Language of document : ECLI:EU:T:2012:218

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

8 ta’ Mejju 2012 (*)

“Dumping — Importazzjonijiet ta’ etanolamini li joriġinaw mill-Istati Uniti — Dazju antidumping definittiv — Skadenza tal-miżuri antidumping — Reviżjoni — Probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dumping — Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009”

Fil-Kawża T-158/10,

The Dow Chemical Company, stabbilita f’Midland, Michigan (l-Istati Uniti), inizjalment irrappreżentata minn J.-F. Bellis, R. Luff u V. Hahn, sussegwentement minn J. F. Bellis u V. Luff, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix, R. Szostak u B. Driessen, bħala aġenti, assistiti minn G. Berrisch, avukat, u N. Chesaites, barrister,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn H. van Vliet u M. França, sussegwentement minn M. França u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 54/2010, tad-19 ta’ Jannar 2010, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-etanolamini li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 17, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood, President, F. Dehousse (Relatur) u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Settembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-1 ta’ Frar 1994, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament (KE) Nru 229/94, li jimponi dazji antidumping definittivi fuq l-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ etanolamini li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerika u jiġbor b’mod definittiv id-dazji provviżorji (ĠU L 28, p. 40).

2        Fl-20 ta’ Lulju 2000, wara reviżjoni bbażata fuq ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, b’rettifika ĠU 2010, L 7, p. 22) iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”] u b’mod partikolari abbażi tal-Artikolu 11(2) u (3) tar-Regolament Nru 384/96 (li sar l-Artikolu 11(2) u (3) tar-Regolament Bażiku), il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1603/2000 li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-etanolamini li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Vol. 34, p. 3). Id-dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet tar-rikorrenti, The Dow Chemical Company, ġie stabbilit għal EUR 69.40 kull tunnellata.

3        Fit-23 ta’ Ottubru 2006, wara r-reviżjoni bbażata fuq l-Artikolu 11(2) u (3) tar-Regolament Nru 384/96, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1583/2006 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ etanolamini li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 352M, p. 532). Ir-Regolament Nru 1583/2006 kien applikabbli matul perijodu ta’ sentejn. Dan ir-regolament kien stabbilixxa d-dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-rikorrenti għal EUR 59.25 kull tunnellata.

4        Fit-18 ta’ Marzu 2008, ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 71, p. 13), avviż ta’ skadenza imminenti tal-miżuri antidumping fis-seħħ.

5        Fil-25 ta’ Lulju 2008, il-produtturi li jirrappreżentaw iktar minn 50 % tat-total tal-produzzjoni tal-etanolamini tal-Unjoni Ewropea ressqu talba għal reviżjoni tal-miżuri antidumping fis-seħħ, ibbażata fuq l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 384/96.

6        Fil-25 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippubblikat avviż ta’ bidu ta’ reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ etanolamini li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerika, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 270, p. 26).

7        Fit-22 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni bagħtet dokument b’tagħrif ġenerali u dokument b’tagħrif speċifiku lir-rikorrenti. Fihom, il-Kummissjoni ssemmi b’mod partikolari, li l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-rikorrenti ma kinux ġew suġġetti għad-dumping matul il-perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni, li jestendi mill-1 ta’ Ottubru 2007 sat-30 ta’ Settembru 2008 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni”). Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li l-marġni ta’ dumping tat-tieni produttur Amerikan, Ineos Oxide LLC (iktar ’il quddiem “Ineos”), li kien ikkoopera fil-proċedura antidumping, jilħaq il-11.9 %. Il-Kummissjoni attribwixxiet l-istess marġni antidumping għall-produtturi Amerikani li ma kkooperawx fil-proċedura antidumping. Il-Kummissjoni kkonkludiet billi kkunsidrat li kien hemm riskju ta’ rikorrenza tad-dannu.

8        Fis-6 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrenti ssottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-dokumenti ta’ tagħrif li kienet irċeviet mingħand il-Kummissjoni.

9        Fid-19 ta’ Jannar 2010, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 54/2010, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-etanolamini li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 17, p. 1, iktar ’il quddiem “ir-regolament ikkontestat”). Ir-regolament ikkontestat huwa applikabbli matul perijodu ta’ sentejn. Dan jiffissa d-dazju antidumping għall-importazzjonijiet li joriġinaw mir-rikorrenti għal EUR 59.25 kull tunnellata. Il-Kunsill isostni l-probabbiltà tar-rikorrenza tad-dannu f’każ li jiġu abrogati l-miżuri antidumping (premessa 91 tar-regolament ikkontestat). Insostenn tal-konklużjoni tagħha, il-Kummissjoni tinvoka, b’mod partikolari, ir-rikorrenza ta’ dumping matul il-perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni, il-kapaċitajiet mhux użati tal-produtturi Amerikani, id-dazji antidumping imposti fuq iċ-Ċina fuq il-prodotti kkonċernati, id-domanda għall-prodott ikkonċernat fl-Istati Uniti u fis-swieq ta’ esportazzjoni ta’ dan il-pajjiż, il-proċess tal-produzzjoni tal-monoetilen glikol għal dak tal-etanolamini u l-fatt li l-kumpanniji li ma kkooperawx fil-proċedura billi komplew ikollhom interess li jibqgħu fis-suq tal-Unjoni u sabiex isaħħu l-attivitajiet ta’ esportazzjoni tagħhom (premessa 81 tar-regolament ikkontestat).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10      B’att irreġistrat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ April 2010, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

11      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ digriet tat-23 ta’ Awwissu 2010, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent.

12      Wara li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla, li lilu, b’konsegwenza, ġiet attribwita din il-kawża.

13      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tibda l-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Qorti Ġenerali, stiednet lill-Kunsill sabiex iwieġeb għal xi mistoqsijiet bil-miktub. Il-Kunsill wieġeb għal dawn il-mistoqsijiet b’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Lulju 2011.

14      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tal-20 ta’ Settembru 2011.

15      Matul is-seduta, il-Kunsill indika li xtaq jagħmel korrezzjonijiet għat-tweġibiet bil-miktub li kien ippreżenta fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Lulju 2011. Il-Kunsill ġie mistieden jippreżenta l-korrezzjonijiet tiegħu bil-miktub, kif għamel fit-terminu stabbilit. Ir-rikorrenti ġiet mistiedna tressaq l-osservazzjonijiet dwar il-korrezzjonijiet ippreżentati mill-Kunsill, kif għamlet fit-terminu stabbilit.

16      Il-proċedura orali ngħalqet fil-31 ta’ Ottubru 2011.

17      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat sa fejn jirrigwardaha;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

18      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

19      Ir-rikors tar-rikorrenti huwa bbażat fuq motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Bażiku. Dan il-motiv jinqasam f’seba’ partijiet, b’enfasi fuq żbalji manifesti fl-istabbiliment u fl-evalwazzjoni tal-fatti. L-ewwel parti tirrigwarda l-konstatazzjoni ta’ dumping matul il-perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni. It-tieni parti tittratta ż-żieda ta’ dumping wara l-perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni. It-tielet parti tikkonċerna l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni mhux użati tal-etanolamini fl-Istati Uniti. Ir-raba’ parti tirrigwarda devjazzjoni tal-kummerċ li tirriżulta mill-miżuri antidumping applikati miċ-Ċina. Il-ħames parti tittratta l-evoluzzjoni tad-domanda lill-Istati Uniti u fuq swieq oħrajn. Is-sitt parti tikkonċerna l-bdil mill-produzzjoni ta’ monoetilen glikol għall-produzzjoni tal-etanolamini. Is-seba’ parti tirrigwarda r-relazzjoni bejn il-prezzijiet fl-Istati Uniti u l-prezzijiet fl-Unjoni.

20      Il-Qorti Ġenerali tqis li għandha tiddeċiedi dwar l-ewwel u t-tielet parti tal-motiv uniku.

21      Preliminarjament u fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom janalizzaw (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C-351/04, Ġabra p. I-7723, punt 40, u tal-11 ta’ Frar 2010, Hoesch Metals and Alloys, C-378/08, Ġabra p. I-951, punt 61). F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat li l-evalwazzjoni tal-probabbiltà tal-kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u ta’ dannu jippresupponu l-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi, u li l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din l-evalwazzjoni għandu, għalhekk, ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti li fuqhom hija bbażata din l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti jew in-nuqqas ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Ġunju 2001, Euroalliages vs Il-Kummissjoni, T-188/99, Ġabra p. II-1757, punti 45 u 46).

22      Fit-tieni lok, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Bażiku, miżura antidumping tiskadi ħames snin wara l-impożizzjoni tagħha jew ħames snin mid-data tal-konklużjoni tal-iktar reviżjoni reċenti li tkun tkopri kemm id-dumping kif ukoll id-dannu, “sakemm ma jiġix stabbilit f’reviżjoni li d-data ta’ skadenza kienet x’aktarx twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara”. Minn dan it-test jirriżulta, qabelxejn, li hija r-regola li miżura tiskadi wara ħames snin, filwaqt li ż-żamma tagħha hija eċċezzjoni. Għalhekk, iż-żamma fis-seħħ ta’ miżura tiddependi mir-riżultat tal-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tal-iskadenza tagħha, jiġifieri minn pronostiku bbażat fuq ipoteżi fuq żviluppi futuri tas-sitwazzjoni tas-suq ikkonċernat. Fl-aħħar nett, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li s-sempliċi possibbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dumping u tad-dannu, ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika ż-żamma fis-seħħ ta’ miżura, peress li din hija suġġetta għall-fatt li l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping u ta’ dannu tkun ġiet ikkonstatata pożittivament, fuq il-bażi ta’ investigazzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Euroalliages vs Il-Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, punti 41, 42 u 57, u tat-8 ta’ Lulju 2003, Euroalliages et vs Il-Kummissjoni, T-132/01, Ġabra p. I-2359, punt 37).

 Fuq l-ewwel parti tal-motiv uniku, dwar il-konstatazzjoni ta’ dumping matul il-perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni

 L-argumenti tal-partijiet

23      Ir-rikorrenti, b’referenza għall-premessa 80 tar-regolament ikkontestat, tirrileva li l-eżistenza ta’ dumping ta’ 11.9 % ġiet ikkonstata formalment biss għal kumpannija waħda, jiġifieri Ineos. L-importazzjonijiet li saru mingħand din il-kumpannija, li hija relatata ma’ wieħed minn dawk li ressqu l-ilment, kienet tirrappreżenta biss sehem żgħir mill-importazzjonijiet totali ta’ etanolamini li joriġinaw fl-Istati Uniti. Il-maġġoranza assoluta ta’ dawn l-importazzjonijiet, jiġifieri iktar minn 85 % fil-fatt saret mir-rikorrenti. Issa, il-marġni ta’ dumping tar-rikorrenti kien ta’ -7 % (jiġifieri nuqqas ta’ dumping). Il-konstatazzjoni ta’ dumping min-naħa ta’ Ineos għalhekk ma hijiex rappreżentattiva.

24      Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet attribwixxew il-marġni ta’ dumping tal-Ineos għat-tielet produttur Amerikan, li huwa ta’ importanza wisq marġinali u li ma kkooperax fl-investigazzjoni. Issa, xejn ma’ jippermetti li jiġi kkunsidrat, kuntrarjament għad-dikjarazzjoni tal-Kunsill fil-premessa 116 tar-regolament ikkontestat, li dan il-produttur jirrikorri neċessarjament għad-dumping kieku kellu jerġa’ jbigħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

25      Fi kwalunkwe każ, il-marġni medju peżat ta’ dumping fil-livell nazzjonali għall-importazzjonijiet tal-etanolamini li joriġinaw fl-Istati Uniti matul il-perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni, huwa ta’ ‑4.5 % (jiġifieri nuqqas ta’ dumping). F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi għal każ ieħor li fih il-Kummissjoni użat marġni medju peżat ta’ dumping fil-livell nazzjonali sabiex tibbaża l-konklużjonijiet tagħha. Ir-rikorrenti tippreċiża li hija ma ssostnix li l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Bażiku japplika għall-kuntest tal-Artikolu 11(2) tal-istess regolament. Ir-rikorrenti semmiet dan il-każ sabiex tippreċiża li d-dumping ta’ esportatur wieħed jew tnejn ma għandux joskura l-fatt li fuq livell nazzjonali ma kienx hemm dumping. Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll li fis-sottomissjonijiet tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kunsill irrikonoxxa li f’kuntest ta’ reviżjoni, l-istituzzjonijiet għandhom jagħmlu analiżi fir-rigward tal-pajjiż esportatur ikkonċernat. Dan jimplika li d-dumping għandu jkun evalwat għall-importazzjonijiet kollha li joriġinaw fl-Istati Uniti. F’dan il-każ, il-Kunsill jirrikonoxxi li l-istituzzjonijiet ma kkonstatawx li l-importazzjonijiet kollha li joriġinaw fl-Istati Uniti kienu ġew effettivament dumped. Barra minn hekk, il-Kunsill iqis ukoll li jista’ jibbaża l-konklużjoni ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping fuq l-eżistenza ta’ dumping, effettiv jew implikat, minn esportaturi li jirrappreżentaw mhux iktar minn 10 % tal-importazzjonijiet kkonċernati. Madankollu, il-Kunsill jikkontradixxi lilu nnifsu matul il-proċeduri, peress li l-istituzzjonijiet iddefendew il-pożizzjoni li r-reviżjoni ta’ miżuri li jiskadu ma hijiex investigazzjoni dwar l-importazzjonijiet ta’ esportatur wieħed. Fl-aħħar nett, ir-rapport mill-Korp tal-Appell tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) invokat mill-Kunsill fis-sottomissjonijiet tiegħu, jikkonferma li l-istituzzjonijiet għandhom jagħmlu evalwazzjoni tal-marġni ta’ dumping “fuq kull prodott”. F’dan il-każ, dan il-marġni ta’ dumping huwa negattiv.

26      Il-Kunsill jindika li l-konklużjoni li tinsab fil-premessa 80 tar-regolament ikkontestat ma turi l-ebda żball. Mill-konklużjonijiet speċifiċi relattivi għad-dumping fil-premessa 23 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-istituzzjonijiet ma jippretendux li jistabbilixxu l-marġni attwali ta’ dumping taż-żewġ produtturi Amerikani. Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-konstatazzjoni ta’ dumping min-naħa ta’ Ineos ma hijiex rappreżentattiva, il-Kunsill jippreċiża li l-istituzzjonijiet ma humiex obbligati jistabbilixxu l-eżistenza ta’ dumping għal kull esportatur b’mod individwali, billi l-marġni ta’ dumping u d-dazji antidumping korrispondenti ma jistgħux jiġu mmodifikati fil-kuntest ta’ reviżjoni ta’ din it-tip. Fil-fatt, huwa importanti li jiġi ddeterminat jekk għadux jeżisti dumping mill-pajjiż esportatur ikkonċernat. Dan l-approċċ kien ġie kkonfermat minn rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO. F’dan ir-rigward, l-asserzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-imsemmi rapport jikkonferma li l-istituzzjonijiet għandhom jagħmlu evalwazzjoni tal-marġni ta’ dumping għal “kull prodott” hija żbaljata. Il-konstatazzjonijiet tal-Korp tal-Appell tad-WTO jikkonċernaw l-Artikolu 9.2 tal-Ftehim Ġenerali dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT) (ĠU 1994, L 336, p. 20), elenkat fl-Anness 1 A tal-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO (ĠU 1994, L 336, p. 3), li japplika għall-investigazzjonijiet tal-bidu, u mhux l-Artikolu 11.3 tal-istess ftehim. Fl-aħħar nett, l-allegazzjoni tar-rikorrenti ma tiħux inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ dumping li għandha tiġi attribwita lit-tielet produttur Amerikan imsemmi mir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet tagħha.

27      Rigward it-tielet produttur Amerikan imsemmi mir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet tagħha, il-Kunsill jirreferi għall-premessa 29 tar-regolament ikkontestat u jikkunsidra, essenzjalment, li dan il-produttur ma huwiex daqstant marġinali.

28      Rigward il-fatt, imressaq mir-rikorrenti, li l-marġni tad-dumping għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina fl-Istati Uniti kien ta’ -4.5 %, il-Kunsill isostni li l-istituzzjonijiet ma kkonstatawx li l-importazzjonijiet kollha mill-Istati Uniti, kif indikat ir-rikorrenti, kienu ġew suġġetti għal dumping. Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li l-istituzzjonijiet ma humiex obbligati li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ dumping għal kull esportatur individwalment jew li jikkalkolaw marġni ta’ dumping fuq livell nazzjonali. Il-każ li għalih saret referenza mir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet tagħha, ma huwiex rilevanti minħabba li kien jikkonċerna investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Bażiku. Issa, l-arranġamenti ta’ għeluq ta’ din it-tip ta’ investigazzjoni, skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Bażiku, ma japplikawx għall-investigazzjonijiet dwar ir-reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tal-istess regolament.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

29      Preliminarjament, hemm lok li jiġi osservat illi r-regolament ikkontestat jinkludi punt C intitolat: “Probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dumping”. Fil-premessa 17 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill jippreċiża li “ġie eżaminat jekk id-dumping kienx qiegħed preżentament iseħħ”.

30      Fil-premessa 23 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill jindika li t-tqabbil bejn il-valur normali medju peżat u l-medja peżata tal-prezzijiet għall-esportazzjoni “[juru] l-eżistenza ta’ dumping”. F’dan ir-rigward, il-Kunsill ikkonstata li l-marġni ta’ dumping tar-rikorrenti kien ta’ 0 % (il-marġni attwali kkalkulat kien ta’ -7 %) u l-marġni ta’ dumping ta’ Ineos kien ta’ 11.9 %. Dan il-marġni tal-aħħar ġie attribwit ukoll għall-esportaturi l-oħra li ma kkoperawx fil-proċedura antidumping.

31      Fil-premessa 24 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill indika li barra mill-analiżi tal-“eżistenza tad-dumping”, ġiet eżaminata l-probabbiltà ta’ “kontinwazzjoni tad-dumping”.

32      Fil-premessa 25 tar-regolament ikkontestat, fil-kuntest tal-analiżi tal-livell ta’ dumping f’każ ta’ abrogazzjoni tal-miżuri, il-Kunsill ippreċiża li “[k]ieku l-prezzijiet tal-esportazzjoni kellhom jitnaqqsu b’mod proporzjonali mal-livell tad-dazji anti-dumping, il-marġini tad-dumping osservati matul ir-RIP kienu jkunu 12 % għal [Ineos] u għall-parti li ma kkooperatx (skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku), filwaqt li xorta ma jkunx hemm dumping [għar-rikorrenti]”.

33      L-eżami magħmul tal-Kunsill wasslu sabiex jikkonkludi li hemm probabbiltà ta’ “kontinwazzjoni ta’ dumping” (premessa 51 tar-regolament ikkontestat).

34      Fil-premessa 74 tar-regolament ikkontestat, fil-kuntest tal-analiżi tas-sitwazzjoni tal-industrija Komunitarja, il-Kunsill fakkar li “id-dumping baqa’ għaddej matul ir-RIP”.

35      Skont il-premessa 80 tar-regolament ikkontestat, fil-kuntest tal-analiżi tal-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dannu, il-Kunsill indika li “l-kontinwazzjoni tad-dumping matul ir-RIP [kienet] ġiet stabbilita għal żewġ produtturi-esportaturi tal-Istati Uniti”.

36      Fl-aħħar nett, skont il-premessi 113 u 114 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill ikkonkluda billi indika li “[l-]investigazzjoni wriet li kien hemm probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping (inkluż żieda probabbli tal-volum tal-[esportazzjonijiet] dumped) kif ukoll probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu” u li, “[a]nke meta wieħed iqis li wieħed miż-żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw ma kienx qed jagħmel dumping u (għaldaqstant) meta wieħed jassumi għall-futur li l-parti tiegħu tal-importazzjonijiet mill-Istati Uniti mhux se jkunu dumped, il-kundizzjonijiet għall-kontinwazzjoni tad-dazju fuq il-bażi ta’ 11(2) xorta [huma] osservati”.

37      Minn dawn l-elementi jirriżulta li, sabiex tintlaħaq il-ħtieġa li jinżammu fis-seħħ il-miżuri antidumping, il-Kunsill ibbaża esklużivament fuq il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping. Il-Kunsill ma invokax il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping. Fil-fatt, sabiex jikkonkludi li teżisti probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping, il-Kunsill ibbaża ruħu, b’mod partikolari, fuq il-fatt li d-dumping kien ippersista matul il-perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni. Fl-aħħar nett, il-konklużjoni tal-Kunsill, li tgħid li d-dumping kien ippersista matul il-perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni, tistrieħ fuq il-fatt li żewġ produtturi-esportaturi kienu pprattikaw id-dumping. Il-Kunsill la indika li d-dumping kien ippersista min-naħa tar-rikorrenti, u lanqas li d-dumping kien suxxettibbli għal rikorrenza. B’mod impliċitu iżda neċessarju, minn dan jirriżulta li l-Kunsill stabbilixxa relazzjoni bejn id-dumping ipprattikat miż-żewġ produtturi-esportaturi matul il-perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni u l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping jekk il-miżuri kellhom jiġu abrogati.

38      Ir-rikorrenti tqis, essenzjalment, b’mod partikolari, li l-Kunsill ma setax jinjora l-fatt li ma kinitx ipprattikat dumping matul il-perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni.

39      Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li f’dan il-każ, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping, u kkunsidra b’mod partikolari li d-dumping kien ippersista matul il-perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni.

40      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-kelma “dumping”, kif tinsab fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Bażiku, ma hijiex definita. Madankollu, fid-dawl tal-iskema tar-Regolament Bażiku, u fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja, għandu jiġi kkunsidrat li l-kelma “dumping”, kif tinsab fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Bażiku, għandha l-istess tifsira bħall-kelma “dumping”, definita fl-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament li huwa dwar il-“prinċipji”.

41      Fit-tielet lok, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Bażiku, u b’mod partikolari skont il-paragrafi 1 u 2 tiegħu, id-dumping jirreferi għal prodott mqiegħed f’ċirkulazzjoni libera fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Huwa meta l-prodott jiġi dumped u meta jikkawża dannu li l-istituzzjonijiet jistgħu, b’riżerva għal kundizzjonijiet oħrajn, jimponu miżuri antidumping.

42      Fir-raba’ lok, għandu jitfakkar li, fil-prinċipju, il-proċeduri antidumping jikkonċernaw l-importazzjonijiet kollha ta’ ċerta kategorija ta’ prodotti li joriġinaw minn pajjiż terz u mhux l-importazzjonijiet ta’ prodotti minn impriżi speċifiċi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Diċembru 1993, Rima Electrometalurgia vs Il-Kunsill, C-216/91, Ġabra p. I-6303, punt 17). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament Bażiku, għandu jiġi impost dazju antidumping li l-ammont tiegħu huwa xieraq għal kull każ b’mod li ma jiddiskriminax fuq l-importazzjonijiet ta’ prodott.

43      Fil-ħames lok, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tal-Artikolu 11(2), tar-Regolament Bażiku, l-istituzzjonijiet jistgħu jew iżommu l-miżuri jew iħalluhom jiskadu. Huma ma jistgħux jimmodifikaw dawn il-miżuri sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-fatt li ċerti impriżi ma pprattikawx id-dumping.

44      Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-kunċett ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping, li jinsab fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Bażiku, ikopri mhux biss dumping ipprattikat minn ċerti impriżi iżda dumping li hu l-oġġett tal-prodott ikkonċernat li joriġina minn pajjiż terz, kif fil-fatt irrikonoxxa l-Kunsill fis-sottomissjonijiet tiegħu.

45      F’dan il-każ, minn naħa, jidher mill-elementi ppreżentati fid-diskussjonijiet li l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-rikorrenti jirrapreżentaw il-maġġoranza kbira tal-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Istati Uniti matul il-perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni, jiġifieri iktar minn 85 % tal-volum, li l-Kunsill ma jikkontestax. Min-naħa l-oħra, kieku l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-rikorrenti kienu ttieħdu debitament inkunsiderazzjoni fl-analiżi tal-istituzzjonijiet, dawn ma kinux jaslu għall-konklużjoni li d-dumping, għall-prodott ikkonċernat li joriġina fl-Istati Uniti, kien tkompla matul il-perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni. Effettivament, f’dan il-każ l-istituzzjonijiet kellhom jikkonstataw li l-maġġoranza kbira tal-importazzjonijiet li joriġinaw fl-Istati Uniti, jiġifieri iktar minn 85 % tal-volum, kienu saru mingħajr dumping. Dik is-sitwazzjoni kellha twassal, imbagħad, sabiex jiġi kkonstatat li l-marġni medju peżat għall-importazzjonijiet tal-prodott inkwistjoni li joriġinaw fl-Istati Uniti kienu negattivi (jiġifieri ma kienx hemm dumping), kif jirriżulta mill-kalkoli magħmula mir-rikorrenti u li ma ġewx imwarrba mill-Kunsill. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kunsill ma setax jasal għall-konklużjoni li d-dumping tkompla matul il-perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni, jew li teżisti probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping. Għalhekk, il-Kunsill kellu juri li teżisti l-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping.

46      Fi kwalunkwe każ, anki jekk iż-żmien ta’ tkomplija ta’ dumping, kif jinsab fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Bażiku, jista’ jiġi interpretat li jirreferi, fil-fatt, għal dumping tal-impriżi individwali jew uħud minnhom, għandu jiġi rilevat li, l-istituzzjonijiet ma setgħux jikkonkludu li hemm persistenza ta’ dumping min-naħa tar-rikorrenti, li fil-fatt ma għamlux. Barra minn hekk, fil-premessa 25 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill ippreċiża li f’każ ta’ abrogazzjoni tal-miżuri, “xorta ma jkunx hemm dumping [għar-rikorrenti]”. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-istituzzjonijiet kien ikollhom, minbarra li juru l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping (għaż-żewġ produtturi-esportaturi l-oħra), juru l-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping min-naħa tar-rikorrenti. Issa, ir-regolament ikkontestat ma juri l-ebda element f’dan ir-rigward.

47      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda li kienet teżisti persistenza ta’ dumping matul il-perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni, u għalhekk, fuq din il-bażi, meta sostna li kien hemm il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping. Għaldaqstant, għandha tintlaqa’ l-ewwel parti tal-motiv uniku u, konsegwentement, jiġi annullat ir-regolament ikkontestat, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti.

 Fuq it-tielet parti tal-motiv uniku, dwar il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni mhux użati ta’ etanolamini fl-Istati Uniti

 L-argumenti tal-partijiet

48      Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-allegazzjoni tal-Kunsill, kif tinsab fil-premessa 28 tar-regolament ikkontestat, li tirrapporta kapaċitajiet effettivi tal-produzzjoni mhux użati fl-Istati Uniti, ma hijiex ġustifikata. Dan hu element essenzjali li jsostni l-konklużjoni tal-istituzzjonijiet li jgħidu li l-miżuri antidumping għandhom jinżammu għal perijodu supplimentari ta’ sentejn, kif jingħad fil-premessa 117 tar-regolament ikkontestat. Ir-rikorrenti wriet, matul il-proċedura amministrattiva, li l-istima mressqa mill-istituzzjonijiet (70 000 tunnellata) hija bbażata fuq kalkolu żbaljat, peress illi tqabbel il-produzzjoni massima possibbli (jiġifieri l-kapaċità effettiva tal-industrija) mal-konsum totali Amerikan, minflok mal-produzzjoni totali Amerikana. Wara l-kummenti tar-rikorrenti, l-istituzzjonijiet qalu li kienu mmodifikaw il-metodu tal-kalkolu tagħhom. Madankollu, il-Kunsill irrefera għall-premessa 26 tar-regolament ikkontestat, għad-data li tiġġustifika l-kalkolu oriġinali tal-kapaċitajiet mhux użati. Fir-realtà, ir-rapport ekonomiku msemmi fil-premessa 26 tar-regolament ikkontestat juri li ma kien hemm l-ebda kapaċitajiet effettivi tal-produzzjoni mhux użati fl-Istati Uniti, meta l-kapaċità tal-produzzjoni titqabbel mal-produzzjoni reali Amerikana. L-industrija Amerikana kienet qed taħdem b’massimu tal-kapaċitajiet effettivi tal-produzzjoni tagħha. Ir-rikorrenti żżid li, fil-kuntest tas-sottomissjonijiet tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kunsill kompla jħawwad il-kapaċitajiet mhux użati tal-produzzjoni u l-provvista żejda fis-suq Amerikan. Barra minn hekk, rigward il-fatt imressaq mill-Kunsill skont liema, ir-rikorrenti ħadmet bi 80 % tal-kapaċità nominali sħiħa tagħha, għandhom jiġu kkunsidrati l-uragani li laqtu l-Istati ta’ Louisiana u ta’ Texas (l-Istati Uniti) matul il-perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni u li wasslu għall-għeluq tal-fabbriki, kif inhu kkonfermat f’pubblikazzjoni kkwotata mir-regolament ikkontestat. F’dan il-kuntest, il-kapaċità effettiva tal-produzzjoni niżlet u r-rata ta’ użu tal-kapaċitajiet effettivi tal-produzzjoni tar-rikorrenti kienet ta’ 98.7 %.

49      Il-Kunsill indika li l-istituzzjonijiet kienu effettivament biddlu l-metodu ta’ kalkolu tagħhom matul il-proċedura (sabiex jinkiseb kalkolu definittiv ta’ 60 000 tunnellata ta’ kapaċitajiet effettivi tal-produzzjoni mhux użati). Madankollu, kuntrarjament għal dak li jista’ jiġi ssuġġerit fis-sottomissjonijiet tar-rikorrenti, il-metodu tal-kalkolu użat fir-regolament ikkontestat huwa l-metodu użat wara l-modifika u mhux dak li skont ir-rikorrenti, kien inizjalment jinkludi żball. Dan jidher mill-kliem użati fil-premessa 26 tar-regolament ikkontestat u tal-elementi pprovduti lir-rikorrenti matul il-proċedura. Il-Kunsill jippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-kapaċitajiet mhux użati ġew ikkalkolati billi tnaqqsu l-kapaċitajiet effettivi tal-produzzjoni effettivi mill-volum tal-produzzjoni reali. L-istituzzjonijiet stimaw li l-livell tal-kapaċitajiet effettivi tal-produzzjoni effettivi jilħaq id-90 % tal-kapaċità nominali totali. Sabiex jiddeterminaw il-volum tal-produzzjoni reali, l-istituzzjonijiet ibbażaw ruħhom fuq informazzjoni li skont din tal-aħħar, ir-rikorrenti ħadmet bi 80 % tal-kapaċità nominali sħiħa. Skont il-Kunsill, ir-rata kienet applikata bl-istess mod għall-produttur-esportatur li ma kkooperax. Barra minn hekk, il-fatt li fl-istess premessa, il-Kunsill kien semma d-differenza sostanzjali bejn il-kapaċità nominali totali fl-Istati Uniti u d-domanda f’dan il-pajjiż bl-ebda mod ma turi li kien ibbaża l-kalkoli tiegħu dwar il-kapaċitajiet effettivi tal-produzzjoni mhux użati permezz ta’ tqabbil bejn dawn iż-żewġ elementi.

50      Rigward il-fatt imressaq mir-rikorrenti li jgħid li l-industrija Amerikana kienet qed tiffunzjona skont il-massimu tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni tagħha, din ġiet kontradetta mill-provi li pproduċiet matul il-proċedura rigward l-użu tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni tagħha (jiġifieri 80 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni). Barra minn hekk, l-elementi li r-rikorrenti rreferiet għalihom fis-sottomissjonijiet tagħha, impoġġija fil-kuntest tagħhom, ma kkorroborawx din il-konklużjoni. Barra minn hekk, il-provi prodotti mir-rikorrenti li jikkonċernaw l-uragani li laqtu l-Istati ta’ Louisiana u ta’ Texas matul il-perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni ma sarux matul il-proċedura amministrattiva. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax isserraħ fuq dawn il-provi sabiex tistabbilixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-istituzzjonijiet. L-allegazzjonijiet tar-rikorrenti ma humiex, fuq kollox, sostnuti minn provi. Fi kwalunkwe każ, il-premessa 26 tar-regolament ikkontestat turi li l-istituzzjonijiet ikkunsidraw l-impatt tal-uragani li laqtu l-Istati ta’ Louisiana u ta’ Texas matul il-perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni. Ir-rikorrenti ma tikkontestax dan il-punt.

51      Fir-rigward tar-rapport ekonomiku msemmi mir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet tagħha kif ukoll fil-premessa 26 tar-regolament ikkontestat, dan jikkonferma l-eżistenza ta’ kapaċitajiet effettivi tal-produzzjoni potenzjali mhux użati fl-Istati Uniti. B’mod partikolari, dan ir-rapport juri li teżisti offerta żejda fis-suq Amerikan. Din l-offerta żejda, minbarra l-kapaċitajiet tal-produzzjoni mhux użati, tikkonferma l-eżistenza ta’ kapaċitajiet i tal-produzzjoni mhux użati meta mqabbla mal-konsum intern. Fl-aħħar nett, il-Kunsill jenfasizza li d-dikjarazzjoni magħmula fil-premessa 117 tar-regolament ikkontestat tirreferi, fil-fatt, għall-ġustifikazzjoni tal-“limitazzjoni” tat-tkomplija tal-miżuri antidumping għal perijodu ta’ sentejn minflok ħames snin.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

52      Il-Kunsill indika fil-premessa 26 tar-regolament ikkontestat, li l-kapaċitajiet mhux użati ta’ produzzjoni tal-etanolamini fl-Istati Uniti telgħet għal 60 000 tunnellata matul il-perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni.

53      Fl-ewwel lok, għandu jingħad li premessa 26 tar-regolament ikkontestat tiżvela nuqqas ta’ koerenza fir-rigward tal-elementi rilevanti meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġu ddeterminati l-kapaċitajiet tal-produzzjoni mhux użati fl-Istati Uniti. Fil-fatt, filwaqt li l-Kunsill indika, f’din il-premessa, li bbaża l-kalkolu tiegħu “fuq il-bażi tal-volumi prodotti miż-żewġ produtturi-esportaturi li kkooperaw, il-fatt li r-rati tal-produzzjoni huma normalment mistennija jkunu madwar 90 % tal-kapaċità ‘nameplate’ [tal-produzzjoni], is-suppożizzjoni li l-ammont reali tal-produzzjoni ta’ produtturi tal-Istati Uniti li ma kkooperawx ma kienx ikun f’rati ta’ produzzjoni reali inqas minn 80 % tal-kapaċità ‘nameplate’ [tal-produzzjoni], kif ukoll l-informazzjoni minn ġurnali tas-suq ewlenin”, il-Kunsill jirreferi wkoll darbtejn għal evalwazzjoni bbażata fuq il-konsum intern fl-Istati Uniti. B’mod iktar preċiż, qabelxejn, il-Kunsill jindika li, “[m]eta mqabbel mal-kapaċità totali tan-‘nameplate’ stmat fl-Istati Uniti ta’ 732 000 tunnellata, id-domanda totali stmata inkluż il-konsum magħluq kienet tammonta għal 588 000 tunnellata” u li “[ir-]rata tal-utilizzazzjoni tal-kapaċità baxxa kienet konsegwenza ta’ numru ta’ inċidenti”. Barra minn hekk, il-Kunsill jippreċiża li “[l-]eżistenza tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni potenzjali mhux użati fl-Istati Uniti matul l-2007 u l-2008, i.e. matul il-perjodu kopert mir-RIP, hi kkonfermata wkoll minn pubblikazzjoni annwali ewlenija li tirrevedi s-suq tal-etanolamini” u li “[d]in il-pubblikazzjoni stmat li fl-2007 kien hemm provvista żejda ta’ 65 000 tunnellata fis-suq tal-Istati Uniti”. Issa, kif jirrikonoxxi l-Kunsill, essenzjalment, fis-sottomissjonijiet tiegħu, il-kalkolu tal-livell ta’ użu tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni ma jiħux inkunsiderazzjoni l-konsum intern. Il-Kunsill indika wkoll, matul is-seduta, li d-diċitura tal-premessa 26 tar-regolament ikkontestat jista’ jidher li ma huwiex ċar, f’dan ir-rigward.

54      Fit-tieni lok, mit-tweġibiet bil-miktub tal-Kunsill għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-metodoloġija segwita għall-kalkolu tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni mhux użati fl-Istati Uniti hija inċerta, anzi inkonsistenti meta mqabbla mal-provi invokati f’dan il-każ. Fil-fatt, qabelxejn, għalkemm il-Kunsill l-ewwel ikkonferma li l-produzzjoni effettiva tar-rikorrenti u ta’ Ineos kienet tnaqqset mill-kapaċità ta’ produzzjoni effettiva fl-Istati Uniti, finalment il-Kunsill ippreċiża li l-produzzjoni effettiva ta’ Ineos kienet tnaqqset mill-kapaċità “nameplate” totali tal-produzzjoni fl-Istati Uniti, qabel ma kkalkola l-kapaċità ta’ produzzjoni effettiva f’dan il-pajjiż. Barra minn hekk, għalkemm il-produzzjoni effettiva ta’ Ineos tnaqqset mill-kapaċità “nameplate” totali tal-produzzjoni fl-Istati Uniti, il-produzzjonijiet effettivi tar-rikorrenti u ta’ produtturi oħrajn li ma kkooperawx fl-investigazzjoni ma tnaqqsux, skont il-Kunsill, mill-kapaċità ta’ produzzjoni effettiva f’dan il-pajjiż. Issa, l-ebda prova ċirkustanzjali ma ġiet prodotta li tista’ tiġġustifika l-fatt li l-produzzjonijiet effettivi tal-impriżi inkwistjoni kienu tnaqqsu, għal uħud, mill-kapaċità “nameplate” totali tal-produzzjoni fl-Istati Uniti u, għal oħrajn, mill-kapaċità ta’ produzzjoni effettiva f’dan il-pajjiż.

55      Fit-tielet lok, il-“pubblikazzjoni annwali ewlenija li tanalizza s-suq tal-etanolamini” (jiġifieri Chemical Economics Handbook Product Review, “Ethanolamines”, SRI Consulting, iktar ’il quddiem ir-“rapport SRI”), invokata mill-Kunsill fil-premessa 26 tar-regolament ikkontestat, tikkontradixxi l-eżistenza ta’ kapaċitajiet effettivi tal-produzzjoni mhux użati fl-Istati Uniti fl-ammont ta’ 60 000 tunnellata. Fil-fatt, skont id-data tar-rapport SRI u tal-metodu użat mill-Kunsill sabiex jiddetermina l-kapaċità ta’ produzzjoni effettiva tal-etanolamini fl-Istati Uniti (jiġifieri l-kapaċità “nameplate” immultiplikata bir-rata ta’ 90 %), il-kapaċità tal-produzzjoni mhux użata f’dan il-pajjiż kienet ta’ 8 000 tunnellata f’Novembru 2008 (jiġifieri xahar wara t-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni), kif ir-rikorrenti ġustament irreferiet għaliha fis-sottomissjonijiet tagħha mingħajr ma ġiet ikkontradetta mill-Kunsill. Anki jekk tittieħed inkonsiderazzjoni r-rata ta’ 95 % sabiex tiġi kkalkolata l-kapaċità ta’ produzzjoni effettiva — u anki jekk din is-sostituzzjoni hija possibbli —, ir-riżultat ikun ta’ 45 400 tunnellata, li hija ċifra inferjuri kważi bin-nofs meta kkumparata mal-85 000 tunnellata msemmija fil-premessa 26 tar-regolament ikkontestat u li tikkorrispondi għal kalkolu magħmul skont “ir-rati ta’ produzzjoni iktar ambizzjużi”, jiġifieri rata ta’ 95 % kif ikkonfermaha l-Kunsill fis-sottomissjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, rigward is-sena 2007 (il-perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni ġabar fih ix-xhur ta’ Ottubru, Novembru u Diċembru 2007), id-data tar-rapport SRI tippermetti li tiġi ddeterminata l-kapaċità ta’ produzzjoni mhux użata sa massimu ta’ 5 650 tunnellata.

56      Fir-raba’ lok għandu jiġi rrilevat li r-rapport SRI jsemmi, għal diversi drabi, il-fatt li r-rata ta’ użu tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni kienet wisq għolja fl-Istati Uniti.

57      Fil-ħames lok, għandu jiġi enfasizzat li l-livell ta’ produzzjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni ġie affettwat mill-uragani Gustav u Ike (Settembru 2008), li l-Kunsill espressament jirrikonoxxi fil-premessa 26 tar-regolament ikkontestat. B’mod iktar preċiż, il-Kunsill jindika li r-rata ta’ użu relattivament baxxa tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni hija dovuta għal ċertu numru ta’ inċidenti li ġraw matul dawn l-aħħar snin, b’mod partikolari “l-impatt tal-uragani Gustav u Ike fuq ċerti faċilitajiet tal-produzzjoni jew fuq xi faċilitajiet tal-produzzjoni tal-materja prima ”. Il-Kunsill jippreċiża li, “[fejn] huma kkonċernati l-uragani Ike u Gustav, l-impatt tagħhom dawn xorta kellhom ċertu impatt fuq ir-RIP iżda l-impatt tagħhom spiċċa wara r-RIP”. Wara, filwaqt li jirreferi għall-pubblikazzjoni professjonali, il-Kunsill jirrileva li “[l-impatt tal-uragani Ike u Gustav], skont l-istimi tal-2008 ta’ PCI Consulting Grupp (PCI) hu ta’ 39 000 tunnellata ta’ produzzjoni mitlufa”. Madankollu, mir-regolament ikkontestat, u b’mod partikolari mill-premessa 26, ma jirriżultax li l-Kunsill ikkunsidra fl-evalwazzjoni tiegħu dwar il-kapaċitajiet tal-produzzjoni mhux użati l-fenomeni ċikliċi, b’mod partikolari l-effett tal-uragani Ike u Gustav. Fil-kontroreplika tiegħu, il-Kunsill kkonferma madankollu, li “l-istituzzjonijiet ikkunsidraw l-impatt tal-uragani Gustav u Ike fuq il-produzzjoni globali Amerikana meta kkalkolaw il-livell tal-kapaċitajiet mhux użati fl-Istati Uniti u [li] huma bbażaw ruħhom fuq stima li turi telf ta’ produzzjoni ta’39 000 tunnellata f’dan il-pajjiż”. Madankollu, ma ġiet prodotta l-ebda prova ċirkustanzjali quddiem il-Qorti Ġenerali li tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-volum ta’ 39 000 tunnellata, msemmi fil-premessa 26 tar-regolament ikkontestat, kien ġie effettivament integrat fil-kalkolu tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni mhux użati fl-Istati Uniti. Bi tweġiba għall-mistoqsija imposta mill-Qorti Ġenerali, f’dan ir-rigward, il-Kunsill indika qabelxejn li fil-kalkolu tagħhom l-istituzzjonijiet kienu użaw il-kapaċità “nameplate” ta’ produzzjoni (jiġifieri 732 000 tunnellata) li toħroġ fir-rapport SRI, li kien diġà jieħu inkunsiderazzjoni l-impatt tal-uragani Gustav u Ike. Barra minn hekk, il-Kunsill ippreċiża li t-tweġiba tiegħu ma kinitx eżatta u indika li hi biss l-informazzjoni li toħroġ fir-rapport SRI fuq il-kapaċitajiet effettivi tal-produzzjoni (u mhux dik fuq il-kapaċità “nameplate” ta’ produzzjoni) li kienet tieħu inkunsiderazzjoni l-perturbazzjonijiet ikkawżati mill-uragani Gustav u Ike. Madankollu, il-Kunsill ippreċiża wkoll, fil-kuntest tal-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, li l-istituzzjonijiet ma kinux użaw id-data tar-rapport SRI, bl-eċċezzjoni tal-kapaċità “nameplate” ta’ produzzjoni. Huwa għalhekk paċifiku li l-Kunsill ma użax id-data li toħroġ mir-rapport SRI rigward il-kapaċitajiet effettivi ta’ produzzjoni. Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jista’ jiġi ssuġġerit fl-ewwel tweġiba mogħtija mill-Kunsill, li dan ikkoreġa sussegwentement, ma hemm xejn li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-istituzzjonijiet użaw data li kienet diġà tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt tal-uragani Gustav u Ike fuq il-produzzjoni tal-etanolamini fl-Istati Uniti jew li l-istess impatt kien ġie integrat fil-kalkolu tal-kapaċitajiet effettivi tal-produzzjoni mhux użati fl-Istati Uniti.

58      Fis-sitt lok, ma ġiet prodotta l-ebda prova ċirkustanzjali oħra quddiem il-Qorti Ġenerali li tista’ tippermetti l-ġustifikazzjoni tal-volum ta’ 60 000 tunnellata ta’ kapaċitajiet mhux użati ta’ produzzjoni ta’ etanolamini fl-Istati Uniti kif propost mill-Kunsill fir-regolament ikkontestat fid-dawl, b’mod partikolari, tal-inkoerenzi u l-kontradizzjonijiet rilevati preċedentement.

59      Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-provi prodotti mill-Kunsill sabiex jikkonkludi li jeżistu 60 000 tunnellata ta’ kapaċitajiet effettivi tal-produzzjoni mhux użati ta’ etanolamini fl-Istati Uniti huma jew inkonsistenti, jew f’kuntradizzjoni mal-provi relevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Minn dan jirriżulta li l-Kunsill ikkommetta, f’dan il-każ, żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddetermina l-livell ta’ kapaċitajiet tal-produzzjoni mhux użati ta’ etanolamini fl-Istati Uniti għal 60 000 tunnellata. Għandu jingħad ukoll li dan l-iżball inċida fuq il-konklużjoni ġenerali msemmija fil-premessa 26 tar-regolament ikkontestat, billi, fuq din il-bażi, il-Kunsill indika li “[kien] hemm potenzjal li jiżdiedu l-esportazzjonijiet mill-Istati Uniti u li jieħdu parti mis-suq tal-Unjoni”.

60      Jaqbel għalhekk li jintlaqa’ t-tielet parti tal-motiv uniku li jiġi annullat, ukoll fuq din il-bażi, ir-regolament ikkontestat, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

61      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

62      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, li intervjeniet insostenn tal-Kunsill, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 54/2010, tad-19 ta’ Jannar 2010, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-etanolamini li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerika, huwa annullat sa fejn jikkonċerna lil The Dow Chemical Company.

2)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u dawk sostnuti minn The Dow Chemical Company.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Mejju 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.