Language of document : ECLI:EU:T:2015:283

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

13 ta’ Mejju 2015 (*)

“Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Trasport bl-ajru — Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni — Evalwazzjoni tal-effetti tal-operazzjoni fuq il-kompetizzjoni — Impenji”

Fil-Kawża T‑162/10,

Niki Luftfahrt GmbH, stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija), irrappreżentata minn H. Asenbauer u A. Habeler, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn S. Noë, R. Sauer u N. von Lingen, sussegwentement minn Noë, Sauer u H. Leupold, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika tal-Awstrija, inizjalment irrappreżentata minn C. Pesendorfer, E. Riedl u A. Posch, sussegwentement minn Pesendorfer u M. Klamert, bħala aġenti,

minn

Deutsche Lufthansa AG, stabbilita f’Köln (il-Ġermanja), inizjalment irrappreżentata minn S. Völcker u A. Israel, sussegwentement minn Völcker u J. Orologas, avukati,

u minn

Österreichische Industrieholding AG, stabbilita fi Vjenna, irrappreżentata minn H. Kristoferitsch, P. Lewisch u B. Kofler-Senoner, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 6690 finali, tat-28 ta’ Awwissu 2009, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.5440 – Lufthansa/Austrian Airlines).

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, M. Kancheva (Relatur) u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.     Impriżi inkwistjoni

1        Deutsche Lufthansa AG (iktar ʼil quddiem “Lufthansa”) hija l-ikbar kumpannija tal-ajru Ġermaniża. Hija tipprovdi servizzi ta’ trasport bl-ajru skedat ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija u s-servizzi relatati. Fl-2008, il-Lufthansa kellha 272 mezz ta’ trasport li bihom hija ġarret 45 000 000 passiġġier għal iktar minn 200 destinazzjoni f’85 pajjiż. Il-pjattaformi tagħha huma l-Ajruport Internazzjonali ta’ Frankfurt am Main (il-Ġermanja) u l-ajruport ta’ München (il-Ġermanja) u hija wkoll ibbażata fl-ajruport ta’ Düsseldorf (il-Ġermanja). Lufthansa tikkontrolla wkoll Swiss International Air Lines Ltd (iktar ʼ il quddiem “Swiss”, ibbażata fl-ajruport ta’ Zürich (l-Isvizzera), Air Dolomiti, Eurowings u s-sussidjarja ta’ spiża baxxa tagħha Germanwings. Barra minn hekk, hija akkwistat British Midlands (iktar ʼil quddiem “BMI”) u Brussels Airlines (iktar ʼil quddiem “SN Brussels”). Lufthansa barra minn hekk iżżomm 19 % tal-ishma ta’ Jet Blue, kumpannija bi spiża baxxa attiva fl-Istati Uniti, Lufthansa u Swiss huma membri ta’ Star Alliance.

2        Austrian Airlines (iktar ʼil quddiem “Austrian”) hija l-ikbar kumpannija tal-ajru Awstrijaka u l-pjattaforma prinċipali tagħha hija l-ajruport internazzjonali ta’ Vjenna (l-Awstrija). Hija tipprovdi servizzi ta’ trasport bl-ajru skedat ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija u s-servizzi relatati. Hija sservi 121 destinazzjoni fi 63 pajjiż, inkluż permezz ta’ ftehimiet ta’ qsim tal-kodiċi ma’ linji tal-ajru oħra. Is-sussidjarji tagħha huma, b’mod partikolari, Lauda Air u Tyrolean Airways. Hija wkoll tippossjedi 22.5 % tal-ishma ta’ Ukraine International Airlines. Austrian hija membru ta’ Star Alliance.

3        Niki Luftfahrt GmbH hija kumpannija rregolata taħt id-dritt Awstrijak stabbilita fi Vjenna li topera kumpannija tal-ajru magħrufa taħt l-isem “FlyNiki” jew “Niki”. Hija topera minn Vjenna, minn Linz (l-Awstrija), minn Salzburg (l-Awstrija), minn Graz (l-Awstrija) u minn Innsbruck (l-Awstrija) minn fejn hija tipprovdi b’mod partikolari titjiriet lejn l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq. Fid-data tal-preżentata tar-rikors il-Privatstiftung Lauda (fondazzjoni privata Lauda) kellha 76 % tal-ishma tar-rikorrenti filwaqt li l-24 % l-oħra kienu miżmuma mit-tieni kumpannija tal-ajru Ġermaniża Air Berlin.

2.     Il-proċedura amministrattiva

4        Fl-2008, Austrian sofriet telf li jammonta għal EUR 430 000 000 u f’nofs l-2009, id-dħul nett għall-perijodu bejn Jannar u Ġunju 2009 kien jikkorrispondi għal telf ta’ EUR 166 600 000. F’Lulju 2008, il-Kumitat ta’ Sorveljanza Awstrijak qies li jkun diffiċli li tkompli topera Austrian bħala kumpannija awtonoma. Konsegwentement, il-Kumitat ta’ Sorveljanza ta’ Austrian talab li r-Repubblika tal-Awstrija, azzjonista maġġoritarja ta’ Austrian, tipprivatizza lil din tal-aħħar. Konsegwentement, il-Gvern Awstrijak ħareġ mandat ta’ privatizzazzjoni li taħtha l-kumpannija holding pubblika Österreichische Industrieholding Aktiengesellschaft (iktar ʼil quddiem “ÖIAG”) ġiet awtorizzata sabiex tbigħ l-ishma kollha li hija kellha f’Austrian.

5        Fil-5 ta’ Diċembru 2008, bħala parti mill-proċedura ta’ privatizzazzjoni ta’ Austrian, Lufthansa qablet li takkwista indirettament mingħand ÖIAG sehem ta’ 41.56% f’Austrian.

6        Barra minn hekk, fis-27 ta’ Frar 2009, Lufthansa nediet offerta pubblika ta’ xiri għall-bilanċ varjabbli ta’ ishma ta’ Austrian li għalihom hija rċeviet iktar dikjarazzjonijiet li aċċettaw mill-ammont meħtieġ. Bis-sehem ta’ ÖIAG, Lufthansa b’hekk akkwistat 85 % tal-ishma ta’ Austrian.

7        Il-konċentrazzjoni li tirriżulta minn sehem tal-Lufthansa f’Austrian ġiet innotifikata lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fit-8 ta’ Mejju 2009.

8        B’mod parallel mal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni inkwistjoni mas-suq komuni, il-Kummissjoni vvalutat il-kundizzjonijiet tal-proposta ta’ akkwist ta’ ishma tar-Repubblika tal-Awstrija f’Austrian, inkluż il-ħlas ta’ EUR 500 000 000 mir-Repubblika tal-Awstrija għal żieda fil-kapital ta’ Austrian, fid-dawl tal-Artikoli 87 KE u 88 KE.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni qieset li l-konċentrazzjoni tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE. Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ eżami fil-fond skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40, iktar ʼil quddiem ir-“Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet”).

10      Fl-10 ta’ Lulju 2009, Lufthansa ppreżentat offerta ta’ impenji, konformement mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet. Fis-17 u s-27 ta’ Lulju 2009, Lufthansa ppreżentat verżjonijiet riveduti ta’ dawn l-impenji. Wara li rċeviet il-verżjoni riveduta ta’ dawn l-impenji, il-Kummissjoni nediet stħarriġ tas-suq sabiex tiġbor il-perspettivi tal-kompetituri, tal-klijenti u tal-parteċipanti l-oħra fis-suq fir-rigward ta’ dawn l-impenji. Ir-riżultati ta’ dan l-investigazzjoni tas-suq ġew ikkomunikati lil Lufthansa li insegwitu ppreżentat verżjoni finali tal-impenji fil-31 ta’ Lulju 2009 (iktar ʼil quddiem l-“impenji”).

11      Peress li l-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-impenji ppreżentati minn Lufthansa kienu suffiċjenti sabiex jitneħħew id-dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni, hija ma bagħtitx dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet lil Lufthansa u adottat id-Deċiżjoni C (2009) 6690 finali, tat-22 ta’ Awwissu 2009, (Każ COMP/M.5440 – Lufthansa/Austrian Airlines) (iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, li sommarju tagħha ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010 C 16, p. 11), il-Kummissjoni ddikjarat li l-konċentrazzjoni li biha Lufthansa akkwistat kontroll ta’ Austrian fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet kien kompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE.

12      B’mod parallel mal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni adottat żewġ deċiżjonijiet dwar għajnuna mill-Istat. Fl-ewwel lok, permezz tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Jannar 2009 dwar l-għajnuna mill-Istat NN 72/08, Austrian Airlines – Għajnuna għas-salvataġġ, il-Kummissjoni approvat għajnuna għas-salvataġġ fil-forma ta’ garanzija 100 % magħmula mir-Repubblika tal-Awstrija dwar self li jammonta għal EUR 200 miljun favur Austrian li kellha tintuża primarjament sabiex isir rimbors tad-djun ta’ dan tal-aħħar. Fit-tieni lok, fit-28 ta’ Awwissu 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2010/137/KE (ex N 663/08) – Awstrija Austrian Airlines – Pjan għall-istrutturar mill-ġdid (ĠU 2010, L 59, p. 1) (iktar ʼil quddiem, id-“Deċiżjoni dwar il-pjan ta’ ristrutturar”), li tiddikjara kompatibbli mas-suq komuni, suġġett għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet, l-għajnuna għar-ristrutturar li tammonta għal EUR 500 000 000, mogħtija mir-Repubblika tal-Awstrija, favur Austrian fil-kuntest ta’ xiri mill-ġdid minn din tal-aħħar mill-Grupp Lufthansa. Din l-aħħar deċiżjoni kienet suġġetta għal rikors għal annullament irreġistrat għar-rwol tal-Qorti Ġenerali bir-referenza T-511/09.

3.     Kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

 Swieq inkwistjoni

13      Fir-rigward tad-definizzjoni tas-swieq rilevanti, il-Kummissjoni identifikat bosta servizzi pprovduti minn Lufthansa u minn Austrian. Dawn huma s-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, ta’ trasport bl-ajru ta’ merkanzija, tal-bejgħ ta’ postijiet fuq l-ajruplan lil operaturi turistiċi, ta’ servizzi ta’ manutenzjoni, ta’ tiswija u ta’ reviżjoni, ta’ catering abbord u ta’ ground handling. Madankollu, fil-kawża preżenti, huma biss is-servizz ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri u l-bejgħ ta’ postijiet fuq l-ajruplan lil operaturi turistiċi li huma rilevanti.

14      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tas-servizz ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, il-Kummissjoni, konformement mal-prattika tagħha, essenzjalment eżaminat il-kwistjoni tas-sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda. Hija ddefinixxiet is-swieq rilevanti billi rreferiet għall-approċċ “punt ta’ oriġini – punt ta’ destinazzjoni”, imsejjaħ approċċ “O & D” (iktar ʼil quddiem l-“approċċ O & D”), li bih kull rabta bejn punt ta’ oriġini u punt ta’ destinazzjoni jitqies li huwa suq distint. Sabiex tistabbilixxi jekk rabta speċifika bejn punt ta’ oriġini u punt ta’ destinazzjoni jifformawx suq li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, il-Kummissjoni eżaminat il-possibbiltajiet differenti li għandhom il-konsumaturi sabiex jivvjaġġaw bejn dawn iż-żewġ punti.

15      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tat-trasportaturi tan-netwerk, madankollu, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni xi elementi mill-perspettiva tal-offerta, bħall-kompetizzjoni bejn il-kumpanniji abbażi tan-netwerk imsejjaħ “fi stilel” ta’ trasportaturi tradizzjonali. Hija b’hekk speċifikat li għalkemm, mil-perspettiva tal-offerta, trasportatur tan-netwerk jista’ teoretikament itir minn kwalunkwe punt ta’ tluq għal kwalunkwe punt ta’ destinazzjoni, fil-prattika, it-trasportaturi tan-netwerk jibnu n-netwerk tagħhom u jiddeċiedu li jtiru kważi esklussivament fuq ir-rotot marbuta mal-pjattaformi tagħhom. Skont il-Kummissjoni, kunsiderazzjonijiet simili japplikaw għall-kumpanniji tal-ajru li jiffokaw fuq is-servizzi minn punt għal punt. Hija fakkret ukoll li, mill-perspettiva tad-domanda, hija kienet qieset fl-imgħoddi li, għalkemm in-netwerks kienu ta’ ċerta importanza għall-impriżi li huma klijenti, li d-domanda tagħhom kienet influwenzata kemm mill-effetti tan-netwerk kif ukoll minn kunsiderazzjonijiet ta’ oriġini u ta’ destinazzjoni, l-individwi essenzjalment ifittxu l-iktar konnessjoni rħisa u konvenjenti bejn iż-żewġt ibliet.

16      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispeċifika li b’mod ġenerali, is-sondaġġ tas-suq ikkonfermat l-approċċ O & D. Madankollu, f’ċerti tweġibiet, b’mod partikolari dawk tat-trasportaturi tan-netwerk tradizzjonali, intqal li l-approċċ O & D ma jiħux inkunsiderazzjoni l-funzjoni ta’ stilla tal-ajruporti l-kbar u tal-effetti tan-netwerk li jirriżultaw. B’hekk, bosta trasportaturi kienu indikaw li kemm il-punt ta’ oriġini kif ukoll il-punt ta’ destinazzjoni kellhom jinkludu l-ajruporti sostitwibbli kollha mill-perspettiva tal-passiġġieri.

17      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni eżaminat is-sostitwibbiltà tat-titjiriet mill-perspettiva tal-passiġġieri skont il-fatturi li ġejjin: l-eżistenza ta’ mill-inqas żewġ ajruporti fl-oriġini jew fid-destinazzjoni, is-sensittività tal-vjaġġaturi għal-fattur tal-ħin u n-natura diretta jew indiretta tat-titjiriet. Qabel kollox, fir-rigward tal-eżistenza ta’ mill-inqas żewġ ajruporti fl-oriġini jew fid-destinazzjoni, il-Kummissjoni qieset li l-kriterju li jikkonsisti f’li tittieħed inkunsiderazzjoni l-preżenza ta’ ajruporti fl-istess żona ta’ użu li tikkorrispondi għal distanza ta’ 100 km jew siegħa sewqan miċ-ċentru tal-belt u l-imsemmija ajruporti, kif użata fid-Deċiżjoni C (2007) 3104 tagħha , tas-27 ta’ Ġunju 2007, Ryanair/Aer Lingus (Każ COMP/M.4439 – Ryanair/Aer Lingus) (ĠU 2008, C 47, p. 9), sabiex jitqiesu żewġ ajruporti bħala sostitwibbli, kienet biss l-ewwel approssimazzjoni li ma kinitx neċessarjament valida fil-każijiet l-oħra, bħar-rotot li jintużaw minn żewġ trasportaturi tan-netwerk. Konsegwentement, il-Kummissjoni ddikjarat li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi ta’ dan il-każ sabiex tifhem sew il-pressjonijiet kompetittiva li jeżerċitaw fuq xulxin it-titjiriet minn jew lejn żewġ ajruporti differenti. Il-Kummissjoni b’hekk eżaminat is-sostitwibbiltà bejn it-titjiriet li jitilqu minn ajruporti differenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-għaqda ta’ żewġ ajruporti li ġejjin: ajruport ta’ Bratislava (is-Slovakkja) u ajruport ta’ Vjenna Schwechat; ajruport ta’ Frankfurt Hahn/ajruport internazzjonali ta’ Frankfurt am Main; ajruport ta’ Köln-Bonn/ajruport internazzjonali ta’ Düsseldorf; ajruport ta’ Charleroi Bruxelles-sud (il-Belġju)/ajruport ta’ Zaventem Bruxelles-National.

18      Sussegwentement, fir-rigward tas-sostitwibbiltà ta’ titjiriet skont is-sensittività tal-passiġġieri għall-fattur tal-ħin, il-Kummissjoni fakkret li, fid-deċiżjonijiet preċedenti, hija kienet qieset li l-biljetti mhux suġġetti għal restrizzjonijiet u essenzjalment mixtrija minn passiġġieri sensittivi għall-fattur tal-ħin jistgħu jikkostitwixxu suq distint minn dak tal-biljetti suġġetti għal restrizzjonijiet u mixtrija prinċipalment minn passiġġieri mhux sensittivi għall-fattur tal-ħin. Minn naħa, il-passiġġieri sensittivi għall-fattur tal-ħin itendu li jivvjaġġaw għan-negozju, li jixtru l-biljetti tagħhom ftit qabel it-tluq, jirrikjedu flessibbiltà għolja għall-biljetti tagħhom, bħall-kanċellazzjoni u l-bdil tal-ħin tat-tluq mingħajr spejjeż, li jħallsu iktar għal din il-flessibbiltà u li jirrikjedu frekwenza ogħla għal par speċifiku “O & D”. Min-naħa l-oħra, il-passiġġieri mhux sensittivi għall-fattur tal-ħin jivvjaġġaw essenzjalment għall-pjaċir jew sabiex iżuru ħbieb jew tal-familja, jirriżervaw ħafna bil-quddiem u ma jirrikjedu ebda flessibbiltà fir-riżervazzjonijiet tagħhom. Il-passiġġieri sensittivi għall-fattur tal-ħin għaldaqstant għandhom preferenzi differenti minn dawk ta’ passiġġieri li ma humiex sensittivi għall-fattur tal-ħin, li jkun rifless fil-livell ta’ tipi differenti ta’ biljetti li bihom il-kumpanniji tal-ajru jimmiraw lejn dawn iż-żewġ gruppi differenti ta’ passiġġieri.

19      Skont il-Kummissjoni, l-analiżi ta’ dan il-każ ikkonfermat li kien hemm essenzjalment żewġ kategoriji ta’ passiġġieri bi bżonnijiet differenti u sensittivitajiet differenti tal-prezzijiet, għalkemm xi parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq indikaw li din id-distinzjoni bejn il-passiġġieri sensittivi u dawk mhux sensittivi għall-fattur tal-ħin saret inqas ovvja, sa fejn anki l-vjaġġaturi sensittivi għall-fattur tal-ħin vjaġġaturi kienu iktar u iktar attenti għall-prezz u kienu jtendu li jippreferu biljett suġġett għal restrizzjonijiet milli biljett mhux suġġett għal restrizzjonijiet li kieku kien orħos. Quddiem din il-preferenza għall-biljetti suġġetti għar-restrizzjonijiet, il-biċċa l-kbira tat-trasportaturi, inklużi t-trasportaturi bi spiża baxxa, jipproponu servizzi tat-tieni riżerva (tibdil kemm tad-data kif ukoll tal-isem tal-passiġġier) bi ħlas. Madankollu, id-distinzjoni bejn il-passiġġieri sensittivi u dawk mhux sensittivi għall-fattur tal-ħin u, għaldaqstant, bejn il-biljetti mhux suġġetti u dawk suġġetti għal restrizzjonijiet, tibqa’ kbira. Il-passiġġieri sensittivi għall-fattur tal-ħin b’hekk ikomplu jirrikjedu frekwenza għolja u l-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla preċiżi ħafna għall-punt ta’ oriġini u ta’ destinazzjoni. Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-ħtieġa għal flessibbiltà u għall-iqsar terminu possibbli, il-passiġġieri sensittivi għall-fattur tal-ħin ikunu inqas inklinati li jużaw l-ajruporti sekondarji mil-passiġġieri mhux sensittivi għall-fattur tal-ħin.

20      B’mod partikolari, il-biċċa l-kbira tal-parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq iqisu li l-passiġġieri sensittivi għall-fattur tal-ħin għandhom jimmassimizzaw il-ħin tagħhom għad-destinazzjoni u jimminimizzaw it-tul tal-vjaġġ tagħhom. Konsegwentement, għall-maġġoranza tal-parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq, din it-taqsima tal-passiġġieri kien jirrikjedi titjiriet kmieni filgħodu u tard fl-aħħar tal-ġurnata (b’ħin ta’ tluq ideali madwar is-7 ta’ filgħodu u firxa massima bejn is-6.30 u t-8.30 ta’ filgħodu, u tluq filgħaxija madwar is-6.00 jew is-7.00 ta’ filgħaxija, b’firxa massima bejn il-5 u t-8 ta’ filgħodu). Il-passiġġieri sensittivi għall-fattur tal-ħin jirrikjedu wkoll frekwenza ta’ titjiriet suffiċjentement għolja kuljum. Minimu ta’ żewġ titjiriet kuljum ikun neċessarju sabiex jippermetti tluq u ritorn matul l-istess jum, għalkemm il-maġġoranza tal-parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq kienu indikaw li l-passiġġieri sensittivi għall-fattur tal-ħin jirrikjedu iktar minn żewġ titjiriet kuljum skont id-destinazzjoni. It-tip ta’ trasportatur ippreferut mill-passiġġieri sensittivi għall-fattur tal-ħin ikollu wkoll influwenza, peress li l-maġġoranza tal-parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq iqisu li l-passiġġieri sensittivi għall-fattur tal-ħin jippreferu t-trasportaturi tan-netwerk li jipprovdu servizz komplet mit-trasportaturi bi prezzijiet baxxi. Dawn il-perspettivi ġew kondiviżi mill-gruppi kollha ta’ parteċipanti għas-sondaġġ tas-suq, jiġifieri l-klijenti korporattivi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-kumpanniji tal-ajru kompetituri.

21      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-possibbiltà li jsir vjaġġ bir-ritorn fl-istess jum għad-destinazzjonijiet fil-qrib kienet tqieset importanti mill-klijenti korporattivi kollha li wieġbu, prinċipalment, minħabba l-gwadann ta’ ħin u ta’ flus, u l-maġġoranza tkun saħansitra lesta li tħallas ftit iżjed sabiex tista’ tibbenefika minn vjaġġ bir-ritorn fl-istess jum. Dan huwa kkonfermat mit-tweġibiet tal-aġenti tal-ivvjaġġar.

22      Fir-rigward tal-post fejn jinsab l-ajruport, il-biċċa l-kbira tal-aġenti tal-ivvjaġġar u l-kumpanniji kompetituri li wieġbu għas-sondaġġ kienu indikaw li l-ajruporti prinċipali li jinsabu qrib ċentri tan-negozju u f’distanza qasira, kienu iktar importanti għall-passiġġieri sensittivi għall-fattur tal-ħin milli għall-passiġġieri mhux sensittivi għall-fattur tal-ħin. Il-klijenti korporattivi kienu indikaw li huma jippreferu jnaqqsu b’mod sinjifikattiv it-tul tal-vjaġġ (u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tan-negozju) tal-ħaddiema tagħhom, irrispettivament mill-fatt li huma jqisu l-ħaddiema tagħhom bħala sensittivi jew mhux sensittivi għall-fattur tal-ħin.

23      Fl-aħħar nett, dwar dak li huwa l-livell ta’ sostitwibbiltà ta’ titjiriet indiretti u ta’ titjiriet diretti, il-Kummissjoni qieset li jiddependi fuq it-tul tat-titjira. Bħala regola ġenerali, iktar ma titjira hija twila, iktar it-titjiriet indiretti jistgħu jeżerċitaw pressjoni kompetittiva fuq it-titjiriet diretti. Għal rotot qosra, il-Kummissjoni tfakkar li hija qieset f’deċiżjonijiet preċedenti li t-titjiriet indiretti ma kinux jeżerċitaw pressjoni kompetittiva fuq it-titjiriet diretti, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, pereżempju jekk it-titjira diretta ma tippermettix vjaġġ bir-ritorn f’jum, li għandu importanza partikolari għall-passiġġieri li jivvjaġġaw għan-negozju. L-investigazzjoni tas-suq ġeneralment ikkonferma li, għat-titjiriet qosra, it-titjiriet indiretti ma jikkostitwixxux, b’mod ġenerali, għażla alternattiva kompetittiva għat-titjiriet diretti, peress li l-klijenti attwalment jippreferu t-titjiriet diretti. Il-Kummissjoni tenfasizza li f’deċiżjonijiet preċedenti, hija analizzat it-titjiriet fuq distanzi medji, jiġifieri t-titjiriet itwal minn tliet sigħat li għalihom ma huwiex possibbli li jsiru vjaġġi bir-ritorn fl-istess jum, hekk li jista’ jkun hemm kompetizzjoni permezz tat-titjiriet indiretti [deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Lulju 2005 fil-Każ COMP/M.3770 – Lufthansa/Swiss, (ĠU C 204, p. 3), premessa 17, u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ COMP/M.4439 Ryanair/Aer Lingus, premessi 288 et seq].

24      Minħabba t-tul tat-titjira itwal ta’ dawn ir-rotot ta’ tul medju, it-titjiriet indiretti jidhru li jikkostitwixxu għażla alternattiva iktar kredibbli u xi parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq kienu indikaw li t-titjiriet indiretti, f’ċerti ċirkustanzi, jirrappreżentaw soluzzjoni alternattiva kompetittiva. Din l-analiżi hija konformi mal-prattika preċedenti tal-Kummissjoni [ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Ġunju 2009 fil-Każ COMP/M.5335 – Lufthansa/SN Airholding, (ĠU C 295, p. 11), premessa 45].

25      Fir-rigward tat-titjiriet fuq distanzi twal (li jdumu iktar minn sitt sigħat li jkopru distanza ta’ iktar minn 5 000 km), il-Kummissjoni tfakkar li hija qieset fid-deċiżjonijiet preċedenti li t-titjiriet indiretti jikkostitwixxu soluzzjoni alternattiva kompetittiva għas-servizzi bla waqfien taħt ċerti kundizzjonijiet, speċjalment meta, l-ewwel nett, dawn jinbiegħu bħala titjiriet ta’ korrispondenza fuq il-par “O & D” fis-sistemi informatiċi ta’ riżerva, it-tieni nett, il-frekwenza tagħhom hija ta’ kuljum u, it-tielet nett, dawn iwasslu biss għal estensjoni limitata taż-żmien tal-vjaġġ (għal massimu ta’ 150 minuta) [ara, pereżempju, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Jannar 2001 Każ COMP/M.2041 – United/US Airways u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2002 fil-Każ COMP/M.267 – SAS/Spanair (ĠU C 93, p. 7)]. L-investigazzjoni tas-suq ikkonfermat li, ġeneralment, it-titjiriet indiretti jikkostitwixxu alternattiva kompetittiva meta jirrigwardaw titjiriet ta’ tul ta’ iktar minn sitt sigħat u bosta parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq iqisuhom bħala interkambjabbli.

26      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-bejgħ bl-ingrossa ta’ postijiet fuq l-ajruplan ta’ kumpanniji tal-ajru lil operaturi turistiċi, il-Kummissjoni qieset li l-istudju tas-suq ma jikkontradixxix il-konklużjonijiet tagħha fid-deċiżjonijiet preċedenti dwar l-eżistenza ta’ tali suq separat mis-suq tas-servizz ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri [ara, pereżempju, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Diċembru 2008 fil-Każ COMP/M.5141 – KLM/Martinair (ĠU 2009 C 51, p. 4), premessa 121 jew id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ COMP/M.4439 – Ryanair/Aer Lingus, premessa 299]. Madankollu l-Kummissjoni qieset li s-sondaġġ tas-suq ma ppermettiex li jiġi stabbilit b’mod ċar jekk il-firxa ta’ dan is-suq kinitx nazzjonali jew jekk tinkludix il-Ġermanja u l-Awstrija.

 Evalwazzjoni tal-effetti tal-operazzjoni fuq il-kompetizzjoni

 Kuntest kunċettwali għall-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni

27      Qabel kollox, il-Kummissjoni enfasizzat fid-deċiżjoni kkontestata li, qabel in-notifika tal-operazzjoni proposta, hija kienet rċeviet notifika ta’ operazzjoni fis-26 ta’ Novembru 2008, li skontha Lufthansa kellha l-intenzjoni li takkwista kontroll esklużiv ta’ SN Airholding SA/NV, il-kumpannija holding ta’ SN Brussell. Il-Kummissjoni awtorizzat l-akkwist ta’ SN Brussell mil-Lufthansa taħt ċerti kundizzjonijiet fit-22 ta’ Ġunju 2009 (Każ COMP/M.5335 – Lufthansa/SN Airholding). Barra minn hekk, fit-3 ta’ April 2009, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ operazzjoni li biha Lufthansa kellha l-intenzjoni li takkwista l-kontroll esklużiv ta’ BMI. Il-Kummissjoni approvat mingħajr kundizzjonijiet din it-tranżazzjoni b’deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2009 [Każ COMP/M.5403 – Lufthansa/BMI (ĠU C 158, p. 1)] (iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni Lufthansa/BMI”). L-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni ta’ Lufthansa ma’ SN Brussels u BMI ġew konklużi rispettivament fl-24 ta’ Ġunju 2009 u fl-1 ta’ Lulju 2009 u sussegwentement ġew implementati. Fil-kuntest tal-analiżi tal-konċentrazzjoni bejn Lufthansa u Austrian, il-Kummissjoni konsegwentement ittrattat lil SN Brussels u lil BMI bħala sussidjarji ta’ Lufthansa.

28      Il-Kummissjoni insegwitu indikat li l-konċentrazzjoni kienet tqajjem żewġ domandi ta’ natura kunċettwali, l-ewwel waħda li tikkonċerna t-trattament tal-imsieħba ta’ Lufthansa u ta’ Austrian fi ħdan Star Alliance għall-finijiet tad-definizzjoni tas-swieq rilevanti u tal-analiżi kompetittiva tal-operazzjoni, it-tieni relatata mal-analiżi rilevanti kontra l-fatti sabiex jiġu evalwati l-effetti tal-operazzjoni fuq ir-rotot li fuqhom Lufthansa (inklużi Swiss, Germanwings, SN Brussell u BMI) u Austrian jikkooperaw.

29      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tqis, f’dan ir-rigward, li l-imsieħba ta’ Lufthansa u ta’ Austrian fi ħdan Star Alliance ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-definizzjoni ta’ swieq affettwati, sa fejn il-konċentrazzjoni ma jkollhiex l-effett li testendi b’mod awtomatiku l-ftehimiet ta’ kooperazzjoni konklużi bejn Lufthansa u l-imsieħba tagħha ta’ Star Alliance ma’ Austrian u ma kellhiex lanqas l-effett li testendi l-ftehimiet ta’ kooperazzjoni konklużi bejn Austrian u l-imsieħba tagħha ta’ Star Alliance għal Lufthansa. Fir-rigward tal-analiżi tal-kompetizzjoni fis-swieq affettwati, il-Kummissjoni qieset li r-relazzjoni bejn il-kumpanniji tal-ajru u l-effetti sussegwenti tal-konċentrazzjoni fuq l-inċentiv tagħhom sabiex jikkompetu wara din tal-aħħar kellha tiġi evalwata b’mod separat għal kull rotta. B’hekk, skont il-Kummissjoni, jekk ikun ikkonstatat li parti fil-konċentrazzjoni u terz għandhom inqas inċentiv sabiex jikkompetu minħabba l-operazzjoni, dan l-element għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni.

30      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ddeterminat l-ipoteżijiet rilevanti kontra l-fatti sabiex tevalwa l-effetti tal-operazzjoni fuq ir-rotot li fuqhom Lufthansa u Austrian jikkooperaw. Il-Kummissjoni fakkret il-kliem tal-paragrafu 9 tal-Linji Gwida dwar il-valutazzjoni tal-amalgamazzjonijiet orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 10) (iktar ʼil quddiem il-“Linji gwida tal-2004”):

“Sabiex jiġu kkalkolati l-effetti kompetittivi ta’ għaqda [konċentrazzjoni], il-Kummissjoni tqabbel il-kondizzjonijiet kompetittivi li jistgħu jirrizultaw mill-għaqda meta hi notifikata ma’ dawk il-kondizzjonijiet li jkunu jipprevalu kieku ma kiex hemm l-għaqda [il-konċentrazzjoni] [...]. F’ħafna każijiet il-kondizzjonijiet kompetittivi li jeżistu filwaqt li hemm għaqda jikkostitwixxu l-paragun rilevanti sabiex jiġu valutati l-effetti ta’ għaqda. Madankollu, f’ċertu ċirkostanzi, il-Kummissjoni tista’ tqis bidliet futuri fis-suq li bir-raġuni jistgħu jiġu mbassra [...].”

31      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis li x-xenarji kontra l-fatti rilevanti kontra l-fatti għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni kienu, minn naħa, l-istat tal-kooperazzjoni bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni qabel din il-konċentrazzjoni u, min-naħa l-oħra, l-iżvilupp futur l-iktar probabbli kieku l-akkwist ta’ Austrian ma kienx seħħ.

32      Rigward il-kooperazzjoni eżistenti bejn Lufthansa u Austrian qabel il-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni indikat li din kienet teżisti f’diversi forom, jiġifieri impriża komuni ta’ qsim ta’ spejjeż u ta’ dħul fuq ir-rotot kollha bejn l-Awstrija u l-Ġermanja, ftehim globali ta’ kooperazzjoni bilaterali dinji, ftehim ta’ qsim tal-kodiċi fuq ir-rotot bejn l-Awstrija u l-Isvizzera u ftehim ta’ qsim ta’ kodiċi bejn British Midlands, sussidjarja ta’ Lufthansa, u Austrian.

33      Fir-rigward tal-iżvilupp l-iktar probabbli jekk l-akkwist ta’ Austrian minn Lufthansa ma kienx seħħ, il-Kummissjoni kkonstatat, fid-dawl tad-deċiżjoni tal-gvern Awstrijak li jsib investitur privat għal Austrian, ix-xenarju ta’ akkwist minn kumpannija oħra, b’mod iktar speċifiku minn Air France-KLM. F’dan ix-xenarju, Austrian ittemm il-kooperazzjoni tagħha ma’ Lufthansa u titlaq lil Star Alliance sabiex issir membru tal-alleanza Sky Team li għaliha tappartjeni Air France-KLM.

 Analiżi tal-kompetizzjoni

34      Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-servizz ta’ trasport bl-ajru regolari ta’ passiġġieri, il-Kummissjoni qieset li l-konċentrazzjoni kienet twassal għal diversi sovrappożizzjonijiet orizzontali li jistgħu jinġabru fil-kategoriji li ġejjin:

–        23 rotta qosra bejn l-Awstrija u l-Ġermanja, li huwa pprovduti fil-kuntest tal-impriża komuni ta’ qsim ta’ spejjeż u ta’ dħul;

–        tliet rotot qosra bejn l-Awstrija u l-Isvizzera;

–        rotta qasira bejn l-Awstrija u l-Belġju;

–        rotta qasira bejn l-Awstrija u r-Renju Unit;

–        is-“sovrappożizzjonijiet diretti-indiretti”, jiġifieri r-rotot li bihom parti toffri konnessjoni diretta, filwaqt li l-parti l-oħra tipproponi konnessjoni indiretta;

–        is-“sovrappożizzjonijiet indiretti”, jiġifieri r-rotot li bihom iż-żewġ partijiet joffru biss servizzi indiretti.

35      Fi tmiem l-analiżi tagħha tal-kompetizzjoni fuq is-sovrappożizzjonijiet orizzontali differenti, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-operazzjoni qajmet dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni fuq ir-rotot li ġejjin: Vjenna-Stuttgart (il-Ġermanja), Vjenna-Köln-Bonn (il-Ġermanja), Vjenna-München, Vjenna-Frankfurt am Main u Vjenna-Brussell (iktar ʼil quddiem il-“pari ta’ bliet identifikati”).

36      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-bejgħ ta’ postijiet fuq l-ajrplan ta’ kumpanniji tal-ajru lil operaturi turistiċi, il-Kummissjoni qieset li, minħabba l-ishma tas-suq magħquda ta’ Lufthansa u ta’ Austrian fis-suq Ġermaniż, fis-suq Awstrijak u fis-suq magħqud Awstrija-Ġermanja għat-titjiriet twal li huma, fit-tliet każijiet, bejn 5 % u 10 %, kif ukoll tal-preżenza qawwija tal FlyNiki fis-suq Awstrijak (bejn 40 % u 50 % tal-ishma tas-suq għat-titjiriet qosra u medji), il-konċentrazzjoni ma tfixkilx b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-bejgħ ta’ postijiet fuq l-ajruplan ta’ kumpanniji tal-ajru lil operaturi turistiċi.

37      Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li għandha wkoll tevalwa l-impatt tal-għajnuna għas-salvataġġ u tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħti lil Austrian fuq is-swieq, b’mod partikolari, is-servizz ta’ trasport bl-ajru tal-passiġġieri u l-bejgħ ta’ kumpanniji tal-ajru lil operaturi turistiċi, peress li dawn il-fondi jistgħu jsaħħu l-pożizzjoni kummerċjali ta’ Austrian.

38      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni madankollu fakkret li Austrian kienet f’diffikultajiet finanzjarji. Il-Kummissjoni b’hekk indikat li fid-19 ta’ Diċembru 2008, l-Awstrija kienet innotifikatha bid-deċiżjoni tagħha li tagħti għajnuna għas-salvataġġ lill-grupp Austrian u li fit-22 ta’ Diċembru 2008, hija saret taf li l-ewwel ħlas ta’ EUR 67 000 000 ta’ din l-għajnuna għas-salvataġġ ingħatat lil Austrian sabiex tippermettilha li tkompli l-operazzjonijiet tagħha, u dan qabel mal-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni.

39      Il-Kummissjoni speċifikat li s-sitwazzjoni finanzjarja perikoluża ta’ Austrian kienet murija mill-fatt li operazzjoni awtonoma ta’ Austrian kienet teħtieġ fondi addizzjonali ferm ogħla mill-ammont tal-għajnuna għas-salvataġġ u l-għajnuna għar-ristrutturar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li l-għajnuna għas-salvataġġ ta’ EUR 200 000 000 kienet diġà ntużat ħafna minn Austrian sabiex tirrimborsa l-finanzjament tal-ajruplani tagħha u li l-firxa tal-ħtiġijiet finanzjarji ta’ Austrian kienet konformi mal-konklużjonijiet tagħha tad-Deċiżjoni tagħha 2010/137 li biha l-ispiża tar-ristrutturar eċċediet b’ħafna dik ta’ EUR 500 000 000.

40      Il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx probabbli li Austrian kienet użat jew qed tuża l-għajnuna għas-salvataġġ u għajnuna għar-ristrutturazzjoni b’mod li tiġi kkontestata l-analiżi tagħha tal-effetti tal-konċentrazzjoni fis-swieq affettwati, u, b’mod partikolari, sabiex tipprevjeni l-espansjoni tal-kompetituri tagħha. Il-Kummissjoni speċifikat li kemm l-għajnuna għas-salvataġġ kif ukoll l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni kienu intiżi jagħmlu l-akkwist ta’ Austrian minn Lufthansa ekonomikament vijabbli u, b’mod partikolari, sabiex tiżgura l-likwidità ta’ Austrian, li naqqas il-passiv tagħha u sabiex jerġa’ jkollha l-profitabbiltà fit-tul tagħha. Il-Kummissjoni fakkret ukoll li, fil-futur, hija ser tissorvelja l-użu ta’ dawn il-fondi minn Austrian.

41      Il-Kummissjoni indikat li din il-konklużjoni barra minn hekk kienet ikkonfermata mill-pożizzjoni finanzjarja b’saħħitha ta’ Lufthansa li laħqet riżultati operattivi ogħla minn EUR 1 000 000 000 fl-2007 u fl-2008 u kellha likwidità totali ta’ EUR 5 200 000 000, inkluża likwidità minima strateġika ta’ EUR 2 000 000 000, fil-31 ta’ Marzu 2009. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, l-impatt tal-għajnuna għas-salvataġġ u tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni hija limitata meta mqabbla mal-saħħa finanzjarja tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni.

42      Barra minn hekk, rigward ir-rotot “diretti-diretti” li huma offruti biss minn waħda mill-artijiet, il-Kummissjoni indikat li s-sondaġġ tas-suq ma kienx wera li l-finanzjament addizzjonali għall Austrian kien ibiddel il-konklużjonijiet relatati ma’ dawn ir-rotot b’mod partikolari, jiġifieri li l-operazzjoni kienet ser twassal li telimina l-kompetizzjoni potenzjali. Għall-kuntrarju, ir-raġunijiet ewlenin għaliex ma tqum ebda problema ta’ kompetizzjoni fuq dawn ir-rotot, jiġifieri d-domanda baxxa tal-biċċa l-kbira minnhom, l-istrateġiji ta’ dħul Lufthansa u ta’ Austrian kif ikkonfermati minn dokumenti interni, l-assenza ta’ attivitajiet paralleli qabel il-kooperazzjoni fuq il-boċċa l-kbira ta’ dawn ir-rotot, japplikaw irrispettivament mill-għajnuna mill-Istat inkwistjoni. Barra minn hekk, fir-rigward speċifikament tal-istrateġija ta’ dħul ta’ Austrian, l-investigazzjoni tas-suq ma weriex l-iċken indikazzjoni li Austrian kienet ser tibdel l-istrateġija ta’ dħul tagħha fid-dawl tal-fondi addizzjonali inkwistjoni, u dan jintwera wkoll mill-fatt li Austrian diġà eżawriet kważi l-għajnuna kollha għas-salvataġġ mingħajr ma biddlet l-istrateġija ta’ dħul tagħha. Għaldaqstant jkun improbabbli li Austrian tuża dawn il-fondi addizzjonali sabiex tibda topera dawn ir-rotot.

 Impenji

43      Sabiex jitneħħew id-dubji serji mqajma mill-konċentrazzjoni dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, Lufthansa u Austrian offrew impenji sabiex isolvu l-problemi ta’ kompetizzjoni dwar il-pari ta’ bliet identifikati. L-impenji, li jimmiraw li jnaqqsu l-ostakoli għad-dħul u li jiffaċilitaw id-dħul ta’ parteċipant jew parteċipanti ġodda jew l-espansjoni ta’ kompetituri diġà preżenti fuq dawk ir-rotot huma mqassra iktar ʼil quddiem.

 Impenji dwar is-slots

–       Għoti ta’ slots fuq  il-pari ta’ bliet li jqajmu problemi ta’ kompetizzjoni

44      Fil-kuntest tal-impenji, il-partijiet jintrabtu li jagħmlu slots disponibbli, skont proċedura speċifika, fl-ajruporti ta’ Vjenna, ta’ Stuttgart, ta’ Köln, ta’ Bonn, ta’ München, ta’ Frankfurt am Main u ta’ Brussell dwar il-ħames rotot fejn il-Kummissjoni identifikat problemi ta’ kompetizzjoni.

45      Is-slots disponibbli ser jippermettu lil kompetitur ġdid li jopera l-għadd li ġej ta’ frekwenzi fuq il-pari tal-bliet identifikati:

–        Vjenna-Stuttgart, sa tliet konnessjonijiet kuljum;

–        Vjenna-Köln-Bonn, sa tliet konnessjonijiet kuljum, iżda mhux iktar minn 18-il konnessjoni fil-ġimgħa;

–        Vjenna-Frankfurt am Main, sa ħames konnessjonijiet kuljum;

–        Vjenna-München, sa erba’ konnessjonijiet kuljum;

–        Vjenna-Brussell, sa erba’ konnessjonijiet kuljum, iżda mhux iktar minn 24 konnessjoni fil-ġimgħa.

46      Min-numru ta’ slots tal-ħin imsemmija hawn fuq jiġi dedott dawk li diġà ġew ittrasferiti lill-kompetitur il-ġdid skont l-impenji, sakemm dawn is-slots tal-ħin ma jitwaqqfux milli jintużaw mill-kompetitur il-ġdid u konsegwentement ma jerġgħux lura għand il-partijiet.

47      Fir-rigward tal-pari ta’ bliet identifikati, bl-eċċezzjoni ta’ Vjenna-Frankfurt am Main u Vjenna-München li għalihom japplikaw dispożizzjonijiet speċifiċi, il-frekwenzi li diġà użati minn kumpannija tal-ajru indipendenti mill-partijiet jew mhux marbuta magħhom fuq par ta’ bliet identifikati għandhom jiġu dedotti min-numru ta’ slots tal-ħin li l-partijiet għandhom jagħmlu disponibbli lil din il-kumpannija tal-ajru skont l-impenji.

48      Fir-rigward tar-rotta Vjenna-Frankfurt am Main, iż-żewġ frekwenzi ta’ kuljum operati mir-rikorrenti [tliet frekwenzi, sa fejn ir-rikorrenti kisbet it-tielet slot ta’ Lufthansa mill-istaġun tax-xitwa 2009/2010 tal-International Air Transport Association (IATA)] ikunu mnaqqsa min-numru ta’ slots tal-ħin li għandhom ikunu disponibbli skont l-impenji. Kieku r-rikorrenti kellu jieqaf topera waħda jew iktar minn dawn il-frekwenzi qabel ma jakkwista drittijiet ta’ preċedenza, awn il-frekwenzi jsiru disponibbli fir-rigward tal-operaturi l-ġodda skont l-impenji.

49      Ir-rikorrenti ser tkun awtorizzata li tibdel is-slots tal-ħin li hija rċeviet minn Lufthansa fl-ajruport ta’ Frankfurt am Main konformement mal-ftehim attwali ta’ kiri ta’ slots tal-ħin bejn Lufthansa u r-rikorrenti kontra slots tal-ħin li Lufthansa tagħmel disponibbli skont l-impenji. Madankollu, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-istruttura mmewġa fl-ajruport ta’ Frankfurt am Main, Lufthansa ma hijiex obbligata li tittrasferixxi lir-rikorrenti iktar minn slot tal-ħin fl-ajruport ta’ Frankfurt am Main matul kull wieħed mill-perijodi li ġejjin:

Wasla

Tluq

5.35 – 8.00

6.30 – 8.15

8.05 – 10.20

8.20 – 11.35

10.25 – 14.00

11.40 – 15.05

14.05 – 15.30

15.10 – 16.15

15.35 – 17.50

16.20 – 19.45

17.55 – 21.50

19.50 – 22.25

50      Barra minn hekk, irrispettivament minn jekk ir-rikorrenti għażlitx jew le li tikseb slots tal-ħin ġodda mill-partijiet għall-konċentrazzjoni bi skambju għas-slots tal-ħin tagħha attwali fl-ajruport ta’ Frankfurt am Main, Lufthansa impenjat ruħha li temenda l-ftehim tagħha ta’ kiri ta’ slots tal-ħin mar-rikorrenti sabiex tirrifletti d-dispożizzjonijiet tal-impenji, b’mod partikolari fir-rigward tal-possibbiltà għar-rikorrenti li tikseb drittijiet ta’ preċedenza għal dawn is-slots tal-ħin.

51      Barra minn hekk, jekk l-ebda operatur li ma jkun jappartjeni lil Star Alliance ma jitlob slot tal-ħin korrettiv għall-istaġun tas-sajf IATA 2010 (jew għall-ewwel staġun li għalihom il-proċeduri ta’ implementazzjoni tal-impenji huma fis-seħħ, irrispettivament mill-aħħar waħda), frekwenza fost it-tlieta operati mill-kumpannija Adria Airways fuq ir-rabta Vjenna-Frankfurt am Main titnaqqas min-numru ta’ slots tal-ħin li għandhom ikunu disponibbli skont l-impenji. Dan it-tnaqqis japplika inizjalment għal perijodu ta’ erba’ staġuni IATA konsekuttivi u għal kull perijodu addizzjonali ta’ sentejn sakemm operatur li ma jkunx jappartjeni għal Star Alliance jitlob slot tal-ħin korrettiv.

52      Barra minn hekk, Lufthansa tintrabat li temenda l-ftehimiet tagħha ma’ Adria Airways rigward slott tal-ħin, b’mod li tirrifletti d-dispożizzjonijiet tal-impenji, sakemm madankollu Adria Airways ma tiksibx drittijiet ta’ preċedenza.

53      F’dak li jirrigwarda r-rotta Vjenna-München, fejn ir-rikorrenti topera tliet frekwenzi kuljum li għalihom hija rċeviet slots tal-ħin skont il-proċedura normali ta’ allokazzjoni ta’ dawn is-slots, l-impenji jipprevedu li Niki ser tkun intitolata li tiskambja dawn is-slots tal-ħin fuq din ir-rotta kontra slots tal-ħin li Lufthansa tipprovdi skont l-impenji. Li Niki tiddeċidix jew le li tiskambja s-slots tal-ħin attwali tagħha skont l-ipenji, il-frekwenza tagħha ser jitnaqqsu min-numru totali ta’ slots tal-ħin li l-partijiet għandhom jagħmlu disponibbli fuq din ir-rotta. Jekk Niki waqfet topera waħda jew iktar mill-frekwenzi tagħha, dawn tal-aħħar għandhom ikunu disponibbli għall-operaturi l-ġodda skont l-impenji.

54      F’dak li jirrigwarda r-rotot Vjenna-Stuttgart u Vjenna-Köln/Bonn, Lufthansa hija diġà marbuta li tagħmel slots tal-ħin disponibbli lill-operaturi l-ġodda skont deċiżjoni preċedenti dwar il-konċentrazzjoni, jiġifieri d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C 2006/018/07, tat-22 ta’ Diċembru 2006, fil-Każ COMP/M.3940 – Lufthansa/Eurowings (ĠU C 18, p. 22.). Sa fejn il-partijiet diġà għamlu slots disponibbli lil kompetitur ġdid skont impenji meħuda f’dan il-każ, dawn is-slots tal-ħin ser jingħaddu man-numru ta’ slots tal-ħin li jkunu disponibbli konformement mal-impenji ta’ dan il-każ. L-operaturi l-ġodda jistgħu jagħżlu s-slots tal-ħin għal dawn iż-żewġ rotot konformement mal-impenji li huma jixtiequ li jara applikati, jiġifieri dawk meħuda fil-każ preċedenti jew meħuda f’dan il-każ.

–       Kundizzjonijiet dwar it-trasferiment ta’ slots tal-ħin

55      Il-proċedura ta’ trasferiment ta’ slots tal-ħin prevista fl-impenji ser tapplika b’mod parallel mal-proċedura normali għall-allokazzjoni ta’ slots tal-ħin. Kumpannija tal-ajru li tixtieq tikseb slots tal-ħin f’wieħed mill-pari ta’ bliet identifikati tagħmel it-talba tagħha ta’ slots tal-ħin permezz tal-proċedura normali ta’ għoti ta’ slots tal-ħin u titlob fl-istess ħin trasferiment ta’ slots skont impenji. Jekk it-talba għal slots ta’ min jitlob dan lill-koordinatur ma tkunx issodisfatta minħabba l-konferenza ta’ skedar ta’ IATA, l-impenji jipprevedu li l-partijiet għandhom jipproponu li jittrasferixxu s-slots tal-ħin iddikjarati lil min jitlobhom f’terminu ta’ ġimgħa mill-impenn ta’ min jagħmel it-talba li jisfruttahom. Is-slots tal-ħin għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas u f’intervall ta’ ħin ta’ 20 minuta mill-ħin mixtieq minn min jagħmel it-talba, jekk waħda jew oħra mill-partijiet fil-konċentrazzjoni għandu slots disponibbli f’tali dan l-intervall ta’ ħin. Fin-nuqqas, il-partijiet għandhom jipproponu s-slots tal-ħin l-eqreb tal-ħin mitlub minn min jagħmel it-talba.

56      Il-ftehim ta’ kiri ta’ slots tal-ħin bejn il-partijiet għall-konċentrazzjoni u min talabha għandu jiġi ffirmat u t-trasferiment għandu jsir f’terminu ta’ tliet ġimgħat mit-terminu ta’ għoti tas-slots, jiġifieri l-15 ta’ Jannar għall-istaġun tas-sajf IATA u l-15 ta’ Awwissu għall-istaġun tax-xitwa IATA. Il-ftehim ta’ kiri ta’ slots tal-ħin ikollu tul ugwali għall-perijodu ta’ użu tal-par ta’ bliet identifikati, iżda l-kompetitur il-ġdid ser ikun intitolat li jittermina l-ftehim fl-aħħar ta’ kull staġun tal-IATA, u dan mingħajr penalità. Fl-aħħar nett, l-impenji jipprevedu li l-kompetitur il-ġdid li jiddeċiedi li juża l-ikbar numru ta’ rotot ikun favorit.

–       Drittijiet ta’ preċedenza

57      L-impenji jipprovdi wkoll għall-possibbiltà għall-kompetitur il-ġdid sabiex jakkwistaw drittijiet ta’ anterjorità dwar is-slots tal-ħin miksuba mill-partijiet fil-konċentrazzjoni. L-kompetitur il-ġdid ser jikseb drittijiet ta’ preċedenza fuq dawn is-slots tal-ħin, jiġifieri li ser ikun intitolat li juża l-islots tal-ħin ttrasferiti mill-partijiet liż-żewġ estremitajiet ta’ kwalunkwe par ta’ bliet identifikati minn par ta’ bliet intra-Ewropej differenti mill-parti ta’ bliet identifikati, ladarba jkun hemm servizz għall-par ta’ bliet identifikati bl-eċċezzjoni tar-rotta Vjenna-Frankfurt am Main u matul it-tmien staġuni IATA konsekuttivi għar-rotta Vjenna-Frankfurt am Main. Madankollu, jekk l-kompetitur il-ġdid ma jibqagħx jopera s-slots tal-ħin ittrasferiti fuq il-par ta’ bliet identifikati qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ żewġ staġuni IATA msemmija hawn fuq, dawn is-slots tal-ħin jingħataw lil Lufthansa u jkunu disponibbli lil kompetitur ġdid ieħor skont l-impenji.

–       Membri ta’ Star Alliance bħala kompetituri ġodda

58      L-impenji preċedenti japplikaw għal kollox biss għall-operaturi l-ġodda li ma humiex membri ta’ Star Alliance. Bħala regola ġenerali, il-membri ta’ Star Alliance jistgħu wkoll jiksbu slots tal-ħin fil-kuntest tal-impenji, iżda l-kumpanniji tal-ajru mhux membri ta’ Star Alliance jkollhom prijorità jekk diversi operaturi potenzjali jitolbu slots tal-ħin fuq l-istess rotta skont l-impenji. Il-prijorità dejjem tingħata lil min jitlob li ma huwiex membru ta’ Star Alliance, jiġifieri anki jekk membru ta’ Star Alliance jitlob slots għal numru ogħla ta’ rotot minn min ma huwiex membru ta’ Star Alliance.

59      Barra minn hekk, kompetitur ġdid ta’ Star Alliance ma għandux il-possibbiltà li jikseb drittijiet ta’ preċedenza dwar is-slots tal-ħin miksuba mill-partijiet. Membru ġdid ta’ Star Alliance la jista’ jikkonkludi ftehim ta’ qsim ta’ kodiċi u lanqas ftehim ta’ impriża komuni ta’ qsim ta’ dħul u ta’ profitti mal-partijiet tal-konċentrazzjoni jew ma’ sħab oħra ta’ Star Alliance fuq il-pari ta’ bliet identifikati. Meta membru ta’ Star Alliance jieqaf juża wieħed mis-slots tal-ajru mogħtija skont l-impenji, il-partijiet għall-konċentrazzjoni għandhom jipproponu mill-ġdid dawn is-slots tal-ħin lil kompetituri ġodda .

60      Jekk membru ta’ Star Alliance jikseb slots tal-ħin skont l-impenji, il-Kummissjoni tista’ timponi kundizzjonijiet partikolari, b’mod partikolari sabiex tiġi żgurata l-indipendenza ta’ min jagħmel it-talba li jkun membru ta’ Star Alliance mqabbel mal-partijiet għall-konċentrazzjoni.

 Impenji oħra u dispożizzjonijiet

–       Ftehimiet speċjali relatati mal-ishma u ftehimiet ta’ qsim tal-kodiċi

61      L-impenji li jagħtu lil kompetitur ġdid il-possibbiltà li jikkonkludi ftehim speċjali relatat ma’ ishma u ftehim ta’ qsim ta’ kodiċi li jippermettilu li jqiegħed il-kodiċijiet tiegħu fuq titjiriet bi tluq u destinazzjoni jew fl-Awstrija, jew il-Ġermanja, jew il-Belġju, sakemm dik parti tal-vjaġġ tinvolvi par ta’ bliet identifikati. Il-kundizzjonijiet ta’ dan il-ftehim speċjali relatati ma’ ishma għandhom ikunu tali li l-kompetitur il-ġdid igawdi mill-istess trattament bħall-imsieħba membri ta’ Star Alliance għall-istess par ta’ bliet identifikati.

–       Dispożizzjonijiet oħra

62      L-impenji relatati mal-għoti ta’ slots tal-ħin huma kkumplimentati minn impenji oħrajn bħall-possibbiltà, għal kompetitur ġdid, sabiex jikkonkludi ftehimiet interlineari u ta’ aċċess għall-iskema ta’ lealtà mal-partijiet, kif ukoll ftehimiet intermodali ma’ kumpannija ferrovjarja jew kumpannija oħra tat-trasport fuq l-art.

63      L-impenji jipprovdu għall-ħatra ta’ mandatarju li ser ikun inkarigat li ser ikun inkarigat li jissorvelja l-osservanza tal-impenji mill-partijiet u sabiex jassistu lill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ trasferiment ta’ slots previsti mill-impenji.

64      L-impenji jinkludu wkoll dispożizzjonijiet għal proċedura mħaffa ta’ riżoluzzjonijiet ta’ tilwim, li konformement magħhom l-kompetitur il-ġdid jista’ jiddeċiedi li jsolvi t-tilwim kollu mal-partijiet dwar l-impenji skont il-proċedura ta’ arbitraġġ. Id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ser tkun vinkolanti kemm għall-kompetitur il-ġdid kif ukoll għall-partijiet. Il-piż tal-prova fi kwalunkwe tilwima jirrikjedi, minn naħa, mill-kompetitur il-ġdid li jipproduċi l-prova prima facie tal-mezzi tagħha u, min-naħa l-oħra, mill-partijiet li jipproduċu l-prova tal-kuntrarju.

65      L-impenji, b’mod partikolari l-obbligu ta’ trasferiment tas-slots, ma humiex limitati fiż-żmien, iżda jinkludu klawżola ta’ reviżjoni.

 Evalwazzjoni tal-impenji

66      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-impenji proposti minn Lufthansa u Austrian, il-Kummissjoni ppreċiżat li hija ħadet inkunsiderazzjoni l-interess espress mill-kompetituri sabiex jibdew joperaw il-pari tal-bliet identifikati jew jespandu l-attivitajiet tagħhom fuq dawn il-pari ta’ bliet u qieset li l-pakkett ta’ miżuri korrettivi kollha kemm huma kellhom natura attraenti fid-dawl tal-kuntest ekonomiku attwali tal-industrija tat-trasport bl-ajru. Il-Kummissjoni tindika li hija kkonkludiet li l-impenji proposti kienu jistgħu jwasslu għad-dħul ta’ kumpannija jew ta’ kumpanniji tal-ajru fuq il-pari ta’ bliet identifikati b’mod opportun u li dan id-dħul ikun biżżejjed sabiex ineħħi d-dubji serji identifikati fuq dawn is-swieq.

 Konklużjoni

67      Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset li l-konċentrazzjoni għandha tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet, u mal-Ftehim ŻEE, konformement mal-Artikolu 57 ta’ dan il-ftehim, permezz tal-osservanza ta’ impenji spjegati fl-anness li jagħmel parti integrali mid-deċiżjoni kkontestata.

68      Il-Kummissjoni speċifikat li din il-konklużjoni kienet valida irrispettivament mill-għajnuna għas-salvataġġ u l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, peress li dawn il-fondi kienu prinċipalment maħsuba sabiex jiżguraw is-sopravivenza ta’ Austrian u minħabba d-daqs żgħir tagħhom meta mqabbla mal-bżonnijiet finanzjarji globali ta’ Austrian u s-saħħa finanzjarja globali ta’ Lufthansa.

 Il-proċedura

69      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ April 2010, Niki Luftfahrt, ir-rikorrenti, ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

70      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fid-9 ta’ Lulju 2010 u fl-20 ta’ Lulju 2010, Lufthansa u ÖIAG Osram talbu li jintervjenu f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Ottubru 2010, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba ta’ Lufthansa u ta’ ÖIAG sabiex jintervjenu.

71      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Awwissu 2010, ir-Repubblika tal-Awstrija talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz tad-digriet tal-5 ta’ Ottubru 2010, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba tar-Repubblika tal-Awstrija sabiex tintervjeni.

72      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fl-20 ta’ Awwissu 2010 u fl-1 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni talbet li jingħata trattament kunfidenzjali mogħti fir-rigward ta’ ċerta data relatata, hija sostniet, mas-sigriet tan-negozju lill-intervenjenti.

73      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Seba’ Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla fis-27 ta’ Settembru 2010.

74      Peress illi l-intervenjenti ma qajmitx oġġezzjonijiet fir-rigward tat-talba għal trattament kunfidenzjali, verżjoni mhux kunfidenzjali tal-atti intbagħtet lilha, kif inizjalment kienu pprovdew id-digrieti tal-5 ta’ Ottubru 2010 imsemmija iktar ʼil fuq.

75      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla fl-24 ta’ Mejju 2012.

76      Fit-18 ta’ Frar 2013, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura bbażata fuq l-Artikolu 64(3)(b) u (c) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni sabiex tindikalha liema metodu hija kienet użat sabiex tiġi żgurata l-rappreżentattività tat-tweġibiet mill-kompetituri, l-impriżi klijenti u l-aġenziji tal-ivvjaġġar fil-kuntest tal-investigazzjoni tas-suq imwettaq matul il-fażi I tal-eżami tal-konċentrazzjoni.

77      Fl-istess jum, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ibbażata fuq l-Artikolu 64(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi l-impenji proposti mill-partijiet għall-konċentrazzjoni fl-10 ta’ Lulju 2009, il-kwestjonarju indirizzat lill-parteċipanti fis-suq tas-27 ta’ Lulju 2009 kif ukoll it-tweġibiet għall-imsemmi kwestjonarju, ivverifika li l-Kummissjoni kienet irċeviet qabel il-laqgħa tal-31 ta’ Lulju 2009, jekk ikun il-każ billi tinżamm l-anonimità tal-parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq kif ukoll it-tweġibiet għall-mistoqsija Nru 28 tal-kwestjonarju mibgħut fit-12 ta’ Mejju 2009 lill-kompetituri tal-partijiet għall-konċentrazzjoni matul il-fażi I tal-eżami.

78      Fit-22 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni wieġbet għad-domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali u parzjalment issodisfat din it-talba tagħha ta’ produzzjoni ta’ dokumenti.

79      Fis-17 ta’ Lulju 2013, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni, permezz ta’ miżura ġdida ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, adottata abbażi tal-Artikolu 64(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tipproduċi l-impenji proposti mill-partijiet għall-konċentrazzjoni fl-10 ta’ Lulju 2009 li hija ma kinitx prodotta kif ukoll it-tweġibiet kollha għall-kwestjonarju indirizzat lill-parteċipanti fis-suq fis-27 ta’ Lulju 2009 li hija kienet għadha ma pproduċietx, jekk ikun il-każ, billi ħalliet anonimi l-ismijiet ta’ dawn li wieġbu. Il-Kummissjoni ssodisfat din it-talba fid-19 ta’ Awwissu 2013.

80      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla fl-1 ta’ Ottubru 2013.

 It-talbiet tal-partijiet

81      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

82      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Awstrija, Lufthansa u ÖIAG, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

83      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) u (3) KE, u fuq l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, kif ukoll fuq il-linji gwida tal-2004. It-tieni wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-użu ħażin ta’ poter.

84      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet, għandhom jiġu ddikjarati inkompatibbli mas-suq komuni l-konċentrazzjonijiet li jistgħu jfixklu b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti. Bil-maqlub, il-Kummissjoni hija marbuta, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, li tiddikjara kompatibbli mas-suq komuni kwalunkwe konċentrazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament peress li l-kundizzjoni prevista mill-Artikolu 2(3) tal-istess regolament ma hijiex issodisfatta.

85      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli bażiċi tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, u, b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, jagħtu lill-Kummissjoni ċerta setgħa diskrezzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika, u li, għaldaqstant, l-istħarriġ mill-qorti tal-eżerċizzju ta’ tali setgħa, li huwa essenzjali fid-definizzjoni tar-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet, għandu jsir fid-dawl tal-marġni ta’ evalwazzjoni li fuqu huma msejsa r-regoli ta’ natura ekonomika li jagħmlu parti mir-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet (ara s-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2010, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑342/07, Ġabra, EU:T:2010:280, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Jekk il-qorti tal-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi fir-rigward tal-Kummissjoni, marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku, dan ma jfissirx li hija għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, tad-data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni għandha, b’mod partikolari, mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi prodotti, l-affidabbiltà tagħhom u l-konsistenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-intier tad-data rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk din hijiex ta’ natura li tissostanzja l-konklużjonijiet misluta minnha (sentenza Ryanair vs Il-Kummissjoni, punt 85 iktar ʼil fuq, EU:T:2010:280, punt 30).

87      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali, ir-rispett tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi għandu importanza iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm, b’mod partikolari, l-obbligu tal-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’akkuratezza u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami, id-dritt tal-persuna kkonċernata li tesponi l-opinjoni tagħha wkoll dak li tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti għad-deċiżjoni (sentenza Ryanair vs Il-Kummissjoni, punt 85 iktar ʼil fuq, EU:T:2010:280, punt 31).

88      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li l-argumenti u l-motivi mressqa mir-rikorrenti għandhom jiġu evalwati.

89      Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li qabel kollox teżamina t-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali.

1.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali

90      It-tieni motiv jinqasam f’żewġ partijiet ibbażati, l-ewwel, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni dwar is-sitwazzjoni kompetittiva rigward ir-rotot tal-ajru mill-Ewropa Ċentrali lejn l-Ewropa tal-Lvant barra mill-UE, il-tieni, l-inadegwatezza tal-istabbiliment tal-fatti mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-sondaġġ tas-suq.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

91      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn motivazzjoni dwar is-sitwazzjoni kompetittiva fuq ir-rotot tal-ajru bejn l-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant.

92      F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni llimitat ruħha fid-deċiżjoni kkontestata li tirreferi għas-sondaġġ tas-suq għall-analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq ir-rotot mill-Ewropa Ċentrali lejn l-Ewropa tal-Lvant. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni indikat fil-premessi 267 u 268 tal-imsemmija deċiżjoni li “t-tranżazzjoni proposta taffettwa serje ta’ rotot fir-rigward ta’ sovrapożizzjonijiet diretti-indiretti u indiretti-diretti bejn [Lufthansa ] u [Awstrian], kemm fi ħdan l-Ewropa kif ukoll mill-ajruporti Ewropej lejn destinazzjonijiet mhux Ewropej” li ġew analizzati “fid-dawl tal-pożizzjoni fis-suq tal-partijiet u tal-kontribuzzjoni ta’ ishma tas-suq li wasslu għall-operazzjoni”. Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li “l-preżenza u l-pożizzjoni tal-kompetituri u l-għadd ta’ passiġġieri fuq kull rotta ġew evalwati” u li “jekk ikun meħtieġ, l-għadd u t-tul tal-frekwenzi offruti mill-kompetituri tagħhom u r-rilevanza tagħhom għall-passiġġieri senswittivi għaż-żmien, b’mod partikolari, ttieħdu inkunsiderazzjoni”. Il-Kummissjoni sussegwentement indikat li “[a]bbażi ta’ dawn il-kriterji, ma ġiet identifikata ebda problema ta’ kompetizzjoni”, peress li “[b]arra minn hekk, l-investigazzjoni tas-suq tas-suq ma kixef l-ebda tħassib tal-kompetizzjoni rigward is-sovrappożizzjonijiet diretti-indiretti u indiretti-diretti identifikati, bl-eċċezzjoni tal-pożizzjoni fis-suq ta’ [Lufthansa] u [Austrian] fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant”.

93      Għandu wkoll jiġi rrilevat li l-Kummissjoni indikat, fil-premessa 269 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[m]atul il-fażi I, ċerti [parteċipanti] għall-investigazzjoni tas-suq esprimew tħassib dwar il-pożizzjoni b’saħħitha ta’ [Lufthansa] u ta’ [Austrian] fis-suq fl-[Ewopa Ċentrali u tal-Lvant], fid-dawl b’mod partikolari għall-kontroll li l-operazzjoni tagħti lil [Lufthansa] fuq parti sostanzjali ħafna ta’ ʽsuq taċ-ċentru tal-Ewropaʼ, peress li, fuq kollox, huma jikkontrollaw il-pjattaformi l-iktar importanti li jmorru l-[Ewropa Ċentrali u tal-Lvant] u li huma għandhom netwerks żviluppati ħafna f’dan ir-reġjun”. Il-Kummissjoni barra minn hekk irrilevat li “r-riżultati tal-fażi II, iktar fil-fond, tal-investigazzjoni tas-suq, madankollu, wera li l-maġġoranza l-kbira tal-klijenti korporattivi, b’mod partikolari, ma [kienu] jaraw l-ebda impatt negattiv ta’ pożizzjoni potenzjalment msaħħa tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni għat-titjiriet li jservu l-[Ewropa Ċentrali u tal-Lvant] u indikaw kompetituri alternattivi eżistenti”.

94      Għalhekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ddikjarat li, l-ewwel nett, għamlet analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq ir-rotot mill-Ewropa lejn destinazzjonijiet mhux Ewropej, għaldaqstant inklużi fl-Ewropa tal-Lvant, li fuqhom, is-servizzi ta’ Lufthansa u ta’ Austrian kellhom is-sovrappożizzjonijiet diretti-indiretti u indiretti-indiretti, li bħala riżultat tagħhom ebda problema ta’ kompetizzjoni ma ġiet irrilevata fuq ir-rotot inkwistjoni, insegwitu, it-tieni nett, apparti l-problemi ta’ kompetizzjoni mqajma minn xi parteċipanti fis-investigazzjoni tas-suq fil-fażi I tal-imsemmija investigazzjoni fid-dawl tar-risposti mogħtija mill-parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq matul il-fażi II iktar fil-fond ta’ din l-investigazzjoni.

95      Id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni sempliċement għamlet riferiment għar-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq sabiex tispjega l-assenza ta’ problemi ta’ kompetizzjoni fuq ir-rotot bejn l-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant hija, konsegwentement, infondata.

96      L-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma indikatx, fil-kuntest tal-analiżi tas-sitwazzjoni kompetittiva fuq ir-rotot bejn l-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant, fuq liema minn dawn ir-rotot it-trasportaturi tal-ajru Air France-KLM, British Airways, CSA u Malev kienu jikkostitwixxu alternattivi kredibbli għal Lufthansa u Austrian għandu wkoll jiġi miċħud.

97      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-premessi 270 u 271 tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom il-Kummissjoni ssemmi t-trasportaturi tal-ajru ċċitati iktar ʼil fuq, ma humiex relatati mal-analiżi li wasslet lill-Kummissjoni li tikkonstata, fil-punt 268 tal-imsemmija deċiżjoni, l-assenza ta’ problemi ta’ kompetizzjoni fuq ir-rotot bejn l-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant. Din hija, attwalment, tweġiba għat-tħassib espress minn xi parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq fil-fażi I tal-imsemmi stħarriġ li semmiet il-Kummissjoni fil-premessa 269 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni fil-fatt indikat f’dan l-aħħar punt li xi parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq kienu mħassba dwar il-kontroll li l-konċentrazzjoni tagħti lil Lufthansa “fuq parti sostanzjali ħafna tas-suq ʽĊentrali Ewropewʼ, minħabba, fuq kollox, li [Awstrijak u Lufthansa] [kienu] jikkontrollaw il-pjattaformi l-iktar importanti li jservu l-[Ewropa Ċentrali u tal-Lvant] u dawn [kellhom] netwerks żviluppat ħafna f’dan ir-reġjun”. Peress li dan it-tħassib ma jittrattax rotot partikolari, iżda l-pożizzjoni allegatament iktar b’saħħitha ta’ Lufthansa fuq is-“suq Ċentrali Ewropew”, il-Kummissjoni, ġustament, illimitat li tikkonferma li, konformement ma’ dak li l-parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq kienu indikaw fil-fażi II, il-kumpanniji tan-netwerk prinċipali kienu jservu Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Għaldaqstant, ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni, b’hekk, naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

98      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata rigward is-sitwazzjoni kompetittiva fuq ir-rotot bejn l-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant ma huwiex spjegat mit-terminu qasir sabiex tiġi adottata deċiżjoni fil-kuntest tal-fażi II tal-proċedura ta’ eżami, peress li dan huwa jiskadi qabel is-6 ta’ Novembru 2009, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kif ġie kkonstatat iktar ʼl isfel, ir-rikorrenti ma turix li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni dwar l-analiżi kompetittiva tar-rotot bejn l-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant, hekk li l-imsemmi argument jidher infondat u għandu jiġi miċħud.

99      Barra minn hekk, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti għandhom ikunu interpretati bħala li jilmentaw li l-Kummissjoni ma tkunx inkludiet fid-dettall, fid-deċiżjoni kkontestata, l-analiżi kompetittiva tar-rotot kollha bejn l-Ewropa Ċentrali u Ewropa tal-Lvant fejn is-servizzi tal-partijiet għall-konċentrazzjoni kellhom sovrappożizzjoni diretta-indiretta jew indiretta-indiretta, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun xierqa għan-natura tal-att inwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod li jippermetti lil dawk ikkonċernati sabiex ikunu mgħarrfa bir-raġunijiet għall-miżura u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. B’hekk, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, billi l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss b’referenza għall-kliem użat fiha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 63; tat-22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑42/01, Ġabra, EU:C:2004:379, punt 66, u tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, Ġabra, EU:C:2008:224, punt 79).

100    Madankollu, l-awtur ta’ dan l-att ma huwiex marbut li jieħu pożizzjoni fuq elementi li b’mod ċar huma sekondarji jew li jantiċipa oġġezzjonijiet potenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Il-Ġermanja u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, C‑465/02 u C‑466/02, Ġabra, EU:C:2005:636, punt 106). Barra minn hekk, il-livell ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandu jkun proporzjonat mal-possibbiltajiet materjali u mal-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ terminu li fihom din għandha tittieħed (sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 1965, Schwarze, 16/65, Ġabra, EU:C:1966:117, p. 1081, 1096 u 1097, u tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C‑350/88, Ġabra, EU:C:1990:71, punt 16). B’hekk, il-Kummissjoni ma tiksirx l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni jekk, meta teżerċita s-setgħa tagħha ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, hija ma tinkludix fid-deċiżjoni tagħha motivazzjoni preċiża fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ ċertu numru ta’ aspetti tal-konċentrazzjoni li jidhrilha li huma manifestament irrilevanti, insinjifikattivi jew b’mod ċar sekondarji għall-evalwazzjoni ta’ din il-konċentrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 99 iktar ’il fuq, punt 64). Tali rekwiżit ikun fil-fatt diffiċilment kompatibbli mal-ħtieġa ta’ ħeffa u t-termini qosra ta’ proċedura li l-Kummissjoni għandha tosserva meta teżerċita s-setgħa tagħha ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet u li jifformaw parti minn ċirkustanzi partikolari ta’ proċeduri għall-kontroll ta’ dawn il-konċentrazzjonijiet. Minn dan jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni huwa sodisfatt jekk din id-deċiżjoni turi b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tikkunsidra li l-konċentrazzjoni inkwistjoni, jekk ikun il-każ wara tibdiliet magħmula mill-impriżi kkonċernati, ma toħloqx jew ma ssaħħaħx pożizzjoni dominanti li b’riżultat tagħha kompetizzjoni effettiva tkun ostakolata b’mod sinjifikanti fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari bil-ħolqien jew bit-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti.

101    Issa, fid-dawl, minn naħa, tal-fatt li l-Kummissjoni kienet diġà kkonstatat l-eżistenza ta’ problemi ta’ kompetizzjoni fuq ir-rotot li għandhom sovrappożizzjonijiet diretti li fir-rigward tagħhom il-partijiet kienu pproponew impenji sodisfaċenti u li hija ma sabitx l-iċken problema ta’ kompetizzjoni fuq ir-rotot li għandhom sovrappożizzjonijiet diretti-indiretti u indiretti, min-naħa l-oħra, tal-għadd kbir ta’ dawn tal-aħħar rigward id-daqs tan-netwerks rispettivi ta’ Lufthansa u ta’ Austrian, u, fl-aħħar nett, tal-obbligu li tadotta deċiżjoni malli d-dubji serji mqajma, b’mod partikolari minħabba bidliet li saru fl-impriżi għall-kompetizzjoni, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma tikser l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, sempliċement tiddeskrivi s-sitwazzjoni kompetittiva fuq dawn ir-rotot bil-mod hija għamlet fil-premessi 267 sa 273 tad-deċiżjoni kkontestata.

102    Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda bħala infondata l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni rigward is-sitwazzjoni kompetittiva fuq ir-rotot bejn l-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq in-natura insuffiċjenti tal-istabbiliment tal-fatti fil-kuntest tal-investigazzjoni tas-suq

103    Ir-rikorrenti ssostni li, minħabba l-kundizzjonijiet li fihom saret l-investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni ma kinitx materjalment tista’ tikkunsidra r-riżultati tagħhom dwar il-kundizzjonijiet tas-suq relatati, b’mod partikolari, mar-rotot bejn l-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant.

104    Ir-rikorrenti ssostni, b’mod partikolari, li, fis-16 ta’ Lulju 2009, fil-kuntest tal-investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni bagħtet lill-kompetituri ta’ Lufthansa u ta’ Austrian, kwestjonarju li kellu jimtela sa mhux iktar tard mill-24 ta’ Lulju 2009. F’dan il-kwestjonarju, il-Kummissjoni talbet ħafna informazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ rotot lejn l-Ewropa tal-Lvant u l-Lvant Nofsani. Fl-20 u l-24 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni indirizzat, lir-rikorrenti biss, kwestjonarji oħra li kellhom jimtlew sa mhux iktar tard mis-27 u t-30 ta’ Lulju 2009.

105    Sussegwentement, Lufthansa bagħtet, fis-27 ta’ Lulju 2009, proposti għal impenji riveduti li kienu inqas estensivi minn dawk proposti fil-fażi I tal-eżami tal-konċentrazzjoni rigward id-disponibbiltà ta’ slots tal-ħin, sa fejn dawn ma jipprevedux li jkunu ċeduti slots tal-ħin fuq ir-rotot Vjenna-Zürich (l-Isvizzera), anki jekk il-proposti ta’ impenji tal-fażi 1 tqiesu insuffiċjenti mill-Kummissjoni, kif jirriżulta mill-ftuħ tal-fażi II tal-eżami.

106    Skont ir-rikorrenti, mis-27 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-kompetituri relatat ma’ dawn il-proposti l-ġodda ta’ impenji li kellu jimtela sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Lulju 2009. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ġiet informata mill-membru tal-grupp tal-Kummissjoni li l-kwestjonarji mibgħuta qabel ma humiex ser ikunu pproċessati u li ser ikunu eżaminati biss l-aħħar proposti ta’ impenji sottomessi minn Lufthansa.

107    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li, hekk kif jirriżulta mill-stqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni, il-Kummissarju inkarigat mill-fajl inkwistjoni, Neelie Kroes, tat istruzzjonijiet lill-impjegati tagħha fil-31 ta’ Lulju 2009, jiġifieri jum wieħed biss wara l-iskadenza tat-terminu sabiex jimtlew l-aħħar kwestjonarji, li tiġi abbozzata deċiżjoni li tawtorizza l-konċentrazzjoni bejn Lufthansa u Austrian.

108    Għaldaqstant, ikun manifest li l-Kummissjoni ma’ għamlitx sew l-investigazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq, b’mod partikolari fir-rigward tar-rotot lejn l-Ewropa tal-Lvant, li hija stess kienet fetħet.

109    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija l-Kummissjoni li tevalwa jekk l-informazzjoni disponibbli għaliha hijiex suffiċjenti għall-analiżi kompetittiva, bl-istess mod li għandha tevalwa jekk l-impenji proposti jneħħu b’ċertezza suffiċjenti l-problemi ta’ kompetizzjoni nnotati.

110    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-tweġibiet għall-kwestjonarju tas-16 ta’ Lulju 2009 relatati mar-rotot lejn l-Ewropa tal-Lvant u l-Lvant Nofsani, għandu jiġi rrilevat li din hija bbażata biss fuq dikjarazzjoni li membru tad-dipartiment tal-Kummissjoni responsabbli mill-każ għamel lir-rikorrenti. Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova ta’ tali dikjarazzjoni, b’tali mod li din l-affermazzjoni għandha tiġi miċħuda bħala sempliċi allegazzjoni nieqsa minn prova.

111    Fir-rigward, it-tieni lok, tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni risposti għall-kwestjonarji relatati mal-impenji ġodda proposti mill-partijiet fis-27 ta’ Lulju 2009 minħabba ż-żmien qasir li għadda bejn it-terminu sabiex jitwieġbu dawn il-kwestjonarji u d-deċiżjoni tal-Kummissarju inkarigat mill-każ li jistieden lis-servizzi tiegħu sabiex jippreparaw deċiżjoni ta’ approvazzjoni kundizzjonali, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ssostni fl-atti tagħha, li, minħabba n-natura minima tal-bidliet li saru fl-impenji magħmula mill-partijiet fil-konċentrazzjoni fl-10 ta’ Lulju 2009, l-għadd tat-tweġibiet għall-kwestjonarji dwar dawn l-impenji ħa ftit wisq żmien.

112    Peress li l-proċess la fih l-impenji tal-10 ta’ Lulju 2009 tal-partijiet għall-konċentrazzjoni, la l-kwestjonarju tas-27 ta’ Lulju 2009 dwar l-impenji fl-istess jum, u lanqas ir-risposti għal dan il-kwestjonarju, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni, b’miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-18 ta’ Frar 2013, li tipproduċi dawn id-dokumenti sabiex tivverifika l-possibbiltà materjali għas-servizzi tal-Kummissjoni li jieħdu inkunsiderazzjoni t-tweġibiet għall-kwestjonarju tas-27 ta’ Lulju 2009 qabel mal-Kummissarju inkarigat mill-fajl inkwistjoni jistedinhom hu mistieden sabiex jippreparaw deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali.

113    Fit-22 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni pproduċiet l-impenji tas-27 ta’ Lulju 2009 tal-partijiet għall-konċentrazzjoni, kif ukoll it-tweġibiet għall-kwestjonarju tas-27 ta’ Lulju 2009 dwar l-imsemmija impenji, li waslet mhux iktar tard mill-bidu tal-għodwa tal-31 ta’ Lulju 2009. Il-Kummissjoni indikat, fir-risposta tagħha għat-talba għal produzzjoni ta’ dokumenti, li hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni wkoll ir-risposti tardivi fl-evalwazzjoni tagħha, jiġifieri t-tweġibiet li waslu fil-wara nofsinhar tal-31 ta’ Lulju 2009, mhux prodotti, iżda li dan ma kienx wassal għal riżultat differenti, hekk li l-inklużjoni ta’ dawn it-tweġibiet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mill-Kulleġġ tal-Kummissarji ma kellha l-ebda konsegwenzi. Hija, madankollu, ma pproduċietx l-impenji tal-10 ta’ Lulju 2009.

114    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni, permezz ta’ miżura ġdida ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, sabiex tipproduċi l-impenji proposti mill-partijiet għall-konċentrazzjoni fl-10 ta’ Lulju 2009, kif ukoll it-tweġibiet kollha għall-kwestjonarju mibgħut lill-parteċipanti fis-suq tas-27 ta’ Lulju 2009 li kienu għadhom mhux prodotti. Il-Kummissjoni ssodisfat din it-talba fid-19 ta’ Awwissu 2013.

115    Il-qari komparattiv tal-impenji tal-10 u tas-27 ta’ Lulju 2009 tal-partijiet għall-konċentrazzjoni jippermetti li jikkonstata li d-differenzi bejn dawn tal-aħħar huma limitati għad-disponibbiltà tal-partijiet għall-konċentrazzjoni ta’ slots tal-ħin fuq ir-rotot bejn pari ta’ bliet identifikati. B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li l-impenji tal-27 ta’ Lulju 2009 jipprovdu għad-disponibbiltà fir-rigward ta’ kompetitur i ġodda fis-suq ta’ erba’ slots tal-ħin kuljum fuq ir-rotta Vjenna-München, filwaqt li l-impenji tal-10 ta’ Lulju 2009 jipprevedu disponibbiltà ta’ żewġ slots tal-ħin kuljum fuq ir-rotta Vjenna-Genève. Bl-istess mod, il-modi ta’ reviżjoni tal-ftehimiet eżistenti bejn Lufthansa u r-rikorrenti dwar id-disponibbiltà ta’ slots tal-ħin fuq ir-rotta Vjenna-Frankfurt am Main sabiex jirrifletti l-impenji huma kemxejn differenti (punti 1.1.1 u 1.1.3 taż-żewġ verżjonijiet suċċessivi tal-impenji). Fid-dawl tal-impenji kollha magħmula mill-partijiet għall-konċentrazzjoni, hemm lok li jitqies jekk dawn il-bidliet jistgħux jiġu kklassifikati bħala żgħar, u dan minkejja l-importanza partikolari tagħhom għar-rikorrenti.

116    Għaldaqstant, minkejja n-numru kbir ta’ tweġibiet rċevuti mill-Kummissjoni għall-kwestjonarju mibgħut lill-operaturi tas-suq fis-27 ta’ Lulju 2009, l-analiżi ta’ dawn it-tweġibiet ma tidhirx li kienet kompitu impossibbli li jitwettaq mis-servizzi tal-Kummissjoni qabel ma l-Kummissarju inkarigat mill-fajl inkwistjoni jistedinhom, abbażi, b’mod partikolari, ta’ din l-analiżi, li jħejju deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali.

117    Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tieni motiv u, għaldaqstant, it-tieni motiv kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

2.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) u (3) KE, tal-Artikolu 8 tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, kif ukoll il-Linji Gwida tal-2004

118    L-ewwel aggravju jikkonsisti f’żewġ partijiet. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku rilevanti għall-evalwazzjoni tal-effetti kompetittivi tal-konċentrazzjoni, it-tieni wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-effetti kompetittivi tal-konċentrazzjoni fuq ir-rotot bejn il-Ġermanja u l-Awstrija, it-tielet wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-konsegwenzi tal-konċentrazzjoni fuq ir-rotot tal-ajru bejn l-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant barra l-Unjoni, ir-raba’ wieħed fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar il-kapaċità tal-kompetituri ta’ Lufthansa u ta’ Austrian li jibqgħu jew li jidħlu fis-suq rilevanti wara l-konċentrazzjoni u l-ħames wieħed, żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar il-kapaċità tal-impenji sabiex jirrimedjaw għall-problemi ta’ kompetizzjoni maħluqa mill-konċentrazzjoni.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq ġeografiku rilevanti

119    Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni, essenzjalment, iddefinixxiet is-suq ġeografiku rilevanti skont l-approċċ O & D u li ma użatx approċċ iktar globali lejn is-suq ġeografiku rilevanti, li kien ikun iktar xieraq għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni bejn iż-żewġ trasportaturi tal-ajru tan-netwerk, bħal Lufthansa u Austrian.

 Fuq id-definizzjoni tas-suq mill-Kummissjoni skont l-approċċ O & D

120    Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont il-kliem tat-taqsima 6 tal-formularju CO rigward in-notifika ta’ konċentrazzjoni konformement mar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, li jinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 802/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jimplementa r-Regolament [dwar il-konċentrazzjonijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 88), “[i]l-prodott relevanti jew is-swieq ġeografiċi jiddeterminaw l-iskop [il-kuntest] li fih il-qawwa tas-suq ta’ entita ġdida li tirriżulta mill-konċentrazzjoni għandha tkun assessjata”.

121    Fl-imsemmija taqsima 6, taħt it-titolu “I. Is-swieq relevanti tal-prodott”, huwa ppreċiżat li:

“Prodott relevanti tas-suq hemm imsawrin fih dawk il-prodotti kollha u/jew servizzi li huma meqjusa bħala li jinbidlu jew sostitiwiti mill-konsumatur, minħabba l-karatteristiċi tal-prodott, il-prezzijiet tagħhom u l-użu maħsub tagħhom [...]

Il-fatturi relevanti fl-istidju dwar is-suq ta’ prodott relevanti jinkludu l-analiżi ta' il-għala il-prodotti jew is-servizzi f'dawn is-swieq humiex inklużi u il-għala oġrajn huma esklużi bl-użu tad-definizzjoni ta' hawn fuq, wara li jkun ikkonsidrat, per eżempju, is-subadattabbilità [sostitwibbiltà], il-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni, il-prezzijiet, l-elastiċità trasversjali tal-prezzijiet jew tat-talba jew fatturi oħrajn relevanti għad-definizzjoni tas-swieq tal-prodott (per eżempju, is-subadattabbilità [sostitwibbilità] ta’ forniment [tal-offerta] laterali fil-każi xierqa).”

122    Fl-istess taqsima 6, intitolata “II. Swieq ġeografiċi relevanti”, huwa indikat kif ġej:

“Is-suq ġeografiku relevanti fih iz-zona li fiha l-impriżi konċernati huma nvoluti fil-provvista biżżejjed qrib xulxin u li jistgħu jintgħarfu minn żoni ġirien għaliex, partikolarment, kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni huma differenti b'mod aaprezzabbli f'dawn iż-żoni.

Il-fatturi relevanti fl-istudju tas-suq ħeografiku [ġeografiku] relevanti jinkludi, inter alia, in-natura u l-karatteristċi tal-prodotti jew servizzi ikkonċernati, l-eżistenza ta’ barieri għad-dħul, il-preferenzi tal-konsumaturi, id-differenzi apprezzabbli fl-ishma tas-suq ta’ l-impriżi bejn iż-żoni ġeografiċi tal-qrib, jew differenzi sostanzjali fil-prezz.”

123    L-att tal-Kummissjoni, tad-9 ta’ Diċembru 1997, dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 155, iktar ʼil quddiem il-“Komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq”), li għaliha tirreferi l-formularju CO li tinsab fl-Anness 1 tar-Regolament Nru 802/2004, jippreċiża l-prinċipji bażiċi tad-definizzjoni tas-swieq.

124    B’hekk, fir-rigward tar-restrizzjonijiet kompetittivi, fil-paragrafu 13 tal-Komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq huwa indikat:

“Id-ditti huma soġġetti għall-tlett ejgħun jew ġegħil kompettittiv: it-tibdil fid-domanda, it-tibdil fil-provvista u kompetizzjoni potenzali. Minn lenti ekonomika, għal tifsira ta’ suq rilevanti, sostituzzjoni ta’ domanda tfisser il-forza dixxiplinarja l-aktar immedjata u effettiva fuq il-fornituri ta’ prodott speċifiku vis-à-vis id-deċiżjonijiet dwar il-prezz tagħhom […]”

125    Barra minn hekk, il-punt 14 tal-Komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq isemmi:

“Il-rases [restrizzjonijiet] tal-kompetizzjoni li joħorġu minn naħa ta’ sostituzzjoni ta’ fornitura minbarra dawk deskritti fil-paragrafi 20 sa 23 u minn kompetizzjoni potenzali huma ġeneralment inqas immedjati u f’kull każ jenħtieġu analiżi ta’ fatturi addizzjonali. Bħala riżultat dawn il-ġegħil [restrizzjonijiet] huma meħuda in konsiderazzjoni għall-istadju ta’ assessjar f’analiżi ta’ kompetizzjoni.”

126    Il-komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq tiddefinixxi insegwitu dak li għandu jinftiehem b’sostituzzjoni min-naħa tad-domanda, sostituzzjoni min-naħa tal-offerta u kompetizzjoni potenzjali.

127    B’hekk il-paragrafu 15 tal-Komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq jindika:

“L-istima ta’ sostituzzjoni ta’ domanda tinvolvi determinazzjoni tal-medda ta’ prodotti illi huma kkonsidrati bħala li sostituti mill-komsumatur. Mod wieħed kif tista’ ssir din id-determinazzjoni tista’ tidher bħala esperiment spekulattiv, billi jintalab kambjament ipotekali żgħir u illi jdum fil-prezzijiet relattivi u fl-evalwar tar-reazzjoni li x’aktarx ikun hemm mill-klijenti għall-dik il-żieda. L-eżerċizzju tad-definizzjoni ta’ suq tiffoka fuq il-prezzijiet għal għanijiet ta’ pjan operazzjonali u prattiċi, u aktar preċiżament fuq is-sostituzzjoni tad-domanda li toħroġ minn sostituzzjoni tad-domanda minn kambjamenti permanenti żgħar fil-prezzijiet relattivv [relattivi].”

128    Skont il-kliem tal-paragrafu 16 tal-Komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq, dan l-approċċ jippermetti, “meta tibda mit-tip ta’ prodotti illi l-impriża involuta tbiegħ u ż-żona minn fejn tbiegħhom, prodotti addizzjonali se jkunu inklużi fi, jew esklużi minn, id-definizzjoni ta’ suq tiddependi skond jekk il-kompetizzjoni minn dawn il-prodotti oħrajn u ż-żoni affetwati jew jirrestrinġux biżżejjed it-tqegħid ta’ prezz fuq il-prodotti tal-partijiet fi żmien qasir”.

129    Fil-kuntest tal-approċċ imsemmi iktar ʼil fuq, il-paragrafu 17 tal-Komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq jippreċiża:

“Il-mistoqsija illi għandha tkun imwieġba hija jekk il-klijenti tal-partijiet [għall-konċentrazzjoni] ibiddlu għal sostituti li huma disponibbli faċilment jew għall-fornituri li qegħdin fl-lokalità oħra bħala risposta għal żieda ipotekalment żgħira (bejn il-5 % sal-10 %) iżda permanenti fil-prodotti u fiż-żoni li jkunu qed jiġu kkonsidrati. Jekk is-sostituzzjoni tkun biżżejjed illi tagħmel iż-żieda fil-prezz mhux profittabbli minħabba nuqqas fil-bejgħ, sostituzzjonijiet addizzjonali u żoni sostituzzjonali huma inklużi fis-suq rilevanti. Dan ikun magħmul sakemm il-grupp ta' prodotti and żoni ġeografiċi huma b'tali mod illi żidiet permanenti żgħar fil-prezzijiet relattivi jkunu kappaċi jagħmlu profitt […]”

130    Il-paragrafu 20 tal-Komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq jinvoka s-sotitwibbiltà min-naħa tal-offerta kif ġej:

“Sostituzzjonalità da parti tal-fornitura tista’ tkun ukoll meħuda in konsiderazzjoni fid-definizzjoni ta’ suq f’dawk is-sitwazzjonijiet illi l-effetti tagħha huma ekwivalenti għal dawk tas-sostituzzjoni tad-domanda ai termini ta’ effettività u immedjalità. Dan ifisser illi l-fornituri huma kaħaċi illi jbiddlu prodott ma prodott rilevanti u jinnegozjawhom fit-terminu qasir [...] mingħajr ma jirrikorru nefqa addizzjonali sinjifikattiva jew riskji bħala risposta għal bidla żgħira permanenti fil-prezzijiet relattivi. Meta dawn il-kondizzjonijiet jkunu milħuqa, l-prodotti addizzjonali li jkunu ġew imqegħda fis-suq ikollhom effett dixxiplinarju fuq l-atteġġjament ta' kompetizzjoni mill-kumpanniji involuti. Dan l-impatt ai termini ta’ effettività u immedjalità hija ekwivalenti għall-effett tas-sostituzzjoni tad-domanda.”

131    Il-paragrafu 21 Komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq isemmi:

“Dawn is-sitwazzjonijiet tipikament jiġru meta kumpanijji jqegħdu fis-suq medda wiesa ta’ kwalitajiet jew gradi ta’prodott wieħed, anke jekk, għall-konsumatur wieġed jew għal grupp ta’ konsumaturi, il-kwalitajiet differenti ma jistgħux ikunu sostitwiti, il-kwalitajiet differenti jkunu imqeħda fi gruppi f’suq wieġed tal-prodott, iżda l-maġġoranza tal-fornituri huma kapaċi illi joffru u jbiegħu il-kwalitajiet varji immedjatament u mingħajr żieda sinjifikattiva fil-prezz deskritt aktar ‘il fuq. F’dawn il-każijiet, is-suq tal-prodott rilevanti jinkorpora l-prodotti kollha illi huma kapaċi ta' sostituzzjoni fid-domanda u fil-provvista, u l-bejgħ kurrenti ta’ dawk il-prodotti ikun aggregat sabiex jingħata valur totali jew volum totali tas-suq. L-istess raġonament jista’ jwassal għall-għaqda fiż-żoni ġeografiċi differenti.”

132    Għall-kuntrarju, il-paragrafu 24 tal-Komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq jindika:

“It-tielet egħjun ta’ ġegħil kompetittiv, kompetizzjoni potenzali, mhuwiex meħud in konsiderazzjoni meta jkun se tingħata tifsira għas-suq, billi l-kondizzjonijiet taħt liema l-kompetizzjoni potenzali tkun fil-fatt tirrapreżenta ġegħil ta’ kompetizzjoni effettiv jiddependi mill-analiżi tal-fattur speċifiku u ċ-ċirkostanti relatati mal-kondizzjonijiet tad-dħul. Jekk meħtieġ, din l-analiżi hija magħmula fi stadju aktar sussegwenti, ġeneralment ġaladarba l-pożizzjoni tal-kumpaniji involuti fis-suq rilevanti kien diġa żgurat, u meta din il-pożizzjoni tagħti lok għal interess mill-lenti tal-kompetizzjoni.”

133    Il-mod kif għandu jiġi ddefinit is-suq rilevanti fil-qasam tat-trasport bl-ajru regolari ta’ passiġġieri fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE ġie ċċarat mill-qorti tal-Unjoni.

134    Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 82 KE jista’ f’ċerti ċirkustanzi jkun intiż għall-applikazzjoni diretta ta’ tariffi għal ċerta rotta, jew ċerti rotot, ta’ titjiriet regolari, meta dawn it-tariffi jiġu stabbiliti minn ftehimiet bilaterali jew multilaterali konklużi bejn trasportaturi tal-ajru, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dan l-artikolu huma ssodisfatti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ April 1989, Saeed Flugreisen u Silver Line Reisebüro, 66/86, Ġabra, EU:C:1989:140, punt 38).

135    Sabiex jiġi evalwat jekk impriża tat-trasport bl-ajru li topera titjiriet skedati għandhiex pożizzjoni dominanti fis-suq, qabel kollox għandu jiġi ddefinit is-suq tas-servizzi ta’ trasport inkwistjoni. Hemm żewġ teżijiet f’dan ir-rigward, l-ewwel waħda li l-qasam ta’ titjiriet skedati jikkostitwixxi suq separat, u t-tieni waħda li tgħid li possibbiltajiet alternattivi ta’ trasport, bħat-trasport b’charter, bil-ferrovija jew bit-triq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, kif ukoll it-titjiriet skedati fuq rotot oħrajn li jistgħu jservu bħala sostitut (ara, b’analoġija, is-sentenza Saeed Flugreisen u Silver Line Reisebüro, punt 134 iktar ʼil fuq, EU:C:1989:140, punt 39).

136    Il-kriterju li għandu jitqies f’dan ir-rigward, huwa jekk it-titjira skedata fuq rotta partikolari tistax tiġi individwalizzata, meta mqabbla ma’ possibbiltajiet alternattivi ta’ trasport, permezz tal-karatteristiċi partikolari tagħha, li jirriżultaw li hija ftit skambjabbli magħhom u li hija esposta għall-kompetizzjoni tagħhom b’mod ftit sensittiv (ara, b’analoġija, is-sentenza Saeed Flugreisen u Silver Line Reisebüro, punt 134 iktar ʼil fuq, EU:C:1989:140, punt 40).

137    L-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju ma jwassalx neċessarjament għal riżultati identiċi fil-każijiet differenti; fil-fatt, għal xi rotot tal-ajru jinsabu f’sitwazzjoni fejn ebda kompetizzjoni effettiva ma tista’ sseħħ. Fil-prinċipju, madankollu, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rotot intrakomunitarji, il-qawwa ekonomika ta’ kumpannija tal-ajru fuq rotta ta’ titjiriet skedati tista’ tiddependi mis-sitwazzjoni kompetittiva ta’ trasportaturi oħra li jservu l-istess rotta jew linja li tista’ sservi bħala sostitut (ara, b’analoġija, is-sentenza Saeed Flugreisen u Silver Line Reisebüro, punt 134 iktar ʼil fuq, EU:C:1989:140, punt 41).

138    Kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żviluppat, fil-kuntest tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru skedat, l-approċċ O & D li jikkorrispondi għal approċċ fuq pari ta’ bliet “punt ta’ oriġini/punt ta’ destinazzjoni” u li jirrifletti l-perspettiva tad-domanda li biha l-konsumaturi jqisu l-għażliet kollha possibbli, inklużi l-modi differenti ta’ trasport, sabiex imorru minn belt ta’ oriġini għal belt ta’ destinazzjoni. Skont dan l-approċċ, kull kombinazzjoni ta’ punt ta’ oriġini u punt ta’ destinazzjoni jifforma suq distint. Kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-approċċ O & D huwa rikonoxxut mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni Franċiża 09-DCC-17, tas-7 ta’ Lulju 2009, Financière LMP SAS/Financière Linair SAS vs Brit Air SA, punt 22, kif ukoll id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni Belġjan tal-24 ta’ Diċembru 2004, SN Airholding II vs Virgin Express, punt 4.2).

139    Il-konformità tal-approċċ O & D mal-linji gwida stabbiliti mill-ġurisprudenza ġiet ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1994 Air France vs Il-Kummissjoni (T‑2/93, Ġabra, EU:T:1994:55, punt 84), u mfakkar iktar reċentement fis-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il-Kummissjoni (T‑177/04, Ġabra, EU:T:2006:187, punt 56). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li fis-sentenza easyJet vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq (EU:T:2006:187), id-deċiżjoni kkontestata kienet relatata ma’ konċentrazzjoni bejn żewġ kumpanniji tal-ajru, jiġifieri Air France u KLM.

140    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq l-użu tal-approċċ O & D għad-definizzjoni tas-suq jista’ jiġi miċħud bħala infondat abbażi biss tal-ġurisprudenza spjegata iktar ʼil fuq.

141    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti l-oħra mqajma mir-rikorrenti.

142    Fi-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma użatx l-approċċ O &D fid-deċiżjoni Lufthansa vs BMI, għandu jitfakkar li, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni fuq il-bażi ta’ notifikazzjoni u l-fajl relattiv għal din l-operazzjoni, ir-rikorrenti ma għandhiex id-dritt li tikkontesta dawn il-konstatazzjonijiet tagħha minħabba li dawn ikunu differenti minn dawk li jkunu saru preċedentement f’kawża oħra, fuq il-bażi ta’ notifika u ta’ fajl differenti, anki jekk is-swieq inkwistjoni fiż-żewġ kawżi jkunu l-istess, jew ikunu identiċi. B’hekk, f’każ fejn ir-rikorrenti tinvoka, f’dan il-każ, l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni preċedenti tagħha, din il-parti tal-argument tagħha hija irrilevanti (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni, T‑210/01, Ġabra, EU:T:2005:456, punt 118).

143    Anki kieku wieħed kellu jissupponi li dan l-ilment jista’ jiġi kkwalifikat mill-ġdid bħala li huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, l-operaturi ekonomiċi ma humiex iġġustifikati li jibbażaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom fuq li tinżamm il-prassi deċiżjonali preċedenti li tista’ tinbidel. a fortiori, huma ma jistgħux jinvokaw dawn l-aspettattivi sabiex jikkontestaw konstatazzjonijiet jew evalwazzjonijiet magħmula fi proċedura partikolari fuq il-bażi ta’ konstatazzjonijiet jew l-analiżi magħmula fil-kuntest ta’ kawża waħda preċedenti (sentenza General Electric vs Il-Kummissjoni, punt 142 iktar ʼil fuq, EU:T:2005:456, punt 119).

144    Fi kwalunkwe każ, la l-Kummissjoni u lanqas, a fortiori, il-Qorti Ġenerali ma huma marbuta f’ dan il-każ bil-konstatazzjonijiet ta’ fatt u l-evalwazzjonijiet ekonomiċi li saru fid-deċiżjoni Lufthansa vs BMI. Anki jekk wieħed jissupponi li l-analiżi fiż-żewġ deċiżjonijiet hija differenti mingħajr ma din id-differenza tiġi ġġustifikata oġġettivament, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tannulla d-deċiżjoni kkontestata fil-proċeduri preżenti ħlief jekk din id-deċiżjoni, u mhux id-deċiżjoni Lufthansa vs BMI, hija vvizzjata bi żbalji (sentenza General Electric vs Il-Kummissjoni, punt 142 iktar ʼil fuq, EU:T:2005:456, punt 120).

145    Fir-rigward, it-tieni, l-argument tar-rikorrenti li l-approċċ O & D użat fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jiddefinixxi s-suq rilevanti ma jikkorrispondix għad-definizzjoni tas-suq adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni fuq il-pjan ta’ ristrutturazzjoni, għandu jitfakkar li, għalkemm kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet hija relatata mal-kundizzjonijiet li fihom Lufthansa akkwistat lil Austrian, jibqa’ l-fatt li dawn huma differenti kemm fl-għan, l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat f’każ, l-awtorizzazzjoni ta’ konċentrazzjoni fl-ieħor, kif ukoll fil-bażi ġuridika tagħhom, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE f’każ, u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, fil-każ l-ieħor.

146    Fil-kuntest tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat li tista’ tiġi awtorizzata skont l-Artikolu 87(3)(c) KE, il-Kummissjoni trid tiżgura li l-għajnuna inkwistjoni ma taffettwax il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sal-punt li tkun kuntrarja għall-interess komuni. Il-miżuri korrettivi li l-Kummissjoni tista’ timponi sabiex tawtorizza tali għajnuna mill-Istat huma għaldaqstant relatati mal-mod kif l-għajnuna inkwistjoni ser taffettwa l-kundizzjonijiet tal-kummerċ. Fil-każ tad-deċiżjoni relatata mal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, l-għajnuna inkwistjoni hija intiża li tiżgura li jitnaqqas id-dejn ta’ Austrian u taqa’ fl-kuntest ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni li għandu l-għan li jiġi żgurat ir-ritorn għall-vijabbiltà fit-tul ta’ din il-kumpannija. L-effetti ta’ din l-għajnuna, għaldaqstant, ma humiex limitati għal suq partikolari li fih Austrian hija preżenti, iżda jestendu għas-sitwazzjoni globali ta’ din tal-aħħar. Dan huwa għaliex il-miżuri korrettivi imposti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni relatata mal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, jiġifieri t-tnaqqis tan-numru ta’ siġġijiet/km u l-limitazzjoni tat-tkabbir ta’ Austrian matul perijodu speċifikat, iżda pjuttost il-kapaċità ta’ Austrian li tħarbat il-kundizzjonijiet tal-kummerċ globalment. B’hekk huwa ppreċiżat, fin-nota ta’ qiegħ fil-paġna Nru 1 tal-Komunikazzjoni fuq id-Definizzjoni tas-Suq, li “l-fokus tal-istima ta’ każijiet ta’ għajnuna mill-Istat huwa dak li jirċievi l-għajnuna u l-industrija/settur konċernata aktar millidentifikazzjoni ta’ xkiel kompettittiv iffaċċjat minn dak li jirċievi l-għajnuna”.

147    Madankollu, fil-kuntest tal-kontroll tal-amalgamazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tiżgura, konformement mal-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, li l-konċentrazzjoni ma tfixkilx b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu. Iċ-ċentru tal-evalwazzjoni huwa għaldaqstant l-effett tal-konċentrazzjoni fuq il-limitazzjoni kompetittiva. Dan huwa għaliex l-impenji proposti mill-partijiet li jagħmlu n-notifika u li huma aċċettati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huma intiżi sabiex jirrimedjaw għall-problemi ta’ kompetizzjoni maħluqa mill-konċentrazzjoni fuq is-swieq fejn l-imsemmija partijiet kienu jikkompetu qabel il-konċentrazzjoni.

148    Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-definizzjoni tas-suq rilevanti inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata, skont l-approċċ O & D, bl-ebda mod ma hija inkonsistenti mal-kunċett globali tas-suq li jista’ jiġi affettwat mill-għajnuna mill-Istat mogħtija lil Lufthansa fid-deċiżjoni relatata mal-pjan ta’ ristrutturazzjoni.

149    Fir-rigward, fit-tielet lok, l-argumenti tar-rikorrenti li huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ġġustifikat l-għażla tal-approċċ O & D sabiex tiddefinixxi s-suq rilevanti permezz tar-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq, għandu jiġi kkonstatat, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, li dawn kienu saru għall-ewwel darba fir-replika.

150    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li dawn l-argumenti huma maħsuba sabiex jikkontestaw l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tar-riżultati tas-sondaġġ tas-suq li hija pproduċiet għall-ewwel darba fl-anness għad-difiża tagħha. Għaldaqstant, tali argumenti għandhom jitqiesu li huma ammissibbli fid-dawl tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, sa fejn huma bbażati fuq elementi li ħarġu biss matul il-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Settembru 1999, Yasse vs BEI, T‑141/97, ĠabraSP, EU:T:1999:177, punti 126 sa 128). Konsegwentement, hemm lok li jiġi eżaminat il-mertu.

151    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ġabritx permezz tal-investigazzjoni tas-suq elementi fattwali li jippermettulha li tivverifika jekk l-approċċ O & D kienx xieraq f’dan il-każ, iżda llimitat ruħha li titlob lill-operaturi mistoqsija jekk japprovawx dan l-approċċ, hekk li l-għażla ta’ dan il-metodu tirriżulta biss minn vot ta’ dawn l-operaturi.

152    F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 56 tar-rikors, ir-rikorrent ma tikkontestax l-adegwatezza tal-approċċ O & D użat mill-Kummissjoni fil-każi ta’ konċentrazzjoni preċedenti. Għalhekk impliċitament tirrikonoxxi li l-użu tal-approċċ O & D sabiex jidentifika s-suq rilevanti fil-qasam tat-trasport bl-ajru skedat tal-passiġġieri, huwa prattikament stabbilit. Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 139 iktar ʼil fuq, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-approċċ O & D kien jikkostitwixxi approċċ xieraq sabiex jiddefinixxi s-suq rilevanti fil-qasam tat-trasport bl-ajru skedat tal-passiġġieri. Barra minn hekk, mill-Anness B1 tad-difiża, li jikkorrispondi għal parti mir-riżultati tal-investigazzjoni li saret f’din il-kawża, jirriżulta li, matul il-fażi I tal-investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni talbet mhux biss lill-kompetituri, lill-klijenti korporattivi kif ukoll lill-aġenziji tal-ivvjaġġar jekk “iva” jew “le” jaqblux mal-approċċ O & D tradizzjonali bbażat fuq is-sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda, iżda li hija, barra minn hekk, stednithom sabiex jikkummentaw fuq it-tweġibiet tagħhom, kif huma għamlu kif ġie rrikonoxxut mir-rikorrenti stess. Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma jistax jitqies li l-istudju tas-suq huwa limitat, f’dan il-każ, li jiġbor il-voti tal-parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq dwar l-adegwatezza tal-approċċ O & D.

153    Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tuża r-risposti tal-operaturi intervistati fil-kors tal-investigazzjoni tas-suq sabiex tiġġustifika l-użu ta’ approċċ O & D, sa fejn, fid-dawl tan-numru baxx ta’ operaturi intervistati meta mqabbla mal-eluf ta’ operaturi attivi fis-suq rilevanti, l-investigazzjoni tas-suq ma kinitx rappreżentattiva.

154    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta wkoll mill-Anness B1 tal-difiża, il-Kummissjoni staqsiet 31 impriża kompetituri tal-partijiet għall-konċentrazzjoni, fosthom ir-rikorrenti, 35 klijent korporattiv u 18-il aġenzija tal-ivvjaġġar. Sabiex tevalwa r-rappreżentattività tar-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq fuq dan il-punt, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet li taħthom twettqet.

155    Peress li l-anness B1 tad-difiża ma jagħti ebda indikazzjoni dwar in-numru totali ta’ operaturi intervistati mill-Kummissjoni dwar l-adegwatezza tal-approċċ O & D, jew dwar l-identità jew il-piż relattiv tal-parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq fis-settur tat-trasport bl-ajru skedat tal-passiġġieri, il-Qorti Ġenerali, fit-18 ta’ Frar 2013, stiednet lill-Kummissjoni sabiex tindikalha liema metodu kien użat biex jiżgura r-rappreżentattività tat-tweġibiet mogħtija mill-kompetituri, l-impriżi klijenti u l-aġenziji tal-ivvjaġġar fil-kuntest tal-investigazzjoni tas-suq mwettqa fil-fażi I tal-eżami tal-konċentrazzjoni.

156    Fir-risposta tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni indikat li l-impriżi li hija kienet intervistat fil-kuntest tal-investigazzjoni tas-suq kienu l-kompetituri, il-kompetituri potenzjali u l-klijenti prinċipali indipendenti tal-partijiet għall-konċentrazzjoni, li d-dettalji tagħhom ġew ipprovduti lilha mill-partijiet li nnotifikaw, konformement mal-punti 7.3, 8.9 u 8.6 tal-formularju CO li jinsab fl-Anness I għar-Regolament Nru 802/2004 u msemmi fl-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) ta’ dan l-istess regolament. Il-Kummissjoni kkjarifikat, abbażi tal-għarfien tagħha stess tas-suq, li jirriżulta mill-eżami ta’ diversi abbozzi oħra ta’ konċentrazzjonijiet fil-qasam tat-trasport bl-ajru, li fost il-kumpanniji inkwistjoni, jinsabu l-kumpanniji l-oħra tal-ajru kollha kompetituri mal-partijiet għall-konċentrazzjoni fis-swieq identifikati fid-deċiżjoni, kif ukoll ħafna mill-klijenti korporattivi u mill-aġenziji l-kbar tal-ivvjaġġar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-abbozz ta’ konċentrazzjoni proposta, il-proporzjon numeriku sempliċi, jiġifieri l-proporzjon bejn it-tweġibiet pożittivi u t-tweġibiet negattivi għal mistoqsija, ma kienx determinanti. Il-Kummissjoni pjuttost ser tipproċedi għal evalwazzjoni globali li fiha jistgħu jintervjenu diversi fatturi bħall-ġustifikazzjonijiet tat-tweġiba mogħtija, l-għarfien mistenni tal-impriża kkonsultata skont iċ-ċirkustanzi (pereżempju, l-età tal-preżenza ta’ kumpannija fis-suq, id-daqs tagħha bħala kompetitur jew klijent tal-partijiet għall-konċentrazzjoni, il-qasam ta’ attività tagħha) jew l-interessi partikolari ta’ kull impriża kkonsultata (pereżempju, l-interess ta’ kompetitur li jostakola l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-politika tagħha ta’ espansjoni, jew l-interess tagħha li tixtri slots magħmula disponibbli fil-każ ta’ impenji). Skont il-Kummissjoni, sabiex tikseb l-istampa l-iktar rappreżentattiva possibbli tal-kundizzjonijiet tas-suq, hija ser tosserva wkoll parteċipanti mgħarrfa oħra fis-suq (pereżempju, ajruporti, l-awtoritajiet tal-avjazzjoni u koordinaturi tas-slots). Ma’ dan tiżdied, skont il-Kummissjoni, l-analiżi ekonomika ta’ data oġġettiva. Il-Kummissjoni wkoll ippreċiżat li, ir-rappreżentattività tal-investigazzjoni tas-suq ġiet ukoll żgurata mill-avviż ta’ notifika tal-konċentrazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 139/2004, li biha t-terzi kkonċernati huma mistiedna li jippreżentaw lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom dwar l-abbozz ta’ konċentrazzjoni.

157    Meta miestiedna, waqt is-seduta, sabiex tieħu pożizzjoni fuq l-informazzjoni addizzjonali mogħtija mill-Kummissjoni dwar ir-rappreżentattività tal-investigazzjoni tas-suq, ir-rikorrenti sempliċement sostniet li, sa fejn l-identità tal-parteċipanti fis-investigazzjoni tas-suq ma kinitx żvelata, ma kienx possibbli li jiġi ddeterminat jekk dawn tal-aħħar kinux attivi fuq dawn ir-rotot inkwistjoni u għaldaqstant jekk l-investigazzjoni tas-suq kinitx rappreżentattiva.

158    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jidher li tqies mir-rikorrenti, l-investigazzjoni tas-suq ma hijiex limitata għall-kompetituri tal-partijiet notifikanti fis-suq ġeografiku rilevanti, iżda testendi wkoll għall-kompetituri potenzjali, kif ukoll għall-klijenti tal-partijiet notifikanti f’dan is-suq.

159    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-affermazzjoni tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ rappreżentattività tal-investigazzjoni tas-suq għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

160    Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li ħafna kompetituri esprimew fil-kuntest tal-investigazzjoni tas-suq il-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti ta’ netwerk għandu wkoll jiġi miċħud.

161    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-Anness B1 tad-difiża, il-fażi I tal-investigazzjoni turi li maġġoranza kbira tal-parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq (f’dan il-każ 22 kompetituri fuq 31, 15-il aġenzija tal-ivvjaġġar fuq 18 u 31 klijent korporattivi minn 35) iddikjarat li taqbel mal-approċċ tradizzjonali O & D ibbażat fuq is-sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda.

162    Huwa wkoll ċar mill-Anness B1 tad-difiża li, fost il-31 kompetitur li wieġbu għad-domanda Nru 7 tal-investigazzjoni tas-suq, li tikkonsisti f’li jiġi ddeterminat il-qbil eventwali tagħhom mal-użu tal-metodu O & D metodu, sitta esprimew dubji dwar il-kapaċità ta’ dan l-approċċ li tieħu inkunsiderazzjoni l-kompetizzjoni bejn netwerks (f’dan il-każ il-parteċipanti għad-domandi Nri 2, 3, 12, 19, 22 u 30 tal-investigazzjoni tas-suq) u tlieta kienu esprimew tħassib dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni f’ajruport partikolari (f’dan il-każ il-parteċipanti għad-domandi Nri 4, 7 u 10 tal-investigazzjoni tas-suq). Mis-sitt parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq li esprimew dubji dwar il-kapaċità tal-approċċ O & D sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-kompetizzjoni bejn in-netwerks, tlieta madankollu wieġbu fl-affermattiv għad-domanda magħmula (f’dan il-każ il-parteċipanti għad-domandi Nri 2, 12 u 19 tal-investigazzjoni tas-suq). Mit-tliet parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq li esprimew it-tħassib tagħhom dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni fuq ajruport, wieħed wieġeb fl-affermattiv għall-mistoqsija Nru 7 (f’dan il-każ, dak li pparteċipa fl-investigazzjoni tas-suq Nru 7). Minn dan isegwi li mid-disa’ parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq li esprimew it-tħassib dwar il-ħtieġa li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kompetizzjoni bejn in-netwerk u l-importanza tal-pożizzjoni tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni fuq xi ajruporti, ħamsa biss wieġbu b’mod negattiv għall-mistoqsija Nru 7.

163    Mill-Anness B1 tad-difiża jirriżulta wkoll li ebda waħda mill-aġenziji tal-ivvjaġġar jew mill-klijenti korporattivi ma wieġbu l-mistoqsija 7 lanqas ma għamlu l-iċken kumment dwar il-ħtieġa li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kompetizzjoni bejn in-netwerks tal-kumpanniji kkonċernati.

164    Minn dan isegwi li fuq 81 parteċipant fl-investigazzjoni tas-suq, ħamsa biss esprimew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom mal-approċċ O & D, għall-motiv li din tal-aħħar ma tippermettix li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti tan-netwerk.

165    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni rreferiet, fil-premessa 269 tad-deċiżjoni kkontestata, għat-tħassib ta’ xi parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq matul il-fażi I tal-imsemmija investigazzjoni bħala “l-pożizzjoni b’saħħitha ta’ [ Lufthansa] u [Austrian] fuq is-suq fl-[Ewropa Ċentrali u tal-Lvant], fid-dawl partikolari tal-kontroll li l-operazzjoni tagħti lil [Lufthansa] fuq parti sostanzjali ħafna ta’ ʽsuq ċentru-Ewropewʼ, minħabba fuq kollox, li huma jikkontrollaw il-pjattaformi l-iktar importanti li jservu l-[Ewropa Ċentrali u tal-Lvant] u li huma għandhom netwerks żviluppati ħafna fir-reġjun”. Madankollu, hija stqarret li “r-riżultati tal-fażi II, iktar fil-fond, li l-investigazzjoni tas-suq madankollu wriet li l-maġġoranza ta’ klijenti korporattivi, b’mod partikolari, ma jara l-ebda impatt negattiv ta pożizzjoni potenzjalment msaħħa tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni għat-titjiriet li jservu l-[Ewropa Ċentrali u tal-Lvant] u indikaw kompetituri eżistenti alternattivi”.

166    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kummenti ta’ ħafna kompetituri li skonthom l-approċċ O & D ma’ jippermettix li tiġi evalwata l-kompetizzjoni bejn in-netwerks għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

167    Fir-rigward tar-raba’ u l-aħħar lok tal-argument tar-rikorrenti, li l-idea li l-kompetizzjoni bejn kumpanniji tal-ajru sseħħ esklużivament fuq ċerti rotot speċifiċi ma hijiex minnha minħabba l-eżistenza ta’ skemi ta’ lealtà u sistemi ta’ skont iddestinati għal klijenti tan-negozju, għall-aġenziji tal-ivvjaġġar u għall-operaturi turistiċi, għandu jiġi rrilevat li tressaq għall-ewwel darba fl-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar in-noti ta’ osservazzjonijiet tal-intervenjenti tar-Repubblika tal-Awstrija u ta’ Lufthansa. Għandu jiġi rrilevat ukoll li ma għandux l-għan li jwieġeb argument speċifiku tal-intervenjenti. Għaldaqstant, sa fejn ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda elementi ta’ dritt jew ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura sabiex tiġġustifika l-produzzjoni tardiva ta’ dan l-argument, dan għandu jitqies li huwa inammissibbli, minħabba t-tardività tiegħu, fid-dawl tar-rekwiżiti magħquda tal-Artikolu 44(1) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni, T‑340/04, Ġabra, EU:T:2007:81, punt 164).

168    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma turix li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi użat l-approċċ O & D sabiex tiddefinixxi s-suq inkwistjoni.

 Fuq l-assenza tal-analiżi tal-effetti kompetittivi tal-konċentrazzjoni fuq is-suq ġeografiku rilevanti skont “approċċ globali”

169    Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni naqset milli tanalizza l-effetti antikompetittivi tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fis-suq ġeografiku rilevanti ddefinit skont approċċ globali bħala li jestendi għall kull żona li fiha Lufthansa u Austrian joperaw in-netwerks tagħhom jew jipproponu aċċess għan-netwerks tagħhom permezz ta’ hubs jew ta’ bażijiet. Tali approċċ jippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sostitwibbiltà tad-domanda, ibbażata fuq l-aspettattivi tal-klijenti, kif ukoll is-sostitwibbiltà min-naħa tal-offerta, ibbażata fuq l-istruttura tal-offerta ta’ trasportaturi bl-ajru.

170    Fir-rigward tal-istruttura tal-offerta ta’ trasportaturi bl-ajru, ir-rikorrenti ssostni li n-netwerk ta’ trasport bl-ajru huwa fattur determinanti għall-klijenti korporattivi kif ukoll għall-aġenziji tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi. Bl-istess mod, l-organizzazzjoni tan-netwerk ta’ trasportatur bl-ajru tippermettilu li jattira iktar passiġġieri mill-ajruporti ż-żgħar li jipprovdu aċċess għal hubs li minnhom ikunu jistgħu jibbenefikaw għażla wiesgħa ta’ destinazzjonijiet. L-istruttura tal-offerta xorta tiġi affettwata, partikolarment fis-suq għal bejgħ dirett ta’ titjiriet fil-qasam tat-turiżmu, mill-kapaċità ta’ kumpannija tal-ajru f’netwerk li għandu prezzijiet predatorji fuq ċerti rotot.

171    Skont ir-rikorrenti, huwa biss dan l-approċċ globali tas-suq ġeografiku rilevanti li jista’ jippermetti li jinftiehmu t-tisħiħ tal-fatturi ta’ dominanza tas-suq favur l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni inkwistjoni, peress li dawn il-fatturi ma ttiħdux inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fis-“suq fl-Ewropa Ċentrali kollha”, kif ukoll fis-“suq reġjonali bejn l-Awstrija u l-Ġermanja”.

172    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha teżamina, skont b’mod partikolari l-Artikolu 2 tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, l-effetti kompetittivi ta’ konċentrazzjoni fuq is-swieq li għalihom hemm riskju ta’ tfixkil b’mod sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza easyJet vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ʼil fuq, EU:T:2006:187, punt 63).

173    Għalkemm l-analiżi kompetittiva mwettqa mill-Kummissjoni hija parzjalment immexxija mit-tħassib imqajjem mit-terzi li ġew ikkonsultati matul il-proċedura amministrattiva, hija għandha tiskopri, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni espressa tal-imsemmija terzi, iżda fid-dawl ta’ indikazzjonijiet serji, il-problemi kompetittivi kkawżati mill-konċentrazzjoni fis-swieq kollha li jistgħu jiġu affettwati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza easyJet vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ʼil fuq, EU:T:2006:187, punt 64).

174    Madankollu, meta hija tilmenta li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni problema eventwali ta’ kompetizzjoni fuq swieq oħra barra minn dawk li fuqhom għamlet l-analiżi kompetittiva, huwa r-rikorrenti li għandu jipproduċi indikazzjonijiet serji li juru b’mod tanġibbli l-eżistenza ta’ problema ta’ kompetizzjoni li kellha, minħabba l-impatt tagħha, tiġi eżaminata mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza easyJet vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ʼil fuq, EU:T:2006:187, punt 65).

175    Sabiex jintlaħaq dan ir-rekwiżit, huwa r-rikorrent li għandu jidentifika s-swieq rilevanti, jiddeskrivi s-sitwazzjoni kompetittiva fl-assenza ta’ konċentrazzjoni u jindika liema ser ikunu l-effetti probabbli ta’ konċentrazzjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni kompetittiva fuq dawn is-swieq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza easyJet vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ʼil fuq, EU:T:2006:187, punt 66).

176    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li, konformement mat-taqsima 6 tal-formularju CO li jinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 802/2004, taħt it-titolu “II. Marchés géographiques en cause”, is-suq ġeografiku inkwistjoni jikkomprendi żona li fiha l-impriżi kkonċernati jkunu involuti fil-forniment u t-talba ta’ prodotti jew servizzi rilevanti, li fiha l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni huma suffiċjentement omoġenizzati u li jistgħu jkunu distinti minn żoni ġeografiċi tal-qrib minħabba, b’mod partikolari, li l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni huma ferm differenti f’dawk iż-żoni. Huwa ppreċiżat li l-fatturi rilevanti fl-istudju tas-suq ġeografiku rilevanti jinkludu, inter alia, in-natura u l-karatteristiċi tal-prodotti jew servizzi kkonċernati, l-eżistenza ta’ barrieri għad-dħul, il-preferenzi tal-konsumaturi, id-differenzi apprezzabbli fl-ishma tas-suq tal-impriżi bejn iż-żoni ġeografiċi tal-qrib, jew differenzi sostanzjali fil-prezz.

177    Issa, f’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li d-definizzjoni tas-suq ġeografiku bħal dak li ġie propost mir-rikorrenti ma hijiex preċiża fil-kliem tagħha stess.

178    Fil-fatt, din id-definizzjoni hija bbażata fuq l-idea li s-suq rilevanti jestendi għaż-żoni kollha ġeografiċi li minnhom huwa possibbli li jkun hemm aċċess għan-netwerks ta’ Lufthansa u ta’ Austrian. Madankollu, ir-rikorrenti ma tindikax b’mod ċar jekk tirreferix hawn għaż-żoni ġeografiċi li minnhom huwa possibbli li jkun hemm aċċess għaż-żewġ netwerks jew biss għaż-żoni ġeografiċi li minnhom huwa possibbli li jkun hemm aċċess minn waħda minnhom. Barra minn hekk, hija ma jindikax jekk il-punt ta’ aċċess għan-network huwiex neċessarjament ajruport. Ir-rikorrenti lanqas ma tindika kif għandha tiġi ddeterminata l-estensjoni taż-żona ġeografika li tinsab madwar punt ta’ aċċess għan-netwerk.

179    Barra minn hekk, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, ir-rikorrenti tirreferi f’diversi partijiet tal-atti tagħha għal swieq ġeografiċi differenti. B’hekk, il-punt 47 tar-rikors, ir-rikorrenti ssostni li l-Lufthansa dejjem kellha pożizzjoni dominanti fis-“suq tal-Ewropa Ċentrali”. Fil-punti 48 u 49 tar-rikors, ir-rikorrenti jindika li din il-pożizzjoni dominanti, li ġiet imsaħħa bl-akkwist minn Lufthansa ta’ Swiss u ta’ SN Brussels u l-ħolqien ta’ Lufthansa Italia, hija iktar imsaħħa bl-akkwist ta’ Austrian. Skont ir-rikorrenti, dawn it-tranżazzjonijiet jippermettu fil-fatt lil Lufthansa li tiżgura “[l-]kontroll tas-swieq fil-Ġermanja, fl-Isvizzera, fil-Belġju, fl-Italja ta’ Fuq u fl-Awstrija”. Ir-rikorrenti tippreċiża wkoll li din il-konstatazzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li Lufthansa tiddomina s-“suq Skandinavu” permezz ta’ Scandinavian Airlines System (SAS), kif ukoll it-“traffiku bl-ajru bejn l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant”. Barra minn hekk, fil-punt 25 tar-replika, ir-rikorrenti ssostni li l-konċentrazzjoni ser tippermetti lil Lufthansa li tikseb “fuq l-ajruport ta’ Vjenna-Schwechat pożizzjoni dominanti simili għal dak li hija tokkupa fuq l-ajruport ta’ Frankfurt [am Main] (fejn Lufthansa tiżgura 59 % tat-traffiku tal-passiġġieri) u l-ajruport ta’ Zürich (fejn Lufthansa u Swiss jiżguraw iktar minn 60 % tat-traffiku tal-passiġġieri)”.

180    Barra minn hekk, fil-punt 70 tar-rikors, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-approċċ globali tas-suq ġeografiku rilevanti jista’ jippermetti, kuntrarjament għall-approċċ O & D, li jieħu inkunsiderazzjoni l-effetti kompetittivi tal-konċentrazzjoni fuq is-suq reġjonali bejn il-Ġermanja u l-Awstrija.

181    Id-dimensjoni ġeografika tas-suq li fil-qafas tiegħu għandhom jiġu analizzati l-effetti antikompetittivi tal-konċentrazzjoni tvarja għaldaqstant skont l-istess atti tar-rikorrenti minn ajruport għal reġjun kontinentali, billi tgħaddi mit-territorju ta’ żewġ Stati Membri, ta’ Stat Membru wieħed jew minn parti tat-territorju ta’ Stat Membru.

182    Fit-tieni lok, id-deskrizzjoni tas-sitwazzjoni kompetittiva preċedenti għall-konċentrazzjoni fis-suq ġeografiku rilevanti, kif iddefinit mir-rikorrenti, hija wkoll konfuża.

183    Fil-fatt, fir-rigward tas-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq fl-Ewropa Ċentrali kollha, ir-rikorrenti sempliċement tiddeskrivi fir-replika dik li hija ssejjaħ “fatturi ta’ dominanza tas-suq” miżmuma minn Lufthansa u Austrian qabel il-konċentrazzjoni, jiġifieri l-għadd ta’ hubs, l-għadd ta’ ċentri, l-għadd ta’ slots tal-ħin fl-ajruporti varji, id-drittijiet tat-traffiku bl-ajru lejn l-Ewropa tal-Lvant u l-Lvant Nofsani miżmuma minn Lufthansa u Austrian, id-daqs tal-flotta, il-qawwa tal-kapital, l-eżistenza ta’ skema ta’ lealtà tal-klijenti, l-abbiltà li jiġu konklużi ftehimiet qafas ma’ klijenti kummerċjali, l-operaturi turistiċi u l-aġenziji tal-ivvjaġġar, kif ukoll il-possibbiltà li jinkisbu kuntratti ta’ provvista vantaġġużi mal-impriżi li jipprovdu r-riżorsi operattivi jew l-infrastruttura meħtieġa għall-operazzjonijiet ta’ titjir.

184    Madankollu, hija tonqos milli tippreżenta kwalunkwe element ta’ paragun f’dan ir-rigward dwar is-sitwazzjoni ta’ trasportaturi oħra bl-ajru oħra fin-netwerks attiv fl-Ewropa Ċentrali u ssostni biss li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni hija l-unika trasportatur bl-ajru tan-netwerk li tista’ toffri rotot mill-Ewropa Ċentrali lejn destinazzjonijiet li jinsabu fl-Unjoni u fl-Ewropa tal-Lvant, kif ukoll rotot transkontinentali.

185    Barra minn hekk, rigward is-sitwazzjoni kompetittiva fuq dak li hija ssejjaħ is-“suq ta’ rotot bejn il-Ġermanja u l-Awstrija”, ir-rikorrenti tiddikjara b’mod kontradittorju, minn naħa, li l-partijiet li notifikanti jaqsmu t-traffiku bejn l-ajruporti reġjonali Awstrijaċi permezz tal-impriża komuni tagħhom (punt 71 tar-rikors) u, min-naħa l-oħra, li huma jikkompetu fuq ir-rotot bejn dawn l-ajruporti u l-Ġermanja, b’mod partikolari fuq ir-rotot Graz-Kiev (l-Ukraina) u Linz-Pariġi li għalihom Lufthansa u Austrian joffru huma t-tnejn titjiriet b’korrispondenza, li jużaw il-pjattaformi rispettivi tagħhom ta’ Vjenna u ta’ Frankfurt am Main (punt 72 tar-rikors). Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tagħti l-ebda indikazzjoni ċara dwar il-possibbiltà għall-vjaġġaturi mill-ajruporti reġjonali Awstrijaċi li jużaw is-servizzi ta’ kumpanniji tal-ajru fin-netwerk minbarra l-Lufthansa jew Austrian fuq dawn l-istess rotot.

186    Minn dan isegwi li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tal-allegazzjoni li l-Kummissjoni inġustament naqset li tanalizza l-effetti antikompetittivi tal-konċentrazzjoni fuq “is-suq kollu tal-Ewropa Ċentrali” ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 175 iktar ʼil fuq.

187    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti naqset milli tiddefinixxi bi preċiżjoni suffiċjenti, is-suq ġeografiku rilevanti li hija tallega l-eżistenza tiegħu u li, għaldaqstant, huwa impossibbli għall-Qorti Ġenerali li tevalwa jekk hemmx lok li l-Kummissjoni teżamina l-effetti kompetittivi potenzjali tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fuq dan is-suq.

188    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-effetti kompetittivi tal-konċentrazzjoni fuq ir-rotot bejn il-Ġermanja u l-Awstrija

189    Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni, essenzjalment, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effetti negattivi tal-konċentrazzjoni fuq ir-rotot kollha bejn il-Ġermanja u l-Awstrija.

190    F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tar-rikorrent, mill-premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni analizzat l-effetti tal-konċentrazzjoni mhux biss fuq it-23 rotta bejn l-Awstrija u l-Ġermanja li fihom sovrappożizzjonijiet diretti bejn is-servizzi ta’ Lufthansa u ta’ Austrian, iżda wkoll fuq ir-rotot li għandhom sovrappożizzjonijiet indiretta-indiretti bħal dawk deskritti mir-rikorrenti.

191    Sussegwentement, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-impriża komuni ta’ qsim tal-ispejjeż u tad-dħul, ikkostitwita bejn Lufthansa u Austrian qabel il-konċentrazzjoni, fil-kuntest tal-analiżi kompetittiva tagħha tar-rotot kollha bejn l-Awstrija u l-Ġermanja, skont xenarju kontra l-fatti (premessi 64 sa 69, 113 sa 116, 129 sa 133, 145, 159 sa 169, 191 u 210 tad-deċiżjoni kkontestata), ħlief ir-rotot Vjenna-Berlin, Vjenna-Düsseldorf, Vjenna-Hamburg (il-Ġermanja), Vjenna-Hanover (il-Ġermanja), Vjenna-Nuremberg (il-Ġermanja) (premessa 185 tad-deċiżjoni kkontestata) u r-rotta München-Linz (premessa 189 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-raġuni għaliex il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-impriża komuni fil-kuntest tal-analiżi kompetittiva ta’ dawn l-aħħar rotot tirriżulta mill-fatt li hija kienet preċedentement ikkonstatat li l-kompetituri tal-partijiet għall-konċentrazzjoni partijiet kbar tas-suq fuq dawn ir-rabtiet, u dan irendi l-okkorrenza tal-problemi ta’ kompetizzjoni relatati mal-konċentrazzjoni fuq dawn ir-rotot improbabbli.

192    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat ukoll, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti, li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-għadd ta’ titjiriet magħmula minn Lufthansa u Austrian fuq ir-rotot Vjenna-Berlin u Vjenna-Hamburg fil-kuntest tal-eżami tas-sitwazzjoni kompetittiva ta’ dawn ir-rotot, mill-premessa 185 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkonstatat li l-parti tas-suq ta’ Air Berlin, espress bħala perċentwali tal-għadd totali ta’ passiġġieri sensittivi jew le għall-fattur tal-ħin, jinsab fil-livell ta’ bejn 70 % u 80 % fuq ir-rotta Vjenna-Hamburg u bejn 80 % u 90 % fuq ir-rotta Vjenna-Berlin fix-xitwa 2008/2009, jiġifieri qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn iċ-ċifri wrew, barra minn hekk, żieda żgħira iżda sinjifikattiva għall-parti tas-suq ta’ Air Berlin meta mqabbla mas-sajf tal-2008, li matulu Air Berlin kienet ittrasportat biss 70 % sa 80 % tal-passiġġieri fuq ir-rotta Vjenna-Berlin. L-argument li Lufthansa u Austrian kienu għamlu iktar titjiriet minn Air Berlin matul l-istess perijodu huwa irrilevanti f’dan ir-rigward, sa fejn il-partijiet tas-suq huma espressi ġustament fid-dawl tal-għadd ta’ passiġġieri li jinġarru. Barra minn hekk, il-fatt li l-Lufthansa u Austrian deliberatament għażlu li jnaqqsu l-kapaċità tagħhom fuq dawn ir-rotot, jekk jiġi preżunt li dan huwa pprovat, ma huwiex tali li jikkontesta l-analiżi kompetittiva tal-Kummissjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni hija marbuta, waqt l-analiżi tas-sitwazzjoni kompetittiva qabel il-konċentrazzjoni fuq rotta partikolari, li tevalwa l-partijiet ishma tas-suq reali tal-kompetituri u mhux il-partijiet potenzjal tas-suq.

193    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar il-konsegwenzi tal-konċentrazzjoni fuq ir-rotot tal-ajru bejn l-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant barra l-Unjoni

194    Fit-tielet parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni tliet ilmenti separati. L-ewwel ilment jallega li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma wettqitx analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq ir-rotot bejn l-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant fuq il-bażi tal-approċċ O & D. It-tieni lment jallega li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni dominanti miżmuma minn Lufthansa u Austrian fuq ir-rotot bejn l-ajruporti ta’ Vjenna, Frankfurt am Main, München u Zürich, minn naħa waħda, u l-ajruporti tal-Ewropa tal-Lvant barra mill-Unjoni, min-naħa l-oħra.

195    It-tielet ilment, ibbażat fuq li l-Kummissjoni ma imponietx fid-deċiżjoni kkontestata xi kundizzjoni jew spiża li tista’ tiggarantixxi li l-kumpanniji tal-ajru jikkompetu ma’ Austrian jew Lufthansa ser jingħataw drittijiet bilaterali tat-traffiku tal-ajru sabiex dawn il-kumpanniji jistgħu jibdew joperaw fuq rotot għall-Ewropa tal-Lvant, ma ttrattatx l-analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq ir-rotot bejn l-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant, iżda n-natura allegatament inadegwata tal-impenji aċċettati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-problemi ta’ kompetizzjoni kkawżati mill-konċentrazzjoni li huma rrapportati mir-rikorrenti. Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat, jekk ikun il-każ, fil-kuntest tar-raba’ parti ta’ dan il-motiv, li fihom huma miġbura l-ilmenti dwar in-natura allegatament inadegwata tal-impenji magħmula mill-partijiet fil-konċentrazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ewwel ilment ibbażat fuq li l-Kummissjoni ma wettqitx analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq ir-rotot tal-ajru bejn l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant barra l-Unjoni abbażi tal-approċċ O & D

196    Qabel kollox, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli minħabba tardività tagħhom, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li juru li l-Kummissjoni ma użatx l-approċċ O & D għar-rotot bejn l-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant, imressqa għall-ewwel darba fl-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq in-noti ta’ intervent tar-Repubblika tal-Awstrija u ta’ Lufthansa, u dan konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 167 iktar ʼil fuq.

197    Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li l-approċċ O & D ma huwiex metodu ta’ analiżi tal-kompetizzjoni, iżda biss il-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tidentifika s-suq rilevanti li fuqu għandu jiġi analizzat l-effett tal-konċentrazzjoni. Issa, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont dan il-metodu, il-Kummissjoni identifikat ir-rotot li fuqhom is-servizzi ta’ Lufthansa u Austrian kienu sovrapposti.

198    B’hekk, mill-premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni identifikat 28 sovrappożizzjoni diretti-diretti, li ebda waħda minnhom ma tikkonċerna rotta bejn ajruport tal-Ewropa Ċentrali u ajruport fl-Ewropa tal-Lvant barra mill-Unjoni. Il-Kummissjoni insegwitu analizzat l-impatt tal-konċentrazzjoni fuq dawn is-sovrappożizzjonijiet fil-premessi 108 sa 266 tad-deċiżjoni kkontestata.

199    Barra minn hekk, mill-premessa 267 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni identifikat ukoll sovrappożizzjonijiet diretti-indiretti u indiretti-indiretti dwar ir-rotot bejn ajruporti Ewropej u bejn ajruporti Ewropej u ajruporti mhux Ewropej.

200    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 268 tad-deċiżjoni kkontestata li:

“Dawn ir-rotot ġew analizzati fid-dawl tal-pożizzjoni fis-suq tal-partijiet u l-kontribuzzjoni ta’ partijiet tas-suq ikkawżata mit-tranżazzjoni. Barra minn hekk, il-preżenza u l-pożizzjoni tal-kompetituri u l-għadd ta’ passiġġieri fuq kull rotta ġew evalwati. Fejn meħtieġ, l-għadd u tul ta’ frekwenzi proposti mill-kompetituri u r-rilevanza tagħhom għall-passiġġieri sensittivi għall-fattur taż-żmien, b’mod partikolari, ittieħdu inkunsiderazzjoni. Abbażi ta’ dawn il-kriterji, ma ġiet identifikata l-ebda problema ta’ kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-investigazzjoni tas-suq ma kixfet l-ebda problema ta’ kompetizzjoni rigward is-sovraġppożizzjonijiet diretti-indiretti u indiretti-indiretti identifikati, bl-eċċezzjoni tal-pożizzjoni fis-suq ta’ [Lufthansa] u [ta’ Austrian] fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.”

201    Minkejja l-formulazzjoni ellittika tagħha, jista’ jiġi dedott mill-premessa 268 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni identifikat sovrappożizzjonijiet diretti-indiretti u sovrappożizzjonijiet indiretti-indiretti bejn is-servizzi ta’ Lufthansa u ta’ Austrian fuq ir-rotot bejn l-ajruporti tal-Ewropa Ċentrali u l-ajruporti tal-Ewropa tal-Lvant li fir-rigward tagħhom hija għamlet analiżi tal-impatt tal-konċentrazzjoni li, kuntrarjament għall-istudju tas-suq, ma juru ebda problema ta’ kompetizzjoni.

202    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni ilment ibbażat fuq li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni il-pożizzjoni dominanti miżmuma minn Lufthansa u Austrian fuq ir-rotot bejn l-ajruporti ta’ Vjenna, Frankfurt am Main, München u Zürich, minn naħa, u l-ajruporti tal-Ewropa tal-Lvant barra l-Unjoni, min-naħa l-oħra.

203    Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li r-rikorrenti l-applikant ma tidentifikax speċifikament ir-rotot li fuqhom il-partijiet għall-konċentrazzjoni għandhom pożizzjoni dominanti. Ir-rikorrenti sempliċement fil-fatt, fil-punt 78 tar-rikors tagħha, tirreferi b’mod ġenerali għal rotot bejn l-ajruporti ta’ Vjenna, Frankfurt am Main, München u Zürich, minn naħa, u l-ajruporti tal-bliet li jinsabu fl-Ewropa tal-Lvant bħal Kiev, Moska (ir-Russja) u St Petersburg (ir-Russja), min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, iċ-ċifri dwar l-għadd ta’ titjiriet fil-ġimgħa proposti minn Lufthansa, Swiss u Austrian li jitilqu mill-ajruporti ta’ München, Frankfurt am Main, Zürich u Vjenna lejn ajruporti li jinsabu fl-Ewropa tal-Lvant, kif mogħtija mir-rikorrenti, huma ċifri aggregati li ma jagħtu l-ebda indikazzjoni tal-għadd ta’ titjiriet fil-ġimgħa proposti minn waħda minn dawn il-kumpaniji fuq rotta determinata. Barra minn hekk, dawn iċ-ċifri ma jurux iktar l-għadd ta’ passiġġieri ttrasportati li tradizzjonalment jikkostitwixxi l-indikatur għall-kalkolu tal-parti tas-suq ta’ trasportatur bl-ajru fuq rotta determinata. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ssostnix li l-pożizzjoni dominanti li allegatament ser tinżamm mill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni fuq ċerti rotot bejn l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant hija r-riżultat tal-konċentrazzjoni sa fejn din twassal li tneħħi l-kompetizzjoni li teżisti bejn Austrian u Lufthansa fuq dawn ir-rotot.

204    Fir-realtà jidher li r-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-analiżi tagħha tal-impatt tal-konċentrazzjoni, il-fatt li Lufthansa u Austrian jibbenefikaw minn preżenza qawwija fl-ajruporti ta’ Vjenna, Frankfurt am Main, München u Zürich, li minnhom iservu destinazzjonijiet fl-Ewropa tal-Lvant, u li l-passiġġieri li jixtiequ jivvjaġġaw lejn l-Ewropa tal-Lvant mill-Ewropa Ċentrali ma għandhomx għażla oħra ħlief li jduru lejn Austrian jew Lufthansa.

205    F’dan ir-rigward, mill-premessa 269 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li tali tħassib tqajjem fil-kuntest tal-fażi I tal-investigazzjoni tas-suq minn xi parteċipanti fl-istħarriġ, iżda li dawn twieġbu fil-fażi II ta’ dan tal-aħħar, peress li l-maġġoranza l-kbira tal-klijenti korporattivi ma raw ebda effett negattiv f’pożizzjoni imsaħħa tal-entità li tirriżulta minn konċentrazzjoni għal titjiriet li jservu l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u indikaw kompetituri alternattivi eżistenti.

206    Il-Kummissjoni speċifikat, fil-premessa 270 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien deher li kien hemm kompetituri kbar li jservu l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, b’mod partikolari Air France-KLM, li serviet ħmistax-il destinazzjoni fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant billi użat in-netwerk tagħha stess u ħdax-il destinazzjoni addizzjonali b’kooperazzjoni mal-imsieħba tagħha ta’ SkyTeam, Aeroflot u CSA, kif ukoll British Airways li serviet tlettax-il destinazzjoni fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant billi użaw in-netwerk tagħha stess u Malev li serviet 22 destinazzjoni fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

207    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ma hijiex ser tiffaċċja pressjoni kompetittiva suffiċjenti fuq rotot bejn l-ajruporti ta’ Vjenna, ta’ Frankfurt am Main, München u Zürich, minn naħa, u l-ajruporti tal-Ewropa tal-Lvant, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari Moska, kemm min-naħa ta’ Air France-KLM, ta’ British Airways, ta’ Malev kif ukoll ta’ CSA, sa fejn dawn il-kumpaniji jipproponu biss titjiriet b’konnessjoni li jestendu kunsiderevolment it-tul tal-ħin u t-tul tal-vjaġġ fuq dawk ir-rotot.

208    Rigward il-livell ta’ sostitwibbiltà bejn it-titjiriet diretti u indiretti, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni indikat fil-premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan jiddependi fuq it-tul tat-titjira. B’hekk, iktar ma t-titjira tkun twila, titjiriet indiretti jistgħu jeżerċitaw pressjoni kompetittiva fuq titjiriet diretti. Il-Kummissjoni mbagħad iddikjarat li, f’dan il-każ, l-investigazzjoni tas-suq ikkonfermat il-konstatazzjoni, magħmula fil-każijiet preċedenti li titjiriet qosra, jiġifieri, perijodu ta’ inqas minn tliet sigħat, titjiriet indiretti ma’ humiex, b’mod ġenerali, għażla alternattiva kompetittiva għat-titjiriet diretti peress li l-klijenti attwalment jippreferu titjiriet diretti.

209    Issa, huwa paċifiku li t-titjiriet diretti bejn Vjenna, minn naħa, u Moska, St Petersburg u Kiev, min-naħa l-oħra, kif ukoll it-titjiriet diretti Zürich-Kiev, Frankfurt am Main-Kiev, München-St Petersburg u München-Kiev huma ta’ tul inqas minn tliet sigħat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-titjiriet indiretti offruti minn Air France-KLM, British Airways, Malev u CSA jew kumpanniji oħra tal-ajru tal-Ewropa tal-Lvant ma jikkostitwixxux alternattivi kompetittivi għat-titjiriet proposti minn Austrian jew Lufthansa fuq dawn ir-rotot. Madankollu, fil-premessa 271 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-investigazzjoni tas-suq ikkonfermat il-konklużjoni li t-trasportaturi tal-Ewropa tal-Lvant jistgħu wkoll joffru soluzzjoni ta’ sostituzzjoni għal Lufthansa u għal Austrian, sa fejn hija żvelat li l-maġġoranza l-kbira tal-aġenti tal-ivvjaġġar kienu jqabblu l-prezzijiet ta’ dawn il-kumpanniji ma’ dawk ta’ trasportaturi alternattivi, inklużi trasportaturi tal-Ewropa tal-Lvant. Il-Kummissjoni indikat ukoll li l-investigazzjoni tas-suq żvelat li l-maġġoranza tal-klijenti korporattivi indikaw li huma ma jixtrux it-titjiriet ta’ kumpannija partikolari, iżda li, skont id-destinazzjoni fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, huma jippruvaw titjiriet alternattivi ma’ trasportaturi oħra inklużi trasportaturi tal-Ewropa tal-Lvant. Issa, ir-rikorrenti ma ssostnix jew turi li xi kumpannija tal-ajru oħra fl-Ewropa tal-Lvant, speċjalment il-kumpanniji Russi u Ukraini, ma joffrux fid-data tad-deċiżjoni kkontestata titjiriet diretti fuq ir-rotot inkwistjoni.

210    Ir-rikorrenti tirrikonoxxi wkoll l-eżistenza ta’ titjiriet diretti fuq ir-rotta Vjenna-Moska proposti mill-kumpanniji Transaero u Aeroflot fir-replika tagħha.

211    F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li l-offerta ta’ titjiriet ta’ dawn il-kumpanniji ma hijiex kompetittiva minħabba n-numru baxx ta’ titjiriet żgurati fil-ġimgħa u l-iskedi li ma humiex konvenjenti għall-klijenti korporattivi Awstrijaċi ma hijiex konvinċenti. Għandi jiġi kkonstatat, fil-fatt, li r-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, ġeneralment, il-klijenti korporattivi jirrappreżentaw biss parti mill-vjaġġaturi interessati b’rabta partikolari u għaldaqstant ma huwiex possibbli li jinsiltu konsegwenzi mill-allegati preferenzi ta’ dawn il-klijenti mingħajr ma tkun magħrufa l-parti li huma jirrappreżentaw tal-vjaġġaturi kollha bejn Vjenna u Moska.

212    Ir-rikorrent għaldaqstant naqset milli turi li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ma tkunx suġġetta għal pressjoni kompetittiva suffiċjenti fuq ir-rotot li jitilqu minn Vjenna, għal Moska, għal St Petersburg u għal Kiev kif ukoll fuq ir-rotot Zürich-Kiev, Frankfurt am Main-Kiev, St Petersburg u München-St Petersburg u München-Kiev.

213    Din il-konklużjoni tapplika wkoll għar-rotot medji Zürich-Moska, Zürich-St Petersburg, Frankfurt am Main-Moska, Frankfurt am Main-St Petersburg, München-St Petersburg, li għalihom ma huwiex eskluż li trasportaturi oħra Ewropej tal-Lvant joffru titjiriet diretti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreċiżat fil-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li ċerti parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq kienu indikaw li t-titjiriet indiretti, taħt ċerti ċirkustanzi, irrappreżentaw alternattiva kompetittiva. Għaldaqstant, ir-rikorrenti lanqas ma turi li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ma tistax tkun suġġetta għal pressjoni kompetittiva suffiċjenti fuq dawn ir-rotot.

214    Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-offerti ta’ titjiriet ta’ CSA u ta’ Malev ma jirrappreżentawx soluzzjoni alternattiva kredibbli għall-offerta ta’ titjiriet b’korrispondenza ta’ Austrian u ta’ Lufthansa għall-persuni li jixtiequ jivvjaġġaw mill-ajruporti reġjonali Awstrijaċi lejn l-ajruporti tal-Ewropa tal-Lvant.

215    Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, ma hemm l-ebda titjiriet diretti mill-ajruporti reġjonali Awstrijaċi, jiġifieri l-ajruporti ta’ Graz, ta’ Linz, ta’ Innsbruck, ta’ Salzburg u ta’ Klagenfurt, għall-hubs rispettivi ta’ CSA u ta’ Malev, jiġifieri Praga (ir-Repubblika Ċeka) u Budapest (l-Ungerija). Minn dan Isegwi li l-vjaġġaturi li jgħixu madwar dawn l-ajruporti reġjonali Awstrijaċi u li jixtiequ jmorru minn waħda minn dawn l-ajruporti lejn destinazzjoni fl-Ewropa tal-Lvant għandhom, sabiex jużaw it-titjiriet offruti minn Malev u CSA, jieħdu l-ewwel titjira lejn Vjenna wara, minn hemm, jilħqu Praga jew Budapest minn fejn jistgħu finalment jaslu fid-destinazzjoni tagħhom fl-Ewropa tal-Lvant. Din iċ-ċirkustanza tagħmel it-titjiriet offruti minn dawn iż-żewġ kumpaniji inqas kompetittivi għal dawk il-vjaġġaturi mqabbla mal-offerti ta’ Austrian u ta’ Lufthansa, li jippermettu li minn dawn l-ajruporti reġjonali Awstrijaċi wieħed jista’ jmur lejn il-hubs tagħhom ta’ Vjenna, Frankfurt am Main, München u Zürich, u wara, minn hemm, lejn destinazzjoni fl-Ewropa tal-Lvant.

216    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tagħti ebda indikazzjonijiet dwar id-destinazzjonijiet li jinsabu fl-Ewropa tal-Lvant li għalihom hija tirreferi, hekk li ma huwiex possibbli li jiġu identifikati r-rotot bejn l-ajruporti reġjonali Awstrijaċi u dawn id-destinazzjonijiet, li fuqhom hija ssostni li l-effetti tal-konċentrazzjoni ma ttiħdux inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.

217    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-kompetizzjoni bejn titjiriet indiretti fuq l-istess rotta għandha tiġi distinta, min-natura tagħha, mill-kompetizzjoni bejn it-titjiriet diretti jew saħansitra l-kompetizzjoni bejn titjiriet diretti u titjiriet indiretti. Fil-fatt, jidher improbabbli li Austrian iżżid in-numru ta’ titjiriet bejn l-ajruporti reġjonali Awstrijaċi u Vjenna jew tnaqqas t-tariffi tat-titjiriet tagħha fuq dawn ir-rotot fid-dawl tad-domanda għal titjiriet bejn dawn l-ajruporti u destinazzjonijiet fl-Ewropa tal-Lvant, peress li l-passiġġieri li jivvjaġġaw minn dawn l-ajruporti reġjonali lejn tali destinazzjonijiet probabbilment jirrappreżentaw biss porzjon żgħir tan-numru totali ta’ passiġġieri li jridu titjira diretta bejn l-ajruporti reġjonali u Vjenna. Dan jgħodd ukoll għal Malev u CSA rigward titjiriet bejn Vjenna u Budapest u bejn Vjenna u Praga fejn it-tariffa u l-frekwenza tagħhom huma ftit jistgħu jvarjaw skont id-domanda għal titjiriet bejn l-ajruporti Awstrijaċi u destinazzjonijiet fl-Ewropa tal-Lvant. F’dan il-kuntest, il-kompetizzjoni bejn offerti ta’ titjiriet indiretti fuq l-istess rotta tiddependi fuq ħafna fatturi, bħat-tul ta’ ħin tat-titjira, il-prezz totali jew ukoll il-finijiet tat-tluq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż a priori li l-offerti ta’ titjiriet ta’ CSA u ta’ Malev fuq ir-rotot inkwistjoni, għalkemm inqas prattiċi minn dawk ta’ Austrian, jistgħu jikkostitwixxu alternattivi kredibbli għal dawn tal-aħħar.

218    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li l-ilment tar-rikorrenti ibbażat fuq li l-Kummissjoni ma kkunsidratx, fil-kuntest tal-analiżi tal-konsegwenzi tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni, tal-fatt li Austrian u Lufthansa għandhom diversi hubs fl-Ewropa Ċentrali minn fejn huma joffru titjiriet lejn l-Ewropa tal-Lvant jitqies li huwa infondat.

219    Minn dan isegwi li t-tielet parti tal-ewwel motiv hija infondata.

 Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar il-kapaċità tal-kompetituri ta’ Lufthansa u ta’ Austrian li jżommu jew li jidħlu fis-suq rilevanti

220    Ir-raba’ parti tal-ewwel motiv huwa maqsum f’ħames ilmenti. L-ewwel u t-tieni lment huma bbażati fuq ksur rispettivament tal-punt 36 u l-punt 31 tal-Linji Gwida tal-2004. It-tielet, ir-raba’ u l-ħames ilment huma bbażati fuq ksur tal-punti 68 et seq tal-imsemmija linji gwida.

 Fuq l-ewwel ilment ibbażat fuq ksur tal-punt 36 tal-Linji Gwida tal-2004 sa fejn il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-limitazzjoni mill-konċentrazzjoni tal-kapaċità tal-kompetituri li jbigħu titjiriet lejn il-klijenti korporattivi u li tikkonkludi ftehimiet-qafas mal-aġenziji tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi.

221    Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni, essenzjalment, li kisret il-punt 36 tal-Linji Gwida tal-2004 meta awtorizzat il-konċentrazzjoni, minkejja li, bl-għaqda tan-netwerks ta’ Lufthansa u ta’ Austrian u ż-żieda tal-offerta ta’ rotot li tinvolvi, ser ikollha l-effett li tillimita l-kapaċità ta’ trasportaturi tal-ajru oħrajn li jbigħu titjiriet lill-klijenti korporattivi u tikkonkludi ftehimiet-qafas ma’ aġenziji tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi.

222    L-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn ta’ dan l-ilment ma jistgħux jintlaqgħu.

223    B’hekk, fir-rigward, fl-ewwel lok, l-allegata limitazzjoni tal-kapaċità ta’ trasportaturi oħra li joperaw is-settur tal-ivvjaġġar tan-negozju, għandu jiġi rrilevat li l-Anness B4 tad-difiża fiha r-risposti tal-klijenti korporattivi għall-mistoqsija Nru 13 tal-kwestjonarju mibgħut lilhom fil-15 ta’ Mejju 2009 u li kienet tikkonċerna l-impatt ta’ skemi ta’ skont u traħħis offruti, b’mod partikolari, minn Lufthansa u Austrian fuq il-lealtà tal-klijenti korporattivi. Issa, għandu jiġi kkonstatat li minn dawn it-tweġibiet jirriżulta li l-maġġoranza tal-parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq jindikaw li huma ma jużawx esklussivament is-servizzi ta’ Lufthansa u ta’ Austrian u li l-iskontijiet proposti minn dawn tal-aħħar ma humiex suffiċjenti sabiex tiġi skartata l-possibbiltà ta’ użu ta’ trasportatur ieħor.

224    Għandu wkoll jiġi rrilevat li l-Anness B5 tad-difiża fiha r-risposti tal-klijenti korporattivi għall-mistoqsijiet Nri 71, 73, 76, 79 u 80 mibgħuta lilhom mill-Kummissjoni matul il-fażi II tal-investigazzjoni tas-suq. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-mistoqsija Nru 71 kienet relatata mal-evalwazzjoni, mill-klijenti korporattivi, tal-kumpanniji tal-ajru tal-Ewropa tal-Lvant bħala alternattivi serji għall-vjaġġi lejn l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u l-Lvant Nofsani. Issa, għandu jiġi kkonstatat li 22 parteċipant għall-investigazzjoni tas-suq fuq 31 wieġbu fl-affermattiv għal din il-mistoqsija.

225    Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, mill-investigazzjoni tas-suq jirriżulta li l-klijenti korporattivi jikkunsidraw ċerti kompetituri ta’ Lufthansa bħala alternattivi kredibbli għall-offerta ta’ titjiriet li dawn tal-aħħar jistgħu jipproponu grazzi għan-netwerks tagħhom.

226    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-allegata limitazzjoni fuq il-kapaċità ta’ trasportaturi oħra li jikkonkludu ftehimiet-qafas ma’ aġenziji tal-ivvjaġġar u ma’ operaturi turistiċi, hemm lok li jiġi rrilevat li mill-Anness B2 tar-risposta, invokata mill-Kummissjoni jirriżulta li, bħala tweġiba għall-mistoqsijiet Nri 2 u 3 tal-kwestjonarju mibgħut lill-klijenti korporattivi fil-15 ta’ Mejju 2009, fil-kuntest tal-fażi I tal-eżami tal-konċentrazzjoni, maġġoranza kbira ħafna tat-38 parteċipant għall-investigazzjoni indikaw li ma kellhom l-ebda relazzjoni kummerċjali esklużiva ma’ trasportatur bl-ajru jew alleanza partikolari, iżda, għall-kuntrarju, kellhom relazzjonijiet kummerċjali, b’mod partikolari permezz tal-konklużjoni ta’ ftehimiet qafas, ma’ diversi trasportaturi u alleanzi.

227    Issa, tali konstatazzjoni ma tagħti ebda indikazzjoni dwar jekk l-aġenziji tal-vjaġġi jadottawx l-istess tip ta’ politika kummerċjali.

228    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Anness B3 tar-risposta tindika l-perċentwali, f’termini ta’ numru ta’ biljetti u ta’ valur, li jirrappreżentaw il-biljetti tal-ajru ta’ Lufthansa u ta’ Austrian meta mqabbla mal-biljetti tal-ajru kollha mibjugħa fl-2007 u fl-2008 mill-aġenziji tal-ivvjaġġar li wieġbu għall-kwestjonarju tat-13 ta’ Mejju 2009.

229    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li dawn il-perċentwali ġew stabbiliti mis-servizzi tal-Kummissjoni huma relatati mal-biljetti kollha mibjugħa minn kull wieħed mill-entitajiet li wieġbu għall-kwestjonarju. Fuq din il-bażi, ir-rikorrenti ssostni li l-aġenziji tal-ivvjaġġar mistoqsija xtraw medja ta’ 58.2 % fl-2007 u 53.7 % fl-2008 tal-biljetti mibjugħa minn Lufthansa u Austrian. Issa, għalkemm il-kalkolu tar-rikorrenti huwa eżatt, iċ-ċifri li tasal għalihom jirrappreżentaw biss il-perċentwali ta’ biljetti maħruġa minn Lufthansa u Austrian li kienu nxtraw mill-aġenziji tal-ivvjaġġar, iżda l-perċentwali ta’ biljetti li aġenziji tal-ivvjaġġar li wieġbu għall-kwestjonarju xtraw mingħand Lufthansa u Austrian.

230    Barra minn hekk, għalkemm dan il-perċentwali huwa għoli, jirrifletti l-fatt li l-aġenziji tal-ivvjaġġar li wieġbu għall-kwestjonarju ma għandhomx relazzjoni kummerċjali esklużiva ma’ Lufthansa u Austrian.

231    Rigward l-argument tar-rikorrenti li dan il-perċentwali juri l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta’ Lufthansa fl-Ewropa Ċentrali fi tmiem il-konċentrazzjoni, għandu jiġi rrilevat, kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda analiżi ta’ suq tal-bejgħ ta’ biljetti tal-ajru minn aġenziji tal-ivjaġġar u li r-rikorrenti sa issa qatt ma allegat l-eżistenza ta’ tali suq.

232    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li liġi miċħud l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-punt 36 tal-linji gwida tal-2004 bħala infondat.

 Fuq it-tieni lment ibbażat fuq ksur tal-punt 31 tal-Linji Gwida tal-2004, sa fejn il-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni hija l-unika kumpannija tan-netwerk li tista’ toffri lill-klijenti tagħha netwerk sħiħ ta’ rotot fid-dinja kollha u, b’mod partikolari, fl-Ewropa tal-Lvant.

233    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet kisret il-punt 31 tal-Linji Gwida tal-2004 meta approvat il-konċentrazzjoni minkejja li, fi tmiemha, Lufthansa ser tibqa’ l-unika kumpannija tan-netwerk li tista’ toffri lill-klijenti tagħha netwerk sħiħ ta’ rotot fid-dinja kollha u, b’mod partikolari, fl-Ewropa tal-Lvant. Il-klijenti korporattivi, l-aġenziji tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi li jkunu jeħtieġu għal tal-ewwel li jkollhom netwerk ta’ rotot komplet u għall-oħrajn li jkunu jistgħu joffru lill-klijenti tagħhom rotot fid-dinja kollha, għandhom l-għażla biss li jikkonkludu ftehimiet-qafas ma’ Lufthansa.

234    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punt 31 tal-Linji Gwida tal-2004, il-Kummissjoni tiddeskrivi effett antikompetittiv potenzjali ta’ konċentrazzjonijiet orizzontali, jiġifieri l-fatt li l-klijenti ftit għandhom possibbiltajiet li jbiddlu l-fornitur. B’hekk, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-klijenti tal-partijiet għal konċentrazzjoni jistgħu jkollhom xi diffikultajiet sabiex id-domanda tagħhom tinġieb fuq fornituri oħrajn, peress li ftit minnhom jew inkella minħabba li jħabbtu wiċċhom ma’ spejjeż sostanzjali tal-bdil ta’ din id-domanda. Dawn il-klijenti huma partikolarment vulnerabbli għaż-żieda fil-prezzijiet. Il-konċentrazzjoni tista’ taffettwa l-abbiltà ta’ dawn il-klijenti milli jipproteġu lilhom infushom miż-żieda tal-prezzijiet. B’mod partikolari, dan jista’ jkun il-każ għal klijenti li għamlu użu miż-żewġ partijiet għall-konċentrazzjoni bħala mezz sabiex jinkisbu prezzijiet kompetittivi. Prova ta’ mudelli ta’ bidliet magħmula mill-klijenti fil-passat u fuq ir-reazzjonijiet tagħhom għal bidliet fil-prezz jistgħu jipprovdu informazzjoni importanti fuq din il-materja (punt 31 tal-Linji Gwida tal-2004).

235    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma turix li l-fatt li jkun hemm netwerk ta’ rotot tant komplet bħal dak ta’ Lufthansa jikkostitwixxi kundizzjoni sine qua non għall-konklużjoni ta’ ftehimiet-qafas mal-aġenziji tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi.

236    Barra minn hekk, mill-Anness B2 tar-risposta jirriżulta li maġġoranza kbira ħafna tal-klijenti korporattivi li wieġbu għad-domandi 2 u 3 tal-kwestjonarju mibgħut lilhom mill-Kummissjoni matul il-fażi I tal-investigazzjoni tas-suq indikaw li kkonkludew ftehimiet-qafas ma’ kumpanniji oħra barra Lufthansa u Austrian u membri ta’ alleanza oħra barra Star Alliance, bħal Air Berlin-Fly Niki, British Airways, Air France-KLM, CSA, Malev, Alitalia, Emirates, Finnair jew Iberia. Issa, ir-rikorrenti ma tressaq ebda argument tali li jikkontesta din il-konstatazzjoni.

237    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet tqis b’mod raġonevoli li l-konċentrazzjoni inkwistjoni ma għandhiex l-effett li ċċaħħad lill-klijenti korporattivi, lill-operaturi turistiċi u lill-aġenziji tal-ivvjaġġar minn operaturi alternattivi mingħajr ma jinkiser il-punt 31 tal-Linji Gwida tal-2004 u li dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet ilment huwa bbażat fuq il-ksur tal-punt 68 et seq tal-Linji Gwida tal-2004 sa fejn il-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-offerta proposta mill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ser tkopri d-domanda intiera disponibbli fuq ir-rotot li l-partijiet li jinnotifikaw jiddominaw

238    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-dħul fis-suq huwa suġġetta għall-kundizzjoni li jkun hemm domanda għal titjiriet addizzjonali li jistgħu jitwettqu minn kompetitur ġdid. Issa, l-offerta ta’ Lufthansa u ta’ Austrian, f’termini ta’ numru ta’ titjiriet, ta’ slots tal-ħin u tan-numru ta’ postijiet offruti, ser tkopri d-domanda kollha fuq rotot li huma jiddominaw flimkien jew individwalment u li huwa, konsegwentement, impossibbli għal kompetitur ġdid li jidħol fuq waħda minn dawn ir-rotot.

239    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li r-rikorrent ma ssostnix li kien hemm xi kapaċità eċċessiva fuq ir-rotot dominati minn Lufthansa u Austrian, iżda biss li l-offerta ta’ dawn tal-aħħar tkopri d-domanda kollha fuq dawn ir-rotot. Issa, l-eżistenza ta’ offerta ta’ titjiriet ta’ Lufthansa jew Austrian fuq rotta partikolari, importanti daqs kemm hi, ma hijiex fiha nnifisha tali li teskludi l-possibbiltà għal kompetitur ġdid li jidħol fuq din ir-rotta b’suċċess billi jipproponu servizzi speċifiċi jew ta’ tariffi iktar vantaġġużi, b’mod kemm li jirkupraw għalih innifsu parti mid-domanda, kif ukoll li jiżviluppa potenzjal ġdid ta’ klijenti.

240    Għaldaqstant, it-teżi tar-rikorrenti li l-offerta ta’ Lufthansa jew ta’ Austrian fuq ir-rotot li huma jiddominaw tikkostitwixxi ostakolu għad-dħul fis-suq għandha tiġi miċħuda.

241    Madankollu, il-fatt li wieħed ikollu numru kbir ta’ slots tal-ħin f’mumenti kritiċi tal-jum, pereżempju filgħodu u filgħaxija, jista’ jkun importanti ħafna għal parti mill-klijenti, speċjalment il-klijenti korporattivi, u jikkostitwixxi konsegwentement kundizzjoni deċiżiva sabiex tiġi żgurata l-profitabbiltà tal-operazzjoni ta’ rotta tal-ajru.

242    L-eżempju tar-rotta Vjenna-Brussell magħżula mir-rikorrenti hija rilevanti f’dan ir-rigward, sa fejn mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ problemi ta’ kompetizzjoni fuq din ir-rotta fil-perspettiva tal-konċentrazzjoni, għall-motiv, min naħa, li ma kienx hemm pressjoni kompetittiva suffiċjenti u, min-naħa l-oħra, li l-assenza ta’ disponibbiltà ta’ slots tal-ħin fis-sigħat tal-iktar traffiku tal-ajruporti ta’ Vjenna u ta’ Brussell kien jagħmel id-dħul fuq dan is-suq diffiċli (premessi 257 u 261 tad-deċiżjoni kkontestata).

243    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessa 330 tad-deċiżjoni kkontestata, il-partijiet fil-konċentrazzjoni intrabtu li jagħmlu disponibbli fornitur ġdid tas-servizzi tal-ajru ta’ slots tal-ħin li jippermettu sa erba’ frekwenzi kuljum, iżda mhux iktar minn 24 frekwenza fil-ġimgħa fuq ir-rotta Vjenna-Brussell. Hemm lok ukoll li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni indikat, fil-premessa 356 tad-deċiżjoni kkontestata li, fir-rigward tal-pari kollha ta’ bliet identifikati, l-investigazzjoni tas-suq ikkonfermat li n-numru ta’ slots tal-ħin proposti fl-impenji kien suffiċjenti għal wieħed jew iktar parteċipanti oħra li jixtiequ jipproponu frekwenzi ġodda jew addizzjonali li jistgħu jipprovdu kompetizzjoni effettiva lill-partijiet. Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax ir-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq fuq dan il-punt.

244    Għaldaqstant, ir-rikorrenti naqset milli turi li l-konċentrazzjoni jista’ jkollha l-konsegwenza tal-ħolqien ta’ ostakolu għad-dħul fir-rotta Vjenna-Brussell.

245    Għaldaqstant dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ lment ibbażat fuq ksur tal-punti 68 et seq tal-Linji Gwida tal-2004, sa fejn il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ostakolu għad-dħul fis-suq ikkostitwit mill-politika ta’ esklużjoni bil-prezzijiet immexxija minn Lufthansa u Austrian

246    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li Lufthansa u Austrian Airlines ipprattikaw politika ta’ tariffi inġusta li tipprevjeni lill-kompetituri milli jidħlu jew li jibqgħu fis-suq. Skont ir-rikorrenti, il-partijiet fil-konċentrazzjoni jkunu dejjem jiddistingwu l-prezzijiet tat-titjiriet tagħhom skont is-sitwazzjoni kompetittiva fuq ir-rotot li jservu. Huma jipprattikaw b’hekk prezzijiet baxxi, jew baxxi ħafna, fuq ir-rotot fejn huma jiffaċċjaw kompetizzjoni u prezzijiet ogħla fuq ir-rotot fejn għandhom monopolju jew kważi monopolju. Dan għandu jippermettilhom li jeskludu l-kompetituri bl-għajnuna ta’ prezzijiet predatorji. Din il-politika tintwera mill-prezzijiet baxxi ħafna applikati minn Lufthansa u Austrian fuq ir-rotot Vienna-Berlin, Vjenna-Innsbruck, Vjenna-Zürich, Vjenna-München, Vjenna-Hamburg, Vienna-Frankfurt am Main jew Vjenna-Düsseldorf, li fuqhom huma jiffaċċjaw jew kienu jiffaċċjaw kompetizzjoni ffaċċjati minn trasportaturi bl-ajru li jisgiċċaw li jkunu skartati, bħal Sky Europe fuq ir-rotta Vjenna-Innsbruck, jew li jara d-dħul tagħhom fis-suq magħmul diffiċli, bħal Air Alps fuq din l-istess rotta. Skont ir-rikorrenti, din il-politika saħansitra reċentement grazzi għall-għajnuna mill-Istat ta’ EUR 500 000 000 tippermetti lil Austrian li tipproponi tariffi partikolarment interessanti fuq numru kbir ta’ rotot u, b’mod partikolari, fuq dawk li r-rikorrenti beda jservi biss reċentement.

247    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-politika tat-tariffi reċentement imwettqa mill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li r-rikorrenti tirreferi għaliha fil-punt 132 tar-rikors kif ukoll fl-Anness A26 ta’ din tal-aħħar hija relatata ma’ fatti li seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li huma, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ġenerali, mingħajr konsegwenzi fir-rigward tal-legalità tal-imsemmija deċiżjoni.

248    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-politika tat-tariffi allegatament inġusta mmexxija minn Lufthansa u Austrian qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata setgħet issir biss, skont ir-rikorrenti, minħabba s-sitwazzjoni ta’ monopolju li fiha kienu jinsabu l-partijiet fuq ċerti rotot. Issa, fil-kuntest tar-reviżjoni tal-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni, il-Kummissjoni hija obbligata li tevalwa l-effetti kompetittivi tal-konċentrazzjoni fuq is-swieq fejn hemm sovrappożizzjoni bejn l-attivitajiet tal-partijiet fil-konċentrazzjoni. Minn dan isegwi li, jekk waħda mill-partijiet kienet diġà tinsab f’sitwazzjoni ta’ monopolju fuq rotta tal-ajru, jiġifieri suq inkwistjoni, qabel il-konċentrazzjoni, din is-sitwazzjoni tevita bid-definizzjoni tagħha stess l-analiżi ta’ effetti antikompetittivi tal-konċentrazzjoni.

249    Għall-kuntrarju, dan ma jgħoddx meta s-sitwazzjoni ta’ monopolju jew ta’ pożizzjoni dominanti fuq rotta tal-ajru tirriżulta mill-konċentrazzjoni jew hija msaħħa minnha. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni ma tistax, minħabba n-nuqqas tal-impenji tal-partijiet tali li jirrimedjaw l-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-pożizzjoni dominanti, li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni. Issa, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni identifikat problemi ta’ kompetizzjoni marbuta mal-konċentrazzjoni fuq ħames rotot biss li għalihom saru l-impenji mill-partijiet fil-forma ta’ miżuri korrettivi.

250    Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi osservat għalkemm il-fatt li kumpannija tal-ajru tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha fuq ċerti rotot sabiex tipprattika politika ta’ esklużjoni tal-kompetizzjoni bil-prezzijiet fuq rotta oħra jista’ jikkostitwixxi każ ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 102 TFUE, huma l-kompetituri ta’ din il-kumpannija li għandhom jirrapportaw din il-prattika mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jew mal-Kummissjoni, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li għandhom li jaġixxu ex officio, skont l-Artikolu 5 u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). Huwa biss fil-kuntest ta’ tali proċeduri li l-awtoritajiet aditi jistgħu wkoll jevalwaw ir-realtà tal-aġir irrapportat.

251    Għaldaqstant hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ħames ilment ibbażat fuq il-ksur tal-punti 68 et seq tal-Linji Gwida tal-2004, sa fejn il-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ser ikollha monopolju fuq id-drittijiet tat-traffiku bl-arja mill-Ewropa Ċentrali lejn l-Ewropa tal-Lvant, kif ukoll lejn il-Lvant Nofsani

252    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ser ikollha monopolju fuq id-drittijiet tat-traffiku tal-ajru mill-Ewropa Ċentrali lejn id-destinazzjonijiet tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Lvant Nofsani. Din is-sitwazzjoni, li tirriżulta fil-każ tal-Awstrija mid-dispożizzjonijiet tal-Bundesgesetz über den zwischenstaatlichen Luftverkehr 2008 (Liġi Federali tal-2008 dwar it-traffiku internazzjonali tal-ajru) tat-2 ta’ Lulju 2008 (BGBl. I Nru 96/2008, l-aħħar emenda mill-BGBl. I Nru 89/2009), ser toħloq ostakolu għad-dħul fuq ir-rotot mill-Ewropa Ċentrali lejn l-Ewropa tal-Lvant, kif ukoll il-Lvant Nofsani.

253    Insostenn ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti talbet, fl-osservazzjonijiet tagħha fuq is-sottomissjonijiet tal-intervenjenti, sabiex tipproduċi l-prova ta’ dak li sostniet fil-punti 45 u 46 tal-imsemmija osservazzjonijiet, rigward l-aġir tar-Repubblika tal-Awstrija fil-kuntest tan-negozjar mill-ġdid tal-ftehim ta’ servizzi bl-ajru mal-Federazzjoni Russa, li jidher personalment il-maniġer tagħha, Otmar Lenz. Ir-rikorrenti talbet, barra minn hekk, is-smigħ bħala xhieda ta’ diversi uffiċjali tal-Bundesministerium für europäische und internationale Angelegenheiten (Ministeru Federali għall-Affarijiet Ewropej u Internazzjonali), kif ukoll uffiċjal tal-Bundesministerium für Verkehr, Innovation und Technologie (Ministeru Federali għat-Transport, l-Innovazzjoni u t-Tekonoloġija), peress li kienu pparteċipaw fin-negozjar mill-ġdid tal-ftehim ta’ servizzi bl-ajru mal-Federazzjoni Russa.

254    Huwa lok li dawn it-talbiet jiġu eżaminati qabel kollox.

255    Insostenn tat-talbiet tagħha għat-taħrika ta’ xhieda u d-dehra personali tal-maniġer tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, motivi ġodda u għaldaqstant il-provi korrispondenti huma ammissibbli anki wara r-replika u l-kontroreplika, peress li huma bbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. L-argumenti mqajma fl-osservazzjonijiet dwar in-nota tal-intervent kif ukoll l-offerti ta’ prova korrispondenti huma bbażati fuq il-kontestazzjoni tal-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija fl-intervent tagħha u huma għaldaqstant ammissibbli.

256    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkunsidraw li t-talbiet tar-rikorrenti jikkostitwixxu offerti ta’ prova inammissibbli, peress li huma tardivi. Huma jsostnu barra minn hekk li t-talba għas-smigħ tax-xhieda hija inammissibbli minħabba l-assenza ta’ preċiżjoni fit-talba dwar il-fatti li għandhom jiġu pprovati. It-talba għal dehra personali tal-maniġer tar-rikorrenti hija wkoll inammissibbli, għar-raġuni li hija ma hijiex tali li tippermetti li jiġu prodotti l-provi tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-noti ta’ intervent.

257    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-qari flimkien tal-Artikolu 44(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura u l-Artikolu 48(1) ta’ dan l-istess regolament, ir-rikorrent huwa marbut li jippreżenta l-offerti ta’ prova tiegħu fir-rikors u jista’ wkoll jagħmel l-offerti ta’ prova tiegħu fir-replika bil-kundizzjoni li jispjega dan id-dewmien.

258    Issa, f’dan il-każ, mill-punt 60 tal-osservazzjonijiet dwar in-noti ta’ intervent tar-Repubblika tal-Awstrija u ta’ Lufthansa jirriżulta li t-talbiet tar-rikorrenti huma intiżi speċifikament sabiex jipprovdu l-prova tal-argumenti mressqa minnha stess. Minn dan isegwi li dawn it-talbiet huma għaldaqstant offerti ta’ prova fis-sens tad-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq.

259    Fir-rigward tan-natura allegatament tardiva ta’ dawn it-talbiet, għandu jiġi kkonstatat li dawn tal-aħħar la ġew ifformulati fir-rikors u lanqas fir-replika, iżda fl-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq in-noti ta’ intervent tar-Repubblika tal-Awstrija u ta’ Lufthansa. Madankollu, minn dan ma jsegwix li dawn it-talbiet għandhom neċessarjament jiġu kkunsidrati tardivi. Fil-fatt, sa fejn l-argumenti invokati insostenn tagħhom ma jikkostitwixxux motivi jew ilmenti ġodda kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, iżda huma intiżi li jwieġbu għall-argumenti stess tal-intervenjenti, l-offerti ta’ prova magħmula fl-osservazzjonijiet fuq in-noti ta’ intervent ma jistgħux jitqiesu li huma tardivi. Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni li t-talbiet tagħha huma speċifikament intiżi li jipproduċu l-prova tal-affermazzjonijiet li jinsabu fl-osservazzjonijiet tagħha fuq in-noti ta’ intervent b’risposta għall-argumenti tal-intervenjenti.

260    F’dan ir-rigward, rigward, l-ewwel nett, it-talba għad-dehra personali tal-maniġer tar-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li din hija, skont din tal-aħħar, intiża sabiex tipproduċi l-prova tal-argumenti tagħha mressqa fil-punti 45 sa 56 tal-osservazzjonijiet tagħha dwar in-noti tal-intervent. Issa, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti li jinsabu fl-imsemmija punti huma fil-fatt intiżi sabiex jirrispondu għall-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija dwar in-negozjar mill-ġdid tal-ftehimiet bilaterali ta’ servizzi bl-ajru, b’mod partikolari mal-Federazzjoni Russa. Minn dan isegwi li l-offerta ta’ prova li tikkonsisti fid-dehra personali tal-maniġer tar-rikorrent ma tistax titqies tardiva sa fejn hija intiża li tipproduċi l-prova ta’ dawn l-argumenti.

261    Rigward, it-tieni nett, it-talba ta’ taħrika ta’ xhieda, għandu jiġi rrilevat li hija intiża wkoll li tipproduċi l-prova tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-punti 45 u 46 tal-osservazzjonijiet dwar in-noti ta’ intervent. Konsegwentement ma tistax tiġi kkunsidrata tardiva peress li, kif ġie kkonstatat iktar ʼil fuq, dawn l-argumenti tressqu mir-rikorrenti bħala risposta għall-argumenti speċifiċi tar-Repubblika tal-Awstrija dwar in-negozjati mill-ġdid tal-ftehim bilaterali ta’ servizz bl-ajru mal-Federazzjoni Russa.

262    Madankollu, għandu jitfakkar li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura, “it-talba ta’ parti sabiex jiġi eżaminat xhud għandha tindika b’mod preċiż il-fatti li dwarhom ix-xhud jeħtieġ li jinstema’ u r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-eżami tiegħu”.

263    F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tqis li l-fatti li għandhom jiġu pprovati huma deskritti bi preċiżjoni suffiċjenti fil-punti 45 u 46 tal-osservazzjonijiet dwar in-noti ta’ intervent li għalihom tirreferi r-rikorrenti. B’hekk, huwa ddikjarat fl-imsemmi punt 46 li “[f]il-kuntest tan-negozjati li għaddejjin, mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, mal-Federazzjoni Russa dwar il-ftehim ta’ servizzi bl-ajru eżistenti [...], ir-Repubblika tal-Awstrija ma għamlet l-ebda sforz sabiex tikseb emenda tal-klawżola ta’ nazzjonalità li tinsab fil-ftehim inkwistjoni” u li “fil-kuntest ta’ dawn in-negozjati, id-delegazzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija tixtieq esklużivament turi li Austrian — anki wara li tinxtara minn Lufthansa — hija kumpannija tal-ajru Awstrijaka (li l-proprjetà essenzjali jew il-kontroll effettiv tagħha hija miżmuma minn ċittadini Awstrijaċi) sabiex b’dan il-mod tiżgura ż-żamma ta’ drittijiet tat-traffiku mogħtija lil Austrian”. Huwa indikat ukoll li “r-Repubblika tal-Awstrija waslet ukoll li tirrediġi bl-Uffiċċju tal-Liġi Internazzjonali tal-Ministeru Federali tal-[A]ffarijiet Barranin u Internazzjonali rapport ta’ espert li jgħid Austrian hija kumpannija tal-ajru Awstrijaka (li l-proprjetà essenzjali jew il-kontroll effettiv tagħha huma miżmuma minn ċittadini Awstrijaċi) u għaldaqstant tissodisfa r-rekwiżiti tal-klawżola ta’ nazzjonalità tal-ftehim bilaterali ta’ servizzi bl-ajru mal-Federazzjoni Russa”.

264    Madankollu, ir-rikorrent ma tindikax għal liema raġunijiet hija tixtieq li l-Qorti Ġenerali tisma’ l-persuni li hija identifikat b’mod partikolari fit-talba tagħha. Ir-rikorrenti tindika biss l-ismijiet ta’ dawn il-persuni u l-ministeru li għalih jaħdmu u l-indirizz ta’ dan tal-aħħar. Hija assolutament ma tispjegax għaliex dawn il-persuni, b’mod partikolari, ser ikunu jistgħu jipproduċu l-prova tal-fatti li hija tressaq fil-punt 46 tal-osservazzjonijiet tagħha dwar in-noti ta’ intervent.

265    Minn dan isegwi li t-talba tar-rikorrenti intiża għas-smigħ tax-xhieda sabiex tipproduċi l-prova tal-allegazzjonijiet li jinsabu fil-punti 45 u 46 tal-osservazzjonijiet tagħha dwar in-noti ta’ intervent ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura u għandha, konsegwentement tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

266    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti indikat fil-punt 46 tal-osservazzjonijiet tagħha fuq in-noti ta’ intervent li l-maniġer tagħha kien ħa sehem fin-negozjati li għaddejjin mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Federazzjoni Russa dwar il-ftehim bilaterali ta’ servizz bl-ajru eżistenti bejn dawn iż-żewġ Stati.

267    Madankollu, skont l-Artikolu 65(a) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 66(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-maniġer tar-rikorrenti ma setax jidher quddiem il-Qorti Ġenerali bħala parti fil-kawża u mhux bħala xhud. Minn dan isegwi li d-dikjarazzjonijiet tiegħu ma jkollu ebda valur probatorju addizzjonali fir-rigward tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti.

268    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-fatti mressqa mir-rikorrenti fil-punt 46 tal-osservazzjonijiet tagħha dwar in-noti ta’ intervent seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u għaldaqstant, fi kwalunkwe każ, ma humiex tali li jikkontestaw il-legalità ta’ din tal-aħħar.

269    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma qisitx opportun li tistieden lill-maniġer tar-rikorrenti li jidher personalment għas-seduta.

270    Sabiex twieġeb għall-ilment tar-rikorrenti, huwa meħtieġ li jitfakkar fil-qosor x’jikkostitwixxi d-drittijiet tat-traffiku tal-ajru. B’hekk, sabiex isservi rotta bejn ajruporti li jinsabu fit-territorju ta’ żewġ Stati differenti, kumpannija tal-ajru għandha żżomm dritt għal traffiku internazzjonali tal-ajru, jiġifieri l-awtorizzazzjoni sabiex isservi din ir-rotta. Kull Stat jindika l-kumpanniji tal-ajru stabbiliti fuq it-territorju tiegħu li huwa jawtorizza li jservu rotta bejn dan it-territorju u t-territorju ta’ Stat ieħor. In-numru ta’ permessi li jistgħu jingħataw minn kull Stat sabiex iservu rotta tal-ajru internazzjonali huwa tradizzjonalment iddeterminat permezz ta’ konvenzjoni internazzjonali bilaterali konkluża bejn iż-żewġ Stati kkonċernati. Dawn id-drittijiet ta’ traffiku jikkostitwixxu, a priori, ostakolu ġuridiku għad-dħul fuq rotta tal-ajru internazzjonali.

271    Dawn l-ostakoli ġuridiċi tneħħew fi ħdan l-Unjoni permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92, tat-23 ta’ Lulju 1992, dwar aċċess għat-trasportaturi tal-ajru tal-Komunità għal rotot tal-ajru intra-Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 420) li wara ġie abrogat bir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Settembru 2008, dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni) (ĠU L 293, p. 3).

272    Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1008/2008, it-trasportaturi bl-ajru li għandhom liċenzja ta’ operazzjoni valida maħruġa mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fiha huma jippossjedu l-post prinċipali tan-negozju tagħhom huma awtorizzati li joperaw s-servizzi bl-ajru intra-Komunitarji u l-Istati Membri ma jistgħux jissuġġettaw l-operazzjoni ta’ dawn is-servizzi minn tali trasportatur għal ebda permess jew awtorizzazzjoni.

273    Madankollu, id-drittijiet tat-traffiku huma dejjem meħtieġa sabiex iservu rotta tal-ajru bejn it-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni u t-territorju ta’ Stat terz. Fid-dawl tal-inċertezza maħluqa mill-Artikolu 84(2) KEE, li sar l-Artikolu 80(2) KE, sussegwentement l-Artikolu 100(2) TFUE, dwar l-eżistenza ta’ kompetenza esterna tal-Komunità sussegwentement tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport bl-ajru, l-Istati Membri komplew jirregolaw l-allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ traffiku bl-ajru relatati mar-rotot bejn it-territorji rispettivi tagħhom u t-territorju ta’ Stati terzi fuq il-bażi ta’ konvenzjonijiet internazzjonali bilaterali.

274    Fis-sentenzi tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑466/98, Ġabra, EU:C:2002:624), Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑467/98, Ġabra, EU:C:2002:625), Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑468/98, Ġabra, EU:C:2002:626), Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑469/98, Ġabra, EU:C:2002:627), Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑471/98, Ġabra, EU:C:2002:628), Il-Kummissjoni vs il-Lussemburgu (C‑472/98, Ġabra, EU:C:2002:629), Il-Kummissjoni vs l-Awstrija (C‑475/98, Ġabra, EU:C:2002:630) u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑476/98, Ġabra, EU:C:2002:631) (iktar ʼil quddiem is-“sentenzi sema miftuħ”), il-Qorti tal-ġustizzja ddeċidiet li l-Unjoni kienet akkwistat kompetenza esterna esklużiva għall-użu tal-kompetenzi esterni tagħha f’ċerti oqsma tat-trasport bl-ajru, jiġifieri l-allokazzjoni ta’ slots tal-ħin fl-ajruporti, sistemi ta’ prenotazzjoni kompjuterizzati u t-tariffi intra-Komunitarji. Għaldaqstant hija kkundannat lill-Istati Membri li kienu kkonkludew mal-Istati Uniti ftehimiet bilaterali li b’mod partikolari kellhom l-għan li jirregolaw dawn l-oqsma.

275    Fis-serje ta’ sentenzi sema miftuħ, il-Qorti tal-Ġustizzja kkundannat ukoll lil xi Stati Membri għaliex ikkonkludew mal-Istati Uniti ftehimiet bilaterali li jinkludu klawżoli li jirrikonoxxu lil din tal-aħħar id-dritt li tirrevoka, li tissospendi jew li tillimita d-drittijiet ta’ traffiku fil-każ fejn it-trasportaturi tal-ajru indikati mill-Istat Membru inkwistjoni ma jkunux miżmuma minn dan tal-aħħar jew minn ċittadini ta’ dan l-Istat Membru, skont il-klawżoli msejħa ta’ “national ownership and control” (rekwiżit ta’ proprjetà u ta’ kontroll nazzjonali) minħabba diskriminazzjoni maħluqa minn tali klawżoli fir-rigward ta’ kumpanniji tal-ajru Komunitarji mhux miżmuma jew ikkontrollati mill-Istat Membru jew ċittadini ta’ dan tal-aħħar li fit-territorju tiegħu huma jixtiequ jistabbilixxu ruħhom, li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 52 KE.

276    L-Istati Membri huma għaldaqstant obbligati li jerġgħu jinnegozjaw il-ftehimiet bilaterali kollha relatati mat-trasport bl-ajru li jkun fihom klawżola ta’ “national ownership and control” li huma kkonkludew ma’ Stati terzi sabiex jintemmu n-nuqqasijiet ikkonstatati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi sema miftuħ għal dawk li saru proċeduri kontra tagħhom f’din l-okkażjoni, fosthom ir-Repubblika tal-Awstrija, u li jevitaw tali proċeduri eventwali għall-oħrajn.

277    F’dan il-kuntest, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament Nru 847/2004, tad-29 ta’ April 2004, dwar in-negozjati u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 193). Mill-premessa 6 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi li fihom dispożizzjonijiet li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, għandhom jiġu emendata jew issostitwiti bi ftehimiet ġodda għal kollox kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

278    L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 847/2004, dwar id-distribuzzjoni tad-drittijiet għat-traffiku tal-ajru jipprovdi li “[m]eta Stat Membru jikkonkludi ftehim, jew emendi għal ftehim jew għall-Annesssi ta’ miegħu, li jipprovdi limitazzjonijiet dwar l-użu tad-drittijiet għat-traffiku jew għan-numru tat-trasportaturi bl-ajru Komunitarji eliġibbli li jrid jiġi maħtur għalbiex jieħu vantaġġ mid-drittijiet għat-traffiku, dan l-Istat Membru għandu jiżgura d-distribuzzjoni tad-drittijiet għat-traffiku fost it-trasportaturi bl-ajru Komunitarji eliġibbli fuq il-bażi ta’ proċedura mhux diskriminatorja u trasparenti”.

279    Mis-sentenzi sema miftuħ u l-adozzjoni tar-Regolament Nru 847/2004, it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni jistgħu għaldaqstant, fil-prinċipju, jikkompetu mat-trasportaturi bl-ajru ta’ Stat Membru wieħed sabiex jiksbu d-drittijiet ta’ traffiku internazzjonali fil-kuntest ta’ proċedura mhux diskriminatorja u trasparenti.

280    Madankollu, dan jippreżumi li l-ftehim bilaterali li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku jkollu klawżola msejħa ta’ “community ownership and control” (rekwiżit ta’ proprjetà u ta’ kontroll Komunitarji) li ma għadux il-każ tal-ftehim bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Federazzjoni Russa.

281    Konsegwentement, huma biss it-trasportaturi bl-ajru kkontrollati jew proprjetà tal-Istat Awstrijak jew għaċ-ċittadini Awstrijaċi li jistgħu jiksbu d-drittijiet tat-traffiku sabiex itiru direttament mit-territorju Awstrijak għat-territorju tar-Russja. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta min-nota ta’ intervent tar-Repubblika tal-Awstrija, din tal-aħħar ma tagħtix drittijiet tat-traffiku bejn l-Awstrija u r-Russja ħlief lil Austrian u r-rikorrenti, li t-tnejn huma kumpanniji tal-ajru Awstrijaċi.

282    B’hekk, it-trasportaturi Komunitarji mhux Awstrijaċi UE ma jistgħux jidħlu fuq ir-rotot bejn l-Awstrija u r-Russja sabiex jikkompetu mal-offerta ta’ Austrian. Fil-fatt, huma ma jistgħux, minħabba li tinżamm il-klawżola ta’ “national ownership u control” fil-ftehim bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Federazzjoni Russa, jiksbu d-dritt ta’ traffiku sabiex jipproponu titjiriet diretti fuq dawn ir-rotot. Barra minn hekk, kif diġà ġie kkonstatat qabel, it-titjiriet indiretti li setgħu jipproponu fuq dawn ir-rotot billi jużaw il-pjattaforma tagħhom li tinsab fi Stat Membru li jkun tagħhom drittijiet ta’ traffiku lejn ir-Russja, ma jeżerċitawx pressjoni kompetittiva suffiċjenti fuq ir-rotot qosra bħal dik ta’ Vjenna-Moska.

283    Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti stess ingħatat drittijiet ta’ traffiku tal-ajru fuq ir-rotta Moska-Vjenna, li jippermettilha li tikkompeti ma’ Austrian. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li kumpanniji tal-ajru Russi wkoll jistgħu jiksbu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Federazzjoni Russa drittijiet tat-traffiku li jippermettilhom li jidħlu fis-suq u li jikkompetu ma’ Austrian billi jipproponu titjiriet diretti fuq ir-rotot bejn Austrian u r-Russja. Iżda, fuq kollox, il-konċentrazzjoni hija fiha nnifisha mingħajr effett fir-rigward tad-distribuzzjoni ta’ drittijiet tat-traffiku eżistenti. B’hekk, anki jekk, fi tmiem il-konċentrazzjoni, Lufthansa kellha żżomm drittijiet tat-traffiku li biha tkun tista’ titjiriet diretti mill-Ġermanja, mill-Awstrija u mill-Isvizzera lejn il-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant, li għad irid jintwera sa fejn ir-rikorrenti ddeskriviet bi preċiż biss id-drittijiet tat-traffiku mogħtija mir-Repubblika tal-Awstrija, dan ma jkollux l-effett, minnu nnifsu, sabiex jipprevjenu lil kompetituri oħra li jidħlu fuq dawn ir-rotot. Fil-fatt, ir-raġuni għaliex dawn il-kompetituri ma jistgħux jidħlu fuq dawn ir-rotot hija l-indisponibbiltà tad-drittijiet tat-traffiku li tikkostitwixxi ċirkustanza indipendenti mill-okkorrenza jew le tal-konċentrazzjoni.

284    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tgawdi minn monopolju ta’ drittijiet tat-traffiku tal-ajru, li joħloq ostakolu għad-dħul fuq ir-rotot bejn l-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

285    Hemm lok għaldaqstant li r-raba’ parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq il-ħames parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar il-kapaċità tal-impenji li jirrimedjaw għall-problemi ta’ kompetizzjoni maħluqa mill-konċentrazzjoni

286    Fil-kuntest tal-ħames parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-impenji proposti mill-partijiet fil-konċentrazzjoni ma ppermettewx li jkunu rrimedjati l-problemi ta’ kompetizzjoni maħluqa mill-konċentrazzjoni inkwistjoni.

287    Qabel kollox, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, peress li tardiva, l-offerta ta’ prova, fil-forma ta’ talba għal dehra personali tal-maniġer tagħha, ippreżentata għall-ewwel darba mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha fuq in-noti ta’ intervent, sabiex isostni l-argumenti li jinsabu fil-punti 47 sa 56 tal-imsemmija osservazzjonijiet. Fil-fatt għandu jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti jikkostitwixxu parzjalment tfakkira u parzjalment amplifikazzjoni tal-argumenti li diġà tressqu fir-rikors u fir-replika dwar in-natura allegatament insuffiċjenti tal-impenji meħuda mill-partijiet għall-konċentrazzjoni.

288    Insegwitu għandu jitfakkar il-kuntest tal-analiżi applikabbli mill-Kummissjoni kif ukoll l-estensjoni tal-kontroll eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni fuq din l-analiżi.

289    Il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet għandu bħala għan li jforni lill-impriżi kkonċernati l-awtorizzazzjoni neċessarja u minn qabel għat-twettiq ta’ kull konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Komunitarja. Fil-kuntest ta’ dan il-kontroll, dawn l-impriżi jistgħu jipproponu xi impenji lill-Kummissjoni sabiex tinkiseb deċiżjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni tagħhom mas-suq komuni (sentenza Ryanair vs Il-Kummissjoni, punt 85 iktar ʼil fuq, EU:T:2010:280, punt 448).

290    Skont l-istadju li fih waslet il-proċedura amministrattiva, l-impenji proposti għandhom jippermettu lill-Kummissjoni jew li tikkunsidra li l-konċentrazzjoni nnotifikata ma tqajjimx iktar dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni fl-istadju tal-investigazzjoni preliminari (Artikolu 6(2) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet) jew li tirrispondi għall-oġġezzjonijiet li saru fil-kuntest tal-eżami fil-fond (Artikolu 18(3) moqri flimkien mal-Artikolu 8(2) tar-regolament dwar il-konċentrazzjonijiet). Dawk l-impenji b’hekk jippermettu, l-ewwel nett, li jiġi evitat il-ftuħ tal-fażi ta’ eżami fil-fond jew, imbagħad, li tiġi evitata l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tiddikjara l-inkompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni (sentenza Ryanair vs Il-Kummissjoni, punt 85 iktar ʼil fuq, EU:T:2010:280, punt 449).

291    L-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet fil-fatt jippermetti lill-Kummissjoni li fid-deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni skont il-kriterji definiti fl-Artikolu 2(2) tal-imsemmi regolament, tinkludi kundizzjonijiet u impenji intiżi li jiggarantixxu li l-impriżi kkonċernati jirrispettaw l-impenji li huma ħadu fir-rigward tagħha sabiex il-konċentrazzjoni tkun kompatibbli mas-suq komuni (sentenza Ryanair vs Il-Kummissjoni, punt 85 iktar ʼil fuq, EU:T:2010:280, punt 450).

292    Fid-dawl kemm tal-importanza tal-interessi finanzjarji u tal-interessi industrijali jew kummerċjali inerenti għal dan it-tip ta’ konċentrazzjonijiet kif ukoll tal-poteri li għandha l-Kummissjoni f’dan il-qasam, huwa fl-interess tal-impriżi kkonċernati li jiffaċilitaw ix-xogħol tal-amministrazzjoni. Dawn l-istess raġunijiet jobbligaw ukoll lill-Kummissjoni li tuża l-ikbar diliġenza fl-eżerċizzju tal-missjoni tagħha ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet (sentenza Ryanair vs Il-Kummissjoni, punt 85 iktar ʼil fuq, EU:T:2010:280, punt 451).

293    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fil-kuntest tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha l-poter li taċċetta biss impenji tali li jirrendu l-operazzjoni nnotifikata kompatibbli mas-suq komuni (sentenza Ryanair vs Il-Kummissjoni, punt 85 iktar ʼil fuq, EU:T:2010:280, punt 452).

294    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li impenji proposti minn waħda mill-partijiet fil-konċentrazzjoni jissodisfaw dan il-kriterju biss meta l-Kummissjoni hija f’pożizzjoni li tikkonkludi, b’ċertezza, li jkun possibbli li jimplementawhom u li r-rimedji li jirriżultaw ikunu suffiċjentement vijabbli u durabbli sabiex il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, jew ta’ xkiel għall-kompetizzjoni effettiva, li l-impenji għandhom l-għan li jwaqqfu, ma jkunux jistgħu jseħħu f’futur relattivament qrib (sentenza Ryanair vs Il-Kummissjoni, punt 85 iktar ʼil fuq, EU:T:2010:280, punt 453).

295    Fir-rigward tal-kontroll eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni dwar l-impenji aċċettati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tevalwa n-neċessità li jinkisbu impenji sabiex tneħħi d-dubji serji li tqajmu minn konċentrazzjoni. Minn dan jirriżulta li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha stess ma’ dik tal-Kummissjoni, peress illi l-istħarriġ għandu jkun illimitat għall-verifika li l-Kummissjoni ma għamlitx żball manifest ta’ evalwazzjoni. B’mod partikolari, l-allegat nuqqas li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-impenji ssuġġeriti mir-rikorrenti ma jistabbilixxix, fih innifsu, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, u l-fatt li impenji oħra setgħu jiġu aċċettati, anki li huma iktar favorevoli għall-kompetizzjoni, ma jistax iwassal għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni minħabba li l-Kummissjoni setgħet raġonevolment tikkonkludi li l-impenji inklużi fid-deċiżjoni kienu jippermettu li jitneħħew id-dubji serji (sentenza easyJet vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ʼil fuq, EU:T:2006:187, punt 128).

296    Fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-finalità speċifika tal-impenji skont jekk ittieħdux matul il-fażi I jew il-fażi II tal-proċedura ta’ eżami tal-konċentrazzjoni.

297    B’hekk, l-impenji meħuda matul il-fażi I għandhom l-għan li jitneħħew id-dubji serji dwar jekk il-konċentrazzjoni tostakolax b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew parti sostanzjali tagħha, b’mod partikolari mill-fatt tal-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominati. Konsegwentement meta l-Qorti Ġenerali tasal sabiex teżamina jekk l-impenji meħuda matul il-fażi I humiex, fir-rigward tal-portata u tal-kontenut tagħhom, tali li jippermettu lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ta’ approvazzjoni mingħajr ma tiftaħ il-fażi II, hija għandha tivverifika jekk il-Kummissjoni setgħetx, mingħajr ma tagħmel żball manifest ta’ evalwazzjoni, tikkunsidra li l-imsemmija impenji jikkostitwixxu risposta diretta u sodisfaċenti ta’ natura tali li tneħħi d-dubji serji kollha [ara, f’dan is-sens, rigward ir-regolament preċedenti fuq il-konċentrazzjonijiet, f’dan il-każ ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 395, p. 1), sentenza easyJet vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ʼil fuq, EU:T:2006:187, punt 129].

298    Madankollu, l-impenji li saru matul il-fażi II għandhom, b’mod partikolari, l-għan li jirrimedjaw għall-problemi ta’ kompetizzjoni kkonstatati mill-Kummissjoni matul il-fażi I u li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ il-fażi II. Konsegwentement, meta l-Qorti Ġenerali għandha teżamina jekk l-impenji meħuda matul fil-fażi II huma, fid-dawl tal-portata u tal-kontenut tagħhom, tali li jippermettu lill-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni li tapprova l-konċentrazzjoni, hija għandha tivverifika li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, tikkunsidra li l-imsemmija impenji jikkostitwixxu risposta diretta u suffiċjenti għall-problemi ta’ kompetizzjoni kkonstatati fil-fażi I.

299    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti għandhom jiġu evalwati.

300    Ir-rikorrenti tikkontesta n-natura xierqa tal-impenji inkwistjoni sabiex jirrimedjaw il-problemi ta’ kompetizzjoni li ġew ikkonstatati mill-Kummissjoni fuq ċerti rotot fid-deċiżjoni kkontestata.

301    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-rikorrenti tilmenta wkoll li l-Kummissjoni approvat il-konċentrazzjoni fl-assenza ta’ miżuri kumpensatorji tali li jikkumpensaw għall-problemi ta’ kompetizzjoni fuq id-destinazzjonijiet kollha, qosra u ta’ tul medju, li Austrian sservi fuq ir-rotot bejn l-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant, kif ukoll fuq ir-rotot bejn l-Awstrija u l-Ġermanja. Ir-rikorrenti tikkundanna wkoll l-assenza ta’ impenji sabiex jirrimedjaw il-problemi ta’ kompetizzjoni maħluqa mill-konċentrazzjoni fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni u tal-politika tat-tariffi ta’ Lufthansa u ta’ Austrian.

302    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif diġà ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel erba’ partijiet ta’ dan il-motiv, li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma rrilevatx l-eżistenza ta’ problemi ta’ kompetizzjoni barra dawk ikkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta aċċettat impenji li ma humiex tali li jirrimedjaw għall-problemi ta’ kompetizzjoni allegati mir-rikorrenti u li ma kinux ikkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata.

303    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li, minħabba l-monopolju ta’ drittijiet tat-traffiku tal-ajru li għandha l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni fuq ir-rotot bejn l-Awstrija, minn naħa, u l-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant kif ukoll il-Lvant Nofsani, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kellha timponi fuq l-awtoritajiet Awstrijaċi li jimpenjaw ruħhom li jallokaw drittijiet tat-traffiku tal-ajru lill-kompetituri ta’ Lufthansa li jixtiequ jibdew iservu dawn ir-rotot, għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ tehmeż ma’ deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni kundizzjonijiet u obbligi maħsuba sabiex jiżguraw li l-impriżi kkonċernati jkunu konformi mal-impenji li huma għamlu fir-rigward tagħha sabiex il-konċentrazzjoni tkun kompatibbli mas-suq komuni. Minn dan isegwi li, f’tali sitwazzjoni, id-deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni hija kkundizzjonata għar-rispett mill-partijiet tal-obbligi li jirrappreżentaw għalihom l-impenji li ħadu fir-rigward tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tikkundizzjona l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni bejn żewġ kumpanniji tal-ajru kompatibbli mas-suq komuni, għall-fatt li Stat Membru jimpenja ruħu li jagħti drittijiet tat-traffiku tal-ajru lill-kompetituri ta’ dawn il-kumpanniji tal-ajru, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet.

304    F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ser tillimita ruħha li tevalwa l-ilment tar-rikorrent, ibbażat fuq in-natura allegatament mhux xierqa tal-impenji tal-partijiet li qed jinnotifikaw sabiex jindirizzaw il-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq in-natura xierqa tal-impenji dwar is-slots tal-ħin fuq ir-rotot identifikati bejn l-Awstrija u l-Ġermanja.

–       Fuq ir-rotot tal-ħin li għandhom ikunu disponibbli fuq ir-rotta Vjenna-Frankfurt am Main

305    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li t-tnaqqis ta’ slots li qabel kienu ttrasferiti lilha minn Lufthansa tal-għadd ta’ slots li għandhom ikunu disponibbli minn Lufthansa fuq din ir-rotta ser ifisser li l-impenn tal-Lufthansa ser ikun limitat li jagħmel disponibbli żewġ slots addizzjonali, li ma jkunx tali li jippermettu lil kompetitur ġdid li jiżgura pressjoni kompetittiva suffiċjenti.

306    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argument tar-rikorrenti li t-tnaqqis ta’ slots tal-ħin li qabel kienu ttrasferiti lilha minn Lufthansa tal-għadd ta’ slots tal-ħin disponibbli fuq ir-rotta inkwistjoni ma huwiex iġġustifikat, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, Lufthansa u Austrian kienu jżommu fuq ir-rotta Frankfurt am Main-Vjenna ħames frekwenzi kuljum kull waħda, filwaqt li Adria Airways, membru ta’ Star Alliance, kienet iżżomm tlieta u r-rikorrenti kienet iżżomm tnejn u kienet tirċievi terz mill-istaġun tax-xitwa IATA 2009/2010 (premessi 154 u 162 tad-deċiżjoni kkontestata).

307    Issa, kif tindika l-Kummissjoni fil-premessi 159 sa 162 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tqassim tas-slots tal-ħin fuq ir-rotta inkwistjoni huma marbut mal-eżistenza tal-ftehim ta’ impriża konġunta bejn Lufthansa u Austrian li skontha huma impenjaw ruħhom li jaqsmu dħul u l-ispejjeż kollha ta’ operazzjoni fuq din ir-rotta. Dan il-ftehim ta’ impriża komuni kien temporanjament eżentat mill-Kummissjoni, taħt l-Artikolu 81(3) KE, bħala kumpens għal ċerti impenji. Ladarba d-deċiżjoni ta’ eżenzjoni tal-Kummissjoni skadiet fl-2005, il-partijiet komplew jikkooperaw fil-kuntest tal-impriża konġunta abbażi ta’ awto-evalwazzjoni tal-konformità ta’ din il-kooperazzjoni mal-Artikolu 81 KE. Il-Kummissjoni speċifikat li din l-awto-evalwazzjoni kienet wasslet sabiex il-partijiet jikkonstataw l-eżistenza ta’ “tħassib serju” dwar il-kompatibbiltà tal-ftehim ta’ impriża konġunta mal-Artikolu 81 KE u li jikkonkludu li kien probabbli ħafna li slots tal-ħin kellhom jiġu ttrasferiti lill-kompetituri tagħhom. Mill-premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li hija abbażi ta’ din l-awto-evalwazzjoni li Lufthansa ttrasferiet żewġ slots tal-ħin lir-rikorrenti fuq l-ajruport ta’ Frankfurt am Main fl-2006, sabiex tkun tista’ tidħol fuq din ir-rotta b’żewġ frekwenzi ta’ kuljum. Huwa f’dan il-kuntest li, f’Lulju 2009, Lufthansa ttrasferiet slot ieħor tal-ħin lir-rikorrenti, sabiex din tkun tista’ topera t-tielet frekwenza ta’ kuljum fuq din ir-rotta mill-istaġun tax-xitwa IATA 2009/2010.

308    Il-Kummissjoni indikat fid-deċiżjoni kkontestata li din is-sitwazzjoni għandha titqabbel, bħala x-xenarju kontra l-fatti, mal-ipoteżi tal-konċentrazzjoni li fiha l-impriża konġunta tkun spiċċat minħabba l-ħolqien ta’ rabta strutturali bejn Lufthansa u Austrian, u dan ikun iwassal, skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ impriża konġunta, sabiex ir-rikorrenti tirrestitwixxi s-slots tal-ħin lil Lufthansa. Issa, skont il-Kummissjoni, fid-dawl tad-daqs tal-ajruport ta’ Frankfurt am Main, kien ikun kważi impossibbli għar-rikorrenti li takkwista s-slots tal-ħin tagħha stess u hija kellha, konsegwentement, ittemm li topera r-rotta Vjenna-Frankfurt am Main. Adria Airways kienet tibqa’ l-uniku kompetitur tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni fuq din ir-rotta u ma setgħetx, skont il-Kummissjoni, tista’ teżerċita pressjoni kompetittiva suffiċjenti (premessi 162 sa 168 tad-deċiżjoni kkontestata).

309    Sabiex tiġi rrimedjata din il-problema ta’ kompetizzjoni, il-partijiet impenjaw irwieħhom li jagħmlu disponibbli slots tal-ħin li jippermettu lil fornitur ġdid ta’ servizzi tal-ajru li jopera sa ħames frekwenzi kuljum fuq din ir-rotta (premessa 330 tad-deċiżjoni kkontestata).

310    F’dan ir-rigward, huwa ppreċiżat fil-premessa 331 tad-deċiżjoni kkontestata, li n-numru ta’ slots tal-ħin li għandhom ikunu disponibbli ser jitnaqqas min-numru ta’ slots tal-ħin diġà ttrasferiti lil membru ġdid skont l-impenji, sakemm dawn is-slots tal-ħin ma jibqgħux jintużaw għall-kompetitur il-ġdid u konsegwentement ma jingħatawx lura lill-partijiet.

311    Fil-każ partikolari tar-rotta Vjenna-Frankfurt am Main, huwa mistenni li t-tliet frekwenzi operati mir-rikorrenti fuq din ir-rotta jiġu mnaqqsa min-numru ta’ slots tal-ħin li għandhom isiru disponibbli skont l-impenji (premessa 333 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn dan isegwi li r-rikorrenti żżomm is-slots tal-ħin ittrasferiti qabel minn Lufthansa u li ż-żewġ slots tal-ħin addizzjonali għandhom isiru disponibbli minn Lufthansa.

312    Issa, iż-żamma tat-tliet slots tal-ħin ittrasferiti qabel lir-rikorrenti minn Lufthansa u t-tnaqqis tagħhom ta’ ħames slots tal-ħin li għandhom ikunu disponibbli fuq din ir-rotta huma ġġustifikati fid-deċiżjoni kkontestata mill-fatt li t-trasferiment ta’ dawn is-slots tal-ħin lir-rikorrenti jikkorrispondi għal xenarju kontra l-fatti deskritt mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li fiha dan it-trasferiment assoċjat mal-preżenza ta’ Adria Airways jiżgura pressjoni kompetittiva suffiċjenti fuq ir-rotta Vjenna-Frankfurt am Main. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax ix-xenarju kontra l-fatti stabbilit mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-analiżi tal-effetti antikompetittivi tal-konċentrazzjoni fuq ir-rotta Vjenna-Frankfurt am Main.

313    Fir-rigward, it-tieni nett, tal-argument tar-rikorrenti li l-impenn li jkunu disponibbli slots tal-ħin addizzjonali fuq ir-rotta Vjenna-Frankfurt am Main huwa limitat sabiex ikunu disponibbli żewġ slots tal-ħin biss, għandu jiġi rrilevat li, kif ġie kkonstatat iktar ʼil fuq, l-impenji meħuda mill-partijiet fil-konċentrazzjoni fir-realtà għandhom l-effett mhux biss li jżommu disponibbli għar-rikorrenti tliet slots tal-ħin mingħajr ma kellha tkun marbuta li tagħti lil Lufthansa u li tagħmel disponibbli żewġ slots tal-ħin addizzjonali. Dawn iż-żewġ slots tal-ħin addizzjonali jistgħu jintalbu mir-rikorrenti jew minn xi kompetitur ġdid.

314    Barra minn hekk, mill-premessa 334 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-rikorrenti ser tiġi awtorizzata li tiskambja slots tal-ħin li hija rċeviet minn Lufthansa fuq Frankfurt am Main, skont il-ftehim ta’ kiri ta’ slots tal-ħin li jorbotha ma’ din tal-aħħar, kontra s-slots tal-ħin li Lufthansa tagħmel disponibbli skont l-impenji.

315    Jidher ukoll mill-premessa 335 tad-deċiżjoni kkontestata li, irrispettivament mill-fatt jekk ir-rikorrenti tagħżilx jew le li tikseb slots tal-ħin ġodda tal-partijiet bi skambju għas-slots tal-ħin attwali tagħha fl-ajruport ta’ Frankfurt am Main, Lufthansa timpenja ruħha li temenda l-ftehim ta’ kera attwali tagħha ta’ slots tal-ħin mar-rikorrenti sabiex tirrifletti d-dispożizzjonijiet tal-impenji, b’mod partikolari fir-rigward tal-possibbiltajiet tar-rikorrenti li tikseb drittijiet ta’ preċedenza għal dawn is-slots tal-ħin skont kif previst mill-premessa 342 tad-deċiżjoni kkontestata.

316    Fil-fatt jirriżulta minn dan l-aħħar punt li l-kompetitur il-ġdid ser jikseb drittijiet ta’ preċedenza fuq is-slots tal-ħin miksuba mill-partijiet, jiġifieri, huwa ser ikollu d-dritt li juża s-slots tal-ħin ittrasferiti mill-partijiet għaż-żewġt itruf tar-rotta ta’ kwalunkwe par ta’ bliet identifikati għal par ta’ bliet intra-Ewropej differenti mill-pari ta’ bliet identifikati meta jkun serva l-par ta’ bliet identifikati matul żewġ staġuni IATA konsekuttivi, bl-eċċezzjoni tal-par ta’ bliet Vjenna-Frankfurt am Main li għalihom l-akkwist ta’ drittijiet ta’ preċedenza ser jeħtieġ li jkun serva din ir-rotta matul tmien staġuni IATA konsekuttivi.

317    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-impenji meħuda mill-partijiet fil-konċentrazzjoni, ir-rikorrenti tista’ mhux biss iżżomm it-tliet slots li kienu ttrasferiti lilha qabel u tikseb minn dan possibbilment tnejn iktar, iżda hija wkoll tista’ tikseb drittijiet ta’ preċedenza fuq is-slots li ġew ittrasferiti lilha minn Lufthansa skont il-ftehim ta’ kera fuq l-ajruport ta’ Frankfurt am Main wara tmien staġuni IATA konsekuttivi u tiskambja dawn is-slots ma’ slots oħra li ġew disponibbli minn Lufthansa fil-kuntest tal-impenji.

318    Fir-rigward, it-tielet nett, l-argument tar-rikorrenti li d-disponibbiltà ta’ slots tal-ħin addizzjonali kif previst mill-impenji ma hijiex tali li tippermettilu lil kompetitur ġdid sabiex jidħlol fuq ir-rotta Vjenna-Frankfurt am Main, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa kontradett mir-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq imsemmi mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 362 tad-deċiżjoni kkontestata, li maġġoranza tal-parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq kienu jqisu b’mod ġenerali li l-impenji jippermettu lir-rikorrenti jew lil kompetitur ġdid li jipprovdi servizzi tal-ajru kompetittivi u vijabbli fuq ir-rotta Vjenna-Frankfurt am Main. Huwa ppreċiżat ukoll li l-parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq jaqblu b’mod wiesa’ li jirrikonoxxu li l-impenji huma b’mod ġenerali suffiċjenti sabiex tkun faċilitata u tiżdied il-probabbiltà ta’ dħul fuq ir-rotta jew espansjoni ta’ kompetitur, u, b’hekk, sabiex il-problemi ta’ kompetizzjoni fuq din ir-rotta jiġu solvuti.

319    Fir-rigward, ir-raba’ nett, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni għandha tagħmel l-evalwazzjoni tagħha stess tal-impenji u ma tibbaża ruħha f’dan ir-rigward fuq il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni tas-suq, għandu jiġi kkonstatat li dan tqajjem għall-ewwel darba fir-replika tar-rikorrenti. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li dan għandu bħala għan li jwieġeb għal argument imressaq mill-Kummissjoni fid-difiża tagħha u għaldaqstant ma jistax jitqies li huwa tardiv. Madankollu dan ma jistax jirnexxi, sa fejn mill-kliem stess tal-premessa 362 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-investigazzjoni tas-suq ma ġietx użata mill-Kummissjoni sabiex tikkonferma l-konklużjonijiet tagħha stess dwar in-natura xierqa tal-impenji fuq ir-rotta inkwistjoni.

320    Fir-rigward, il-ħames nett, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti dwar il-kapaċità tal-kumpannija tal-ajru MAP li sservi r-rotta Vjenna-Frankfurt am Main, għandu jiġi kkonstatat li, jekk fondati, huma jirrigwardaw biss il-pożizzjoni ta’ parteċipant fl-investigazzjoni tas-suq u ma jistgħux, għaldaqstant, fihom infushom, jikkontestaw il-konklużjonijiet ta’ din l-investigazzjoni kollha.

321    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, mill-anness C8 tar-replika ma jirriżultax li l-kumpannija tal-ajru tippossjedi biss żewġ ajruplani tat-tip MD-83 ta’ 170 post disponibbli għal kumpanniji tal-ajru oħra fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ leasing, iżda hija tippossjedi, barra t-tlettax-il ajruplan ta’ negozju, żewġ ajruplani ta’ trasport ta’ passiġġieri tat-tip MD-83 ta’ kapaċità ta’ 170 post għal domanda addizzjonali. Il-fatt li dawn l-ajruplani tat-tip MD-83 kienu nkrew lil kumpanniji tal-ajru oħra ma jeskludix, kif issostni l-Kummissjoni, li dawn jistgħu jintużaw mill-kumpannija tal-ajru MAP fil-futur għan-nom tagħha. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa nieqes minn kwalunkwe bażi fattwali.

322    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ilment ibbażat fuq in-natura mhux xierqa tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-slots tal-ħin fuq ir-rotta Vjenna-Frankfurt am Main għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq is-slots tal-ħin disponibbli fuq ir-rotta Vjenna-München

323    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ slot tal-ħin waħda fuq ir-rotta Vjenna-München, minħabba t-tnaqqis tan-numru ta’ frekwenzi tal-ħin li hija topera bħalissa fuq din ir-rotta minħabba n-numru ta’ slots tal-ħin għall-konċentrazzjoni jimpenjaw ruħhom li jagħmlu disponibbli, ma huwiex ser jippermetti lil trasportatur tal-ajru li jidħol fuq din ir-rotta b’mod kompetittiv.

324    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tidher li titlaq mill-ipoteżi li biha hija ddeċidiet li żżomm il-livell attwali tagħha ta’ frekwenzi. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm huwa minnu li f’tali każ, slot tal-ħin waħda tkun disponibbli lil kompetitur ġdid, madankollu l-Kummissjoni indikat, fil-premessa 363 tad-deċiżjoni kkontestata:

“[…] Jekk il-provvista ta’ servizzi tal-ajru kompetittivi b’mod ġenerali jirrikjedi, b’mod partikolari għall-passiġġieri sensittivi għall-fattur tal-ħin, iktar minn frekwenza ta’ kuljum, għandu jiġi nnutat li [...] l-ajruport [ta’ München] mistenni li ser ikollu estensjonijiet sinjifikanti fil-kapaċità tagħha fil-futur qrib. B’mod partikolari, bħalissa fit-tieni fażi ta’ proċess twil ta’ approvazzjoni hemm it-tielet runway u għandha tkun operattiva mill-2011. Din it-tielet runway ser iżżid il-koordinazzjoni b’numri li jista’ jmur sa 120 moviment kull siegħa, kontra 90 moviment kull siegħa bis-stema attwali b’żewġ runways, u tku disponibbli għaż-żewġ terminals tal-ajruport [ta’ München]. Dawn l-estensjonijiet previsti tal-kapaċità ser iżidu l-probabbiltà li kompetituri ġodda jistgħu fil-futur qrib [b’mod partikolari meta l-klima ekonomika għas-servizzi tat-trasport bl-ajru iktar ʼil quddiem fil-premessi (384) et seq titjieb] jiksbu slots tal-ħin skont il-proċedura normali għall-allokazzjoni ta’ slots tal-ħin [...] Fl-istess ħin, huma jistgħu jiksbu slot tal-ħin taħt l-impenji li għalihom jista’ jkollhom drittijiet ta’ preċedenza wara żewġ staġuni, li, konsegwentement, jinkoraġġixxihom iktar li jibdew joperaw din ir-rotta.”

325    Il-Kummissjoni tindika wkoll, fil-premessa 364 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn l-elementi meħuda flimkien jiġġustifikaw tnaqqis tal-frekwenzi eżistenti tar-rikorrenti tas-slots tal-ħin li għandhom isiru disponibbli taħt l-impenji u għaldaqstant ir-rikorrenti u l-kompetitur il-ġdid jistgħu jirriproduċu b’mod xieraq il-pressjoni kompetittiva li Lufthansa u Austrian jeżerċitaw fuq xulxin fl-assenza tal-konċentrazzjoni.

326    Issa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tindikax fejn il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 363 huma żbaljati u ma jippermettux li jaslu għall-konklużjoni li l-impenji jippermettu lil kompetitur ġdid li jidħol b’suċċess fuq ir-rotta München-Vjenna.

327    Bl-istess mod, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet tal-investigazzjoni tas-suq invokati mill-Kummissjoni fil-premessa 365 tad-deċiżjoni kkontestata li skonthom il-parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq jaqblu b’mod ġenerali li jirrikonoxxu li l-impenji li jsolvu l-problemi ta’ kompetizzjoni fuq ir-rotta München-Vjenna u li maġġoranza tal-imsemmija parteċipanti jqisu li, kollha hemm huma, l-impenji jiffaċilitaw b’mod suffiċjenti id-dħul jew l-espansjoni u jżidu l-probabbiltà tagħhom u, b’hekk, jippermettu lir-rikorrenti jew lil kompetitur ġdid li jipproponi servizz tal-ajru kompetittiv u vijabbli fuq din ir-rotta. Hija tillimita ruħha fir-realtà li ssostni li l-Kummissjoni għandha tevalwa hija stess is-suffiċjenza tal-impenji u mhux tibbaża ruħha fuq ir-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq. Issa, mill-kliem stess tal-premessa 365 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha biss fuq l-investigazzjoni tas-suq sabiex tevalwa n-natura xierqa tal-impenji, iżda li hija sempliċement ikkonstatat li l-konklużjonijiet li għalihom hija waslet kienu “konformi mal-evalwazzjoni globali tal-miżuri korrettivi għal din ir-rotta li saret fl-investigazzjoni tas-suq”.

328    F’dawn iċ-ċirkustanzi u fl-assenza ta’ argumenti iktar preċiżi insostenn ta’ dan l-ilment, għandu jiġi kkonstatat li ma jirrispondix għar-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet li jirriżultaw, skont il-ġurisprudenza, mir-rekwiżiti ta’ preċiżjoni li jinħolqu skont il-ġurisprudenza mill-Artikolu 44(1)(c) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura u għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Nynäs Petroleum u Nynas Belgium vs Il-Kummissjoni, T‑347/06, Ġabra, EU:T:2012:480, punti 107 u 108).

–       Fuq is-slots tal-ħin disponibbli fuq ir-rotot Vjenna-Köln u Vjenna-Stuttgart

329    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-impenji ma humiex suffiċjenti sabiex jippermettu lil kompetitur ġdid li jidħol fuq ir-rotot Vjenna-Stuttgart u Vjenna-Köln, peress li dawn ir-rotot ikunu servuti mill-kumpannija ta’ spiża baxxa Germanwings.

330    Insostenn ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti tinvoka argument wieħed ibbażat fuq li kumpannija ta’ spiża baxxa tista’ tidħol fuq din ir-rotta, billi toħloq domanda għall-biljetti irħas, biss sa fejn kumpannija ta’ spiża baxxa ma sservix diġà din ir-rotta.

331    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tindikax fejn il-prinċipju li hija tressaq, jekk jiġi preżunt li jseħħ fiċ-ċirkustanzi kollha u, b’mod partikolari, f’dan il-każ, jipprekludi li kumpannija tradizzjonali, li l-mudell ta’ impriża, l-offerta ta’ servizzi u l-istruttura tat-tariffi tagħha jkunu differenti minn dik ta’ kumpanniji ta’ spiża baxxa, tista’ tidħol fuq ir-rotot inkwistjoni.

332    Għandu wkoll jiġi rrilevat li, għalkemm l-affermazzjoni li l-fatt li kumpannija tal-ajru bi spiża baxxa sservi rotta timpedixxi kull kumpannija oħra bi spiża baxxa milli tidħol fuq din ir-rotta hija eżatta, ma hemm l-ebda kompetizzjoni bejn il-kumpaniji ta’ dan it-tip skont l-approċċ O & D. Issa, mill-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-kumpannija tal-ajru TUIfly (li tipproponi titjiriet charter u titjiriet bi spiża baxxa) għandha tibda topera r-rotta Vjenna-Köln minħabba ż-żewġ frekwenzi fil-ġimgħa u frekwenza s-Sibt u l-Ħadd u li dawn it-titjiriet jistgħu jiġu rriżervati għall-istaġun tax-xitwa IATA 2009/2010, u dan minkejja l-fatt li din ir-rotta kienet diġà servuta minn Germanwings.

333    Ir-rikorrent għaldaqstant ma turix li l-preżenza ta’ Germanwings fuq dawn ir-rotot tagħmel impossibbli d-dħul ta’ kompetitur ġdid minkejja l-impenji meħuda mill-partijiet għall-konċentrazzjoni.

334    Din il-konklużjoni hija, barra minn hekk, ikkonfermata, skont il-Kummissjoni, mit-tweġibiet mogħtija mill-kompetituri għall-mistoqsija Nru 28 tal-kwestjonarju mibgħut lilhom matul il-fażi I tal-investigazzjoni tas-suq u li jirrigwardaw jekk, minn naħa, il-preżenza ta’ kumpannija ta’ spiża baxxa tikkostitwixxix fattur importanti fid-deċiżjoni li tiġi operata rotta u, min-naħa l-oħra, kif din il-preżenza tinfluwenza d-deċiżjoni li tinbeda, li tiġi abbandunata jew li titkompla l-operazzjoni ta’ rotta.

335    Peress li t-tweġibiet għad-domanda Nru 28 ma ġewx annessi mal-kitbiet tagħha mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali stiednet lil din tal-aħħar li tipproduċihom permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-18 ta’ Frar 2013. Il-Kummissjoni ssodisfat din it-talba fit-22 ta’ Marzu 2013.

336    Il-qari tat-tweġibiet prodotti mill-Kummissjoni turi li, għall-ewwel parti tad-domanda, il-maġġoranza l-kbira tal-parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq wieġbu b’mod affermattiv u li, għat-tieni parti tad-domanda, il-maġġoranza tal-kompetituri mistoqsija indikaw li din tinfluwenza d-deċiżjoni tagħhom li jidħlu jew jibqgħu fis-suq, sa fejn din tagħmilha inqas probabbli skont, b’mod partikolari, il-frekwenza tat-titjiriet operati mill-kumpannija ta’ spiża baxxa jew il-fatt li rċeviet sussidji pubbliċi, kif ukoll id-deċiżjoni tagħha li toħroġ mis-suq, sa fejn din tagħmilha iktar probabbli. Madankollu, minoranza biss indikat li l-preżenza ta’ kumpannija ta’ spiża baxxa tal-ajru fuq rotta tkun raġuni sabiex ma tidħolx fuq din ir-rotta jew toħorġ minnha. Barra minn hekk, minoranza ta’ kompetituri mistoqsija indikaw li l-preżenza ta’ kumpannija ta’ spiża baxxa fuq rotta ma kellha l-ebda influwenza fuq id-deċiżjoni tagħhom li jservu r-rotta inkwistjoni, peress li huma jqisu li kien settur ta’ suq differenti jew li kienu huma stess kumpannija ta’ spiża baxxa. Minkejja d-diversità tat-tweġibiet għat-tieni parti tad-domanda, jidher ċar li maġġoranza tal-kompetituri li wieġbu ma jeskludux dħul fuq rotta minħabba l-preżenza ta’ kumpannija bi spiża baxxa fuqha, anki jekk huma jirrikonoxxu li dan ser jagħmel id-dħul iktar diffiċli taħt ċerti kundizzjonijiet.

337    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni kienet fondata li tikkunsidra li l-preżenza ta’ Germanwings fuq ir-rotot Vjenna-Köln u Vjenna-Stuttgart ma kinitx tali li tostakola d-dħul ta’ kompetituri ġodda fuq dawk ir-rotot.

 Fuq iċ-ċirkustanza li ebda kumpannija tal-ajru ma bdiet l-operazzjoni ta’ waħda mir-rotot ikkonċernati mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

338    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-insuffiċjenza ta’ impenji meħuda mill-partijiet għall-konċentrazzjoni ser tintwera mill-fatt li, fis-sajf 2010, l-ebda kumpannija tal-ajru ma bdiet topera waħda mir-rotot ikkonċernati mill-impenji.

339    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, din iċ-ċirkustanza wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, suppost stabbilita, ma għandha l-ebda effett fuq il-legalità tagħha, sa fejn din tal-aħħar għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-punti ta’ fatti eżistenti fid-data tal-adozzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra, EU:C:1979:29, punt 7; tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni, C‑449/98 P, Ġabra, EU:C:2001:275, punt 87, u tat-12 ta’ Diċembru 1996, Altmann et vs Il-Kummissjoni, T‑177/94 u T‑377/94, Ġabra, EU:T:1996:193, punt 119).

340    Għaldaqstant dan l-argument għandu jiġu miċħud bħala wieħed mingħajr effett.

 Fuq in-natura xierqa ta’ impenji oħra

341    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-ftehimiet bejn kumpanniji u ta’ ishma kif ukoll il-parteċipazzjoni fl-iskema ta’ lealtà Lufthansa “Miles & More” ma humiex tali li jiżguraw kompetizzjoni xierqa.

342    Insostenn ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti ssostni li l-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn il-kumpanniji u ta’ ishma hija possibbli biss għal-kumpannija tal-ajru żgħar li essenzjalment iġorru l-passiġġieri fi trasferiment fil-kuntest tat-traffiku reġjonali lejn hubs ta’ kumpaniji tan-netwerk u mhux il-kompetituri reali ta’ Lufthansa, jiġifieri Air Berlin, Air France-KLM, British Airways, easyJet jew Ryanair.

343    Dan japplika wkoll għall-iskema ta’ lealtà ta’ Lufthansa, ħafna mill-kompetituri ta’ din tal-aħħar jippossjedu l-iskema tagħhom stess u għaldaqstant ma għandhom l-ebda interess li jipparteċipaw fiha. L-unika miżura effettiva fir-rigward ta’ tali skema tkun li tipprojbixxi l-użu tiegħu fuq ir-rotot suġġetti għall-kompetizzjoni sabiex jiġi llimitat l-effett ta’ lealtà tiegħu.

344    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-impenji, ikun possibbli għal kompetitur ġdid li jikkonkludi ftehimiet bejn il-kumpanniji mal-partijiet għall-konċentrazzjoni, li joffrilu l-possibbiltà li jbigħu lill-klijenti, fuq il-par ta’ bliet identifikati li topera, ta’ vjaġġi ta’ fosthom waħda mir-rotot hija żgurata mill-partijiet għall-konċentrazzjoni u l-oħra minnha stess. Dan jippermetti pereżempju lill-klijenti, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li jitilqu filgħodu mal-kompetitur u, jekk dan tal-aħħar ma għandux slot jew ma jipproponix titjira filgħaxija, li jieħdu Lufthansa-Austrian sabiex jiġu lura (punt 4.2 tal-impenji).

345    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-impenji jipprovdu wkoll il-possibbiltà għal kompetitur ġdid li jagħmel it-talba lill-partijiet fil-konċentrazzjoni sabiex jikkonkludi magħhom ftehim speċjali fuq ishma ta’ traffiku li ġej jew sejjer minn post reali jiġifieri fl-Awstrija jew fil-Ġermanja jew fl-Awstrija jew fil-Belġju, sakemm parti mill-vjaġġ jiżvolġi fuq waħda mir-rotot Vjenna-Frankfurt am Main, Vjenna-München, Vjenna-Köln, Vjenna-Stuttgart jew Vjenna-Brussell. Il-kundizzjonijiet ta’ dan il-ftehim għandhom ikunu tali li l-fornitur il-ġdid ta’ servizzi bl-ajru jirċievi l-istess trattament bħall-imsieħba Lufthansa fi ħdan Star Alliance fuq l-istess par ta’ bliet identifikati (punt 5.1 tal-impenji).

346    L-impenji inkwistjoni jikkonċernaw ir-rotot kollha fejn ġew identifikati problemi ta’ kompetizzjoni u jiżdiedu mad-disponibbiltà ta’ slots tal-ħin fuq dawn ir-rotot.

347    Jidher, kif issostni r-rikorrenti, li dawn il-miżuri korrettivi komplementari jistgħu jinteressaw lill-kumpaniji reġjonali li jservu l-hubs ta’ Lufthansa u ta’ Austrian minn ajruporti reġjonali Ġermaniżi jew Awstrijaċi, pereżempju fil-perspettiva kuntest ta’ titjira b’korrispondenza permezz tal-ajruport ta’ Vjenna fuq ir-rotot bejn l-ajruporti reġjonali Awstrijaċi, minn naħa, u l-ajruporti ta’ Frankfurt am Main, München, Stuttgart, Köln u Brussell, min-naħa l-oħra, jew ukoll fil-perspettiva ta’ titjira b’korrispondenza permezz ta’ Frankfurt am Main jew permezz ta’ München fuq ir-rotot bejn l-ajruporti reġjonali Ġermaniżi, minn naħa waħda, u Vjenna, min-naħa l-oħra.

348    Madankollu, ir-raġuni li tali miżuri korrettivi ma humiex tali li jinteressaw ukoll lill-kompetituri ma tidhirx ċara, kemm jekk ajruplani ta’ spiża baxxa joperaw fuq il-mudell punt u jixtiequ jespandu fuq waħda mir-rotot identifikati jew jekk kumpannija tal-ajru fin-network tixtieq tidħol fuq dawn ir-rotot sabiex tespandi l-offerta tagħha filwaqt li timminimizza l-ispejjeż involuti f’tali dħul.

349    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tressaq ebda argument insostenn tal-allegazzjoni li kumpaniji bħal easyJet, Ryanair, Air France-KLM jew British Airways ma jistgħux ikunu interessati minn tali miżuri korrettivi.

350    Ir-rikorrenti ma tikkontestax iktar tilwim l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-investigazzjoni tas-suq kienet uriet li, fir-rigward tal-ftehimiet bejn il-kumpanniji, l-assenza ta’ soluzzjoni ta’ dan it-tip kienet waħda mir-raġunijiet għaliex it-trasportaturi terzi waqfu li joperaw ir-rotot bejn il-Ġermanja u l-Awstrija (deċiżjoni kkontestata, punt 377).

351    Issa, mit-tweġibiet għall-kwestjonarju jirriżulta li l-Kummissjoni bagħtet lill-parteċipanti fis-suq fis-27 ta’ Lulju 2009, prodotti mill-Kummissjoni bi tweġiba għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-18 ta’ Frar 2013, fuq l-48 parteċipant tas-suq li wieġbu għall-mistoqsijiet Nru 10 u 11 tal-imsemmi kwestjonarju, sitta biss ddeċidew li l-impenji proposti mill-partijiet li nnotifikaw ma kinux jikkostitwixxu inċentiv għad-dħul jew għall-espansjoni fuq ir-rotot bejn il-pari ta’ bliet identifikati. Din il-konstatazzjoni tikkonferma l-affermazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata u li tirrifjuta li jiġi rrifjutat l-argument tar-rikorrent li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li dawn l-impenji kienu xierqa li jirrimedjaw għall-problemi ta’ kompetizzjoni mqajma mill-konċentrazzjoni inkwistjoni.

352    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma wrietx fejn il-possibbiltà li jiġu konklużi ftehimiet bejn il-kumpanniji u ftehimiet speċjali ta’ ishma kif previst mill-impenji, meħuda flimkien mad-disponibbiltà ta’ slots tal-ħin, ma jippermettux li jinċentivaw lill-kompetituri sabiex jidħlu fuq ir-rotot identifikati.

353    L-argument tar-rikorrenti, dwar il-possibbiltà ta’ aċċess għall-iskema ta’ lealtà ta’ Lufthansa, lanqas ma huwa konvinċenti. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont l-impenji, jekk kompetitur ġdid li ma jipparteċipawx fl-iskema ta’ lealtà ta’ Lufthansa “Miles & More” jagħmel talba għaliha, Lufthansa tippermettilu li jiġi ammess għall-pari ta’ bliet identifikati operati mill-fornitur il-ġdid tas-servizz tal-ajru. Il-ftehim għandu jkun tali li l-fornitur il-ġdid tas-servizz tal-ajru jirċievi l-istess trattament bħall-imsieħba ta’ Lufthansa fi ħdan Star Alliance. Il-kundizzjonijiet finanzjarji ser jirriflettu l-kundizzjonijiet medji maqbula mal-imsieħba tal-alleanza ta’ Lufthansa (punt 7.1 tal-impenji). Issa, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet fis-sentenza easyJet vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ʼil fuq (EU:T:2006:187), li l-fatt li passiġġieri ta’ titjiriet operati mill-kumpanniji tal-ajru kompetituri fis-swieq effettwati jistgħu jiksbu “mili” mingħand l-entità magħquda, b’hekk jingħata vantaġġ mhux żgħir lill-dawn il-passiġġieri, u għaldaqstant indirettament lill-kumpanniji tal-ajru kompetituri (punt 6 tal-pakkett ta’ impenji). Fil-każ fejn kumpannija tal-ajru kompetitriċi ma tixtieqx tieħu sehem fl-iskema ta’ lealtà tal-konsumatur minħabba l-bżonnijiet u l-organizzazzjoni tagħha, pereżempju peress li għandha l-iskema tagħha ta’ lealtà, tali attitudni tirriżulta minn deċiżjoni kummerċjali li tkun għamlet hi. Għaldaqstant, tali għażla strateġika ma tistax tipprova l-inadegwatezza tar-rimedji adottati u, b’konsegwenza, l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni imputabbli lill-Kummissjoni (sentenza easyJet vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ʼil fuq, EU:T:2006:187, punt 143).

354    Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq in-natura insuffiċjenti tal-impenji oħrajn għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

3.     Fuq it-tielet motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

355    Ir-rikorrenti issostni biss li, waqt l-eżami tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni tbiegħdet mill-linji gwida tagħha stess u mill-komunikazzjonijiet u f’dan ir-rigward irreferiet għal punti differenti tar-rikors tagħha.

356    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati. Barra minn hekk, indipendentement minn kull kwistjoni ta’ terminoloġija, din l-espożizzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-parti konvenuta li tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun hemm bżonn mingħajr ma tintalab informazzjoni oħra. Fil-fatt, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas sommarjament, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mill-kliem stess użat fir-rikors, u dan sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tfittex jekk l-elementi kollha invokati insostenn tal-ewwel motiv jistgħux jintużaw insostenn tat-tieni motiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il-Kummissjoni, T‑322/01, Ġabra, EU:T:2006:267, punti 208 u 209).

357    Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tressaq ebda argument adatt insostenn ta’ dan il-motiv u tirreferi biss għal dak spjegat mill-partijiet l-oħra fil-kitbiet tagħhom.

358    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

359    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

360    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

361    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjonijiet, ÖIAG u l-Lufthansa, kif mitluba minn dawn il-partijiet.

362    Ir-Repubblika tal-Awstrija għandha tbati l-ispejjeż tagħha, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Niki Luftfahrt GmbH għandha tbati, barra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, minn Österreichische Industrieholding AG u minn Deutsche Lufthansa AG.

3)      Ir-Repubblika tal-Awstrija għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Mejju 2015.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.  Impriżi inkwistjoni

2.  Il-proċedura amministrattiva

3.  Kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

Swieq inkwistjoni

Evalwazzjoni tal-effetti tal-operazzjoni fuq il-kompetizzjoni

Kuntest kunċettwali għall-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni

Analiżi tal-kompetizzjoni

Impenji

Impenji dwar is-slots

–  Għoti ta’ slots fuq  il-pari ta’ bliet li jqajmu problemi ta’ kompetizzjoni

–  Kundizzjonijiet dwar it-trasferiment ta’ slots tal-ħin

–  Drittijiet ta’ preċedenza

–  Membri ta’ Star Alliance bħala kompetituri ġodda

Impenji oħra u dispożizzjonijiet

–  Ftehimiet speċjali relatati mal-ishma u ftehimiet ta’ qsim tal-kodiċi

–  Dispożizzjonijiet oħra

Evalwazzjoni tal-impenji

Konklużjoni

Il-proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali

Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq in-natura insuffiċjenti tal-istabbiliment tal-fatti fil-kuntest tal-investigazzjoni tas-suq

2.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) u (3) KE, tal-Artikolu 8 tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, kif ukoll il-Linji Gwida tal-2004

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq ġeografiku rilevanti

Fuq id-definizzjoni tas-suq mill-Kummissjoni skont l-approċċ O & D

Fuq l-assenza tal-analiżi tal-effetti kompetittivi tal-konċentrazzjoni fuq is-suq ġeografiku rilevanti skont “approċċ globali”

Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-effetti kompetittivi tal-konċentrazzjoni fuq ir-rotot bejn il-Ġermanja u l-Awstrija

Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar il-konsegwenzi tal-konċentrazzjoni fuq ir-rotot tal-ajru bejn l-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant barra l-Unjoni

Fuq l-ewwel ilment ibbażat fuq li l-Kummissjoni ma wettqitx analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq ir-rotot tal-ajru bejn l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant barra l-Unjoni abbażi tal-approċċ O & D

Fuq it-tieni ilment ibbażat fuq li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni il-pożizzjoni dominanti miżmuma minn Lufthansa u Austrian fuq ir-rotot bejn l-ajruporti ta’ Vjenna, Frankfurt am Main, München u Zürich, minn naħa, u l-ajruporti tal-Ewropa tal-Lvant barra l-Unjoni, min-naħa l-oħra.

Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar il-kapaċitŕ tal-kompetituri ta’ Lufthansa u ta’ Austrian li jżommu jew li jidħlu fis-suq rilevanti

Fuq l-ewwel ilment ibbażat fuq ksur tal-punt 36 tal-Linji Gwida tal-2004 sa fejn il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-limitazzjoni mill-konċentrazzjoni tal-kapaċitŕ tal-kompetituri li jbigħu titjiriet lejn il-klijenti korporattivi u li tikkonkludi ftehimiet-qafas mal-aġenziji tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi.

Fuq it-tieni lment ibbażat fuq ksur tal-punt 31 tal-Linji Gwida tal-2004, sa fejn il-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-entitŕ li tirriżulta mill-konċentrazzjoni hija l-unika kumpannija tan-netwerk li tista’ toffri lill-klijenti tagħha netwerk sħiħ ta’ rotot fid-dinja kollha u, b’mod partikolari, fl-Ewropa tal-Lvant.

Fuq it-tielet ilment huwa bbażat fuq il-ksur tal-punt 68 et seq tal-Linji Gwida tal-2004 sa fejn il-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-offerta proposta mill-entitŕ li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ser tkopri d-domanda intiera disponibbli fuq ir-rotot li l-partijiet li jinnotifikaw jiddominaw

Fuq ir-raba’ lment ibbażat fuq ksur tal-punti 68 et seq tal-Linji Gwida tal-2004, sa fejn il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ostakolu għad-dħul fis-suq ikkostitwit mill-politika ta’ esklużjoni bil-prezzijiet immexxija minn Lufthansa u Austrian

Fuq il-ħames ilment ibbażat fuq il-ksur tal-punti 68 et seq tal-Linji Gwida tal-2004, sa fejn il-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-entitŕ li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ser ikollha monopolju fuq id-drittijiet tat-traffiku bl-arja mill-Ewropa Ċentrali lejn l-Ewropa tal-Lvant, kif ukoll lejn il-Lvant Nofsani

Fuq il-ħames parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar il-kapaċitŕ tal-impenji li jirrimedjaw għall-problemi ta’ kompetizzjoni maħluqa mill-konċentrazzjoni

Fuq in-natura xierqa tal-impenji dwar is-slots tal-ħin fuq ir-rotot identifikati bejn l-Awstrija u l-Ġermanja.

–  Fuq ir-rotot tal-ħin li għandhom ikunu disponibbli fuq ir-rotta Vjenna-Frankfurt am Main

–  Fuq is-slots tal-ħin disponibbli fuq ir-rotta Vjenna-München

–  Fuq is-slots tal-ħin disponibbli fuq ir-rotot Vjenna-Köln u Vjenna-Stuttgart

Fuq iċ-ċirkustanza li ebda kumpannija tal-ajru ma bdiet l-operazzjoni ta’ waħda mir-rotot ikkonċernati mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq in-natura xierqa ta’ impenji oħra

3.  Fuq it-tielet motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.