Language of document :

Appell ippreżentat fl-10 ta’ Jannar 2024 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) fil-25 ta’ Ottubru 2023 fil-Kawża T-136/19, Bulgarian Energy Holding EAD et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-14/24 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Meessen, J. Szczodrowski, B. Cullen u C. Georgieva, bħala aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Bulgarian Energy Holding EAD (BEH), Bulgartransgaz EAD, Bulgargaz EAD, Ir-Repubblika tal-Bulgarija, Overgas Inc.

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tirrinvija l-proċeduri lill-Qorti Ġenerali għal kunsiderazzjoni mill-ġdid; u

tordna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza (Bulgarian Energy Holding EAD, Bulgartransgaz EAD, Bulgargaz EAD) iħallsu l-ispejjeż tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tibbaża ruħha fuq għaxar aggravji.

Il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi meta bbażat ruħha fuq ġurisprudenza dwar kompetizzjoni potenzjali fil-kuntest speċifiku tal-evalwazzjoni (taħt l-Artikolu 101 TFUE) ta’ ftehimiet ta’ ħlas għal dewmien fis-settur tal-farmaċewtika sabiex tifformula rekwiżiti addizzjonali ta’ prova li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom jissodisfaw sabiex juru li l-prevenzjoni tal-aċċess għal faċilità essenzjali tista’, f’każ partikolari, tiġġenera effetti antikompetittivi mhux purament ipotetiċi. (L-ewwel aggravju)

Il-Qorti Ġenerali wettqet distorsjoni tal-provi u fatti u wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni legali. (It-tieni, it-tielet, ir-raba’, is-seba’ u t-tmien aggravju)

Il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi meta laqgħet l-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-offerta lil Overgas ta’ perijodu inizjali ta’ tliet xhur tal-kuntratt ta’ aċċess għal pipeline tal-2013 kienet insuffiċjenti. (Il-ħames aggravju)

Il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi meta ddeċidiet fil-punt 689 li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet sal-livell legali meħtieġ li l-aġir allegat kontra Bulgargaz dwar l-aċċess tal-pipeline kien jikkostitwixxi rifjut ta’ aċċess li jista’ jaqa’ taħt l-Artikolu 102 TFUE. (Is-sitt aggravju)

Il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi meta bbażat ruħha fuq is-sentenza Frucona 1 , sabiex iddeċidiet li, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija antikompetittiva ta’ BEH u l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, hija ma setgħetx tilqa’ l-konstatazzjoni ta’ abbuż fir-rigward tar-rifjut ta’ aċċess għall-faċilità ta’ ħażna UGS Chiren wara Ġunju 2012. (Id-disa’ aggravju)

Il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi billi naqset milli tikkumpara l-informazzjoni diġà aċċessibbli għar-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva mal-elementi allegatament “mhux żvelati” lilhom. Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll distorsjoni tal-provi sa fejn ikkonstatat li l-informazzjoni preċedentement “mhux żvelata” kellha sinifikat li ma għandux jiġi injorat, u kisret ir-Regoli tal-Proċedura tagħha stess billi ma osservatx il-prinċipju tal-kontradittorju u ma offrietx lill-Kummissjoni opportunità sabiex tagħmel osservazzjonijiet fuq is-sottomissjoni tar-rikorrenti. (Il-ħames aggravju)

____________

1 Sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni (C-73/11 P, EU:C:2013:32), punt 89.