Language of document : ECLI:EU:T:2011:614

Kawża T-335/09

Groupement Adriano, Jaime Ribeiro, Conduril – Construção, ACE

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Programm MEDA I — Ftehim speċifiku ta’ finanzjament — Mandat mogħti lill-Unjoni Ewropea biex tirkupra krediti dovuti minn terz lir-Renju tal-Marokk — Nota ta’ debitu — Ittra ta’ tfakkira — Atti mhux dissoċjabbli mill-kuntratt — Att li ma jistax jiġi kkontestat — Inammissibbiltà”

Sommarju tad-digriet

Rikors għal annullament — Rikors li fil-verità jirrigwarda tilwima ta’ natura kuntrattwali — Eżerċizzju ta’ drittijiet kuntrattwali minn istituzzjoni, f’isem u fl-interess ta’ waħda mill-partijiet fil-kuntratt — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti Komunitarja — Inammissibbiltà

(Artikoli 230 KE u 249 KE)

Skont l-Artikolu 230 KE, il-qrati Komunitarji għandhom jistħarrġu l-legalità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet intiżi sabiex jipproduċu effetti legali vinkolanti fir-rigward tat-terzi, billi jbiddlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħhom. Din il-kompetenza tirrigwarda biss lill-atti msemmija fl-Artikolu 249 KE li l-istituzzjonijiet għandhom jadottaw taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mit-Trattat.

Min-naħa l-oħra, l-atti adottati mill-istituzzjonijiet li jidħlu f’kuntest purament kuntrattwali u li ma jistgħux jiġu separati minnu ma humiex imsemmija, minħabba n-natura tagħhom stess, fost l-atti msemmija fl-Artikolu 249 KE, li l-annullament tagħhom jista’ jintalab mingħand il-qorti Komunitarja skont l-Artikolu 230 KE.

Madankollu, l-att adottat minn istituzzjoni f’kuntest kuntrattwali għandu jitqies bħala separat minn dan tal-aħħar meta, min-naħa waħda, dan ikun ġie adottat minn din l-istituzzjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi proprji tagħha u, min-naħa l-oħra, meta minnu nnifsu jipproduċi effetti legali vinkolanti li jistgħu jolqtu l-interessi tad-destinatarji tiegħu u jista’ għalhekk ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, rikors għal annullament ippreżentat mid-destinatarju tal-att għandu jitqies bħala ammissibbli. F’dan il-kuntest, il-“kompetenzi proprji ta’ istituzzjoni” għandhom jinftehmu bħala dawk, stabbiliti fit-Trattati u fid-dritt sekondarju, li jiffurmaw parti mill-prerogattivi tas-setgħa pubblika tagħha u li b’hekk jippermettulha li toħloq jew temenda, b’mod unilaterali, drittijiet u obbligi fir-rigward ta’ terz. Min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju ta’ drittijiet kuntrattwali minn istituzzjoni, fil-każ fejn l-Unjoni tkun irċeviet awtorizzazzjoni sabiex taġixxi f’isem u fl-interess ta’ waħda mill-partijiet fil-kuntratt, ma jikkostitwixxix eżerċizzju tal-kompetenzi proprji tagħha.

(ara l-punti 24-26, 32, 33)