikolu 8(2) tad-direttiva u l-anness tagħha, hija kienet marbuta tivverifika li l-messaġġi kienu konformi mad-dispożizzjonijiet tad-direttiva u tevalwa r-realtà u n-natura immedjata u gravi tar-riskju inkwistjoni, qabel ma tibgħat dawn il-messaġġi lill-Istati Membri l-oħra. Dawn il-verifiki u l-evalwazzjonijeit kif ukoll il-konsegwenzi tat-twissija jaqgħu taħt ir-responsabbiltà esklużiva tal-Kummissjoni. Skont ir-rikorrenti, li kieku isimha ma kienx ġie reż pubbliku illegament mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-SKTR, l-aġenziji Britanniċi li sejħu għal bojkott ta’ dawn il-prodotti – li aġixxew abbażi tal-messaġġi ta’ twissija uffiċjali mxandra mill-Kummissjoni – ma kinux isejħu bojkott, ħaġa li kkawżatilha dannu kbir.

31      Ir-rikorrenti b’hekk indikat, b’mod rilevanti, ir-raġunijiet għalfejn l-aġir tal-Kummissjoni seta’ jkun ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali tagħha u seta’ jikkawżalha d-dannu subit (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 1986, COFAZ et vs Il-Kummissjoni, 169/84, Ġabra p. 391, punt 28). Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli, billi l-kwistjoni jekk l-aġir allegat kontra l-Kummissjoni huwiex verament illegali taqa’ taħt l-eżami tal-mertu.

 Fuq il-mertu

32      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità hija suġġetta għal diversi kundizzjonijiet li lkoll iridu jiġu sodisfatti, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat kontra l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat. Meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta, ir-rikors kollu għandu jiġi miċħud mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-kundizzjonijet l-oħra (ara, b’mod partikolari, sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 1995, Exporteurs in Levende Varkens et vs Il-Kummissjoni, T‑481/93 u T‑484/93, Ġabra p. II‑2941, punt 80, u tal-24 ta’ April 2002, EVO vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑220/96, Ġabra p. II-2265, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      F’dan il-każ, għandhom jiġu eżaminati qabel kollox l-argumenti differenti ppreżentati mir-rikorrenti sabiex turi l-illegalità tal-aġir allegat kontra l-Kummissjoni.

 L-argumenti tal-partijiet

34      Ir-rikorrenti ssostni li, fir-rigward tat-tuffieħ li hija esportat fl-2001, ir-regoli applikabbli fuq il-livell nazzjonali u Komunitarju kienu jiffissaw il-livell ta’ dicofol għal 1 mg/kg fiż-żmien meta dan it-tuffieħ ġie ttrattat, jiġifieri f’Jannar tal-2001. L-obbligu li l-livell ta’ dicofol jitnaqqas għal 0.02 mg/kg ġie stabbilit fir-rigward ta’ Franza mid-digriet tat-8 ta’ Frar 2001 ippubblikat fil-Journal officiel de la République française tat-3 ta’ April 2001. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Komunitarja li pprovdiet għat-tnaqqis fil-livell ta’ dicofol għal 0.02 mg/kg daħlet fis-seħħ biss fl-1 ta’ Lulju 2001. L-obbligu ta’ tnaqqis b’hekk inħoloq wara li t-tuffieħ inkwistjoni kien tqiegħed fis-suq.

35      Ir-rikorrenti ssostni li l-aġir tal-Kummissjoni huwa illegali, peress li l-obbligu legali li tiġi kkonsultata qabel ma jinħarġu t-twissijiet inkwistjoni, skont l-Artikolu 7(2) tad-direttiva, ma ġiex irrispettat. Skont ir-rikorrenti, m’hemmx dubju li l-aġenziji Britanniċi aġixxew abbażi tal-messaġġi ta’ twissija maħruġin mill-Kummissjoni, li mingħajrhom qatt ma kienu jsejħu għal bojkott tal-prodotti tagħha.

36      Ir-rikorrenti żżid li n-nuqqas ta’ konsultazzjoni jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża u li l-iżvelar ta’ isimha u tad-dettalji tagħha jmur kontra l-prinċipju tal-kunfidenzjalità.

37      Barra minn hekk, il-Kummissjoni jmissha vverifikat jekk il-miżuri adottati mill-awtoritajiet Iżlandiżi kinux konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dawn il-miżuri kienu mill-iktar restrittivi possibbli, peress li l-merkanzija ġiet irtirata mis-suq u rrifjutata.

38      Ir-rikorrenti tenfasizza n-nuqqas ta’ provi dwar l-oriġini tal-prodotti kkontrollati. Il-messaġġ maħruġ mill-Iżlanda jirrigwarda tuffieħ esportat minn kumpannija Franċiża oħra, jiġifieri J. P. Viens SA. Ir-rikorrenti biegħet it-tuffieħ tagħha lil kumpannija Olandiża. B’hekk, ma ġiex stabbilit li t-tuffieħ ikkontrollat fl-Iżlanda kien joriġina minnha.

39      Ir-rikorrenti tafferma li l-messaġġ maħruġ mill-awtoritajiet Iżlandiżi ma jsemmix l-eżistenza ta’ riskju gravi u immedjat, iżda biss tal-fatt li kien inqabeż il-livell massimu ta’ dicofol ta’ lott ta’ tuffieħ ikkontrollat. Effettivament, ma kien jeżisti ebda riskju gravi u immedjat f’dan il-każ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma bdietx il-proċedura korretta f’każ ta’ riskju gravi u immedjat.

40      Skont ir-rikorrenti, verifika ta’ malajr kienet tippermetti li jiġi kkonstatat li l-analiżijiet magħmula sabu livell ta’ dicofol li kien konformi mar-regoli applikabbli meta ġie ttrattat it-tuffieħ u li l-konsumaturi ma kienu esposti għal ebda periklu. L-analiżijiet magħmula f’Settembru u f’Ottubru tal-2001 minn laboratorji Franċiżi wrew li t-tuffieħ intiż għas-suq Ingliż kien konformi għal kollox mar-regoli Komunitarji. Filwaqt li tammetti li dawn l-analiżijiet saru fuq lottijiet differenti minn dawk li kienu s-suġġet tal-azzjoni meħuda mill-awtoritajiet Iżlandiċi, ir-rikorrenti ssostni li r-riżultati negattivi tagħhom jikkostitwixxu preżunzjoni li l-prodotti li tikkummerċjalizza huma konformi mad-dispożizzjonijiet legali.

41      Il-Kummissjoni tosserva li s-SKTR tobbligaha xxandar kull messaġġ li jindika problemi u riskji fir-rigward tal-prodotti tal-ikel li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ sigurtà tal-ikel. Wara li ġiet informata mill-punt ta’ kuntatt Iżlandiż dwar l-iskoperta ta’ residwi ta’ dicofol li kienu jaqbżu l-livell massimu f’tuffieħ minn Franza, hija b’hekk kienet marbuta xxandar il-messaġġ ta’ twissija Iżlandiż. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, prodott li jkun fih livell ta’ dicofol ogħla minn dak awtorizzat mil-leġiżlazzjoni Komunitarja mhuwiex prodott mhux perikoluż.

42      Għaldaqstant, l-ebda waħda mill-kontestazzjonijiet tar-rikorrenti kontriha ma hija fondata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

43      Għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li d-direttiva stabbiliet żewġ proċeduri differenti għall-kontroll tas-sigurtà tal-prodotti u għall-adozzjoni ta’ miżuri xierqa f’każ li jiġi skopert prodott perikoluż.

44      L-ewwel proċedura, stabbilita mill-Artikoli 6 u 7 tad-direttiva, tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jissuġġettaw it-tqegħid fis-suq ta’ prodott għal kundizzjonijiet preventivi sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-prodott, jiġi pprojbit it-tqegħid fis-suq meta jirriżulta li l-prodott inkwistjoni jkun perikoluż u jiġi organizzat l-irtirar ta’ prodott perikoluż li jkun diġà tqiegħed fis-suq [l-Artikolu 6(1)(d), (g) u (h)]. Meta l-awtoritajiet nazzjonali jadottaw waħda mill-miżuri previsti fl-Artikolu 6(1) huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b’dan. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati fl-iqsar żmien possibbli, tivverifika jekk il-miżura adottata hijiex iġġustifikata jew le u tinforma lill-awtoritajiet nazzjonali immedjatament b’dan (l-Artikolu 7).

45      It-tieni proċedura, stabbilita mill-Artikolu 8 tad-direttiva u mill-anness tagħha, tikkonċerna sitwazzjonijiet ta’ urġenza fuq il-livell Komunitarju: meta l-awtoritajiet nazzjonali jadottaw, jew ikunu biħsiebhom jadottaw, miżuri urġenti sabiex jipprevjenu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott minħabba riskju gravi u immedjat li dan il-prodott joħloq għas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi, huma għandhom mill-ewwel jinformaw lill-Kummissoni b’dan. Malli tirċievi din l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tivverifika li din tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tad-direttiva u tibgħatha lill-awtoritajiet nazzjonali l-oħra li, min-naħa tagħhom, għandhom jikkomunikaw il-miżuri li jkunu ħadu immedjatament lill-Kummissjoni (l-Artikolu 8). Id-dettalji ta’ din is-sistema ta’ twissija rapida (SKTR) huma rregolati mill-anness tad-direttiva.

46      B’hekk, l-awtoritajiet nazzjonali, malli jkunu skoprew l-eżistenza ta’ riskju gravi u immedjat, li l-effetti tiegħu jestendu jew jistgħu jestendu lil hinn mit-territorju tagħhom, għandhom jinformaw lil-Kummissjoni immedjatament b’dan, wara li jkun ġie kkonsultat, jekk ikun possibbli, il-produttur jew id-distributur tal-prodott ikkonċernat. Din il-komunikazzjoni għandha tinkludi, b’mod partikolari, l-informazzjoni li tippermetti li jiġi identifikat il-prodott u d-diversi fornituri involuti meta tali informazzjoni tkun possibbli, u huwa enfasizzat li t-trażmissjoni malajr tal-informazzjoni għandha importanza kruċjali fis-sistema (punti 3 u 4 tal-anness). Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni, wara li tkun ivverifikat il-konformità tal-informazzjoni li tkun irċeviet mal-Artikolu 8 tad-direttiva, għandha tikkuntattja l-pajjiż li jkun innotifikaha, jekk ikun neċessarju, u mbagħad għandha tibgħat din l-informazzjoni b’urġenza permezz ta’ teleks jew faks lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra (punt 7 tal-anness).

47      F’dan il-każ, huwa ċar mill-formola użata mill-awtoritajiet Iżlandiżi li huwa fil-kuntest tas-SKTR li dawn l-awtoritajiet ikkuntattjaw lill-Kummissjoni u mhux sabiex jistaqsuha jekk l-irtirar u r-rifjut tat-tuffieħ importat minn Franza, via l-Olanda, kinux iġġustifikati skont l-Artikoli 6 u 7 tad-direttiva. Peress li dan it-tuffieħ kien fih livell ta’ dicofol 40 darba ogħla mil-livell massimu permess u li d-distribuzzjoni tat-tuffieħ kienet taffettwa tliet pajjiżi differenti, jiġifieri Franza, l-Olanda u l-Iżlanda, l-awtoritajiet Iżlandiżi kienu kjarament tal-fehma li l-Kummissjoni kellha tiġi informata bir-riskju li tuffieħ ieħor li kien fih l-istess livell ta’ dicofol kien tqiegħed fis-suq f’pajjiżi oħrajn. Fuq din l-informazzjoni, il-Kummissjoni wkoll irreaġixxiet strettament fil-limiti tas-SKTR, billi bagħtet il-messaġġ ta’ twissija Iżlandiż kif ukoll il-messaġġi sussegwenti lill-punti ta’ kuntatt kollha tas-SKTR.

48      Konsegwentement, dan ir-rikors għad-danni jista’ jikkonċerna biss ir-responsabbiltà li l-Kummissjoni għandha tassumi fil-kuntest tas-SKTR. Min-naħa l-oħra, ma jistax validament ikun intiż biex jinkiseb kumpens għad-danni kkawżati minħabba l-fatt li, fl-4 ta’ Settembru 2001, l-awtoritajiet Iżlandiżi rtiraw it-tuffieħ inkwistjoni mis-suq u rrifjutawh.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’din id-data, l-isem tar-rikorrenti ma kienx għadu ssemma’ u din ma kinitx għadha ġiet identifikata bħala l-esportatriċi probabbli tat-tuffieħ inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġiet informata biss sussegwentement bil-miżuri li ttieħdu mill-awtoritajiet Iżlandiżi, b’mod li f’ebda każ ma tista’ tinżamm responsabbli f’dan ir-rigward. Minn dan isegwi li d-destin ta’ dan it-tuffieħ fl-Iżlanda huwa irrilevanti għall-eżitu ta’ din il-kawża u li l-ilment ibbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi respint.

50      Fir-rigward tas-SKTR, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li xejn ma jipprova li t-tuffieħ li l-awtoritajiet Iżlandiżi oġġezzjonaw għalih ġie esportat minnha. Hija ssostni li, li kieku l-Kummissjoni rrispettat l-obbligu tagħha li tivverifika l-oriġini ta’ dan it-tuffieħ qabel ma tat it-twissija rapida, hija kienet tikkonstata li din ma kinitx involuta. Hija takkuża lill-Kummissjoni, barra minn hekk, li ma eżaminatx jekk it-tuffieħ inkwistjoni kienx verament joħloq riskju gravi u immedjat għas-saħħa, peress li s-sempliċi fatt li nqabeż il-livell massimu ta’ dicofol ma kienx biżżejjed f’dan ir-rigward. Hija żżid li, fi kwalunkwe każ, hekk kif jirriżulta mill-analiżijiet magħmulin fi Franza f’Settembru u Ottubru tal-2001, verifika ta’ malajr kienet tippermetti li jiġi kkonstatat li t-tuffieħ esportat minnha ma kienx jeċċedi dan il-livell massimu.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li taħt is-SKTR, huma biss l-awtoritajiet nazzjonali, u mhux il-Kummissjoni, li huma responsabbli sabiex jistabbilixxu jekk jeżistix riskju gravi u immedjat għas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi, billi tipprovdi li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom, minn naħa, “jiġġudikaw kull każ individwali skont il-karatteristiċi partikolari tiegħu” peress li “huwa impossibbli li jiġu stabbiliti kriterji speċifiċi li jindikaw bi preċiżjoni dak li jikkostitwixxi riskju gravi u immedjat” u, min-naħa l-oħra, “jimpenjaw ruħhom sabiex jiksbu l-aktar informazzjoni possibbli fuq il-prodotti u n-natura tal-periklu billi jirrikonċiljaw dan l-għan mal-ħtieġa ta’ ħeffa” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punti 2 u 3 tal-anness tad-direttiva). Barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom, wara li jkunu skoprew l-eżistenza ta’ riskju gravi u immedjat, li l-effetti tiegħu jestendu jew jistgħu jestendu lil hinn mit-territorju tagħhom, jinformaw lill-Kummissjoni immedjatament b’dan u jagħtuha informazzjoni li tippermettilha tidentifika l-prodott u d-diversi fornituri involuti (punt 4 tal-anness tad-direttiva).

52      Għalkemm il-punt 7 tal-anness tad-direttiva jobbliga lill-Kummissjoni tivverifika “l-konformità tal-informazzjoni li tkun irċeviet mal-Artikolu 8 tad- […] direttiva” [traduzzjoni mhux uffiċjali], dan il-kompitu huwa limitat għal verifika tal-kwistjoni jekk din l-informazzjoni tistax, bħala tali, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, filwaqt li l-eżattezza tal-konstatazzjonijiet u l-analiżijiet li jkunu wasslu lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jibagħtu din l-informazzjoni ma tiġix ivverifikata. Fil-fatt, hekk kif għadu kif ingħad, huma biss l-awtoritajiet nazzjonali li huma responsabbli għal dawn il-konstatazzjonijiet u analiżijiet. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni la kellha l-obbligu tivverifika, qabel ma bagħtet il-messaġġ tagħha tal-14 ta’ Settembru 2001, jekk it-tuffieħ li l-Iżlanda oġġezzjonat għalih kienx effettivament dak esportat mir-rikorrenti u lanqas ma kienet kompetenti tagħmel dan.

53      Fir-rigward tal-prevenzjoni tar-riskji għas-saħħa tal-konsumaturi, kien biżżejjed li hija jkollha evidenza plawżibbli li tindika rabta bejn ir-rikorrenti u t-tuffieħ li l-Iżlanda oġġezzjonat għalih. L-informazzjoni miġbura u kkomunikata mill-awtoritajiet Iżlandiżi semmiet tuffieħ ġej minn Franza importat via l-Olanda, u, b’mod partikolari, l-isem tal-kumpannija Olandiża Greevecetrus. L-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Olandiżi żiedet dettalji dwar il-kumpanniji involuti fil-proċess ta’ kummerċjalizzazzjoni, u semmiet il-kumpanniji “Greve” (l-Olanda), “Bosch” stabbilita f’Alkmaar (l-Olanda) u r-rikorrenti. Hekk kif jirriżulta mill-fatturi ta’ Awwissu tal-2001 ippreżentati mir-rikorrenti stess, din tal-aħħar esportat tuffieħ ġej minn Franza lill-kumpannija Olandiża van den Bosch f’Alkmaar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jingħad li l-Kummissjoni xandret, permezz tal-messaġġ tagħha tal-14 ta’ Settembru 2001, li rriproduċa l-informazzjoni tal-awtoritajiet Olandiżi, informazzjoni li ma kinitx plawżibbli.

54      Sa fejn jistgħu jibqgħu xi inċertezzi f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni li jipprevali fi kwistjonijiet ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika, l-awtorità kompetenti tista’ tkun obbligata tieħu miżuri xierqa sabiex tipprevjeni ċerti riskji potenzjali għas-saħħa pubblika, u dan mingħajr ma tistenna li r-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jintwerew b’mod sħiħ (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, T‑13/99, Ġabra p. II‑3305, punt 139, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-21 ta’ Ottubru 2003, Solvay Pharmaceuticals vs Il-Kunsill, T‑392/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 121 u 122). Li kieku l-awtoritajiet kellhom jistennew l-eżitu tar-riċerki kollha meħtieġa qabel l-adozzjoni ta’ tali miżuri, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jiġi pprivat mill-effettività tiegħu (sentenza Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 142, 386 u 387). Dan ir-raġunament japplika wkoll għal proċedura ta’ informazzjoni rapida bħal dik stabbilita mid-direttiva. Ir-rikorrenti, vittma ta’ din is-sistema ta’ twissija stabbilita sabiex tiġi mħarsa s-saħħa pubblika, għandha taċċetta l-konsegwenzi ekonomiċi negattivi tagħha, peress li l-ħarsien tas-saħħa pubblika għandu jieħu preċedenza fuq il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi (sentenza Solvay Pharmaceuticals vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 121, u sentenza Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 456).

55      Għalkemm ir-rikorrenti ssostni, f’dan il-kuntest, li s-sempliċi fatt li jinqabeż il-livell massimu ta’ dicofol ta’ 0.02 mg/kg mhux neċessarjament jikkostitwixxi riskju gravi u immedjat għas-saħħa tal-bniedem, speċjalment billi livell ta’ 1 mg/kg kien aċċettat qabel, biżżejjed jiġi mfakkar, minn naħa, li l-Kummissjoni mhijiex kompetenti sabiex tikkontesta, fil-kuntest tas-SKTR, il-konstatazzjonijiet u l-analiżijiet li wasslu lill-awtoritajiet nazzjonali jiddeċiedu li jeżisti riskju gravi u immedjat li jeħtieġ li tintuża din is-sistema u, min-naħa l-oħra, li huwa paċifiku li t-tuffieħ inkwistjoni kien fih 0.8 mg/kg ta’ dicofol, filwaqt li l-livell massimu kien iffissat għal 0.02 mg/kg. Ir-rikorrenti – li ma kkontestatx, taħt l-Artikolu 241 KE, il-legalità tal-leġiżlazzjoni li tiffissa dan il-livell massimu – b’ebda mod ma wriet li l-konsum ta’ tuffieħ li jkun fih 40 darba iktar dicofol mil-limitu massimu permess m’għandu ebda effett noċiv għas-saħħa tal-konsumaturi, meta l-progressi xjentifiċi f’dan ir-rigward urew li l-livell massimu preċedenti kellu jiġi ssostitwit b’dak ta’ 0.02 mg/kg.

56      Fir-rigward tal-ilmenti bbażati fuq ksur tal-Artikolu 7(2) tad-direttiva u tad-drittijiet tad-difiża, billi l-Kummissjoni ma kkonsultatx lir-rikorrenti qabel ma xandret isimha u d-dettalji tagħha fil-kuntest tas-SKTR, għandu jiġi rrilevat li din is-sistema ma timponix fuq il-Kummissjoni l-obbligu li twettaq din il-konsultazzjoni sistematikament, peress li l-Artikolu 7(2) tad-direttiva ma jirregolax il-proċeduri ta’ twissija rapida stabbiliti mid-direttiva sabiex tiġi mħarsa s-saħħa tal-konsumaturi. Barra minn hekk, ikun diffiċli li dan l-għan ta’ protezzjoni rapida jinkiseb jekk il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod regolari l-osservazzjonijiet u l-oġġezzjonijiet tal-impriża kkonċernata qabel ma tikkomunika informazzjoni koperta mid-direttiva lill-punti ta’ kuntatt tas-SKTR.

57      In-nuqqas li r-rikorrenti tiġi kkonsultata mill-Kummissjoni lanqas ma jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Fil-fatt, għalkemm dan il-prinċipju jobbliga lill-Kummissjoi tisma’ lill-parti kkonċernata qabel ma tadotta miżura li tikkawżalha preġudizzju (ara, pereżempju, sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Mejju 2003, Josanne et vs Il-Kummissjoni, T‑82/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 77, u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, f’dan il-każ, ma adottat ebda miżura indirizzata direttament kontra r-rikorrenti u li kkawżatilha preġudizzju. Hija sempliċiment xandret informazzjoni, jiġifieri dik li kienet irċeviet mingħand il-punt ta’ kuntatt Olandiż fl-14 ta’ Settembru 2001, li kienet intiża biex tippermetti, b’mod konformi mal-punt 4 tal-anness tad-direttiva, l-identifikazzjoni tat-tuffieħ inkwistjoni u tad-diversi fornituri involuti.

58      Huwa minnu li l-anness tad-direttiva jipprovdi, fil-punti 7 u 8 tiegħu, li l-Kummissjoni “tista’”, minn naħa, tikkuntattja lill-awtorità tal-pajjiż li huwa preżunt li huwa l-pajjiż ta’ oriġini ta’ prodott sabiex tagħmel il-verifiki rilevanti u, min-naħa l-oħra, tibda – “f’ċirkustanzi eċċezzjoniali” u “meta tikkunsidra li dan huwa neċessarju” – investigazzjoni fuq l-inizjattiva tagħha stess. Ma jidhirx li huwa eskluż li l-Kummissjoni tista’ tasal, f’tali sitwazzjoni, sabiex tikkonsulta lill-impriża kkonċernata mix-xandir ta’ twissija rapida. Madankollu, ir-rikorrenti ma rnexxilhiex turi li l-Kummissjoni wettqet żball, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, meta ma kkonsultathiex.

59      L-uniku argument ippreżentat f’dan il-kuntest huwa fis-sens li l-livell ta’ dicofol fit-tuffieħ esportat mir-rikorrenti fl-2001 lejn l-Olanda ma kienx jaqbeż, fi żmien it-trattament tat-tuffieħ f’Jannar tal-2001, il-livell massimu ta’ 1 mg/kg permess dak iż-żmien fi Franza. B’hekk, jidher li r-rikorrenti taħseb li l-Kummissjoni jmissha ħadet inkunsiderazzjoni l-interessi kummerċjali tagħha billi tikkonsultaha, u dan fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika li tirriżulta mit-tibdil tas-sistema relattiva għal-livell massimu ta’ dicofol li seħħ f’Lulju tal-2001 meta t-tuffieħ minn Franza kien fi trieqtu lejn il-pajjiż ta’ esportazzjoni.

60      Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

61      Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti ma tat ebda dettalji dwar id-dati tal-esportazzjonijiet tagħha, u l-uniċi indikazzjonijiet f’dan ir-rigward jinsabu fil-fatturi tax-xahar ta’ Awissu 2001 li jsemmu l-kunsinni lill-kumpannija van den Bosch f’Alkmaar (l-Olanda). Dawn l-indikazzjonijiet ma jurux li t-tuffieħ ittrattat f’Jannar tal-2001 kien neċessarjament telaq minn Franza u wasal fil-pajjiż ta’ destinazzjoni qabel ix-xahar ta’ Lulju 2001. Huwa daqstant probabbli li dan it-tuffieħ ġie esportat biss fix-xahar ta’ Awwissu 2001.

62      Min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-iffissar tal-livell massimu ta’ dicofol fil-frott u l-ħxejjex hija kkostitwita minn sensiela ta’ direttivi tal-Kunsill indirizzati lill-Istati Membri sabiex jiġu implementati. Franza introduċiet il-livell massimu ta’ 0.02 mg/kg permezz tad-digriet tat-8 ta’ Frar 2001 li jemenda d-digriet tal-5 ta’ Awwissu 1992 dwar il-livelli massimi ta’ residwi ta’ pestiċidi permissibbli fuq u f’ċerti prodotti ta’ oriġini veġetali (JORF tat-3 ta’ April 2001, p. 5200). Kif jirriżulta mill-preambolu tal-imsemmi digriet, din il-miżura ttieħdet sabiex tiġi trasposta, b’mod partikolari, id-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/42/KE, tat-22 ta’ Ġunju 2000, li temenda l-Annessi tad-Direttivi tal-Kunsill 86/362/KEE, 86/363/KEE u 90/642/KEE dwar l-iffissar ta’ livelli massimi għar-residwi tal-pestiċidi fuq jew fiċ-ċereali, oġġetti [prodotti] tal-ikel li ġejjin mill-annimali u ċerti prodotti li ġejjin mill-pjanti, inkluż il-frott u l-ħxejjex rispettivament (ĠU L 158, p. 51), li, skont l-Artikolu 4 tagħha, kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri sa mhux aktar tard mit-28 ta’ Frar 2001 u l-miżuri trasposti kellhom ikunu applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2001. Din id-Direttiva ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tat-30 ta’ Ġunju 2000. Konsegwentement, kull operatur ekonomiku prudenti u informat kellu jorganizza, minn din l-aħħar imsemmija data, l-attività kummerċjali tiegħu b’mod li t-tuffieħ intiż għall-esportazzjoni u li seta’ jitqiegħed fis-suq wara Ġunju tal-2001 jirrispetta l-livell massimu l-ġdid ta’ dicofol. Għaldaqstant ir-rikorrenti, li ma kkontestat, taħt l-Artikolu 241 KE, la l-legalità tal-leġiżlazzjoni li tiffissa l-livell massimu ta’ 0.02 mg/kg u lanqas dik tad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni – ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni talli xandret il-messaġġ Olandiż fil-kuntest tas-SKTR, mingħajr ma kkonsultatha qabel.

63      Fi kwalunkwe każ, anki li kieku r-rikorrenti ġiet ikkonsultata qabel, dan ma setax raġonevolment iwaqqaf lill-Kummissjoni milli xxandar dan il-messaġġ li kien jinkludi l-isem u d-dettalji tagħha. Fil-fatt, l-uniku mezz effettiv li bih ir-rikorrenti setgħet tipproteġi lilha nfisha mill-effetti negattivi tas-SKTR kien ikun li, taħt is-superviżjoni ta’ persuna jew istituzzjoni indipendenti, tieħu kampjun tal-lott ta’ tuffieħ intiż għall-esportazzjoni lejn l-Olanda u tikseb analiżi ċċertifikata uffiċjalment tal-livell ta’ dicofol ta’ dan il-kampjun. Kienet tkun biss il-preżentazzjoni immedjata ta’ tali analiżi ċċertifikata matul il-konsultazzjoni li setgħet tevita li isimha jiġi mxandar fil-kuntest tas-SKTR. Ir-rikorrenti la affermat u lanqas stabbiliet li kienet ikkummisjonat analiżi, in tempore non suspecto, tat-tuffieħ inkwistjoni bil-mod li għadu kif ġie deskritt.

64      Għal dak li jirrigwarda l-analiżijiet li saru fi Franza f’Settembru tal-2001 li wrew li t-tuffieħ esportat mir-rikorrenti kien konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, biżżejjed jiġi mfakkar li dawn l-analiżijiet ma kinux jirrigwardaw il-lott ta’ tuffieħ li l-Iżlanda oġġezzjonat għalih. Għaldaqstant, dawn ma kinux ta’ tali natura li jippruvaw li l-analiżijiet Iżlandiżi kienu żbaljati. Huma jippermettu biss li jiġi stabbilit li t-tuffieħ li ġie analizzat f’Settembru tal-2001 kien konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli.

65      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tinżamm responsabbli għall-fatt li l-lott ta’ tuffieħ analizzat fl-Iżlanda milli jidher sparixxa wara li ġie rtirat mis-suq u li għalhekk m’għadux possibbli li tiġi vverifikata l-eżattezza tal-analiżijiet Iżlandiżi jew l-identifikazzjoni preċiża tat-tuffieħ bħala dak li ġie esportat mir-rikorrenti lejn l-Olanda. Hekk kif ġie espost iktar ’il fuq, ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni fil-kuntest tas-SKTR hija limitata għat-tixrid tal-informazzjoni bħala tali.

66      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma tistax takkuża lill-Kummissjoni li kisret obbligu ta’ kunfidenzjalità meta xandret isimha u d-dettalji tagħha. Fil-fatt, l-anness tad-direttiva jgħid espressament, fil-punt 6, li l-ħtieġa li jittieħdu miżuri effettivi sabiex jiġu mħarsa l-konsumaturi għandha normalment tipprevali fuq kunsiderazzjonijiet ta’ kunfidenzjalità. Peress li l-messaġġ ta’ twissija tal-awtoritajiet Iżlandiżi semma’ l-preżenza ta’ dicofol fit-“tuffieħ minn Franza via l-Olanda”, kemm l-awtoritajiet kompetenti kif ukoll l-operaturi ekonomiċi kkonċernati kellhom kull interess li ċ-ċirku ta’ impriżi involuti jkun limitat kemm jista’ jkun, u fin-nuqqas, ma kienx eskluż li t-tuffieħ ta’ oriġini Franċiża kollu jiġi bbojkottjat. Hekk kif ġie espost iktar ’il fuq, il-fatt li r-rikorrenti ssemmiet b’isimha f’dan il-kuntest kellu jiġi kkunsidrat, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, bħala informazzjoni kemm plawżibbli kif ukoll neċessarja sabiex tiġi mħarsa s-saħħa pubblika.

67      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilietx li l-Kummissjoni wettqat żball ta’ tali natura li jagħti lok għar-responsabbiltà tagħha. Konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu għandu jiġi miċħud, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ rabta kawżali u r-realtà tad-dannu allegat.

 Fuq l-ispejjeż

68      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata għall-ispejjeż.

Forwood

Pirrung

Meij

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Marzu 2004.

H. Jung

 

      J. Pirrung

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.