Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' Mejju 2010 - Vuitton Malletier vs UASI - Friis Group International (Rappreżentazzjoni ta' mekkaniżmu ta' sokra)

(Kawża T-237/10)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Louis Vuitton Malletier SA (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: P. Roncaglia, G. Lazzeretti, M. Boletto u E. Gavuzzi, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Friis Group International ApS (Kopenħagen, id-Danimarka)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tal-24 ta' Frar 2010, fil-Każ R 1590/2008-1, sa fejn iddikjarat l-invalidità tat-trade mark Komunitarja Nru 3693116 għall-prodotti fil-klassijiet 9, 14 u 18;

tordna lill-konvenut iħallas l-ispejjeż tal-proċeduri; u

tordna lill-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti, inklużi dawk inkorsi mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell u d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, jekk hija tintervjeni f'din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Trade mark Komunitarja rreġistrata li hija s-suġġett tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità: trade mark figurattiva li tirrappreżenta mekkaniżmu ta' sokra għal prodotti fil-klassijiet 9, 14, 18 u 25 - Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja Nru 3693116

Proprjetarju tat-trade mark Komunitarja: ir-rikorrenti

Parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità tat-trade mark Komunitarja: il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell

Dritt tat-trade mark tal-parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità: il-parti li qed titlob dikjarazzjoni ta' invalidità bbażat it-talba tagħha fuq raġunijiet assoluti għal rifjut skont l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni: applikazzjoni għad-dikjarazzjoni ta' invalidità tat-trade mark Komunitarja miċħuda

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: appel milqugħ parzjalment

Motivi invokati: ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha.

Bl-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, peress li l-Bord tal-Appell żbalja meta kkonkluda li d-dispożizzjoni ta' dan l-artikolu hija applikabbli għat-trade mark Komunitarja kkontestata fir-rigward tal-prodotti fil-klassijiet 9, 14 u 18. B'mod partikolari, il-Bord tal-Appell: (i) indirizza b'mod żbaljat il-kwistjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark Komunitarja kkontestata bħallikieku kienet trade mark li tikkonsisti mill-forma tal-prodotti koperti, u (ii) ikkonstata, b'mod żbaljat, in-nuqqas ta' karattru distintiv inerenti.

Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 52(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, peress li l-Bord tal-Appell żbalja meta kkonkluda li d-dispożizzjoni ta' dan l-artikolu ma tapplikax għal dan il-każ.

____________