Language of document :

Appell ippreżentat fl-4 ta’ Jannar 2024 minn BNP Paribas Public Sector SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fil-25 ta’ Ottubru 2023 fil-Kawża T-688/21, BNP Paribas Public Sector vs SRB

(Kawża C-4/24 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: BNP Paribas Public Sector SA (rappreżentanti: A. Champsaur, A. Delors, avocates)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, Ir-Repubblika Franċiża, Fédération bancaire française.

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2023, BNP Paribas Public Sector vs SRB (T-688/21);

tilqa’ t-talbiet ippreżentati minn BNP Paribas Public Sector fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali, dwar l-impenji ta’ pagament irrevokabbli li hija kienet issottoskriviet mas-SRB għall-perijodi ta’ kontribuzzjoni ta’ bejn l-2016 u l-2021;

tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż kollha.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali hija kkritikata li wettqet diversi żbalji ta’ liġi.

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi inkwantu hija interpretat l-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/81 1 b’mod mhux konformi mal-prinċipji ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 70(1) tar-Regolament (UE) Nru°806/2014, l-Artikolu 7(2) u (3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

It-tielet nett, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, sa fejn huwa bbażat fuq l-Artikoli 69(1) u 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014 1 huwa nieqes minn bażi legali.

Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat u ċaħdet minn effett utli lill-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 u interpretat b’mod żbaljat ukoll l-Artikolu 7(2) ta’ dan l-istess regolament.

Il-ħames nett, sussidjarjament, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi inkwantu tat prijorità lill-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014 u lill-Artikolu 7(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 dwar id-dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-impenji ta’ pagament irrevokabbli previsti mill-Artikolu 7(2) u (3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81.

Fit-tieni lok, is-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni u kontradizzjoni ta’ motivi.

____________

1     Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81 tad-19 ta’ Diċembru 2014 li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 15, p. 1).

1     Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).