Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Timişoara (ir-Rumanija) fis-26 ta’ Jannar 2021 – T.A.C. vs ANI

(Kawża C-40/21)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Timişoara

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: T.A.C.

Konvenut: ANI

Domandi preliminari

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità ta’ pieni, li jinsab fl-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll għal fatti oħra barra minn dawk iddefiniti formalment mid-dritt nazzjonali bħala reati, iżda li jistgħu jitqiesu bħala “akkużi kriminali”, fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, fid-dawl tal-kriterji żviluppati mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, partikolarment dak dwar il-gravità tas-sanzjoni, bħal fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kunflitti ta’ interess, li jistgħu jagħtu lok għall-applikazzjoni tas-sanzjoni komplementari li tikkonsisti fil-projbizzjoni li wieħed jokkupa kariga pubblika elettiva għal perijodu ta’ tliet snin?

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, il-prinċipju ta’ proporzjonalità ta’ pieni, li jinsab fl-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess ta’ persuna li tokkupa kariga pubblika elettiva awtomatikament timponi, bis-saħħa tal-liġi (ope legis), sanzjoni komplementari li tikkonsisti fil-projbizzjoni li wieħed jokkupa kariga pubblika elettiva esklużivament għal perijodu stabbilit minn qabel ta’ tliet snin, mingħajr il-possibbiltà li tiġi imposta sanzjoni proporzjonali għall-ksur imwettaq?

Id-dritt għax-xogħol, iggarantit fl-Artikolu 15(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess ta’ persuna li tokkupa kariga pubblika elettiva awtomatikament timponi, bis-saħħa tal-liġi (ope legis), sanzjoni komplementari li tikkonsisti fil-projbizzjoni li wieħed jokkupa kariga pubblika elettiva esklużivament għal perijodu stabbilit minn qabel ta’ tliet snin, mingħajr il-possibbiltà li tiġi imposta sanzjoni proporzjonali għall-ksur imwettaq?

____________