Language of document : ECLI:EU:C:2021:593

DIGRIET TAL-VIĊI PRESIDENTA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

14 ta’ Lulju 2021 (*)

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Artikolu 279 TFUE – Talba għal miżuri provviżorji – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Indipendenza tal-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il‑Polonja) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Indipendenza ġudizzjarja – Sistema dixxiplinari tal-imħallfin – Eżami tal-kwistjonijiet ta’ dritt dwar l-assenza ta’ indipendenza ġudizzjarja – Kompetenza esklużiva tal-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych Sądu Nawyższego (l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)”

Fil-Kawża C‑204/21 R,

li għandha bħala suġġett talba għal miżuri provviżorji skont l-Artikolu 279 TFUE, ippreżentata fl‑1 ta’ April 2021,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. J. O. Van Nuffel u minn K. Herrmann, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

konvenuta,

IL-VIĊI PRESIDENTA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, G. W. Hogan,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tat-talba għal miżuri provviżorji tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, tordna lir-Repubblika tal-Polonja, fl-istennija tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq il-mertu, tissospendi l-applikazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet nazzjonali introdotti mill-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra) tal‑20 ta’ Diċembru 2019 (Dz. U. tal‑2020, intestatura 190, iktar ’il quddiem il-“Liġi Emendatorja”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat mill-Kummissjoni fl‑1 ta’ April 2021 (iktar ’il quddiem ir-“rikors fuq il-mertu”), intiż li jiġi kkonstatat li:

–        billi adottat u żammet fis-seħħ l-Artikolu 42a(1) u (2) u l-Artikolu 55(4) tal-ustawa – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Komuni) tas‑27 ta’ Lulju 2001 (Dz. U. tal‑2001, Nru 98, intestatura 1070), kif emendata bil-Liġi Emendatorja (iktar ’il quddiem il-“Liġi Emendata dwar il-Qrati Komuni”), l-Artikolu 26(3) u l-Artikolu 29(2) u (3) tal-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, intestatura 5), kif emendata bil-Liġi Emendatorja (iktar ’il quddiem il-“Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema”), l-Artikolu 5(1a) u (1b) tal-ustawa – Prawo o ustroju sądów administracyjnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi) tal‑25 ta’ Lulju 2002 (Dz. U. tal‑2002, intestatura 1269), kif emendata bil-Liġi Emendatorja (iktar ’il quddiem il-“Liġi Emendata dwar il-Qrati Amministrattivi”), kif ukoll l-Artikolu 8 tal-Liġi Emendatorja, li jipprojbixxu lil kull qorti nazzjonali milli tivverifika l-osservanza tar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea dwar qorti indipendenti u imparzjali stabbilita preċedentement permezz tal-liġi, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fondamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif ukoll skont l-Artikolu 267 TFUE u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni;

–        billi adottat u żammet fis-seħħ l-Artikolu 26(2) u (4) sa (6) u l-Artikolu 82(2) sa (5) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, kif ukoll l-Artikolu 10 tal-Liġi Emendatorja, li tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) (iktar’ il quddiem l-“Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi”), sabiex teżamina l-ilmenti u l-kwistjonijiet ġuridiċi dwar l-assenza ta’ indipendenza ta’ qorti jew ta’ mħallef, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll taħt l-Artikolu 267 TFUE u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni;

–        billi adottat u żammet fis-seħħ il-punti 2 u 3 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qrati Komuni u l-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, li jippermettu li jiġi kklassifikat bħala offiża dixxiplinari l-eżami tal-osservanza tar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar qorti indipendenti u imparzjali stabbilita preċedentement mil-liġi, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll taħt l-Artikolu 267 TFUE;

–        billi tat lill-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) (iktar ’il quddiem l-“Awla Dixxiplinari”, li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex żgurati, is-setgħa li tiddeċiedi kawżi li għandhom impatt dirett fuq l-istatus u l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ mħallef u assistent imħallef, bħal, minn naħa, it-talbiet għal awtorizzazzjoni sabiex jinfetħu proċeduri kriminali kontra l-imħallfin u l-assistenti mħallfin jew sabiex jiġu arrestati, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-kawżi fil-qasam tad-dritt tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali dwar l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u l-kawżi dwar l-irtirar ta’ dawn l-imħallfin, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE;

–        billi adottat u żammet fis-seħħ l-Artikolu 88a tal-Liġi Emendata dwar il-Qrati Komuni, l-Artikolu 45(3) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema u l-Artikolu 8(2) tal-Liġi Emendata dwar il-Qrati Amministrattivi, ir-Repubblika tal-Polonja kisret id-dritt tar-rispett għall-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali żgurati mill-Artikolu 7 u mill-Artikolu 8(1) tal-Karta kif ukoll mill-Artikolu 6(1)(c) u (e), l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).

3        Fis‑6 ta’ Mejju 2021, ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub dwar it-talba għal miżuri provviżorji.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema

4        Il-Liġi dwar il-Qorti Suprema stabbilixxiet, fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), żewġ awli ġodda, minn naħa, l-Awla Dixxiplinari u, min-naħa l-oħra, l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi.

5        Il-Liġi Emendatorja emendat il-Liġi dwar il-Qorti Suprema, b’mod partikolari billi daħħlet fl-Artikolu 26 il-paragrafi 2 sa 6, u fl-Artikolu 27(1), il-punt (1a), billi emendat l-Artikolu 29 u l-Artikolu 72(1) u billi daħħlet fl-Artikolu 82 il-paragrafi (2) sa (5).

6        Skont l-Artikolu 26(2) sa (6) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema:

“2.      L-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet jew dikjarazzjonijiet dwar ir-rikuża ta’ mħallef jew il-ħatra tal-qorti li quddiemha għandha ssir proċedura, inklużi l-ilmenti bbażati fuq l-assenza ta’ indipendenza tal-qorti jew tal-imħallef. Il-qorti adita bil-kawża għandha tibgħat immedjatament talba lill-President tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi sabiex din tiġi ttrattata konformement mar-regoli stabbiliti minn dispożizzjonijiet distinti. Il-preżentata ta’ talba lill-President tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi ma tissospendix il-proċedura pendenti.

3.      It-talba msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhiex tiġi eżaminata jekk din tirrigwarda l-konstatazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tal-leġittimità tiegħu sabiex jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji.

4.      L-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi għandha kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi intiżi li tiġi kkonstatata l-illegalità ta’ sentenzi definittivi tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], tal-qrati komuni, tal-qrati militari u tal-qrati amministrattivi, inkluż in-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja)], jekk l-illegalità tikkonsisti f’li jiġi kkontestat l-istatus tal-persuna maħtura f’pożizzjoni ta’ mħallef li ddeċidiet fil-kawża.

5.      Id-dispożizzjonijiet dwar il-konstatazzjoni ta’ illegalità ta’ sentenza definittiva japplikaw mutatis mutandis għall-proċedura fil-kawżi msemmija fil-paragrafu 4, u d-dispożizzjonijiet dwar il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura ġudizzjarja magħluqa permezz ta’ sentenza definittiva japplikaw għall-kawżi kriminali. Ma huwiex neċessarju li tiġi stabbilita prima facie l-probabbiltà jew l-okkorrenza ta’ dannu kkawżat mill-għoti tas-sentenza li hija s-suġġett tar-rikors.

6.      Rikors intiż li tiġi kkonstatata l-illegalità ta’ sentenza definittiva, imsemmi fil-paragrafu 4, jista’ jiġi ppreżentat quddiem l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi mingħajr ma tgħaddi mill-qorti li tat is-sentenza appellata, anki meta parti ma tkunx eżawrixxiet ir-rimedji ġudizzjarji għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż l-appell straordinarju quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].”

7        L-Artikolu 27(1) tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“Il-każijiet li ġejjin jaqgħu fil-kompetenza tal-Awla Dixxiplinari:

[…]

1a)      il-kawżi dwar l-awtorizzazzjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra l-imħallfin, l-imħallfin awżiljarji, il-prosekuturi pubbliċi u l-prosekuturi awżiljarji, jew li jitqiegħdu taħt detenzjoni provviżorja;

2)      il-kawżi fil-qasam tad-dritt industrijali u tas-sigurtà soċjali dwar l-imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)];

3)      il-kawżi dwar l-irtirar ta’ mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].”

8        L-Artikolu 29(2) u (3) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema jistipula:

“2.      Fil-kuntest tal-attivitajiet tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jew tal-korpi tagħha, ma huwiex permess li tiġi kkontestata l-leġittimità tat-tribunali u tal-qrati, tal-korpi kostituzzjonali tal-Istat jew tal-korpi ta’ stħarriġ u ta’ protezzjoni tad-dritt.

3.      Is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jew korp ieħor tas-setgħa ma tistax tikkonstata u lanqas tevalwa l-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tas-setgħa li jeżerċita l-funzjonijiet ġudizzjarji li jirriżultaw minnhom.”

9        L-Artikolu 72(1) ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

“Imħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] għandu jwieġeb, fuq livell dixxiplinari, għal nuqqasijiet professjonali (nuqqasijiet dixxiplinari), inkluż fil-każ:

1)      ta’ ksur manifest u flagranti tar-regoli tad-dritt;

2)      ta’ atti jew ommissjonijiet ta’ natura li jimpedixxu jew jikkompromettu b’mod serju l-funzjonament ta’ awtorità ġudizzjarja;

3)      ta’ atti li jqiegħdu inkwistjoni l-eżistenza tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ mħallef, l-effettività tal-ħatra ta’ mħallef jew il-leġittimità ta’ korp kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Polonja.”

10      Konformement mal-Artikolu 73(1) tal-imsemmija liġi, l-Awla Dixxiplinari hija l-qorti dixxiplinari tat-tieni (u l-aħħar) istanza għall-imħallfin tal-qrati komuni, u l-qorti dixxiplinari tal-ewwel u tat-tieni istanza għall-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

11      L-Artikolu 82 tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema jipprevedi dan li ġej:

“1. Jekk, waqt l-eżami ta’ appell fil-kassazzjoni jew ta’ rikors ieħor, is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] ikollha dubji serji dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni mogħtija, hija tista’ tissospendi l-proċeduri quddiemha u tressaq kwistjoni ta’ liġi għal kulleġġ ġudikanti kompost minn seba’ mill-imħallfin tagħha.

2.      Meta teżamina kawża li fiha tqum kwistjoni ta’ liġi dwar l-indipendenza ta’ mħallef jew ta’ qorti, is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] għandha tissospendi l-proċeduri quddiemha u tirrinvija din il-kwistjoni għal kulleġġ ġudikanti kompost mill-membri kollha tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi.

3.      Jekk, waqt l-eżami ta’ talba msemmija fl-Artikolu 26(2), is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] ikollha dubji serji dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali li għandhom ikunu l-bażi tad-deċiżjoni, hija tista’ tissospendi l-proċeduri quddiemha u tirrinvija kwistjoni ta’ dritt għal kulleġġ ġudikanti kompost mill-membri kollha tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi.

4.      Meta tadotta deċiżjoni msemmija fil-paragrafu (2) jew (3), l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi ma hijiex marbuta bid-deċiżjoni ta’ kulleġġ ġudikanti ieħor tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], ħlief jekk din tkun kisbet is-saħħa legali.

5.      Deċiżjoni adottata mill-membri kollha tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi abbażi tal-paragrafu (2) jew (3) hija vinkolanti għall-kulleġġi ġudikanti kollha tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)]. Kull diverġenza fir-rigward ta’ deċiżjoni li kisbet is-saħħa legali teħtieġ li tingħata deċiżjoni mill-ġdid permezz ta’ deċiżjoni tal-assemblea plenarja tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], u l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni tirrikjedi l-preżenza ta’ mill-inqas żewġ terzi tal-imħallfin ta’ kull waħda mill-awli. L-Artikolu 88 ma għandux japplika.”

 Il-Liġi Emendata dwar il-Qrati Komuni

12      Il-Liġi Emendatorja emendat il-Liġi dwar il-Qrati Komuni, b’mod partikolari billi daħħlet l-Artikolu 42a, u l-paragrafu (4) fl-Artikolu 55, kif ukoll billi emendat l-Artikolu 107(1) u l-Artikolu 110(2a).

13      L-Artikolu 42a tal-Liġi Emendata dwar il-Qrati Komuni huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fil-kuntest tal-attivitajiet tal-qrati jew tal-korpi tal-qrati, ma huwiex permess li tiġi kkontestata l-leġittimità tat-tribunali u tal-qrati, tal-korpi kostituzzjonali tal-Istat jew tal-korpi ta’ stħarriġ u ta’ protezzjoni tad-dritt.

2.      Qorti komuni jew korp ieħor tas-setgħa la tista’ tikkonstata u lanqas tevalwa l-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tas-setgħa li jeżerċita l-funzjonijiet ġudizzjarji li jirriżultaw minnha.”

14      L-Artikolu 55(4) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“L-imħallfin jistgħu jiddeċiedu dwar il-kawżi kollha fil-post ta’ assenjazzjoni tagħhom kif ukoll fi qrati oħra fil-każijiet iddefiniti mil-liġi (kompetenza tal-qorti). Id-dispożizzjonijiet dwar l-attribuzzjoni tal-kawżi kif ukoll dwar il-ħatra u l-emenda tal-kulleġġi ġudikanti ma jillimitawx il-kompetenza ta’ mħallef u ma jistgħux jiġu invokati sabiex jiġi kkonstatat li kulleġġ ġudikanti jmur kontra l-liġi, kemm jekk qorti ma hijiex ipprovduta b’mod adegwat kif ukoll jekk persuna li ma għandhiex is-setgħa jew il-kompetenza sabiex tiddeċiedi tagħmel parti minnha.”

15      L-Artikolu 80 tal-imsemmija liġi jipprovdi dan li ġej:

“1.      L-imħallfin jistgħu jiġu arrestati jew ikunu suġġetti għal proċeduri kriminali biss bl-awtorizzazzjoni tal-qorti dixxiplinari kompetenti. Din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax l-arrest fil-każ ta’ flagrante delicto, jekk dan l-arrest huwa indispensabbli sabiex jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura. Sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra mħallef, jistgħu jitwettqu biss l-atti urġenti.

[…]

2c.      Il-qorti dixxiplinari għandha tadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra mħallef jekk is-suspetti dwaru jkunu ssostanzjati b’mod suffiċjenti. Id-deċiżjoni għandha tkun dwar l-awtorizzazzjoni li jinfetħu proċeduri kriminali kontra l-imħallef u tesponi l-motivi għal dan.

2d.      Il-qorti dixxiplinari għandha teżamina t-talba għall-awtorizzazzjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra mħallef f’terminu ta’ erbatax‑il jum wara li tkun irċevietha.”

16      L-Artikolu 107(1) tal-istess liġi huwa fformulat kif ġej:

“Imħallef għandu jwieġeb, fuq livell dixxiplinari, għal nuqqasijiet professjonali (nuqqasijiet dixxiplinari), inkluż fil-każ:

[…]

2)      ta’ atti jew ommissjonijiet ta’ natura li jimpedixxu jew jikkompromettu b’mod serju l-funzjonament ta’ awtorità ġudizzjarja;

3)      ta’ atti li jqiegħdu inkwistjoni l-eżistenza tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ mħallef, l-effettività tal-ħatra ta’ mħallef jew il-leġittimità ta’ korp kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Polonja;

[…]”

17      Skont l-Artikolu 110(2a) tal-Liġi Emendata dwar il-Qrati Komuni:

“Il-qorti dixxiplinari li fil-ġurisdizzjoni tagħha l-imħallef li huwa s-suġġett tal-proċedura jeżerċita l-kompiti tiegħu għandha ġurisdizzjoni territorjali sabiex tisma’ l-kawżi msemmija fl-Artikolu 37(5) u fil-punt (3) tal-Artikolu 75(2). Fil-kawżi msemmija fl-Artikolu 80 u fl-Artikolu 106zd, il-qorti kompetenti fl-ewwel istanza hija s-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] f’kulleġġ ġudikanti ta’ mħallef wieħed tal-awla dixxiplinari u, fit-tieni istanza, is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] f’kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin tal-awla dixxiplinari.”

18      Konformement mal-Artikolu 129 ta’ din il-liġi:

“1.      Il-qorti dixxiplinari tista’ tissospendi mill-funzjonijiet tiegħu mħallef li kontrih ikunu nbdew proċeduri dixxiplinari jew proċeduri ta’ inkapaċità u tista’ wkoll tagħmel hekk meta tadotta deċiżjoni li tawtorizza il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra l-imħallef ikkonċernat.

2.      Jekk il-qorti dixxiplinari tadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra mħallef għal reat intenzjonat li tista’ ssirlu prosekuzzjoni mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, din għandha tissospendih awtomatikament mill-funzjonijiet tiegħu.

3.      Meta l-qorti dixxiplinari tissospendi mħallef mill-funzjonijiet tiegħu, hija għandha tnaqqas l-ammont tas-salarju tiegħu bejn 25 % u 50 % għall-perijodu ta’ din l-istess sospensjoni; din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax il-persuni li fir-rigward tagħhom inbdew proċeduri ta’ inkapaċità.

4.      Jekk il-proċeduri dixxiplinari jingħalqu jew jaslu fi tmiemhom permezz ta’ liberazzjoni, għandha ssir rettifika tal-komponenti kollha tar-remunerazzjoni jew tal-miżati sal-ammont sħiħ tagħhom.”

 Il-Liġi Emendata dwar il-Qrati Amministrattivi

19      Il-Liġi Emendatorja emendat il-Liġi dwar il-Qrati Amministrattivi, b’mod partikolari billi daħħlet il-paragrafi 1a u 1b fl-Artikolu 5, kif ukoll billi emendat l-Artikolu 29(1) u l-Artikolu 49(1).

20      L-Artikolu 5(1a) u (1b) tal-Liġi Emendata dwar il-Qrati Amministrattivi jistipula:

“1a.      Fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ qorti amministrattiva jew tal-korpi tagħha, ma huwiex permess li tiġi kkontestata l-leġittimità tat-tribunali u tal-qrati, tal-korpi kostituzzjonali tal-Istat jew tal-korpi ta’ stħarriġ u ta’ protezzjoni tad-dritt.

1b.      Qorti amministrattiva jew korp ieħor tas-setgħa la tista’ tikkonstata u lanqas tevalwa l-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tas-setgħa li jeżerċita l-funzjonijiet ġudizzjarji li jirriżultaw minnha.”

21      Skont l-Artikolu 29(1) ta’ din il-liġi, ir-reati dixxiplinari previsti fil-punti (2) u (3) tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qrati Komuni huma applikabbli wkoll f’dak li jirrigwarda l-imħallfin tal-qrati amministrattivi.

22      Konformement mal-Artikolu 49(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qrati Amministrattivi, ir-reati dixxiplinari previsti fl-Artikolu 72(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema huma applikabbli wkoll f’dak li jirrigwarda l-imħallfin tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema).

 Il-Liġi Emendatorja

23      L-Artikoli 8 u 10 tal-Liġi Emendatorja jinkludu dispożizzjonijiet tranżitorji.

24      Konformement mal-Artikolu 8 tal-Liġi Emendatorja, l-Artikolu 55(4) tal-Liġi Emendata dwar il-Qrati Komuni japplika wkoll għall-kawżi miftuħa jew magħluqa qabel id-data ta’ dħul fis-seħħ tal-Liġi Emendatorja, jiġifieri l‑14 ta’ Frar 2020.

25      Skont l-Artikolu 10 tal-Liġi Emendatorja:

“1.      Id-dispożizzjonijiet tal-[Liġi dwar il-Qorti Suprema], fil-verżjoni li tirriżulta minn din il-liġi, japplikaw ukoll għall-kawżi suġġetti għall-eżami tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi li tressqu u li ma ngħalqux permezz ta’ sentenza definittiva, inkluża deċiżjoni, qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi.

2.      Il-qorti adita b’kawża msemmija fil-paragrafu 1 għandha tirrinvijaha mingħajr dewmien, u mhux iktar tard minn sebat ijiem wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, lill-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, li tista’ tirrevoka l-atti mwettqa preċedentement sa fejn dawn jipprekludu li l-eżami tal-kawża jitkompla konformement mal-liġi.

3.      L-atti mwettqa mill-qrati u mill-partijiet jew mill-parteċipanti fil-proċedura fil-kawżi msemmija fil-paragrafu 1 wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi bi ksur tal-paragrafu 2 ma jipproduċux effetti proċedurali.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

26      B’risposta għal tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (Izba Pracy i Ubezpieczeń Społecznych) (il-Qorti Suprema (l-Awla Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali), il-Polonja, iktar ’il quddiem l-“Awla Industrijali”), il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 171 tas-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza A. K.”, EU:C:2019:982), iddeċidiet li l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li tilwim dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkun jista’ jaqa’ fil-kompetenza esklużiva ta’ istanza li ma tikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet. Dwar dan l-istess punt, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan ikun il-każ meta l-kundizzjonijiet oġġettivi li fihom inħolqot l-istanza kkonċernata u l-karatteristiċi tagħha kif ukoll il-mod kif inħatru l-membri tagħha jkunu ta’ natura li joħolqu dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet f’kawża, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fil-konfront ta’ elementi esterni, b’mod partikolari ta’ influwenzi diretti jew indiretti mill-poter leġiżlattiv u mill-poter eżekuttiv, u dwar in-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi li jkunu inkwistjoni u, għalhekk, jistgħu jwasslu għal assenza ta’ dehra ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tal-imsemmija istanza li tkun ta’ natura li tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fl-imsemmija partijiet f’kawża f’soċjetà demokratika. Dejjem fl-istess punt, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li kienet il-qorti tar-rinviju li kellha tiddetermina, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, jekk dan kienx il-każ fir-rigward ta’ istanza bħalma hija l-Awla Dixxiplinari, u li, f’tali ipoteżi, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni kellu jiġi interpretat fis-sens li kien jobbliga lill-qorti tar-rinviju tħalli mhux applikata d-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tirriżerva l-kompetenza sabiex tittieħed konjizzjoni tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali lill-imsemmija istanza, b’tali mod li dawn it-tilwimiet ikunu jistgħu jiġu eżaminati minn qorti li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità u li kienet tkun kompetenti fil-qasam ikkonċernat li kieku l-imsemmija dispożizzjoni ma kinitx tostakola dan.

27      Wara s-sentenza A. K., l-Awla Industrijali, li ddeċidiet fit-tilwima li tat lok għat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑585/18, fis-sentenza tagħha tal‑5 ta’ Diċembru 2019, iddeċidiet li l-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-“KRS”) ma kienx korp imparzjali u indipendenti mis-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva. Bl-istess mod, dik il-qorti qieset li l-Awla Dixxiplinari ma setgħetx titqies li hija qorti fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 6 tal-KEDB.

28      Fit‑12 ta’ Diċembru 2019, grupp ta’ deputati ssottometta lis-Sejm Rzeczypospolitej Polskiej (il-Parlament tar-Repubblika tal-Polonja) l-abbozz ta’ liġi fl-oriġini tal-Liġi Emendatorja. Din il-liġi ġiet adottata fl‑20 ta’ Diċembru 2019 u daħlet fis-seħħ fl‑14 ta’ Frar 2020.

29      Billi qieset li, billi adottat il-Liġi Emendatorja, ir-Repubblika tal-Polonja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikolu 7, tal-Artikolu 8(1), u tal-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll tal-Artikolu 6(1)(ċ) u (e), tal-Artikolu 6(3) u tal-Artikolu 9 tar-Regolament 2016/679, il-Kummissjoni, fid‑29 ta’ April 2020, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru. Dan tal-aħħar wieġeb permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Ġunju 2020 li fiha kkontesta kull ksur tad-dritt tal-Unjoni.

30      Fit‑30 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li fiha sostniet li is-sistema introdotta bil-Liġi Emendatorja kienet tikser id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt preċedenti.

31      Fl‑1 ta’ Novembru 2020, fid-dawl taż-żieda fin-numru ta’ kawżi pendenti quddiem l-Awla Dixxiplinari dwar talbiet għal awtorizzazzjoni sabiex jinbdew proċeduri kriminali kontra l-imħallfin abbażi tal-punt (1a) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, il-Kummissjoni bagħtet diversi mistoqsijiet lill-awtoritajiet Pollakki. Dawn l-awtoritajiet wieġbu għall-imsemmija mistoqsijiet fit‑13 ta’ Novembru 2020.

32      Fit‑3 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Polonja ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali minħabba l-attività ġudizzjarja tal-Awla Dixxiplinari abbażi tal-punti (1a), (2) u (3) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema f’kawżi li għandhom effett dirett fuq l-istatus u l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ mħallef u ta’ mħallef awżiljarju.

33      Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Diċembru 2020, ir-Repubblika tal-Polonja wieġbet għall-opinjoni motivata tal-Kummissjoni tat‑30 ta’ Ottubru 2020 billi kkontestat l-eżistenza tan-nuqqasijiet allegati u talbet li l-proċedura ta’ ksur tiġi abbandunata.

34      Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Jannar 2021, ir-Repubblika tal-Polonja wieġbet għall-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali tat‑3 ta’ Diċembru 2020 billi sostniet li l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni dwar l-assenza ta’ indipendenza tal-Awla Dixxiplinari ma kinux fondati.

35      Fis‑27 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Polonja opinjoni motivata addizzjonali dwar l-attività ġudizzjarja tal-Awla Dixxiplinari fil-kawżi relatati mal-istatus tal-imħallfin u tal-imħallfin awżiljarji.

36      Permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Frar 2021, ir-Repubblika tal-Polonja wieġbet għall-opinjoni motivata addizzjonali, billi sostniet li l-ilment ifformulat mill-Kummissjoni fiha ma kienx fondat u billi talbet li l-proċedura tiġi abbandunata.

37      Peress li ma kinitx konvinta mit-tweġibiet tar-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni, fil‑31 ta’ Marzu 2021, ippreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kif ukoll din it-talba għal miżuri provviżorji.

 It-talbiet tal-partijiet

38      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tordna lir-Repubblika tal-Polonja, fl-istennija tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq il-mertu:

a)      tissospendi, minn naħa, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-punt (1a) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema u oħrajn, skont liema l-Awla Dixxiplinari għandha kompetenza sabiex tiddeċiedi, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fit-tieni istanza, fuq it-talbiet għal awtorizzazzjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra mħallfin jew imħallfin awżiljarji, li jitqiegħdu f’detenzjoni provviżorja, li jiġu arrestati jew li jitressqu quddiem qorti, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-effetti tad-deċiżjonijiet diġà adottati mill-Awla Dixxiplinari abbażi ta’ dan l-artikolu u li jawtorizzaw il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra mħallef jew l-arrest tiegħu, u li tastjeni milli tibgħat il-kawżi msemmija fl-imsemmi artikolu quddiem qorti li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza ddefiniti, b’mod partikolari, fis-sentenza A. K.;

b)      tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-punti (2) u (3) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, li abbażi tagħhom l-Awla Dixxiplinari għandha kompetenza sabiex tiddeċiedi fuq il-kawżi dwar l-istatus u l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), b’mod partikolari fuq il-kawżi fil-qasam tad-dritt industrijali u tas-sigurtà soċjali, kif ukoll fuq il-kawżi dwar l-irtirar ta’ dawn l-imħallfin, u li tastjeni milli tibgħat dawn il-kawżi quddiem qorti li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza ddefiniti, b’mod partikolari, fis-sentenza A. K.;

c)      tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-punti (2) u (3) tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qrati Komuni, kif ukoll il-punti (1) sa (3) tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, li jippermettu li tiġi stabbilita r-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin minħabba li jkunu eżaminaw l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ta’ qorti stabbilita minn qabel mil-liġi fis-sens tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta;

d)      tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42a(1) u (2), kif ukoll tal-Artikolu 55(4) tal-Liġi Emendata dwar il-Qrati Komuni, tal-Artikolu 26(3), kif ukoll tal-Artikolu 29(2) u (3) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, tal-Artikolu 5(1a) u (1b) tal-Liġi Emendata dwar il-Qrati Amministrattivi, u tal-Artikolu 8 tal-Liġi Emendatorja, sa fejn dawn jipprojbixxu lill-qrati nazzjonali milli jivverifikaw l-osservanza tar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel permezz tal-liġi, fis-sens tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta;

e)      tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26(2) u (4) sa (6), kif ukoll tal-Artikolu 82(2) sa (5) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, u tal-Artikolu 10 tal-Liġi Emendatorja, li tistabbilixxi l-kompetenza esklużiva tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi sabiex teżamina l-ilmenti bbażati fuq l-assenza ta’ indipendenza ta’ mħallef jew ta’ qorti; u

f)      tikkomunika lill-Kummissjoni, mhux iktar tard minn xahar wara n-notifika tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja li jordna l-miżuri provviżorji mitluba, il-miżuri kollha adottati sabiex tikkonforma bis-sħiħ ma’ dan id-digriet;

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

39      Il-Kummissjoni titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 160(7) tar-regoli tal-proċedura tagħha, l-għoti tal-miżuri provviżorji msemmija fil-punt preċedenti qabel ma r-Repubblika tal-Polonja tkun ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha.

40      Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad it-talba għal miżuri provviżorji bħala manifestament inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad it-talba għal miżuri provviżorji bħala infondata; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 Fuq it-talba intiża sabiex tingħata deċiżjoni inaudita altera parte

41      Konformement mal-Artikolu 160(7) tar-Regoli tal-Proċedura, l-imħallef għal miżuri provviżorji jista’ jilqa’ t-talba għal miżuri provviżorji anki qabel ma l-parti l-oħra tkun ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha u din il-miżura tista’ tiġi sussegwentement emendata jew irrevokata, anki ex officio.

42      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari meta jkun mixtieq fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li jiġi evitat li l-proċeduri għal miżuri provviżorji jitilfu l-valur kollu tagħhom u l-effett kollu, l-Artikolu 160(7) tar-Regoli tal-Proċedura jawtorizza lill-qorti li tieħu konjizzjoni ta’ talba għal miżuri provviżorji sabiex tadotta tali miżuri, b’mod kawtelatorju, jew sal-għoti tad-digriet li jtemm l-istanza għal miżuri provviżorji, jew sal-għeluq tal-proċedura prinċipali, jekk dan iseħħ qabel. Meta hija teżamina n-neċessità li jingħata digriet inaudita altera parte, l-imsemmija qorti għandha teżamina ċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami (digriet tal-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑619/18 R, mhux ippubblikat, EU:C:2018:852, punti 13 u 14 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dan il-każ, it-talba għal miżuri provviżorji mressqa mill-Kummissjoni ma żvelatx ċirkustanzi ta’ natura li tiġi stabbilita n-neċessità li jiġu adottati provviżorjament il-miżuri mitluba sal-adozzjoni tad-digriet li jtemm il-proċeduri għal miżuri provviżorji mingħajr ma qabel tisma’ lir-Repubblika tal-Polonja.

44      Konsegwentement, il-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma tilqax it-talba tal-Kummissjoni intiża sabiex din it-talba għal miżuri provviżorji tiġi deċiża inaudita altera parte.

 Fuq it-talba għal miżuri provviżorji

 Fuq l-ammissibbiltà

45      Ir-Repubblika tal-Polonja targumenta li t-talba għal miżuri provviżorji hija manifestament inammissibbli.

46      Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-Kummissjoni tikkontesta fil-kuntest tar-rikors fuq il-mertu ma jaqgħux fil-qasam tal-kompetenzi tal-Unjoni. Fil-fatt, l-Unjoni ma għandha ebda kompetenza fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ġustizzja tal-Istati Membri u lanqas, a fortiori, ebda kompetenza sabiex tiddefinixxi s-sistema politika ta’ dawn l-Istati, tiddetermina l-kompetenzi tal-korpi differenti tagħhom, tintervjeni fl-organizzazzjoni interna tagħhom jew tissospendi l-attività tagħhom. B’mod partikolari, il-kwistjoni tal-għoti u tat-tneħħija tal-immunità tal-imħallfin u tal-imħallfin awżiljarji, id-determinazzjoni kemm tal-proċeduri dixxiplinari kontra persuni li jokkupaw dawn il-funzjonijiet kif ukoll tal-portata tar-responsabbiltà dixxiplinari tagħhom u l-ħatra tal-korpi kompetenti sabiex imexxu l-proċeduri f’dawn il-kawżi huma rregolati esklużivament mid-dritt nazzjonali. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tadotta l-miżuri provviżorji mitluba mill-Kummissjoni.

47      Barra minn hekk, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-miżuri provviżorji li jikkonċernaw id-dispożizzjonijiet dwar it-tneħħija tal-immunità ġudizzjarja, it-talba għal miżuri provviżorji tikser b’mod flagranti l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, minkejja li ċerti Stati Membri ma jagħtu, fid-dritt intern tagħhom, ebda immunità lill-imħallfin, bil-konsegwenza li huma jkunu suġġetti għal pressjoni u għal stat ta’ inċertezza permanenti, il-Kummissjoni madankollu qatt ma qajmet ilmenti fil-konfront tal-imsemmija Stati Membri.

48      Barra minn hekk, l-imsemmija talba tikser il-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin. Fil-fatt, kemm is-sospensjoni tal-attività tal-Awla Dixxiplinari kif ukoll is-sospensjoni tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti (c) u (d) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet ikunu jikkostitwixxu interferenza fl-indipendenza tal-imħallfin fil-kuntest tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom.

49      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

50      Fil-fatt, qabelxejn, filwaqt li huwa minnu, bħalma tenfasizza ġustament ir-Repubblika tal-Polonja, li l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51      Skont din id-dispożizzjoni, kull Stat Membru għandu b’mod partikolari jiżgura li l-istanzi li, bħala “qrati”, fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, jagħmlu parti mis-sistema ta’ rimedji tiegħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni u li, għalhekk, jistgħu jagħtu deċiżjoni, f’din il-kwalità, dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza A. B.”, EU:C:2021:153, punt 112 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52      Issa, f’dan il-każ, huwa stabbilit li kemm is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), inkluża l-Awla Dixxiplinari li tagħmel parti minnha, kif ukoll il-qrati komuni, jistgħu jiġu msejħa sabiex jagħtu deċiżjoni dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, bħala “qrati”, fis-sens iddefinit minn dan id-dritt, jagħmlu parti mis-sistema Pollakka ta’ rimedji fl-oqsma koperti mill-imsemmi dritt, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, b’tali mod li l-imsemmija qrati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 56).

53      Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel erba’ lmenti tar-rikors fuq il-mertu (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi”) jirregolaw il-kompetenza tal-Awla Dixxiplinari, is-sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), tal-qrati komuni u tal-qrati amministrattivi, kif ukoll il-modalitajiet proċedurali tal-istħarriġ tal-kundizzjonijiet tal-indipendenza ta’ dawn l-imħallfin.

54      Konsegwentement, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, kif ukoll, konsegwentement, ta’ miżuri provviżorji intiżi, b’mod partikolari, għas-sospensjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet, ordnati mill-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-Artikolu 279 TFUE, fl-istess kuntest.

55      F’dawn il-kundizzjonijiet, kuntrarjament għal dak li targumenta r-Repubblika tal-Polonja, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tadotta miżuri provviżorji tan-natura bħal dawk mitluba mill-Kummissjoni.

56      Sussegwentement, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Polonja dwar l-assenza ta’ kontestazzjoni, mill-Kummissjoni, tas-sistemi dwar l-immunità ġudizzjarja li jeżistu fi Stati Membri oħra, li l-livell ta’ protezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja tagħhom huwa inqas minn dak żgurat mis-sistema Pollakka, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li kemm l-eżistenza preżunta ta’ regoli analogi għad-dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi, jew regoli inqas protettivi tal-indipendenza ġudizzjarja minn dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll l-assenza ta’ kontestazzjoni mill-Kummissjoni tal-imsemmija regoli huma mingħajr effett fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal miżuri provviżorji (ara, b’analoġija, id-digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑619/18 R, EU:C:2018:1021, punt 58).

57      Fl-aħħar nett, l-allegazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja li tgħid li l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba mill-Kummissjoni huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fl-ipoteżi li dawn il-miżuri jiġu ordnati, dawn ma jkollhomx bħala effett ir-revoka tal-imħallfin tal-qrati Pollakki, b’mod partikolari ta’ dawk tal-Awla Dixxiplinari u tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, iżda s-sospensjoni provviżorja tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi sal-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq il-mertu (iktar ’il quddiem is-“sentenza definittiva”).

58      Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Polonja targumenta li t-talba għal miżuri provviżorji mressqa mill-Kummissjoni hija inammissibbli sa fejn il-miżuri provviżorji mitluba ma humiex intiżi sabiex jiġi żgurat l-effett sħiħ tas-sentenza definittiva.

59      Fil-fatt, minn naħa, ir-Repubblika tal-Polonja, billi ttenni li l-Unjoni ma għandha l-ebda kompetenza sabiex tinterferixxi fl-attivitajiet tal-korpi kostituzzjonali tal-Istati Membri, inklużi qrati supremi nazzjonali, u, a fortiori, sabiex tissospendi l-funzjonament tagħhom, issostni li l-miżuri provviżorji mitluba jkollhom bħala effett li jippreġudikaw is-sovranità ta’ dan l-Istat Membru.

60      Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Polonja tallega li parti mill-miżuri provviżorji mitluba hija intiża li teżegwixxi s-sentenza definittiva maħsuba mill-Kummissjoni qabel ma din tingħata.

61      B’mod partikolari, ir-Repubblika tal-Polonja targumenta, qabelxejn, li ma hemm ebda riskju wara l-eżekuzzjoni ta’ tali sentenza. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li, fl-ipoteżi li s-sentenza definittiva jkollha tilqa’ l-ilmenti tar-rikors fuq il-mertu, hija jkollha tikkonforma d-dritt nazzjonali tagħha mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. Issa, il-Kummissjoni ma werietx ir-rabta bejn il-miżuri provviżorji mitluba u l-kapaċità tar-Repubblika tal-Polonja li tissodisfa l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

62      Sussegwentement, ir-Repubblika tal-Polonja tosserva li tali konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi tkun teħtieġ eżattament l-istess approċċ leġiżlattiv, indipendentement mill-fatt jekk dawn id-dispożizzjonijiet ikunux applikabbli jew le sad-data ta’ għoti tas-sentenza definittiva, b’tali mod li l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba ma jkollu ebda interess sabiex tiġi żgurata l-effettività tas-sentenza definittiva.

63      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Polonja tallega li l-miżura provviżorja intiża għas-sospensjoni tal-effetti tad-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari, adottati abbażi tal-punt (1a) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, li jawtorizza l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra mħallef jew it-tpoġġija tiegħu f’detenzjoni provviżorja, għandha titqies li hija manifestament kuntrarja għall-għan ta’ miżura provviżorja, sa fejn hija intiża li tipproduċi effetti li jmorru lil hinn mill-obbligi li jirriżultaw, skont l-Artikolu 260(1) TFUE, mis-sentenza definittiva eventwali.

64      Dan l-argument lanqas ma jista’ jintlaqa’.

65      Fil-fatt, minn naħa, mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 50 sa 55 ta’ dan id-digriet jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni mhux biss sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, bħar-rikors fuq il-mertu, intiż sabiex jikkontesta l-kompatibbiltà, mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, bħal dawk dwar is-sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin mitluba sabiex jiddeċiedu dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni kif ukoll dawk li jirregolaw it-tneħħija tal-immunità ta’ dawn l-imħallfin, iżda wkoll sabiex tordna, fil-kuntest ta’ tali rikors, miżuri provviżorji intiżi għas-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet nazzjonali, skont l-Artikolu 279 TFUE.

66      Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba mill-Kummissjoni ma jistax jippreġudika s-sovranità ta’ dan l-Istat Membru u lanqas, konsegwentement, isegwi tali għan.

67      Min-naħa l-oħra, l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja mressqa fil-punti 60 sa 63 ta’ dan id-digriet jirriżultaw minn interpretazzjoni żbaljata tal-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji u, b’mod partikolari, tan-natura u tal-effetti tal-miżuri provviżorji mitluba mill-Kummissjoni, kif ukoll minn konfużjoni bejn dan l-għan u l-portata tal-miżuri involuti fl-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE.

68      Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li l-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni li għandha tittieħed fil-proċedimenti prinċipali li magħhom jiżdiedu l-proċedimenti sommarji, sabiex jiġi evitat li jkun hemm lakuna fil-protezzjoni ġuridika żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ miżura provviżorja intiża għas-sospensjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali, tali miżura hija intiża, b’mod partikolari, sabiex jiġi evitat li l-applikazzjoni immedjata ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali twassal għal dannu gravi u irreparabbli fir-rigward tal-interessi invokati mir-rikorrent. Għaldaqstant, huwa biss fil-konfront tal-okkorrenza probabbli ta’ dannu gravi u irreparabbli li jkun jirriżulta, skont il-każ, mir-rifjut li tiġi ordnata tali miżura provviżorja, fl-ipoteżi li r-rikors fuq il-mertu sussegwentement jirnexxi, li għandha tiġi evalwata n-neċessità tal-imsemmija miżura (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑619/18 R, EU:C:2018:1021, punti 60, 61 u 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

69      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, il-fatt, jekk jitqies li huwa stabbilit, li ma jeżistix riskju li, fl-ipoteżi fejn ir-rikors fuq il-mertu finalment jintlaqa’, dan l-Istat Membru ma jiżgurax l-eżekuzzjoni tas-sentenza definittiva huwa mingħajr rabta mal-għan tal-proċedura għal miżuri provviżorji, fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ miżura provviżorja intiża għas-sospensjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali, bħal dawk mitluba mill-Kummissjoni, u huwa, għalhekk, irrilevanti għall-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal miżuri provviżorji.

70      L-istess japplika fir-rigward taċ-ċirkustanza invokata mir-Repubblika tal-Polonja li l-eżekuzzjoni tas-sentenza definittiva, fl-ipoteżi fejn ir-rikors fuq il-mertu jintlaqa’, tkun tinkludi għal dan l-Istat Membru l-istess obbligi indipendentement mill-fatt jekk il-miżuri provviżorji mitluba mill-Kummissjoni jingħatawx jew le.

71      Fil-fatt, tali ċirkustanza mhux biss ma hijiex relatata mal-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, kif deskritt fil-punt 68 ta’ dan id-digriet, iżda tirriżulta mill-Artikolu 260(1) TFUE, li jipprovdi li, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li Stat Membru naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattati, dan l-Istat Membru huwa obbligat li jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

72      Għalhekk, kemm jekk il-miżuri provviżorji mitluba mill-Kummissjoni jkunu ordnati mill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll jekk dawn ma jkunux, fl-ipoteżi fejn ir-rikors fuq il-mertu jkollu finalment jirnexxi, ir-Repubblika tal-Polonja tkun obbligata, konformement mal-Artikolu 260(1) TFUE, sabiex tagħti segwitu għas-sentenza definittiva, tamministra d-dritt nazzjonali tagħha u tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li l-qrati nazzjonali li jaqgħu taħt is-sistema ta’ rimedji tagħha fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

73      Fl-aħħar nett, filwaqt li huwa minnu li, bħalma r-Repubblika tal-Polonja tirrileva essenzjalment, il-kwistjoni dwar liema huma l-miżuri li tinvolvi l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma hijiex is-suġġett ta’ sentenza mogħtija taħt l-Artikolu 258 TFUE (sentenza tat‑8 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑288/12, EU:C:2014:237, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), din iċ-ċirkustanza ma tfissirx madankollu, kuntrarjament għal dak li jallega dan l-Istat Membru, li l-għoti ta’ miżura provviżorja partikolari, bħal dik li tordna s-sospensjoni tal-punt (1a) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema kif ukoll tal-effetti tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-Awla Dixxiplinari abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, tkun tipproduċi effetti li jmorru lil hinn mill-obbligi li jirriżultaw minn dik is-sentenza, kif jirriżultaw mill-Artikolu 260(1) TFUE, u tkun, għalhekk, kuntrarja għall-għan ta’ miżura provviżorja.

74      Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-argument tar-Repubblika tal-Polonja, li kieku kellu jintlaqa’, ikun iwassal sabiex ixejjen minn kull sustanza l-proċedura għal miżuri provviżorji fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, fis-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, tordna lill-Istat Membru kkonċernat jadotta miżuri speċifiċi sabiex jeżegwixxi dik is-sentenza (digriet tal-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Mejju 2021, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Polonja, C‑121/21 R, EU:C:2021:420, punt 30).

75      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talba għal miżuri provviżorji hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

76      L-Artikolu 160(3) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw “is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza, kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba”.

77      Fil-fatt, miżura provviżorja tista’ tingħata mill-Imħallef għal miżuri provviżorji biss jekk ikun stabbilit li l-għoti tagħha huwa ġġustifikat prima facie fil-fatt u fid-dritt (fumus boni juris) u li hija urġenti fis-sens li hija meħtieġa, sabiex jiġi evitat dannu serju u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrent, illi tingħata u jkollha l-effetti tagħha qabel id-deċiżjoni fuq il-mertu. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jipproċedi wkoll, jekk ikun il-każ, għall-ibbilanċjar tal-interessi quddiemu. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod li t-talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tkun nieqsa (digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑791/19 R, EU:C:2020:277, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti humiex issodisfatti f’dak li jirrigwarda l-miżuri provviżorji mitluba. F’dan ir-rigward, hemm lok li tiġi evalwata suċċessivament il-fondatezza tat-talbiet għal miżuri provviżorji msemmija fil-punti (a) u (b), (d), (e) u (c) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet.

 Fuq il-miżuri provviżorji msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet

 Fuq il-fumus boni juris

79      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit dwar il-fumus boni juris huwa ssodisfatt meta mill-inqas wieħed mill-motivi invokati mill-parti li titlob il-miżuri provviżorji insostenn tar-rikors fuq il-mertu jidher, prima facie, mhux nieqes minn bażi serja. B’mod partikolari, dan huwa l-każ meta wieħed minn dawn il-motivi jiżvela l-eżistenza ta’ kwistjonijiet ġuridiċi kumplessi li s-soluzzjoni tagħhom ma hijiex ovvja u għalhekk timmerita evalwazzjoni fil-fond, li ma tistax issir mill-Imħallef għal miżuri provviżorji, iżda għandha tkun is-suġġett tal-proċedura fuq il-mertu, jew meta d-diskussjoni bejn il-partijiet tiżvela l-eżistenza ta’ kontroversja legali importanti li s-soluzzjoni tagħha ma tkunx evidenti (digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑791/19 R, EU:C:2020:277, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      F’dan il-każ, il-Kummissjoni tallega li r-raba’ lment tar-rikors fuq il-mertu, li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma s-suġġett tal-miżuri provviżorji msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet, jidher, prima facie, bħala infondat, peress li dan l-ilment huwa konkretament ibbażat fuq il-fatt li, billi l-Awla Dixxiplinari, li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex żgurati, ingħatat il-kompetenza sabiex tiddeċiedi fuq il-kawżi dwar l-awtorizzazzjoni li jinfetħu proċeduri kriminali kontra l-imħallfin jew l-imħallfin awżiljarji jew li jitpoġġew f’detenzjoni provviżorja, il-kawżi fil-qasam tad-dritt industrijali u tal-assigurazzjonijiet soċjali tal-Imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), kif ukoll il-kawżi dwar l-irtirar ta’ dawn l-imħallfin, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

81      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tibbaża ruħha, minn naħa, fuq il-fatt li l-kawżi li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Awla Dixxiplinari skont il-punti (1a), (2) u (3) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema għandhom effett dirett fuq l-istatus u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-imħallfin, kif ukoll, min-naħa l-oħra, fuq l-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punti 52 sa 81 tad-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277), u fuq l-elementi ta’ interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza A. K., li minnha jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari jidher, prima facie, mhux infondat.

82      Sabiex jiġi vverifikat jekk il-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hijiex issodisfatta f’dak li jirrigwarda l-għoti tal-miżuri provviżorji msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet, għandu jiġi enfasizzat li, bħalma tfakkar fil-punt 51 ta’ dan id-digriet, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kull Stat Membru għandu b’mod partikolari jiżgura li l-qrati li jaqgħu, bħala “qrati”, fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, taħt is-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji tiegħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni u li, għaldaqstant, jistgħu jiddeċiedu, f’din il-kwalità, fuq l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza A. B., punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Issa, sabiex din il-protezzjoni tiġi żgurata, il-ħarsien tal-indipendenza tal-imsemmija istanzi huwa essenzjali, kif jikkonferma t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jsemmi l-aċċess għal qorti “indipendenti” fost ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor Din România” et., C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 194 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

84      Dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li huwa inerenti għall-kompitu li tittieħed deċiżjoni, jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali sa fejn jiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni u l-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari tal-valur tal-Istat tad-dritt. Konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri li jikkaratterizza l-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, l-indipendenza tal-qrati għandha b’mod partikolari tiġi żgurata fil-konfront tas-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor Din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 195 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

85      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni jirrikjedu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza kkonċernata, tal-ħatra, tat-tul tal-kariga kif ukoll tar-raġunijiet għall-astensjoni, għar-rikuża u għat-tneħħija tal-membri tagħha, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet f’kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-istanza inkwistjoni fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi quddiemha (sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li l-imħallfin ikunu protetti kontra interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tagħhom. Ir-regoli applikabbli għall-istatus tal-imħallfin u għall-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom bħala mħallef għandhom, b’mod partikolari, jippermettu li tiġi eskluża mhux biss kull influwenza diretta, fil-forma ta’ istruzzjonijiet, iżda wkoll il-forom ta’ influwenza iktar indiretta li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati, u għalhekk jeskludu assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tagħhom li tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet fil-kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor Din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 197 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

87      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati jeżiġi li r-regoli li jirregolaw is-sistema dixxiplinari ta’ dawk li l-kompitu tagħhom huwa li jiddeċiedu, ikollhom il-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat kull riskju li tali sistema tintuża bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. F’dan ir-rigward, l-ippromulgar ta’ regoli li jiddefinixxu, b’mod partikolari, kemm l-aġir li jikkostitwixxi ksur dixxiplinari kif ukoll is-sanzjonijiet applikabbli konkretament, li jipprevedu l-intervent ta’ qorti indipendenti konformement ma’ proċedura li tiżgura b’mod sħiħ id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża, u li jistabbilixxu l-possibbiltà li d-deċiżjonijiet tal-korpi dixxiplinari jiġu kkontestati quddiem qorti, jikkostitwixxi ġabra ta’ garanziji essenzjali għall-finijiet tal-ħarsien tal-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor Din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 198 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

88      Bl-istess mod, meta Stat Membru jipprevedi regoli speċifiċi li jirregolaw il-proċeduri kriminali kontra mħallfin, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-tneħħija tal-immunità minn dawn tal-aħħar għall-finijiet tat-tressiq ta’ proċeduri kriminali, ir-rekwiżit ta’ indipendenza ġudizzjarja jeżiġi, sabiex jitwarrab, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, kull dubju leġittimu kif previst fil-punti 85 u 86 ta’ dan id-digriet, li dawn ir-regoli speċifiċi jkunu ġġustifikati minn rekwiżiti oġġettivi u verifikabbli relatati mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u li, bħar-regoli dwar ir-responsabbiltà dixxiplinari ta’ dawn l-imħallfin, dawn jipprevedu l-garanziji neċessarji li jiżguraw li kemm il-proċedura ta’ tneħħija tal-immunità tal-imħallfin innifisha kif ukoll il-proċeduri kriminali ma jkunux jistgħu jintużaw bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-attività tal-imsemmija mħallfin u li dawn jiżguraw bis-sħiħ id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor Din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 213 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Dan għandu jkun iktar il-każ meta d-deċiżjonijiet li jawtorizzaw it-tneħħija tal-immunità tal-imħallfin għall-finijiet tat-tnedija ta’ proċeduri kriminali fil-konfront tagħhom jwasslu huma stess għal konsegwenzi fir-rigward tal-istatus jew tal-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tal-imħallfin ikkonċernati.

89      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex jiġi żgurat li l-qrati nazzjonali li jaqgħu taħt is-sistema tagħhom ta’ rimedji ġudizzjarji fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fosthom dak tal-indipendenza, u għalhekk jiġu osservati l-obbligi imposti fuqhom skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistema dwar l-istatus u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-imħallfin ta’ dawn il-qrati, b’mod partikolari dak li jirrigwarda t-tneħħija tal-immunità applikabbli għal dawn l-imħallfin, tosserva l-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja, billi tiżgura, b’mod partikolari, li d-deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest ta’ din is-sistema jittieħdu jew jiġu mistħarrġa minn istanza ġudizzjarja li hija stess tissodisfa l-garanziji inerenti fi protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, b’analoġija, id-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑791/19 R, EU:C:2020:277, punt 35).

90      Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, il-kawżi fil-qasam tad-dritt industrijali u tal-assigurazzjonijiet soċjali dwar l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), kif ukoll il-kawżi dwar l-irtirar ta’ dawn l-imħallfin, li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Awla Dixxiplinari skont il-punti (2) u (3) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, mhux biss jistgħu jinvolvu l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll jikkonċernaw, kif irrilevat il-Kummissjoni, l-istatus u l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ dawn l-imħallfin.

91      Min-naħa l-oħra, kif enfasizzat il-Kummissjoni mingħajr ma ġiet kontradetta mir-Repubblika tal-Polonja, id-deċiżjonijiet dwar it-tneħħija tal-immunità tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u tal-qrati komuni sabiex jinbdew proċeduri kriminali fil-konfront tagħhom, għandhom bħala effett is-sospensjoni tal-funzjonijiet tagħhom għal tul ta’ żmien li jista’ jkun indeterminat kif ukoll it-tnaqqis ta’ 25 sa 50 % tar-remunerazzjoni tagħhom għall-istess tul ta’ żmien. Għaldaqstant, il-kawżi dwar l-awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra l-imħallfin u l-imħallfin awżiljarji jew li jitqiegħdu f’detenzjoni provviżorja, li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Awla Dixxiplinari skont il-punt (1a) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, jikkonċernaw l-istatus u l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u tal-qrati ta’ dritt komuni.

92      Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 89 ta’ dan id-digriet, sabiex tissodisfa l-obbligi tagħha skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ir-Repubblika tal-Polonja għandha tiżgura li l-kompetenza sabiex tiddeċiedi fil-kawżi msemmija fil-punti (1a), (2) u (3) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema hija fdata lil qorti li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fosthom dik tal-indipendenza.

93      Għalhekk, ir-raba’ lment tar-rikors fuq il-mertu jqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-Awla Dixxiplinari tissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

94      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sentenza A. K., il-Qorti tal-Ġustizzja ddeterminat il-portata tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità fil-kuntest, preċiżament, ta’ istanza bħall-Awla Dixxiplinari.

95      Fir-rigward, minn naħa, tal-kundizzjonijiet li fihom iseħħu l-ħatriet tal-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li rrilevat li huma jinħatru mill-President tar-Repubblika tal-Polonja fuq proposta tal-KRS, qieset, fil-punti 137 u 138 tas-sentenza A. K., billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-punti 115 u 116 tas-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531), li, għalkemm l-intervent tal-KRS f’dan il-proċess ta’ ħatra jista’ jkun ta’ natura li jikkontribwixxi sabiex l-imsemmi proċess ikun oġġettiv, billi jitpoġġew limiti fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-President tar-Repubblika tal-Polonja fl-eżerċizzju tal-kompetenza li hija mogħtija lilu, dan huwa biss jekk, b’mod partikolari, il-KRS tkun hija stess indipendenti b’mod suffiċjenti mis-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva kif ukoll mill-President tar-Repubblika tal-Polonja. Issa, fuq dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 142 sa 145 tas-sentenza A. K., identifikat, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, elementi li, meqjusa flimkien, jistgħu jwasslu għal dubju dwar l-indipendenza ta’ korp bħall-KRS (ara, ukoll, id-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑791/19 R, EU:C:2020:277, punti 68 u 69).

96      Min-naħa l-oħra, u indipendentement mill-kundizzjonijiet għall-ħatra tal-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari u tar-rwol tal-KRS f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat, fil-punti 147 sa 151 tas-sentenza A. K., elementi oħrajn li jikkaratterizzaw b’mod iktar dirett l-Awla Dixxiplinari u kkonstatat, fil-punt 152 ta’ dik is-sentenza, li, anki jekk kull wieħed minnhom ma kienx ta’ natura, waħdu u meqjus b’mod iżolat, li jqajjem dubju dwar l-indipendenza ta’ din l-istanza, min-naħa l-oħra, dan jista’ jkun differenti meta jiġu meħuda flimkien, u dan iktar u iktar jekk l-eżami f’dak li jirrigwarda l-KRS kellu jiżvela nuqqas ta’ indipendenza ta’ din tal-aħħar fil-konfront tas-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva (ara, ukoll, id-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑791/19 R, EU:C:2020:277, punt 71).

97      Issa, fid-dawl tal-elementi ta’ interpretazzjoni pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza A. K. kif ukoll fis-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019 mogħtija mill-Awla Industrijali wara dik is-sentenza, ma jistax, prima facie, jiġi eskluż li l-Awla Dixxiplinari ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-imħallfin li tirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑791/19 R, EU:C:2020:277, punt 77).

98      Konsegwentement, mingħajr ma tiddeċiedi f’dan l-istadju fuq il-fondatezza tal-argumenti invokati mill-partijiet fil-kuntest tar-raba’ lment tar-rikors fuq il-mertu, li jaqa’ taħt il-kompetenza biss tal-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, għandu jiġi konkluż li, fid-dawl tal-elementi mressqa mill-Kummissjoni, tal-ġurisprudenza invokata fil-punti 82 sa 89 ta’ dan id-digriet, kif ukoll tal-elementi ta’ interpretazzjoni pprovduti, b’mod partikolari, mis-sentenza A. K., l-argumenti mressqa minn din l-istituzzjoni fil-kuntest ta’ dan l-ilment jidhru, prima facie, bħala infondati, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 79 tal-istess digriet.

99      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti mqajma mir-Repubblika tal-Polonja.

100    Fil-fatt, fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Polonja targumenta li, fid-dawl tal-ġurisprudenza l-iktar reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rekwiżiti relatati mad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ġurisprudenza li tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535), u tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311), mid-digriet tal-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Settembru 2020, Il‑Kunsill vs Sharpston (C‑424/20 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2020:705), u mid-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Sharpston vs Il‑Kunsill u l-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri (T‑180/20, mhux ippubblikat, EU:T:2020:473), ir-raba’ lment tar-rikors fuq il-mertu għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, minn din il-ġurisprudenza jkun jirriżulta li l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw l-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja, li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE, ma jipprekludix proċeduri għall-ħatra tal-imħallfin minn politiċi, proċeduri li fihom ir-rappreżentanti tal-imħallfin ma jkunux involuti u li ma jkunux suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.

101    Issa, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja, minn naħa, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535), u tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311) sempliċement applikaw il-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, il-prinċipji ġuridiċi stabbiliti fis-sentenza A. K. Min-naħa l-oħra, id-digriet tal‑10 ta’ Settembru 2020, Il‑Kunsill vs Sharpston (C‑424/20 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2020:705), sempliċement ikkonstata li r-rikors indirizzat kontra deċiżjoni adottata mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri kien, prima facie, manifestament inammissibbli peress li tali deċiżjoni, sa fejn ma nħarġitx minn istituzzjoni, minn korp jew minn organu tal-Unjoni, ma kinitx taqa’ taħt l-istħarriġ ta’ legalità eżerċitat mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 263 TFUE, konstatazzjoni li kienet ikkonfermata permezz tad-digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2021, Sharpston vs Il‑Kunsill u l-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri (T‑684/20, mhux ippubblikat, EU:T:2021:486), mogħtija fuq appell mid-digriet tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Sharpston vs Il‑Kunsill u l-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri (T‑180/20, mhux ippubblikat, EU:T:2020:473).

102    Għaldaqstant, il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 100 ta’ dan id-digriet ma tistax tikkontesta l-eżistenza ta’ fumus boni juris fir-rigward tar-raba’ lment tar-rikors fuq il-mertu.

103    Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka l-assenza ta’ rilevanza tas-sentenza A. K. fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-raba’ lment tar-rikors fuq il-mertu jidhirx, prima facie, mhux infondat, għar-raġuni li dik is-sentenza ngħatat f’kuntest fattwali speċifiku.

104    F’dan ir-rigward, filwaqt li huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kkonstatatx, fis-sentenza A. K., l-assenza ta’ konformità tal-leġiżlazzjoni Pollakka inkwistjoni mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, iżda ħalliet f’idejn il-qorti tar-rinviju sabiex twettaq l-evalwazzjonijiet f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi proċedura ta’ kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ibbażata fuq separazzjoni distinta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha s-setgħa li tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni fuq il-bażi tal-fatti li jkunu ġew indikati lilha mill-qorti nazzjonali (sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 27; tat‑30 ta’ Mejju 2018, Dell’Acqua, C‑370/16, EU:C:2018:344, punt 31), u tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 28).

105    F’dan il-kuntest, il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi distinta skont jekk hija tkunx adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari jew b’rikors għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-fatt, filwaqt li, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika jekk il-miżura jew il-prassi nazzjonali kkontestata mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru differenti minn dak ikkonċernat tkunx, b’mod ġenerali u mingħajr ma jkun meħtieġ li jkun hemm kawża dwarha quddiem il-qrati nazzjonali, kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari hija, għall-kuntrarju, li tassisti lill-qorti tar-rinviju fis-soluzzjoni tat-tilwima konkreta li tkun pendenti quddiemha (sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 47, kif ukoll tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    Għandu jitfakkar ukoll li, għalkemm ma huwiex il-kompitu tagħha li, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għall-kuntrarju, ġurisdizzjoni sabiex tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jaqgħu taħt dan id-dritt tal-aħħar li jistgħu jippermettulha tevalwa tali konformità għall-finijiet tas-sentenza fil-kawża li hija adita biha (sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales, C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 23, u tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 30).

107    B’applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 132 tas-sentenza A. K., ippreċiżat li llimitat l-eżami tagħha għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni billi tat interpretazzjoni tiegħu li kienet utli għall-qorti tar-rinviju, li kellha tevalwa, fid-dawl tal-punti ta’ interpretazzjoni pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-konformità tal-leġiżlazzjoni Pollakka inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni, sabiex tiddeċiedi l-kawżi pendenti quddiemha (ara, ukoll, id-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑791/19 R, EU:C:2020:277, punt 75).

108    Fir-rigward preċiżament ta’ dawn il-punti, sa fejn dawn jirrigwardaw essenzjalment il-kompetenzi tal-Awla Dixxiplinari, il-kompożizzjoni tagħha, il-kundizzjonijiet u l-proċess ta’ ħatra tal-membri tagħha kif ukoll il-livell ta’ awtonomija tagħha fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), ir-rilevanza tagħhom ma tistax tiġi limitata għaċ-ċirkustanzi fattwali rispettivi tas-sentenza tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tal‑5 ta’ Diċembru 2019 (digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑791/19 R, EU:C:2020:277, punt 76).

109    Għalhekk, l-argument tar-Repubblika tal-Polonja li jikkontesta kull rilevanza tas-sentenza A. K. għall-finijiet tal-evalwazzjoni, prima facie, tan-natura mhux infondata tar-raba’ lment tar-rikors fuq il-mertu ma jistax jintlaqa’.

110    Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni l-eżistenza, fi Stati Membri oħra, ta’ regoli simili għal dawk tar-Repubblika tal-Polonja f’dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin fi ħdan qrati supremi nazzjonali. F’dan il-kuntest, ir-Repubblika tal-Polonja ssemmi, minn naħa, is-sistemi eżistenti fir-Repubblika Ċeka, fil-Ġermanja, fl-Irlanda, fil-Litwanja, f’Malta u fl-Awstrija, skont liema l-għażla ta’ dawn l-imħallfin tkun fdata esklużivament jew primarjament lil persuni li jeżerċitaw is-setgħa eżekuttiva jew leġiżlattiva, kif ukoll, min-naħa l-oħra, is-sistemi eżistenti fil-Belġju, fid-Danimarka u fi Franza, skont liema rappreżentanti tal-ġudikatura jipparteċipaw fil-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin tal-ogħla qrati, mingħajr madankollu ma jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq l-għażla ta’ dawn l-imħallfin. Barra minn hekk, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-proċedura ta’ ħatra tal-KRS, ir-Repubblika tal-Polonja ssemmi wkoll is-sistema Spanjola, billi tagħmel riferiment għall-kundizzjonijiet ta’ ħatra tal-membri tal-Consejo General del Poder Judicial (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, Spanja). Skont ir-Repubblika tal-Polonja, l-assenza tal-Kummissjoni li tikkonfuta dawn is-sistemi nazzjonali juri li l-ilment ta’ din l-istituzzjoni dwar l-assenza ta’ indipendenza tal-Awla Dixxiplinari huwa infondat.

111    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed madankollu li jiġi rrilevat, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, li r-Repubblika tal-Polonja ma tistax tinvoka utilment l-allegata eżistenza ta’ regoli simili għad-dispożizzjonijiet nazzjonali koperti mir-raba’ lment tar-rikors fuq il-mertu sabiex jiġi stabbilit li l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris ma hijiex issodisfatta fir-rigward ta’ dan l-ilment (digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑619/18 R, EU:C:2018:1021, punt 58).

112    Fir-raba’ u l-aħħar lok, ir-Repubblika tal-Polonja tagħmel riferiment għall-karatteristiċi tas-sistema ta’ ħatra tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kif ukoll għal dawk tal-proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-KRS, korp li jipparteċipa fin-nomina ta’ dawn l-imħallfin, sabiex juri li din is-sistema tissodisfa r-rekwiżit ta’ indipendenza ġudizzjarja.

113    Issa, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-punti ta’ interpretazzjoni pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza A. K., dan l-argument ma jistax jippermetti li jiġi kkonstatat li r-raba’ lment tar-rikors fuq il-mertu huwa, prima facie, infondat.

114    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hija ssodisfatta f’dak li jirrigwarda l-għoti tal-miżuri provviżorji stipulati fil-punti (a) u (b) tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 38 ta’ dan id-digriet.

 Fuq l-urġenza

115    Bħalma tfakkar fil-punt 68 ta’ dan id-digriet, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-iskop tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni definittiva futura, sabiex jiġi evitat li jkun hemm lakuna fil-protezzjoni ġuridika żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa sabiex jintlaħaq dan l-għan li l-urġenza għandha tiġi evalwata fil-konfront tal-ħtieġa li tingħata deċiżjoni provviżorja, sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu gravi u irreparabbli lill-parti li titlob il-protezzjoni provviżorja. Hija din il-parti li għandha tipproduċi l-prova li hija ma tistax tistenna l-eżitu tal-proċedura fuq il-mertu mingħajr ma ġġarrab dannu ta’ din in-natura. Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali dannu gravi u irreparabbli, ma huwiex neċessarju li wieħed jeżiġi li l-okkorrenza tad-dannu tiġi stabbilita b’ċertezza assoluta. Huwa biżżejjed li dan ikun prevedibbli b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti (digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑791/19 R, EU:C:2020:277, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    Barra minn hekk, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jsostni, għall-finijiet biss tal-evalwazzjoni tal-urġenza u mingħajr ma dan jimplika kwalunkwe teħid ta’ pożizzjoni min-naħa tiegħu fir-rigward tal-fondatezza tal-ilmenti mqajma fuq il-mertu mill-applikant għal miżuri provviżorji, li dawn l-ilmenti jistgħu jintlaqgħu. Fil-fatt, id-dannu gravi u irreparabbli li l-okkorrenza probabbli tiegħu għandha tiġi stabbilita huwa dak li jirriżulta, jekk ikun il-każ, mir-rifjut li jingħataw il-miżuri provviżorji mitluba fil-każ fejn ir-rikors fuq il-mertu sussegwentement jintlaqa’ (digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑791/19 R, EU:C:2020:277, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Konsegwentement, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-urġenza, tippreżupponi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fir-raba’ lment tar-rikors fuq il-mertu jistgħu jagħtu l-ġurisdizzjoni sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawżi fil-qasam tad-dritt industrijali u tal-assigurazzjonijiet soċjali dwar l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), f’dawk dwar l-irtirar ta’ dawn l-imħallfin kif ukoll f’dawk dwar l-awtorizzazzjoni li jinbdew proċeduri kriminali kontra l-imħallfin jew l-imħallfin awżiljarji jew li jitpoġġew f’detenzjoni provviżorja lil qorti li l-indipendenza tagħha tista’ ma tkunx żgurata, u li jkunu, għalhekk, kuntrarji għall-obbligu impost fuq ir-Repubblika tal-Polonja, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li tiżgura li l-qrati nazzjonali li jagħmlu parti mis-sistema ta’ rimedji tagħha fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

118    Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, hemm lok, barra minn hekk, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Awla Dixxiplinari diġà bdiet l-attivitajiet tagħha fil-kuntest tal-kawżi msemmija fil-punti (1a), (2) u (3) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema.

119    Barra minn hekk, fir-rigward b’mod partikolari tal-kawżi dwar l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni li jinfetħu proċeduri kriminali kontra l-imħallfin jew l-imħallfin awżiljarji jew li jitpoġġew f’detenzjoni provviżorja, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li, kif irrilevat il-Kummissjoni mingħajr ma ġiet kontradetta mir-Repubblika tal-Polonja, l-ewwel nett, matul il-perijodu bejn l‑14 ta’ Frar 2020, id-data ta’ dħul fis-seħħ tal-Liġi Emendatorja, u l‑15 ta’ Marzu 2021, l-Awla Dixxiplinari kienet adita b’iktar minn 40 talba li waħda minnhom tirrigwarda l-President tal-Awla Industrijali, u li, mill‑5 ta’ Novembru 2020, ġew eżaminati iktar minn 20 talba. It-tieni, in-numru ta’ talbiet dwar l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) żdied matul il-ġimgħat ta’ qabel il-preżentata tar-rikors fuq il-mertu, b’mod partikolari bil-preżentazzjoni, fis‑16 ta’ Marzu 2021, mill-Prokuratura Krajowa (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Nazzjonali, il-Polonja) ta’ talbiet għall-awtorizzazzjoni li jinfetħu proċeduri kriminali kontra tliet imħallfin tal-Awla Kriminali ta’ dik il-qorti. It-tielet, iktar minn tnax‑il deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra l-imħallfin, kif ukoll is-sospensjoni tal-funzjonijiet tagħhom u t-tnaqqis tar-remunerazzjoni tagħhom ta’ bejn 25 % u 50 % matul il-perijodu tas-sospensjoni, ingħataw mill-Awla Dixxiplinari.

120    F’dan il-kuntest, għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fir-raba’ lment tar-rikors fuq il-mertu u ż-żamma tal-effetti tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-Awla Dixxiplinari skont il-punt (1a) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema jistgħux jikkawżaw dannu gravi u irreparabbli fir-rigward tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

121    F’dan ir-rigward, bħalma jirriżulta mill-ġurisprudenza invokata fil-punti 88 u 89 ta’ dan id-digriet, il-fatt li, minħabba l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fir-raba’ lment tar-rikors fuq il-mertu, l-eżami tal-kawżi fil-qasam tad-dritt industrijali u tal-assigurazzjonijiet soċjali dwar l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), dawk dwar l-irtirar ta’ dawn l-imħallfin kif ukoll dawk dwar l-awtorizzazzjoni li jinfetħu proċeduri kriminali kontra l-imħallfin jew l-imħallfin awżiljarji jew li jitpoġġew f’detenzjoni provviżorja jaqa’, sal-għoti tas-sentenza definittiva, taħt istanza li l-indipendenza tagħha tista’ ma tkunx żgurata, jiġifieri l-Awla Dixxiplinari, jista’ jikkomprometti, matul dan l-istess perijodu, l-indipendenza tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u tal-qrati komuni.

122    Fil-fatt, kif irrilevat il-Kummissjoni u kif jirriżulta, barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sempliċi perspettiva għall-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u tal-qrati komuni li jkunu esposti għar-riskju li t-talbiet dwar it-tneħħija tal-immunità tagħhom għall-finijiet tat-tnedija ta’ proċeduri kriminali fil-konfront tagħhom ikunu eżaminati minn istanza li l-indipendenza tagħha tista’ ma tkunx żgurata tista’ taffettwa l-indipendenza rispettiva tagħhom, fid-dawl tal-konsegwenzi li t-tneħħija tal-immunità tista’ tinvolvi għall-imħallfin ikkonċernati, jiġifieri is-sospensjoni mill-funzjonijiet tagħhom għal żmien indeterminat u t-tnaqqis tar-remunerazzjoni tagħhom b’bejn 25 % u 50 % wkoll għal żmien indeterminat (ara, b’analoġija, id-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑791/19 R, EU:C:2020:277, punt 90).

123    Bl-istess mod, is-sempliċi fatt li l-eżami tal-kawżi li għandhom effett fuq l-istatus u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), bħal dawk fil-qasam tad-dritt industrijali u tal-assigurazzjonijiet soċjali kif ukoll dawk dwar l-irtirar, jiġi fdat lil istanza li l-indipendenza tagħha tista’ ma tkunx żgurata, jista’ joħloq f’moħħ il-partijiet fil-kawża dubji dwar l-indipendenza tal-imsemmija mħallfin.

124    Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li l-fatt li, minħabba l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li hija s-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-indipendenza tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tista’ ma tkunx żgurata sal-għoti tas-sentenza li tiddeċiedi dwar dan ir-rikors, jista’ jwassal għal dannu gravi u irreparabbli għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u, għaldaqstant, għad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll għall-valuri, stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, li fuqhom hija bbażata din l-Unjoni, b’mod partikolari dak tal-Istat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑791/19 R, EU:C:2020:277, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

125    Minn dan kollu preċedenti jirriżulta li, kif sostniet il-Kummissjoni, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fir-raba’ lment tar-rikors fuq il-mertu, sa fejn dawn jagħtu lill-Awla Dixxiplinari, li l-indipendenza tagħha tista’ ma tkunx żgurata, il-kompetenza sabiex tiddeċiedi fil-kawżi fil-qasam tad-dritt industrijali u tal-assigurazzjonijiet soċjali li jikkonċernaw l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), f’dawk relatati mal-irtirar ta’ dawn l-imħallfin kif ukoll f’dawk relatati mal-awtorizzazzjoni li jinbdew proċeduri kriminali kontra l-imħallfin jew l-imħallfin awżiljarji tas-sistema ġudizzjarja Pollakka jew li jitpoġġew f’detenzjoni provviżorja, tista’ tikkawża dannu gravi u irreparabbli għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

126    Fl-aħħar nett, għalkemm is-sempliċi perspettiva għall-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u tal-qrati komuni li jkunu esposti għar-riskju li t-talbiet dwar it-tneħħija tal-immunità tagħhom għall-finijiet tat-tnedija ta’ proċeduri kriminali fil-konfront tagħhom jiġu eżaminati minn istanza li l-indipendenza tagħha tista’ ma tkunx żgurata, bħall-Awla Dixxiplinari, tista’ tikkomprometti l-indipendenza ta’ dawn l-imħallfin, a fortiori l-adozzjoni, minn din l-istanza, ta’ deċiżjonijiet dwar it-tneħħija tal-immunità tal-imħallfin, bil-konsegwenza tas-sospensjoni mill-funzjonijiet u t-tnaqqis tal-ammont tar-remunerazzjoni tal-imħallfin ikkonċernati, tista’ żżid id-dubji fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u tal-qrati komuni li ma kinux is-suġġett ta’ tali deċiżjonijiet fid-dawl ta’ kwalunkwe influwenza jew ta’ kwalunkwe element estern li jista’ jorjenta d-deċiżjonijiet tagħhom, u twassal għal assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin biżżejjed li timmina l-kunfidenza li l-ġustizzja għandha tispira fil-persuni fil-kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat ta’ dritt.

127    Għaldaqstant, il-fatt li, minħabba ż-żamma tal-effetti tad-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari li jawtorizzaw il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra mħallef, l-indipendenza tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u tal-qrati komuni li ma humiex is-suġġett ta’ dawn id-deċiżjonijiet tista’ ma tkunx żgurata sakemm tingħata s-sentenza definittiva jista’ jwassal għal dannu gravi u irreparabbli fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, iktar u iktar peress li l-eżerċizzju tal-funzjoni ġudizzjarja matul dan il-perijodu ser ikun biss ir-responsabbiltà ta’ dawn l-imħallfin.

128    Kif irrilevat il-Kummissjoni, tali riskju jista’ jiġi evitat biss billi tiġi żgurata, fir-rigward tal-imħallfin ikkonċernati minn dawn id-deċiżjonijiet, ir-restorazzjoni tas-sitwazzjoni statutorja tagħhom kif ukoll ta’ dik dwar id-drittijiet tagħhom u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, li kienu prevalenti qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet.

129    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Kummissjoni stabbilixxiet li, fil-każ ta’ rifjut tal-għoti tal-miżuri provviżorji msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma s-suġġett tar-raba’ lment tar-rikors fuq il-mertu, minn naħa, kif ukoll iż-żamma tal-effetti tad-deċiżjonijiet li jawtorizzaw il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra mħallfin tas-sistema ġudizzjarja Pollakka, min-naħa l-oħra, jistgħu jikkawżaw dannu gravi u irreparabbli fir-rigward tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

130    L-argumenti mqajma mir-Repubblika tal-Polonja sabiex tistabbilixxi l-assenza ta’ urġenza ma jistgħux jikkontestaw din l-evalwazzjoni.

131    Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Kummissjoni damet sabiex tieħu l-passi suċċessivi intiżi sabiex jintemm l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-kuntest tar-raba’ lment tar-rikors, peress li huwa mill-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, u mhux mill-adozzjoni tal-Liġi Emendatorja, li l-Awla Dixxiplinari hija kompetenti sabiex tiddeċiedi fil-kawżi tan-natura ta’ dawk imsemmija fil-punti (1a), (2) u (3) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema.

132    Fil-fatt, fir-rigward tal-punti (2) u (3) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, dawn kienu diġà jinsabu fil-Liġi dwar il-Qorti Suprema. Fir-rigward tal-punt (1a), dan sempliċement estenda l-kompetenzi tal-Awla Dixxiplinari sabiex tiddeċiedi fil-kawżi relatati mal-awtorizzazzjoni li jinbdew proċeduri kriminali kontra l-imħallfin jew l-imħallfin awżiljarji jew li jitpoġġew f’detenzjoni provviżorja, li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet oħra tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, għall-proċedura tal-ewwel istanza fir-rigward tal-kawżi li jikkonċernaw l-imħallfin tal-qrati komuni u l-imħallfin awżiljarji.

133    Barra minn hekk, fir-rigward tal-kompetenza tal-Awla Dixxiplinari f’dak li jirrigwarda l-kawżi msemmija fil-punti (2) u (3) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, il-punti ta’ interpretazzjoni pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza A. K. ikunu jippermettu li jiġi eliminat kull riskju ta’ dannu gravi u irreparabbli li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, jekk kellu jiġi konkluż, fid-dawl ta’ dawn il-punti ta’ interpretazzjoni, li l-eżami mill-Bord Dixxiplinari ta’ waħda minn dawn il-kawżi ma jippermettix li jiġi ggarantit id-dritt għal qorti indipendenti, id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta jkunu jippermettu li jitwarrbu d-dispożizzjonijiet li jagħtu lill-Awla Dixxiplinari l-kompetenza sabiex tiddeċiedi f’dik il-kawża u li tirrinvijaha lil qorti oħra li tkun kompetenti fl-assenza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar.

134    F’dan ir-rigward, għandu, qabel kollox, jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 29 sa 37 ta’ dan id-digriet, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Polonja l-ewwel ittra ta’ intimazzjoni dwar il-Liġi Emendatorja fid‑29 ta’ April 2020, jiġifieri erba’ xhur wara l-adozzjoni tagħha wara proċess leġiżlattiv li dam biss tmint ijiem. Issa, fid-dawl tal-fatt li l-Liġi Emendatorja emendat mhux biss il-Liġi dwar il-Qorti Suprema iżda wkoll liġijiet oħra, bħal-Liġi dwar il-Qrati Komuni u l-Liġi dwar il-Qrati Amministrattivi, tali terminu ta’ erba’ xhur sabiex jiġu eżaminati l-emendi kollha introdotti mil-Liġi Emendatorja u l-kompatibbiltà tagħhom mad-dritt tal-Unjoni kif ukoll sabiex jiġu evalwati l-effetti tagħhom ma jistax jitqies li huwa irraġonevoli. Barra minn hekk, is-sekwenza kronoloġika tal-iskambji bil-miktub bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja, li seħħew bejn din l-ittra ta’ intimazzjoni u l-preżentata tar-rikors fuq il-mertu, ma turi ebda nuqqas ta’ azzjoni partikolari min-naħa ta’ din l-istituzzjoni f’dak li jirrigwarda l-passi intiżi li jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat.

135    Sussegwentement, fir-rigward tal-kompetenza mogħtija lill-Awla Dixxiplinari mill-punt (1a) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, minbarra l-fatt li ma huwiex ikkontestat li din id-dispożizzjoni ġiet introdotta b’mod ġdid mil-Liġi Emendatorja, ir-Repubblika tal-Polonja kkonfermat, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, id-data pprovduta mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda kemm in-numru ta’ talbiet għat-tneħħija tal-immunità tal-imħallfin li kienet adita bihom l-Awla Dixxiplinari matul il-perijodu bejn l‑14 ta’ Frar 2020 u l‑15 ta’ Marzu 2021, kif ukoll in-numru ta’ talbiet li ġew eżaminati minn din l-awla mill‑5 ta’ Novembru 2020, kif imfakkra fil-punt 119 ta’ dan id-digriet. Huwa minnu li r-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-konklużjoni li l-Kummissjoni siltet minn din id-data, jiġifieri l-eżistenza ta’ intensifikazzjoni tal-attivitajiet tal-Awla Dixxiplinari taħt il-punt (1a) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, matul l-aħħar xhur qabel il-preżentata tar-rikors fuq il-mertu u ta’ din it-talba għal miżuri provviżorji, intensifikazzjoni li turi, skont din l-istituzzjoni, l-eżistenza tal-urġenza.

136    Huwa minnu li r-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-konklużjoni li l-Kummissjoni siltet minn din id-data, jiġifieri l-eżistenza ta’ intensifikazzjoni tal-attivitajiet tal-Awla Dixxiplinari skont il-punt (1a) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, matul l-aħħar xhur qabel il-preżentata tar-rikors fuq il-mertu u ta’ din it-talba għal miżuri provviżorji, intensifikazzjoni li tkun turi, skont din l-istituzzjoni, l-eżistenza tal-urġenza. Fil-fatt, dan l-Istat Membru josserva li, meta liġi tattribwixxi lil qorti ddeterminata l-kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kategorija ġdida ta’ kawżi, dik il-qorti għandha qabelxejn tagħmel l-investigazzjonijiet dwar dawn il-kawżi, b’tali mod li n-numru ta’ deċiżjonijiet mogħtija fil-qasam ikun, fil-bidu, neċessarjament baxx. L-imsemmi Stat Membru jikkonkludi minn dan li ma jistax jiġi raġonevolment sostnut li l-Awla Dixxiplinari intensifikat l-attivitajiet tagħha billi wieħed jibbaża ruħu fuq is-sempliċi fatt li, wara l-adozzjoni tal-Liġi Emendatorja, hija tat iktar deċiżjonijiet matul il-perijodu tal‑5 ta’ Novembru 2020 sal‑15 ta’ Marzu 2021 milli matul il-perijodu tal‑14 ta’ Frar 2020 sal‑5 ta’ Novembru 2020.

137    Madankollu, permezz ta’ din l-allegazzjoni, ir-Repubblika tal-Polonja mhux biss tikkontradixxi l-affermazzjoni tagħha li l-Awla Dixxiplinari ilha tiddeċiedi fil-kawżi tan-natura bħal dawk imsemmija fil-punt (1a) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema għal iktar minn tliet snin, iżda turi wkoll li l-attività tal-Awla Dixxiplinari, f’dak li jirrigwarda l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet skont din id-dispożizzjoni, kienet, fil-perijodu qabel il-preżentata tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ogħla minn dik immedjatament wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Emendatorja.

138    Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Polonja ma tistax tinvoka b’mod validu, sabiex tistabbilixxi l-assenza ta’ urġenza, il-fatt li l-punti (2) u (3) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema kien diġà jinsab fil-Liġi dwar il-Qorti Suprema, u lanqas il-fatt li s-sentenza A. K. kienet tippermetti li jitnaqqas ir-riskju li jseħħ dannu gravi u irreparabbli li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, il-Liġi Emendatorja introduċiet ċerti dispożizzjonijiet li l-Kummissjoni tikkontesta fil-kuntest tar-rikors fuq il-mertu għar-raġuni, b’mod partikolari, li dawn ikunu jipprekludu lill-qrati nazzjonali milli japplikaw il-prinċipji li jirriżultaw minn dik is-sentenza u jkunu jikkompromettu, għaldaqstant, mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi Emendatorja, l-effettività tal-imsemmija sentenza għall-finijiet indikati.

139    Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-amministrazzjoni tal-ġustizzja ma tista’ ssofri ebda dannu minħabba l-fatt li l-immunità ta’ mħallef, li fir-rigward tagħha jeżistu provi tat-twettiq ta’ ksur, ġiet imneħħija u li saru possibbli proċeduri kriminali fil-konfront tiegħu. Ir-riskju li jseħħ tali dannu jkun iktar u iktar ineżistenti peress li l-proċedura kriminali wara deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità tiżvolġi mhux quddiem l-Awla Dixxiplinari iżda quddiem l-Awla Kriminali.

140    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed madankollu li jiġi rrilevat li, bħalma jirriżulta mill-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punti 121 sa 125 ta’ dan id-digriet, ir-riskju li jseħħ dannu gravi u irreparabbli ma jirriżultax mill-fatt li l-imħallfin tas-sistema ġudizzjarja Pollakka jistgħu jkunu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità tagħhom sabiex jinbdew proċeduri kriminali fil-konfront tagħhom, iżda mill-fatt li tali deċiżjonijiet jingħataw minn istanza li l-indipendenza tagħha tista’ ma tkunx żgurata. Iċ-ċirkustanza li l-proċeduri kriminali wara deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità ma jiżvolġux quddiem l-Awla Dixxiplinari ma tippermettix, għaldaqstant, li tali riskju jiġi eliminat.

141    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-kundizzjoni dwar l-urġenza hija stabbilita fir-rigward tal-għoti tal-miżuri provviżorji msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet.

 Fuq l-ibbalanċjar tal-interessi

142    Jidher li, fil-biċċa l-kbira tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, kemm l-għoti kif ukoll ir-rifjut li tingħata s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni mitluba jistgħu jipproduċu, sa ċertu punt, ċerti effetti definittivi u huwa l-Imħallef għal miżuri provviżorji, adit b’talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, li għandu jibbilanċja r-riskji marbuta ma’ kull waħda mis-soluzzjonijiet possibbli. Konkretament, dan jimplika b’mod partikolari li jiġi eżaminat jekk l-interess tal-parti li titlob il-miżuri provviżorji sabiex tikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni jipprevalixxix fuq l-interess li għandha l-applikazzjoni immedjata tagħhom. Matul dan l-eżami, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-revoka eventwali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun laqgħet ir-rikors fuq il-mertu, tkunx tippermetti t-treġġigħ lura tas-sitwazzjoni li tkun ipprovokota mill-eżekuzzjoni immedjata tagħhom u, b’mod invers, sa liema punt is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tkun ta’ natura li tostakola l-għanijiet imfittxija mill-imsemmija dispożizzjonijiet fil-każ li r-rikors fuq il-mertu jkun miċħud (digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑791/19 R, EU:C:2020:277, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

143    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tilqa’ r-raba’ lment tar-rikors fuq il-mertu wara li tkun irrifjutat li tagħti l-miżuri provviżorji msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet, il-funzjonament tajjeb tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jkun affettwat b’mod sistematiku u jkun ikkawżat preġudizzju irreparabbli għad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni u għall-valuri tal-istat tad-dritt stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, filwaqt li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tordna l-miżuri provviżorji mitluba u tiċħad dan l-ilment sussegwentement, l-unika konsegwenza ta’ dan tkun, minn naħa, is-sospensjoni temporanja tal-attivitajiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Awla Dixxiplinari bis-saħħa tal-punti (1a), (2) u (3) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari dwar l-immunità ġudizzjarja.

144    Min-naħa tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-għoti tal-miżuri provviżorji msemmija fil-punt (a) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet, issostni, l-ewwel nett, li s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-punt (1a) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema tikser mhux biss il-prinċipju ta’ sussidjarjetà u l-prinċipji fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, iżda wkoll il-prinċipji fundamentali tas-sistema demokratika ta’ Stat tad-dritt, protetti mill-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, li tkun tikkawża lil dan l-Istat Membru u lill-popolazzjoni tiegħu dannu gravi u irreparabbli.

145    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed madankollu li jiġi rrilevat li, bħalma tfakkar fil-punt 50 ta’ dan id-digriet, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja tal-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, huma obbligati, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, josservaw l-obbligi li jirriżultaw għalihom mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

146    It-tieni, ir-Repubblika tal-Polonja tallega li s-sospensjoni tal-effetti tad-deċiżjonijiet kollha li jawtorizzaw il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali fil-konfront tal-imħallfin tkun twassal għall-preskrizzjoni ta’ parti mir-reati mwettqa. Barra minn hekk, fil-każ tal-proċeduri li għadhom ma humiex magħluqa, dawn ikollhom jerġgħu jinbdew mill-bidu permezz tal-preżentata ta’ att ta’ akkuża ġdid, bil-konsegwenza wkoll li parti mill-persuni li jwettqu reati jkunu jistgħu, minħabba li jkun għadda ż-żmien, joħorġu mir-responsabbiltà tagħhom. Fl-aħħar nett, is-sospensjoni tal-effetti tad-deċiżjonijiet kollha mogħtija mill-Awla Dixxiplinari tkun twassal għar-revoka tal-miżuri li l-qrati setgħu jordnaw sabiex jipproteġu lill-vittmi ta’ reati bħall-istupru jew il-vjolenza domestika. Għalhekk, l-għoti tal-miżura provviżorja mitluba mill-Kummissjoni tkun tippreġudika l-interessi tal-vittmi tar-reati mwettqa mill-imħallfin ikkonċernati minn dawn id-deċiżjonijiet.

147    Madankollu, mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-fondatezza tal-allegazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja li s-sospensjoni tal-effetti tad-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari dwar it-tneħħija tal-immunità tal-imħallfin tista’ twassal għall-preskrizzjoni tar-reati mwettqa minnhom, għandu jiġi kkonstatat li dan l-Istat Membru ma jipprovdi ebda indikazzjoni dwar in-numru ta’ deċiżjonijiet li s-sospensjoni tal-effetti tagħhom tista’, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dawn id-deċiżjonijiet, twassal għal tali konsegwenza. Bl-istess mod, dan l-Istat Membru ma jipproduċi ebda element konkret ta’ natura li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ deċiżjonijiet dwar it-tneħħija tal-immunità ta’ mħallef sabiex jiġu mnedija proċeduri kriminali fil-konfront tiegħu għal stupru jew għal vjolenza domestika, li taw lok għall-adozzjoni ta’ miżuri intiżi għall-protezzjoni tal-vittmi ta’ dawn ir-reati. Għalhekk, ir-Repubblika tal-Polonja ma werietx l-eżistenza ta’ riskju ta’ okkorrenza tad-dannu li hija tinvoka.

148    It-tielet, ir-Repubblika tal-Polonja targumenta li r-ritorn għal attività ġudizzjarja tal-imħallfin milquta minn akkużi kriminali jkun joħloq, minn naħa, riskju reali għas-sigurtà tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, sa fejn dawn l-imħallfin jkunu jistgħu jibbenefikaw mir-ritorn tagħhom sabiex, b’mod partikolari, jiffavorixxu l-interessi partikolari tagħhom, u jkun iwassal, min-naħa l-oħra, għal assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza tal-imsemmija mħallfin, li jkun jikkawża dannu irreparabbli għall-ġustizzja Pollakka u għall-perċezzjoni li għandhom l-individwi. Fil-fatt, ikun diffiċli li tiġi invokata l-apparenza ta’ indipendenza ta’ mħallef meta dan ikun milqut minn akkużi ta’ korruzzjoni.

149    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li mħallef li jkun jibbenefika mir-ritorn tiegħu għall-attività ġudizzjarja sabiex jiffavorixxi l-interessi partikolari tiegħu waqt l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tiegħu, ikun jista’ jkun is-suġġett tal-miżuri previsti mid-dritt nazzjonali sabiex itemm tali aġir, inkluż, jekk ikun il-każ, miżuri kriminali, sa fejn, f’dan l-aħħar każ, id-deċiżjoni dwar it-tneħħija tal-immunità ta’ dan l-imħallef tingħata minn istanza ġudizzjarja indipendenti li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fis-sentenza A. K.

150    Min-naħa l-oħra, filwaqt li huwa minnu li, fid-dawl tal-funzjonijiet li l-imħallfin huma msejħa jwettqu, ir-ritorn għall-attività ġudizzjarja ta’ mħallef akkużat li wettaq reati li jimplikaw, min-natura tagħhom, permeabbiltà għall-influwenzi esterni, bħar-reat ta’ korruzzjoni, jista’ jqajjem dubji dwar l-indipendenza ta’ dan l-imħallef, xorta jibqa’ l-fatt li r-Repubblika tal-Polonja ma pprovdiet ebda indikazzjoni dwar is-sehem, fost id-deċiżjonijiet kollha ta’ tneħħija tal-immunità adottati mill-Awla Dixxiplinari bejn id-dħul fis-seħħ, fl‑14 ta’ Frar 2020, tal-Liġi Emendatorja u l-introduzzjoni, fil‑31 ta’ Marzu 2021, tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ta’ dawk meħuda fil-konfront ta’ mħallfin akkużati li wettqu dan it-tip ta’ reati, filwaqt li tali indikazzjoni kienet tippermetti li tiġi evalwata l-eżistenza u l-gravità tad-dannu invokat.

151    F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-għoti tal-miżuri provviżorji msemmija fil-punt (b) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet, ir-Repubblika tal-Polonja tinsisti fuq il-fatt li l-applikazzjoni tal-punti (2) u (3) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema ma twassal għal ebda preġudizzju, peress li, konformement mas-sentenza A. K., ikun possibbli, fil-każ ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt ta’ parti, li l-kawżi li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni jintbagħtu quddiem qorti li tiżgura d-dritt għal qorti indipendenti. Min-naħa l-oħra, jekk l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni tiġi sospiża, l-Awla Dixxiplinari tkun prekluża mill-possibbiltà li tieħu konjizzjoni tal-kawżi li fil-kuntest tagħhom ma tqajjem ebda lment dwar l-iżgurar minn din l-awla tad-dritt għal qorti indipendenti.

152    Madankollu, għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 138 ta’ dan id-digriet, l-effettività tas-sentenza A. K bħala element li jippermetti li jiġi eliminat ir-riskju li jseħħ dannu gravi u irreparabbli fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni minħabba l-applikazzjoni tal-punti (2) u (3) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema ma tistax tiġi stabbilita.

153    F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi konkluż li l-ibbilanċjar tal-interessi involuti jxaqleb favur l-għoti tal-miżuri provviżorji msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet.

 Fuq il-miżuri provviżorji msemmija fil-punt (d) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet

 Fuq il-fumus boni juris

154    Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel ilment tar-rikors fuq il-mertu, li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma s-suġġett tal-miżuri provviżorji msemmija fil-punt (d) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet, jidher, prima facie, li ma huwiex infondat, liema lment huwa konkretament ibbażat fuq il-fatt li, billi pprojbixxiet lil kull qorti nazzjonali milli tivverifika l-osservanza tar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel mil-liġi, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6(1) tal-KEDB, kif ukoll skont l-Artikolu 267 TFUE u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

155    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, billi tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq il-prinċipji legali li jirriżultaw mis-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232), b’mod partikolari l-punti 55 sa 57 u 73 sa 75 ta’ dik is-sentenza, li minnhom jirriżulta li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-ħatra tal-imħallfin u tal-leġittimità tal-korpi ġudizzjarji, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-irregolaritajiet fil-proċedura ta’ ħatra għall-pożizzjoni ta’ mħallef, huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat id-dritt fundamentali tal-partijiet fil-kawża għal rimedju effettiv fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, targumenta li d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-kuntest tal-ewwel ilment tar-rikors fuq il-mertu, sa fejn dawn jipprojbixxu lill-qrati Pollakki milli jwettqu tali stħarriġ, jiksru l-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta.

156    Barra minn hekk, il-projbizzjoni li jitwettaq tali stħarriġ tkun tipprekludi lill-qrati nazzjonali milli jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi.

157    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li n-natura allegatament sistematika tal-att ta’ ħatra għall-pożizzjoni ta’ mħallef fil-Polonja ma tistax tiġi kkontestata konformement mal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja ma jistax jiġġustifika l-esklużjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju intiż sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tar-rekwiżit tad-dritt tal-Unjoni dwar qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi sabiex jiġi żgurat id-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Il-Kummissjoni żżid li, fil-każ ta’ ksur stabbilit ta’ dan id-dritt fundamentali, il-prinċipju ta’ effettività u l-prinċipju ta’ supremazija li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta jkunu jeżiġu, meta dan huwa impost bl-ibbilanċjar tal-prinċipju tas-sigurtà ġuridika flimkien mar-rispett tad-dritt applikabbli u r-rwol partikolari li għandu jkollha s-setgħa ġudizzjarja f’soċjetà demokratika, li r-regoli nazzjonali, inklużi r-regoli kostituzzjonali, jitħallew mhux applikati, bħalma jirrizulta mill-punt 151 tas-sentenza A B.

158    Ir-Repubblika tal-Polonja tallega li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel ilment tar-rikors fuq il-mertu, li jipprevedu l-projbizzjoni li titqiegħed inkwistjoni l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol jew il-mandat tal-imħallfin, bi ksur tad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali, bl-ebda mod ma jipprekludu lill-qrati nazzjonali milli jivverifikaw l-osservanza tar-rekwiżiti imposti mid-dritt tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, peress li projbizzjoni ġuridika dwar atti li huma impossibbli tkun nieqsa minn kull valur ġuridiku.

159    Fil-fatt, skont ir-Repubblika tal-Polonja, id-dritt għal qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, żgurat fl-Artikolu 47 tal-Karta, ma jinkludix id-dritt għal individwu li jitlob il-kontestazzjoni tal-mandat ta’ mħallef li eżamina jew li kien jeżamina l-kawża li tikkonċernah.

160    F’dan ir-rigward, sabiex jiġi vverifikat jekk il-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hijiex issodisfatta f’dak li jirrigwarda l-għoti tal-miżuri provviżorji msemmija fil-punt (d) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet, hemm lok, fl-ewwel lok, li jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-osservazzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-ewwel ilment tar-rikors fuq il-mertu jkunu jipprojbixxu lis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), lill-qrati komuni kif ukoll lill-qrati amministrattivi milli jivverifikaw ir-regolarità tal-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin fil-kulleġġ ġudikanti u li jikkonstataw, jekk ikun il-każ, l-irregolarità ta’ tali proċess.

161    Fil-fatt, mill-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja, kif esposti fil-punti 158 u 159 ta’ dan id-digriet, jirriżulta li dan l-Istat Membru ma jikkontestax il-fatt li l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali jipprojbixxu lill-qrati nazzjonali milli jwettqu tali verifika iżda l-fatt li tali projbizzjoni, li tkun koerenti mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali Pollakki, tista’ titqies bħala ksur tal-obbligi imposti fuqu, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jiżgura d-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita bil-liġi.

162    Għalhekk, l-ewwel ilment tar-rikors fuq il-mertu jqajjem il-kwistjoni dwar jekk, sabiex josservaw l-obbligu tagħhom, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, li jiżguraw li l-qrati nazzjonali li jaqgħu taħt is-sistema tagħhom ta’ rimedji ġudizzjarji fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fosthom dawk tal-indipendenza, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-qrati jistgħu jivverifikaw ir-regolarità tal-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin f’kulleġġ ġudikanti.

163    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, mid-dritt fundamentali għal rimedju effettiv quddiem qorti indipendenti, imparzjali u stabbilit minn qabel bil-liġi, żgurat mill-Artikolu 47 tal-Karta, jirriżulta li kull parti fil-kawża għandha, bħala prinċipju, ikollha l-possibbiltà li tinvoka ksur ta’ dan id-dritt. Minn dan jirriżulta li l-qorti tal-Unjoni għandha tkun tista’ tivverifika jekk irregolarità li tivvizzja l-proċedura ta’ ħatra inkwistjoni setgħetx twassal għal ksur ta’ dan id-dritt fundamentali (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 55).

164    Il-garanziji ta’ aċċess għal qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, b’mod partikolari dawk li jiddeterminaw il-kunċett tagħha kif ukoll il-kompożizzjoni tagħha, jirrappreżentaw il-bażi tad-dritt għal smigħ xieraq. Dan jimplika li kull qorti għandha l-obbligu li tivverifika jekk, permezz tal-kompożizzjoni tagħha, hija tikkostitwixxix tali qorti meta jitnissel dubju serju fuq dan il-punt. Din il-verifika hija neċessarja għall-fiduċja li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom jispiraw fil-parti fil-kawża. F’dan is-sens, tali stħarriġ jikkostitwixxi formalità essenzjali li l-osservanza tagħha taqa’ taħt l-ordni pubbliku u għandha tiġi vverifikata ex officio (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

165    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-introduzzjoni tal-espressjoni “mwaqqaf b’liġi” fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, li tikkorrispondi għaliha l-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandha l-għan li tevita li l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja titħalla għad-diskrezzjoni tal-eżekuttiv u li tiżgura li din il-materja tkun irregolata minn liġi adottata mis-setgħa leġiżlattiva b’mod konformi mar-regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din l-espressjoni tirrifletti b’mod partikolari l-prinċipju tal-istat tad-dritt u tikkonċerna mhux biss il-bażi legali tal-eżistenza stess tal-qorti, iżda wkoll il-kompożizzjoni tas-sede f’kull kawża kif ukoll kull dispożizzjoni oħra tad-dritt intern li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jirrendi irregolari l-parteċipazzjoni ta’ mħallef wieħed jew diversi fl-eżami tal-kawża, li jinkludi, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tal-qorti kkonċernata (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

166    Bl-istess mod, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irrilevat li d-dritt għal smigħ minn qorti “mwaqq[fa] b’liġi”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, jinkludi, min-natura tiegħu stess, il-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

167    Għaldaqstant, irregolarità mwettqa matul il-ħatra tal-imħallfin fi ħdan is-sistema ġudizzjarja kkonċernata twassal għal ksur tal-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, b’mod partikolari meta din l-irregolarità hija ta’ natura u ta’ gravità tali li toħloq riskju reali li partijiet oħra tas-setgħa, b’mod partikolari l-eżekuttiv, jistgħu jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali indebita li tipperikola l-integrità tar-riżultat li jwassal għalih il-proċess ta’ ħatra u għalhekk toħloq dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imħallef jew tal-imħallfin ikkonċernati, li jkun il-każ meta r-regoli fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-istabbiliment u mill-funzjonament ta’ din is-sistema ġudizzjarja jkunu inkwistjoni (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 75).

168    Fl-aħħar nett, fil-punt 171 tas-sentenza A. K., il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi li tilwim dwar l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt ikun jista’ jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva ta’ istanza li ma tikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta. Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeduċi minn dan li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl tal-elementi ta’ interpretazzjoni ipprovduti, jekk dan kienx il-każ f’dak li jirrigwarda l-istanza kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwim fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Awla Dixxiplinari, u li, f’tali ipoteżi, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni kien jimponi fuq il-qorti tar-rinviju li tħalli mhux applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu kompetenza lil tali istanza.

169    Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 108 ta’ dan id-digriet, l-elementi ta’ interpretazzjoni pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-qorti tar-rinviju sabiex tevalwa jekk l-Awla Dixxiplinari tikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet u l-proċess ta’ ħatra tal-membri ta’ dik il-qorti.

170    Għalhekk, jidher li, sabiex josservaw l-obbligi tagħhom skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza mill-qrati nazzjonali li jaqgħu taħt is-sistema tagħhom ta’ rimedji fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni u mill-imħallfin ta’ dawn il-qrati tar-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, liema stħarriġ jinkludi, b’mod partikolari, dak tar-regolarità tal-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin tal-imsemmija qrati.

171    Għaldaqstant, ma jistax, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jiġi eskluż li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-ewwel ilment tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, sa fejn dawn ikunu jipprojbixxu lill-qrati nazzjonali milli jivverifikaw ir-regolarità tal-proċess ta’ ħatra ta’ mħallef jew il-leġittimità ta’ qorti, jiksru l-obbligu tar-Repubblika tal-Polonja, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6(1) tal-KEDB, li tiżgura li l-qrati nazzjonali li jaqgħu taħt is-sistema tagħha ta’ rimedji ġudizzjarji fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

172    Fit-tieni lok, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li kull qorti nazzjonali, adita fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, għandha, bħala korp ta’ Stat Membru, l-obbligu, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, li tapplika b’mod sħiħ id-dritt tal-Unjoni direttament applikabbli u li tipproteġi d-drittijiet li dan jagħti lill-individwi, billi tħalli mhux applikata kull dispożizzjoni eventwalment kuntrarja tal-liġi nazzjonali, irrispettivament minn jekk din tkunx preċedenti jew sussegwenti għar-regola tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten, C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C‑308/19, EU:C:2021:47, punt 31).

173    Minn dan isegwi li hija inkompatibbli mar-rekwiżiti inerenti għan-natura stess tad-dritt tal-Unjoni kull dispożizzjoni ta’ ordinament ġuridiku nazzjonali jew kull prassi, leġiżlattiva, amministrattiva jew ġudizzjarja, li jkollha l-effett li tnaqqas l-effettività tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-fatt li tirrifjuta lill-qorti kompetenti sabiex tapplika dan id-dritt is-setgħa li tagħmel, fil-mument stess ta’ din l-applikazzjoni, dak kollu li huwa neċessarju sabiex twarrab id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li possibbilment jostakolaw l-effettività sħiħa tar-regoli direttament applikabbli tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2010, Winner, C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána, C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 36).

174    Għalhekk, dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil qorti nazzjonali, adita fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, milli tapplika d-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll milli tħalli mhux applikata kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja għal dawn id-dispożizzjonijiet tikser il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

175    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax, prima facie, jiġi eskluż li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-ewwel ilment tar-rikors fuq il-mertu jiksru wkoll l-obbligi li dan l-Istat Membru għandu skont il-prinċipju ta’ supremazija li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta.

176    Għaldaqstant, mingħajr ma tingħata deċiżjoni f’dan l-istadju dwar il-fondatezza tal-argumenti invokati mill-partijiet fil-kuntest tal-ewwel ilment tar-rikors fuq il-mertu, li taqa’ fil-kompetenza biss tal-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, għandu jiġi konkluż li, fid-dawl tal-punti mressqa mill-Kummissjoni, u tal-ġurisprudenza invokata fil-punti 163 sa 168 kif ukoll 172 u 173 ta’ dan id-digriet, l-argumenti mressqa minn din l-istituzzjoni fil-kuntest ta’ dan l-ilment jidhru, prima facie, li ma humiex infondati, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 79 tal-istess digriet.

177    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hija ssodisfatta f’dak li jirrigwarda l-għoti tal-miżuri provviżorji msemmija fil-punt (d) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi evalwata, prima facie, il-fondatezza tal-argument dwar l-allegat ksur mid-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-ewwel ilment tar-rikors fuq il-mertu tal-Artikolu 267 TFUE, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza invokata fil-punt 79 ta’ dan id-digriet.

 Fuq l-urġenza

178    Konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 116 ta’ dan id-digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-urġenza, tqis li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-ewwel ilment tar-rikors fuq il-mertu, sa fejn dawn ikunu jipprojbixxu lill-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), tal-qrati komuni u tal-qrati amministrattivi milli jivverifikaw ir-regolarità tal-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin u, jekk ikun il-każ, li jikkonstataw l-irregolarità ta’ tali proċess, jistgħu jiksru l-obbligu tar-Repubblika tal-Polonja, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, li tiżgura li l-qrati nazzjonali li jaqgħu taħt is-sistema tagħha ta’ rimedji ġudizzjarji fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni jissodisfaw il-garanziji inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Għandu jingħad ukoll li dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jistgħu jipprekludu lill-qrati nazzjonali, aditi fil-kuntest tal-kompetenza tagħhom, milli japplikaw id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, u li jħallu mhux applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu kuntrarji għal dawn id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni, u jistgħu għalhekk jiksru l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

179    Għandu jiġi rrilevat li l-fatt li, minħabba l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-ewwel ilment tar-rikors fuq il-mertu, il-qrati Pollakki jistgħu jiġu preklużi, sakemm tingħata s-sentenza definittiva, milli jivverifikaw l-osservanza minn imħallef jew qorti tal-garanziji inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jista’ jikkomprometti, matul dan il-perijodu, l-indipendenza tal-imsemmija qrati Pollakki u, konsegwentement, konformement mal-ġurisprudenza invokata fil-punt 124 ta’ dan id-digriet, jikkawża dannu gravi u irreparabbli għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u, għaldaqstant, għad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll għall-valuri stipulati fl-Artikolu 2 TUE, li l-Unjoni hija bbażata fuqhom, b’mod partikolari dak tal-istat tad-dritt.

180    Barra minn hekk, l-ispeċifiċitajiet tal-kuntest ġuridiku li jidħlu fih dawn id-dispożizzjonijiet jagħmlu iktar u iktar probabbli r-riskju ta’ okkorrenza ta’ tali dannu gravi u irriversibbli.

181    Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Liġi Emendatorja hija l-aħħar element minn sensiela sħiħa ta’ riformi leġiżlattivi dwar l-organizzazzjoni tas-setgħa ġudizzjarja Pollakka, introdotti mir-Repubblika tal-Polonja mill-aħħar tas-sena 2015. Issa, ir-riforma li seħħet matul is-sena 2017 ġiet ikkontestata bil-qawwa minħabba, preċiżament, nuqqasijiet sistemiċi li hija tkun tinvolvi f’dak li jirrigwarda l-indipendenza tal-qrati Pollakki, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kundizzjonijiet ta’ ħatra tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), u din ir-riforma barra minn hekk tat lok għal diversi rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għal diversi talbiet għal deċiżjoni preliminari indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll għall-adozzjoni, mill-Kummissjoni, fl‑20 ta’ Diċembru 2017, konformement mal-Artikolu 7(1) TUE, tal-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta’ riskju ċar ta’ ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja (COM(2017) 835 final).

182    Issa, f’kuntest li fih l-indipendenza tal-qrati Pollakki hija serjament ikkontestata minħabba r-riformi leġiżlattivi msemmija fil-punt preċedenti, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu jipprekludu lill-qrati nazzjonali milli jivverifikaw l-osservanza minn imħallef jew minn qorti tar-rekwiżiti li jikkonċernaw l-indipendenza ġudizzjarja, evidentement, sempliċement tkun iżżid id-dubji eżistenti dwar l-indipendenza ta’ dawn il-qrati, issaħħaħ l-assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja Pollakka u taggrava t-telf ta’ fiduċja tal-partijiet fil-kawża u tal-Istati Membri l-oħra fis-sistema ġudizzjarja tar-Repubblika tal-Polonja.

183    Ir-Repubblika tal-Polonja tallega li l-obbligu tal-qrati nazzjonali li josservaw il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu bħala effett li jelimina kull riskju li jseħħ dannu gravi u irreparabbli li jkun jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-ewwel ilment tar-rikors fuq il-mertu.

184    Madankollu, dan l-argument ma jistax jintlaqa’ peress li, kif ġie rrilevat fil-punt 178 ta’ dan id-digriet, sabiex tiġi evalwata l-urġenza, għandu jingħad li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jipprekludu lill-qrati nazzjonali milli japplikaw id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, u milli jħallu mhux applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu kuntrarji għal dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, bl-effett li dawn il-qrati jiksru l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

185    Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-osservanza minn qorti nazzjonali tal-obbligi tagħha skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimplika l-ksur minn dik il-qorti tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, li jkun jista’ jikkostitwixxi ksur dixxiplinari. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar il-miżuri provviżorji msemmija fil-punt (c) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet, ir-Repubblika tal-Polonja ammettiet li l-fatt għal imħallef li jipproċedi għall-eżami tar-regolarità tal-ħatra ta’ mħallef ikun jista’ jikkostitwixxi l-ksur previst fil-punt (3) tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qrati Komuni, kif ukoll fil-punt (3) tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema.

186    Issa, kif enfasizzat il-Kummissjoni, is-sempliċi perspettiva għal imħallfin nazzjonali li jkunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċeduri dixxiplinari fil-każ li jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tagħhom skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni hija ta’ natura li tiddisswadihom milli josservaw dan il-prinċipju.

187    Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Polonja ma tistax tinvoka b’mod validu, sabiex tistabbilixxi l-assenza ta’ urġenza, l-eżistenza ta’ sistema ta’ rimedji kontra d-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati nazzjonali meta dan l-Istat Membru ma jressaq ebda element li jippermetti li jiġi stabbilit li din is-sistema hija kkonfigurata b’tali mod li hija tkun tippermetti, f’kuntest bħal dak deskritt fil-punti 181 u 182 ta’ dan id-digriet, li jiġi eliminat ir-riskju li jseħħ dannu gravi u irreparabbli fir-rigward tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni.

188    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-kundizzjoni dwar l-urġenza hija stabbilita fir-rigward tal-għoti tal-miżuri provviżorji msemmija fil-punt (d) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet.

 Fuq l-ibbalanċjar tal-interessi

189    Il-Kummissjoni tosserva li, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tilqa’ l-ewwel ilment tar-rikors fuq il-mertu wara li tirrifjuta li tagħti l-miżura provviżorja msemmija fil-punt (d) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet, ikun ikkawżat dannu gravi u irreparabbli lill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u lid-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, filwaqt li, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tordna l-imsemmija miżura u tiċħad, sussegwentement, dan l-ilment, il-konsegwenza ta’ dan tkun biss is-sospensjoni temporanja tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija f’dan l-ilment.

190    Ir-Repubblika tal-Polonja tallega li s-sospensjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni tkun kuntrarja għall-prinċipji fundamentali li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, b’tali mod li tali sospensjoni ma tkunx timplika li l-qrati jistgħu jirrevokaw imħallfin f’kundizzjonijiet differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 180 tal-imsemmija Kostituzzjoni. Fl-aħħar nett, l-effetti ta’ tali sospensjoni jkunu b’mod ċar ta’ dannu għall-interessi tal-ġustizzja.

191    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-effetti marbuta mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, ir-Repubblika tal-Polonja ma tistax validament tinvoka l-kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, inkluż ta’ natura kostituzzjonali, u l-effetti li tkun iġġib magħha l-applikazzjoni ta’ miżura provviżorja ordnata mill-Qorti tal-Ġustizzja, bħas-sospensjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-ewwel ilment tar-rikors fuq il-mertu, u lanqas id-dannu għall-interessi ta’ dan l-Istat Membru li, minħabba din il-kuntrarjetà, ikun jirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ tali miżura. Fi kwalunkwe każ, tali dannu, jekk jitqies li huwa stabbilit, ma jistax jipprevali fuq l-interess ġenerali tal-Unjoni fir-rigward tal-funzjonament tajjeb tal-ordinament ġuridiku tagħha.

192    F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi konkluż li l-ibbilanċjar tal-interessi involuti jxaqleb favur l-għoti tal-miżuri provviżorji msemmija fil-punt (d) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet.

 Fuq il-miżuri provviżorji msemmija fil-punt (e) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet

 Fuq il-fumus boni juris

193    Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni lment tar-rikors fuq il-mertu, li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma s-suġġett tal-miżuri provviżorji msemmija fil-punt (e) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet, jidher, prima facie, li ma huwiex infondat, liema lment huwa, b’mod partikolari, ibbażat fuq il-fatt li, billi tagħti lill-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-kompetenza esklużiva sabiex teżamina l-ilmenti u l-kwistjonijiet ta’ dritt li jikkonċernaw l-assenza ta’ indipendenza ta’ qorti jew ta’ mħallef, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll skont l-Artikolu 267 TFUE u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

194    Il-Kummissjoni ssostni li, konformement mal-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali, ebda qorti nazzjonali minbarra l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi ma tista’ twettaq evalwazzjoni tal-indipendenza ta’ mħallef jew ta’ qorti, fis-sens tad-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, u lanqas ma tista’ tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari dwar dawn il-punti skont l-Artikolu 267 TFUE.

195    Il-Kummissjoni tfakkar, b’mod partikolari, li mis-sentenza A. K. isegwi li kull qorti nazzjonali li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-qorti tar-rinviju fil-kawżi magħquda li taw lok għal dik is-sentenza hija obbligata tivverifika jekk il-qorti kkonċernata hijiex indipendenti abbażi tal-elementi elenkati fil-punt 171 tal-istess sentenza u, jekk minn din il-verifika jirriżulta li dan ma huwiex il-każ, tħalli mhux applikati, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji għall-Artikolu 19(1) TFUE u għall-Artikolu 47 tal-Karta.

196    Ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta li l-fatt li l-għoti lil kulleġġ ġudikanti partikolari, jiġifieri l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, tal-kwistjonijiet dwar l-indipendenza ta’ mħallef jew ta’ qorti, jista’ jikkostitwixxi ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta. F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jippreċiża li tali għoti huwa motivat mill-ħtieġa li tiġi żgurata speċjalizzazzjoni f’dawn il-kwistjonijiet essenzjali ta’ natura kostituzzjonali u li jiġi eliminat ir-riskju ta’ diverġenzi fil-ġurisprudenza f’oqsma li jikkonċernaw l-indipendenza tal-ġustizzja.

197    Sabiex jiġi vverifikat jekk il-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hijiex issodisfatta f’dak li jirrigwarda l-għoti tal-miżuri provviżorji stipulati fil-punt (e) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet, għandu, fl-ewwel lok, jiġi rrilevat, bħalma jsegwi mill-argumenti tal-partijiet, li t-tieni lment iqajjem, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, jippermettix li l-eżami tal-kwistjonijiet dwar l-indipendenza ġudizzjarja tiġi rriżervata lil qorti speċjalizzata u, fl-affermattiv, liema kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jiġi żgurat id-dritt tal-persuni fil-kawża għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Din hija kwistjoni ġuridika kumplessa, li s-soluzzjoni għaliha ma hijiex ovvja u li għalhekk timmerita evalwazzjoni fil-fond, li ma tistax titwettaq mill-Imħallef għal miżuri provviżorji.

198    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, kif enfasizzat il-Kummissjoni mingħajr ma ġiet kontradetta mir-Repubblika tal-Polonja, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fit-tieni lment tar-rikors fuq il-mertu, l-ewwel nett, hija biss l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi li għandha kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ liġi dwar l-indipendenza ta’ mħallef jew ta’ qorti, b’tali mod li l-qrati nazzjonali huma obbligati jirreferu lil din l-awla kull kwistjoni ta’ dan it-tip imqajma fil-kuntest tal-kawżi li huma aditi bihom. It-tieni, l-evalwazzjonijiet ta’ din l-awla dwar l-indipendenza ta’ mħallef jew ta’ qorti huma vinkolanti għall-qrati nazzjonali. It-tielet, l-imsemmija awla hija l-unika waħda kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi intiżi sabiex tiġi kkonstatata l-illegalità tas-sentenzi jew sentenzi definittivi tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), tal-qrati komuni u tal-qrati amministrattivi, fil-każ li l-illegalità allegata hija f’relazzjoni mal-istatus ta’ mħallef tal-persuna li ddeċidiet.

199    Issa, fid-dawl tal-ġurisprudenza invokata fil-punti 163 sa 168 ta’ dan id-digriet, ma jistax, prima facie, jiġi eskluż li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-ewwel ilment tar-rikors fuq il-mertu, sa fejn dawn jipprekludu lill-awli tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) minbarra l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, il-qrati komuni u l-qrati amministrattivi milli jivverifikaw l-osservanza minn imħallef jew minn qorti tar-rekwiżiti dwar l-indipendenza ġudizzjarja, jiksru l-obbligu tar-Repubblika tal-Polonja, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, li jiġi żgurat li l-qrati nazzjonali li jaqgħu taħt is-sistema ta’ rimedji tagħha fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

200    Fit-tielet lok, kif diġà tfakkar fil-punt 173 ta’ dan id-digriet, hija inkompatibbli mar-rekwiżiti inerenti għan-natura stess tad-dritt tal-Unjoni kull dispożizzjoni ta’ ordinament ġuridiku nazzjonali jew kull prattika leġiżlattiva, amministrattiva jew ġudizzjarja li jkollha l-effett li tnaqqas l-effettività tad-dritt tal-Unjoni mill-fatt li tirrifjuta lill-qorti kompetenti sabiex tapplika dan id-dritt is-setgħa li tagħmel, fil-mument stess ta’ din l-applikazzjoni, dak kollu li huwa neċessarju sabiex twarrab id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li possibbilment jikkostitwixxu ostakolu għall-effettività sħiħa tan-normi direttament applikabbli tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten, C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

201    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan ikun b’mod partikolari l-każ jekk, fl-ipoteżi ta’ kunflitt bejn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni u liġi nazzjonali sussegwenti, is-soluzzjoni ta’ dan il-kunflitt kienet irriżervata għal awtorità differenti mill-imħallef imsejjaħ sabiex jiżgura l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li għandu setgħa diskrezzjonali tiegħu stess, anki jekk l-ostakolu li hekk jirriżulta għall-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni kien biss temporanju (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten, C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

202    Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, jekk jidher li l-evalwazzjonijiet magħmula minn qorti nazzjonali ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, dan jimponi li qorti nazzjonali differenti, li hija, fid-dritt intern, marbuta b’mod inkundizzjonat bl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula minn din l-ewwel qorti, tħalli mhux applikata, fuq l-awtorità tagħha stess, ir-regola tad-dritt intern li timponi fuqha li tikkonforma ruħha mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni adottata mill-imsemmija l-ewwel qorti, u li dan ikun b’mod partikolari l-każ meta, minħabba tali regola ta’ dritt intern imposta fuqha, qorti nazzjonali tkun prekluża milli tieħu debitament inkunsiderazzjoni, fit-trattament tal-kawżi pendenti quddiemha, il-fatt li minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali għandha tingħad li hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni u li jiġi żgurat li s-supremazija ta’ dan tal-aħħar tiġi żgurata debitament, billi jittieħdu l-miżuri meħtieġa kollha għal dan l-għan (digriet tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Filippi et, C‑589/16, EU:C:2018:417, punti 35 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

203    Għalhekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 200 sa 202 ta’ dan id-digriet, lanqas ma jista’ prima facie jiġi eskluż li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fit-tieni lment tar-rikors fuq il-mertu jiksru l-obbligi li dan l-Istat Membru għandu skont il-prinċipju ta’ supremazija li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta.

204    Għaldaqstant, mingħajr ma tingħata deċiżjoni f’dan l-istadju fuq il-fondatezza tal-argumenti invokati mill-partijiet fil-kuntest tat-tieni lment tar-rikors fuq il-mertu, li jaqa’ biss taħt il-kompetenza tal-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, għandu jiġi konkluż li, fid-dawl tal-elementi mressqa mill-Kummissjoni, kif ukoll tal-ġurisprudenza invokata fil-punti 163 sa 168 u 200 sa 202 ta’ dan id-digriet, l-argumenti mressqa minn din l-istituzzjoni fil-kuntest ta’ dan l-ilment jidhru, prima facie, li ma humiex infondati, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 79 tal-istess digriet.

205    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hija ssodisfatta f’dak li jirrigwarda l-għoti tal-miżuri provviżorji stipulati fil-punt (e) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi evalwata, prima facie, il-fondatezza tal-argument dwar l-allegat ksur mid-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fit-tieni lment tar-rikors fuq il-mertu tal-Artikolu 267 TFUE, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza invokata fil-punt 79 ta’ dan id-digriet.

 Fuq l-urġenza

206    Konformement mal-ġurisprudenza stipulata fil-punt 116 ta’ dan id-digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-urġenza, tgħid li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fit-tieni lment tar-rikors fuq il-mertu, sa fejn dawn jagħtu lill-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi l-kompetenza esklużiva sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kwistjonijiet dwar l-indipendenza ta’ mħallef jew ta’ qorti, u li, konsegwentement, huma jipprekludu lill-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), tal-qrati komuni u tal-qrati amministrattivi milli jivverifikaw l-osservanza minn imħallef jew minn qorti tar-rekwiżit ta’ indipendenza ġudizzjarja jistgħu jiksru l-obbligi tar-Repubblika tal-Polonja, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, li tiżgura li l-qrati jissodisfaw ir-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Għandu jingħad ukoll li l-imsemmija dispożizzjonijiet jistgħu jipprekludi lill-qrati nazzjonali aditi fil-kuntest tal-kompetenza tagħhom milli japplikaw it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, u li jħallu mhux applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu kuntrarji għal dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, u li jiksru, b’dan il-mod, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

207    Għandu jiġi rrilevat li l-fatt li, minħabba l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fit-tieni lment tar-rikors fuq il-mertu, il-qrati nazzjonali, bl-eċċezzjoni tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, ikunu preklużi, sakemm tingħata s-sentenza definittiva, milli jieħdu konjizzjoni ta’ kwistjonijiet dwar l-indipendenza ta’ mħallef jew ta’ qorti u għalhekk li jivverifikaw l-osservanza minn dan l-imħallef jew dik il-qorti tar-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jista’ jikkomprometti, matul dan il-perijodu, l-indipendenza tal-qrati Pollakki u, għalhekk, konformement mal-ġurisprudenza invokata fil-punt 124 ta’ dan id-digriet, jikkawża dannu gravi u irreparabbli għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u, għaldaqstant, għad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll għall-valuri, stipulati fl-Artikolu 2 TFUE, li l-Unjoni hija bbażata fuqhom, b’mod partikolari dak tal-Istat tad-dritt.

208    Barra minn hekk, l-ispeċifiċitajiet tal-kuntest ġuridiku li fih jidħlu dawn id-dispożizzjonijiet, kif deskritt fil-punti 181 u 182 ta’ dan id-digriet, jagħmlu iktar probabbli r-riskju li jseħħ tali dannu gravi u irriversibbli.

209    Ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-fatt li jeżisti riskju li jseħħ tali dannu peress li, sal-għoti tas-sentenza definittiva, l-ilmenti dwar l-indipendenza ta’ mħallef jew ta’ qorti ser jiġu eżaminati mill-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarja u tal-Affarijiet Pubbliċi li l-indipendenza tagħhom ma tqajjem ebda dubju.

210    Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, minn naħa, bħall-Awla Dixxiplinari, l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarja u tal-Affarijiet Pubbliċi nħolqot bil-Liġi dwar il-Qorti Suprema, u li, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja, il-membri ta’ din l-awla jinħatru wara proċedura li fiha, bħalma huwa l-każ ukoll għall-membri tal-Awla Dixxiplinari, huwa involut il-KRS. Issa, fid-dawl tal-elementi ta’ interpretazzjoni li jinsabu fis-sentenza A. K, ma jistax jingħad, bħalma jippretendi dan l-Istat Membru, li l-indipendenza tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarja u tal-Affarijiet Pubbliċi ma tqajjem ebda dubju.

211    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 26(3) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, it-talbiet dwar il-konstatazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tal-leġittimità tiegħu sabiex jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji ma humiex eżaminati mill-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi.

212    Minn dan jirriżulta li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fit-tieni lment tar-rikors fuq il-mertu tkun timplika li, sal-għoti tas-sentenza definittiva, ebda qorti nazzjonali ma tkun tista’ teżamina dawn il-kwistjonijiet, fatt li, kif ġie kkonstatat waqt l-eżami tal-miżuri provviżorji msemmija fil-punt (d) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet, ikun jista’ jikkawża dannu gravi u irreparabbli għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll għad-drittijiet tal-partijiet fil-kawża għal rimedju effettiv.

213    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-kundizzjoni dwar l-urġenza hija stabbilita f’dak li jirrigwarda l-għoti tal-miżuri provviżorji msemmija fil-punt (e) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet.

 Fuq l-ibbalanċjar tal-interessi

214    Il-Kummissjoni tosserva li, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tilqa’ t-tieni lment tar-rikors fuq il-mertu wara li tkun irrifjutat li tagħti l-miżura provviżorja msemmija fil-punt (e) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet, dannu gravi u irreparabbli jkun ikkawżat lill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u lid-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, filwaqt li, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tordna l-imsemmija miżura u tiċħad, sussegwentement, dan l-ilment, il-konsegwenza ta’ dan tkun biss is-sospensjoni temporanja tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26(2) sa (4) u (6) kif ukoll tal-Artikolu 82(2) sa (5) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema.

215    Min-naħa tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, minn naħa, is-sospensjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fit-tieni lment tar-rikors fuq il-mertu ma tkunx timplika li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jeżaminaw il-kwistjonijiet irriżervati minn dawn id-dispożizzjonijiet lill-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u l-Affarijiet Pubbliċi, b’mod li tali sospensjoni ma tkunx tista’ tikkontribwixxi għall-għan imfittex minnha. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija sospensjoni tkun tippreġudika d-dritt għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi u l-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li ebda dispożizzjoni nazzjonali ma tkun tirregola l-kompetenza ratione materiae għall-konjizzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ dritt irriżervati mill-imsemmija dispożizzjonijiet lill-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi.

216    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-eżekuzzjoni ta’ miżura provviżorja intiża għas-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali tinkludi l-obbligu għall-Istat Membru kkonċernat li jiżgura r-ristorazzjoni tal-istat tad-dritt preċedenti għad-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni, u dan l-Istat Membru huwa għalhekk obbligat, sakemm tingħata s-sentenza definittiva, li japplika d-dispożizzjonijiet imħassra, issostitwiti jew emendati minn dik li l-applikazzjoni tagħha għandha tiġi sospiża (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑619/18 R, EU:C:2018:1021, punti 95 u 107).

217    Għalhekk, il-ksur tad-dritt għal qorti stabbilita minn qabel mil-liġi u l-prinċipju ta’ ċertezza legali li, skont ir-Repubblika tal-Polonja, ikun jirriżulta mis-sospensjoni, sal-għoti tas-sentenza definittiva, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fit-tieni lment tar-rikors fuq il-mertu ma jistax jiġi stabbilit.

218    F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi konkluż li l-ibbilanċjar tal-interessi involuti jxaqleb favur l-għoti tal-miżuri provviżorji msemmija fil-punt (e) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet.

 Fuq il-miżuri provviżorji msemmija fil-punt (c) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet

 Fuq il-fumus boni juris

219    Il-Kummissjoni ssostni li t-tielet ilment tar-rikors fuq il-mertu, li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma s-suġġett tal-miżuri provviżorji stipulati fil-punt (c) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet, jidher, prima facie, li ma huwiex infondat, liema lment huwa konkretament ibbażat fuq l-allegazzjoni li, billi adottat u żammet fis-seħħ il-punti (2) u (3) tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qrati Komuni u l-punti (1) sa (3) tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, li jippermettu li jiġi kklassifikat bħala ksur dixxiplinari l-eżami tal-osservanza tar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli tissodisfa l-obbligu li tiżgura l-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja li hija għandha skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll l-Artikolu 267 TFUE.

220    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tallega li l-elementi li jikkostitwixxu reati dixxiplinari msemmija fil-punti (2) u (3) tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qrati Komuni kif ukoll fil-punti (2) u (3) tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, jiġifieri “atti jew ommissjonijiet ta’ natura li jimpedixxu jew jikkompromettu b’mod serju l-funzjonament ta’ awtorità ġudizzjarja” jew “atti li jqiegħdu inkwistjoni l-eżistenza tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ mħallef [jew] l-effettività tal-ħatra ta’ mħallef” huma tant impreċiżi li dan il-ksur jista’ jkopri s-sitwazzjoni li fiha mħallef nazzjonali jistħarreġ l-osservanza, minn qorti, tar-rekwiżiti tal-indipendenza ġudizzjarja, fis-sens tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. B’mod partikolari, il-konstatazzjoni, magħmula minn imħallef, tan-nuqqas ta’ osservanza, mill-kulleġġ ġudikanti tiegħu jew minn kulleġġ ġudikanti ieħor, tar-rekwiżit dwar qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, minħabba irregolarità mwettqa matul il-ħatra ta’ mħallef sedenti fl-imsemmi kulleġġ ġudikanti, tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “att li jqiegħed inkwistjoni l-eżistenza tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ mħallef jew l-effettività tal-ħatra ta’ mħallef”. Dan huwa muri mill-fatt li nbdew proċeduri dixxiplinari fil‑5 ta’ Awwissu 2020, għal dan l-għan, kontra mħallef tas-Sąd Apelacyjny Szczecin (il-Qorti tal-Appell ta’ Szczecin, il-Polonja), b’applikazzjoni tal-punt (3) tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qrati Komuni.

221    Għalhekk, billi tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq il-prinċipji legali stipulati fil-punt 32 tas-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117), kif ukoll fil-punti 55, 57, 70 u 71 tas-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232), il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fit-tielet ilment tar-rikors fuq il-mertu huma kuntrarji għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta.

222    Barra minn hekk, il-ksur dixxiplinari msemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet ikun marbut mal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, li jkun kuntrarju għall-punt 67 tas-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586).

223    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-ksur dixxiplinari msemmi fil-punt (1) tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema huwa bbażat fuq kunċett impreċiż, jiġifieri il-“ksur manifest u flagranti tar-regoli tad-dritt”, liema kunċett jista’ jagħmel riferiment kemm għall-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji kif ukoll għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu li jsir l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza, minn qorti, tar-rekwiżiti dwar l-indipendenza ġudizzjarja, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

224    Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li r-responsabbiltà dixxiplinari imposta fuq l-imħallfin b’applikazzjoni tal-punti (2) u (3) tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qrati Komuni u l-punti (1) sa (3) tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema ma tinkludix ir-responsabbiltà għall-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, b’tali mod li ma tistax titqies li tikkostitwixxi element ta’ pressjoni fuq l-imħallfin jew indħil fl-attivitajiet ġudizzjarji tagħhom.

225    B’mod partikolari, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ksur li jikkonsisti fil-fatt li l-amministrazzjoni tal-ġustizzja ssir sinjifikattivament iktar diffiċli, jekk mhux impossibbli, imsemmi fil-punt (2) tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qrati Komuni kif ukoll fil-punt (2) tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta li l-eżerċizzju minn qorti tal-obbligi deskritti fis-sentenza A. K. ikun jista’ jaqa’ taħt tali ksur, peress li, minn naħa, huwa evidenti li sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tinkludi dispożizzjonijiet li t-twettiq tagħhom jagħmel l-amministrazzjoni tal-ġustizzja sinjifikattivament iktar diffiċli u, min-naħa l-oħra, dik is-sentenza ma tkunx tikkostitwixxi deċiżjoni li, fid-dawl tal-kontenut tagħha, tkun thedded il-funzjonament tal-ġustizzja. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja tinnota li tali ksur għandu rwol importanti ħafna fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali u huwa previst mir-regoli kostituzzjonali ta’ Stati Membri oħra dwar is-setgħa ġudizzjarja. B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ikkontestati mill-Kummissjoni huma ispirati mid-dritt Franċiż, dritt li l-Kummissjoni ma kkontestatx.

226    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ksur li jikkonsisti f’li tiġi kkontestata l-eżistenza tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ mħallef u l-effettività tal-ħatra ta’ mħallef, imsemmija fil-punt (3) tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qrati Komuni kif ukoll fil-punt (3) tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, ir-Repubblika tal-Polonja tirrepeti l-argument espost fil-punti 158 u 159 ta’ dan id-digriet fil-kuntest tal-eżami tal-miżuri provviżorji msemmija fil-punt (d) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet. B’mod partikolari, ir-Repubblika tal-Polonja, li ma tikkontestax l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ proċeduri dixxiplinari mnedija kontra mħallef tas-Sąd Apelacyjny Szczecin (il-Qorti tal-Appell ta’ Szczecin), tenfasizza madankollu li l-projbizzjoni li ssir l-evalwazzjoni tal-legalità tal-ħatra ta’ mħallef tkun tikkostitwixxi, fid-dawl tal-mudell kostituzzjonali tal-ħatra tal-imħallfin fil-Polonja, preċiżazzjoni magħmula għall-kontenut tar-regola ġuridika li tiddefinixxi l-ksur dixxiplinari, u tkun kompletament iġġustifikata u opportuna.

227    Fir-rigward, fit-tielet u l-aħħar lok, tal-ksur li jikkonsisti fil-ksur manifest u flagranti tar-regoli tad-dritt, imsemmi fil-punt (1) tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, ir-Repubblika tal-Polonja targumenta li dan il-ksur bl-ebda mod ma jista’ jiġi assimilat ma’ responsabbiltà dixxiplinari minħabba l-kontenut ta’ sentenza jew minħabba żbalji ordinarji li l-imħallef jista’ jwettaq meta huwa jiddeċiedi. Bħalma turi l-ġurisprudenza tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), l-imsemmi ksur ikun jirrigwarda każijiet eċċezzjonali ta’ ksur tar-regoli tad-dritt, jiġifieri każijiet li fiha il-ksur ikun manifest u flagranti, u jkun jiġġustifika l-kundanna tal-awtur tagħhom.

228    Sabiex jiġi vverifikat jekk il-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hijiex issodisfatta f’dak li jirrigwarda l-għoti tal-miżuri provviżorji stipulati fil-punt (c) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet, għandu, fl-ewwel lok, jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 171 u 199 ta’ dan id-digriet, dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom l-effett li jipprekludu lill-qrati nazzjonali msejħa sabiex jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni milli jivverifikaw l-osservanza minn imħallef jew minn qorti tar-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u, b’mod partikolari, ir-regolarità tal-proċess ta’ ħatra ta’ mħallef jew ta’ qorti huma, prima facie, kuntrarji għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta.

229    Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li dispożizzjonijiet nazzjonali li minnhom jirriżulta li l-imħallfin nazzjonali jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċeduri dixxiplinari minħabba l-fatt li huma wettqu tali verifika huma wkoll, prima facie, kuntrarji għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u għall-Artikolu 47 tal-Karta.

230    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza invokata fil-punt 87 ta’ dan id-digriet, ir-rekwiżit ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità li jirriżulta, b’mod partikolari, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi li jiġi evitat kull riskju ta’ użu tas-sistema dixxiplinari, kontra dawk li għandhom il-kompitu li jiddeċiedu, bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji.

231    Fil-fatt, huwa essenzjali b’mod partikolari li jkunu previsti regoli li jiddefinixxu b’mod suffiċjentement ċar u preċiż l-aġir li jista’ jwassal għar-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin, sabiex tiġi żgurata l-indipendenza inerenti għall-kompiti tagħhom u jiġi evitat li jkunu esposti għar-riskju li r-responsabbiltà dixxiplinari tagħhom tiskatta minħabba s-sempliċi fatt tad-deċiżjoni tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor Din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 234).

232    F’dan il-każ, jidher qabel kollox li, kif sostniet il-Kummissjoni, il-kliem tal-punti (2) u (3) tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qrati Komuni kif ukoll dak tal-punti (2) u (3) tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, għandu natura tant astratta u impreċiża li ma jistax jiġi eskluż, prima facie, li r-responsabbiltà dixxiplinari ta’ mħallef tkun tista’ tiskatta minħabba s-sempliċi fatt li huwa jkun vverifika l-osservanza minn imħallef jew minn kulleġġ ġudikanti tar-rekwiżiti tal-indipendenza ġudizzjarja u, b’mod partikolari, ikkonstata l-irregolarità tal-proċess ta’ ħatra ta’ mħallef.

233    L-istess japplika f’dak li jirrigwarda l-punt (1) tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema. Fil-fatt, minħabba n-natura astratta u impreċiża tal-espressjoni “ksur manifest u flagranti tar-regoli tad-dritt”, ma tistax, prima facie, titwarrab l-ipoteżi li r-responsabbiltà ta’ mħallef tkun tista’ tiskatta minħabba l-kontenut allegatament “żbaljat” tad-deċiżjonijiet tiegħu jew il-ksur minnu tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprekludu l-qrati nazzjonali milli jivverifikaw l-osservanza minn imħallef jew minn kulleġġ ġudikanti tar-rekwiżiti ta’ indipendenza ġudizzjarja.

234    Għalhekk, fid-dawl tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fit-tielet ilment tar-rikors fuq il-mertu, ma jistax, prima facie, jiġi eskluż li dawn id-dispożizzjonijiet mhux biss jipprekludu lill-qrati nazzjonali milli jivverifikaw l-osservanza minn imħallef jew minn qorti tar-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva iżda jippermettu wkoll li s-sistema dixxiplinari tintuża bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, u li, għaldaqstant, dawn ikunu kuntrarji għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta.

235    Din l-evalwazzjoni tapplika iktar u iktar f’dak li jirrigwarda l-punt (3) tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qrati Komuni kif ukoll il-punt (3) tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, peress li, kif jirriżulta mill-argumenti tal-partijiet imsemmija fil-punti 220 u 226 ta’ dan id-digriet, il-konstatazzjoni tal-irregolarità tal-ħatra ta’ mħallef tkun tista’ tikkostitwixxi l-ksur imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet.

236    Barra minn hekk, il-fatt li d-deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest tal-proċeduri dixxiplinari mibdija kontra l-imħallfin huma mistħarrġa minn istanza, jiġifieri l-Awla Dixxiplinari, li l-assenza ta’ indipendenza tagħha ma tistax, prima facie, tiġi eskluża, kif ġie kkonstatat fil-punt 97 ta’ dan id-digriet, jikkontribwixxi sabiex isaħħaħ l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 234 ta’ dan id-digriet. L-istess japplika għall-fatt, enfasizzat mill-Kummissjoni, li l-Liġi Emendatorja li introduċiet il-ksur dixxiplinari previst mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ġiet adottata xahar wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha A. K. u pprovdiet lill-qorti tar-rinviju bl-elementi ta’ evalwazzjoni dwar l-indipendenza ta’ din l-awla, elementi li abbażi tagħhom il-qrati nazzjonali setgħu jevalwaw l-indipendenza tal-imħallef jew tal-qorti kompetenti sabiex tagħti d-deċiżjonijiet fil-kawżi li kienu aditi bihom.

237    Barra minn hekk, fir-rigward tal-ġurisprudenza tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) invokata mir-Repubblika tal-Polonja, dwar l-elementi li jikkostitwixxu l-ksur ta’ “ksur manifest u flagranti tar-regoli ta’ dritt”, previst fl-Artikolu 72(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, huwa biżżejjed jiġi kkonstatat li din il-ġurisprudenza ġiet identifikata qabel l-istabbiliment, matul is-sena 2017, tal-Awla Dixxiplinari u, a fortiori, l-adozzjoni, matul is-sena 2019, permezz tal-Liġi Emendatorja, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija b’mod partikolari fl-ewwel żewġ ilmenti tar-rikors fuq il-mertu. Konsegwentement, l-imsemmija ġurisprudenza ma tistax tikkontesta l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 234 ta’ dan id-digriet.

238    Fl-aħħar nett, bħalma ġie rrilevat fil-punt 111 ta’ dan id-digriet, ir-Repubblika tal-Polonja ma tistax tinvoka utilment l-allegata eżistenza, fi Stati Membri oħra, ta’ regoli simili għal dawn id-dispożizzjonijiet sabiex tistabbilixxi li l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ.

239    Għaldaqstant, mingħajr ma tiddeċiedi f’dan l-istadju fuq il-fondatezza tal-argumenti invokati mill-partijiet fil-kuntest tat-tielet ilment tar-rikors fuq il-mertu, li jaqa’ taħt il-kompetenza biss tal-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, għandu jiġi konkluż li, fid-dawl tal-elementi mressqa mill-Kummissjoni u tal-ġurisprudenza invokata fil-punti 163 sa 168 kif ukoll 230 u 231 ta’ dan id-digriet, l-argumenti mressqa minn din l-istituzzjoni fil-kuntest ta’ dan l-ilment jidhru, prima facie, li ma humiex infondati, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 79 tal-istess digriet.

240    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hija ssodisfatta f’dak li jirrigwarda l-għoti tal-miżuri provviżorji stipulati fil-punt (c) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet.

 Fuq l-urġenza

241    Konformement mal-ġurisprudenza stabbilita fil-punt 116 ta’ dan id-digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-urġenza, issostni li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fit-tielet ilment tar-rikors fuq il-mertu jistgħu, minn naħa, jipprekludu lill-qrati nazzjonali milli jivverifikaw l-osservanza minn imħallef jew minn qorti tar-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u, min-naħa l-oħra, jippermettu li s-sistema dixxiplinari tintuża bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, u għalhekk, imorru kontra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta.

242    Kif sostniet il-Kummissjoni, il-fatt li, minħabba l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fit-tielet ilment tar-rikors fuq il-mertu, minn naħa, il-qrati nazzjonali jistgħu jiġu preklużi, sal-għoti tas-sentenza definittiva, milli jivverifikaw l-osservanza minn imħallef jew minn qorti tar-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u, min-naħa l-oħra, is-sistema dixxiplinari tista’, sal-għoti ta’ dik is-sentenza, tintuża bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, jista’ jikkomprometti, matul l-istess perijodu, l-indipendenza tal-qrati Pollakki u, konsegwentement, konformement mal-ġurisprudenza invokata fil-punt 124 ta’ dan id-digriet, jikkawża dannu gravi u irreparabbli għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u, għaldaqstant, għad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll għall-valuri, stipulati fl-Artikolu 2 TUE, li l-Unjoni hija bbażata fuqhom, b’mod partikolari dak tal-Istat tad-dritt.

243    Ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-eżistenza tal-urġenza billi tinvoka s-sospensjoni, wara d-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277), tal-attivitajiet tal-Awla Dixxiplinari f’dak li jirrigwarda l-kawżi dixxiplinari dwar l-imħallfin. Skont dan l-Istat Membru, minħabba tali sospensjoni, li ser tinżamm sakemm tingħata s-sentenza fuq il-mertu fil-Kawża C‑791/19, l-Awla Dixxiplinari ma tagħmilx applikazzjoni, b’mod ġenerali, tad-dispożizzjonijiet ikkontestati mill-Kummissjoni, b’mod li s-sospensjoni tagħhom ma jkollhiex natura urġenti sa fejn din ma jkollhiex l-effett li tipprevjeni kwalunkwe dannu li jkun.

244    F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li s-sospensjoni tal-attivitajiet tal-Awla Dixxiplinari hija ta’ natura li tnaqqas ir-riskju li jseħħ dannu gravi u irreparabbli li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, tali sospensjoni ma tippermettix madankollu li tali riskju jiġi eliminat.

245    Fil-fatt, kif irrilevat il-Kummissjoni, is-sempliċi perspettiva għall-imħallfin Pollakki li jkunu jistgħu, jekk ikun il-każ, ikunu s-suġġett ta’ proċeduri dixxiplinari talli jkunu vverifikaw l-osservanza minn imħallef jew minn qorti tar-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tista’ taffettwa l-indipendenza tagħhom, u dan indipendentement mill-istanza ġudizzjarja li quddiemha jsiru l-proċeduri dixxiplinari.

246    Barra minn hekk, is-sempliċi eżistenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu jippermettu l-użu tas-sistema dixxiplinari bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji hija ta’ natura li toħloq f’moħħ il-partijiet fil-kawża u Stati Membri oħra dubji dwar l-indipendenza tal-qrati nazzjonali, li jista’ jikkawża dannu gravi u irreparabbli.

247    Fl-aħħar nett, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-punt (1) tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li t-talba għas-sospensjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija tardiva u totalment inkomprensibbli. F’dan il-kuntest, dan l-Istat Membru jallega, minn naħa, li l-Kummissjoni ma ressqet ebda ġustifikazzjoni għas-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni li hija relatata ma’ tradizzjoni kostituzzjonali twila ħafna fil-Polonja u li, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Kummissjoni, fil-kuntest tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-Kawża C‑791/19, ikkontestat dispożizzjoni analoga li tinsab fl-Artikolu 107 tal-Liġi dwar il-Qrati Komuni mingħajr, madankollu, ma talbet is-sospensjoni tal-applikazzjoni tagħha, juri li din l-istituzzjoni ma tipperċepixxi, fir-realtà, ebda riskju ta’ dannu li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-punt (1) tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema.

248    Madankollu, minn naħa, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni esponiet r-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha msemmija fit-tielet ilment tar-rikors fuq il-mertu għandha tiġi sospiża. Min-naħa l-oħra, kif ġie rrilevat fil-punti 138 u 237 ta’ dan id-digriet, il-Liġi Emendatorja introduċiet diversi dispożizzjonijiet, bħal dawk imsemmija fl-ewwel żewġ ilmenti tar-rikors fuq il-mertu, li jista’ jkollhom effett fir-rigward tal-portata tal-ksur imsemmi fil-punt (1) tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, u li, għaldaqstant, jikkostitwixxu elementi ġodda meta mqabbla ma’ dawk eżistenti qabel l-adozzjoni tal-imsemmija Liġi Emendatorja, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-urġenza.

249    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-kundizzjoni dwar l-urġenza hija stabbilita f’dak li jirrigwarda l-għoti tal-miżuri provviżorji msemmija fil-punt (c) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet.

 Fuq l-ibbalanċjar tal-interessi

250    Il-Kummissjoni tosserva li, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tilqa’ t-tielet ilment tar-rikors fuq il-mertu wara li tirrifjuta li tagħti l-miżura provviżorja msemmija fil-punt (c) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet, ikun ikkawżat dannu gravi u irreparabbli lill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u lid-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt fundamentali tagħhom għal rimedju effettiv quddiem qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi.

251    Min-naħa l-oħra, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tordna l-imsemmija miżura u tiċħad, sussegwentement, dan l-ilment, il-konsegwenza ta’ dan tkun biss is-sospensjoni temporanja tal-punti (2) u (3) tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qrati Komuni u tal-punti (1) sa (3) tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, kif ukoll, sussegwentement, l-impossibbiltà temporanja li jiġi kklassifikat bħala ksur, b’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-fatt li mħallef ikun stħarreġ, fil-kuntest tal-attività ġudizzjarja tiegħu, l-osservanza tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta.

252    Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, b’mod partikolari, li n-nuqqas ta’ applikazzjoni, sakemm tingħata s-sentenza definittiva, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fit-tielet ilment tar-rikors fuq il-mertu jkollu bħala konsegwenza li, matul dan il-perijodu kollu, aġir kundannabbli, li mingħajr dubju jkollu jagħti lok għar-responsabbiltà dixxiplinari tal-awturi tiegħu, ikun għall-kuntrarju aċċettat. Għalhekk, l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ikunu jistgħu, b’mod partikolari, jagħmlu backdating ta’ atti ġudizzjarji, jaħbu dokumenti li għandhom importanza għar-riżoluzzjoni tal-kawżi, jagħtu pieni mhux previsti mil-liġijiet jew jemendaw deċiżjonijiet skont modalitajiet mhux previsti mill-proċeduri, jew jagħtu deċiżjonijiet mhux previsti minn dawn il-proċeduri. Is-sospensjoni tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni tkun tikkawża, għalhekk, dannu fir-rigward tal-interessi tar-Repubblika tal-Polonja.

253    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed madankollu li jitfakkar li, bħalma jirriżulta mill-punt 216 ta’ dan id-digriet, is-sospensjoni tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fit-tielet ilment tar-rikors fuq il-mertu ser tinkludi l-obbligu għar-Repubblika tal-Polonja li tapplika, sakemm tingħata s-sentenza definittiva, id-dispożizzjonijiet imħassra, issostitwiti jew emendati bid-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija f’dan l-ilment. Għalhekk, l-għoti tal-miżura provviżorja msemmija fil-punt (c) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet ma jistax jikkawża d-dannu invokat minn dan l-Istat Membru.

254    F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi konkluż li l-ibbilanċjar tal-interessi involuti jxaqleb favur l-għoti tal-miżuri provviżorji msemmija fil-punt (c) tal-ewwel inċiż tal-punt 38 ta’ dan id-digriet.

255    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talba tal-Kummissjoni għal miżuri provviżorji, imsemmija fil-punt 1 ta’ dan id-digriet, għandha tintlaqa’.

Għal dawn il-motivi, il-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tordna:

1)      Ir-Repubblika tal-Polonja għandha, immedjatament u sal-għoti tassentenza li ttemm l-istanza fil-Kawża C204/21,

a)      tissospendi, minn naħa, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet talpunt (1a) tal-Artikolu 27(1) tal-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat8 ta’ Diċembru 2017, kif emendata bl-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni talQrati tad-Dritt Komuni, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra) tal20 ta’ Diċembru 2019 u oħrajn, li permezz tagħhom l-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) għandha kompetenza sabiex tiddeċiedi, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fit-tieni istanza, fuq it-talbiet għal awtorizzazzjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra mħallfin jew imħallfin awżiljarji, li jitqiegħdu f’detenzjoni provviżorja, li jiġu arrestati jew li jitressqu quddiem qorti, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-effetti tad-deċiżjonijiet diġà adottati millAwla Dixxiplinari abbażi ta’ dan l-artikolu u li jawtorizzaw ilftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra mħallef jew l-arrest tiegħu, u li tastjeni milli tibgħat il-kawżi msemmija fl-imsemmi artikolu quddiem qorti li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza ddefiniti, b’mod partikolari, fis-sentenza tad19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari talQorti Suprema) (C585/18, C624/18 u C625/18, EU:C:2019:982);

b)      tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-punti (2) u (3) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, kif emendata, li abbażi tagħhom l-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) tasSąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għandha kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar il-kawżi dwar l-istatus u l-eżerċizzju talfunzjonijiet ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), b’mod partikolari fuq il-kawżi fil-qasam tad-dritt industrijali u tal-assigurazzjonijiet soċjali, kif ukoll fuq il-kawżi dwar l-irtirar ta’ dawn l-imħallfin, u li tastjeni milli tibgħat dawn il-kawżi quddiem qorti li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza ddefiniti, b’mod partikolari, fis-sentenza tad19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari talQorti Suprema) (C585/18, C624/18 u C625/18, EU:C:2019:982);

c)      tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-punti (2) u (3) tal-Artikolu 107(1) tal-ustawa – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Komuni) tas27 ta’ Lulju 2001, kif emendati bil-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra, kif ukoll tal-punti (1) sa (3) talArtikolu 72(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, kif emendata, li jippermettu li tiġi stabbilita r-responsabbiltà dixxiplinari talimħallfin minħabba li jkunu eżaminaw l-osservanza tarrekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ta’ qorti stabbilita minn qabel bil-liġi fis-sens tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

d)      tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42a(1) u (2), kif ukoll tal-Artikolu 55(4) tal-Liġi dwar il-Qrati Komuni, kif emendata, tal-Artikolu 26(3), kif ukoll tal-Artikolu 29(2) u (3) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, kif emendata, u tal-Artikolu 5(1a) u (1b) tal-ustawa – Prawo o ustroju sądów administracyjnych (ilLiġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi) tal25 ta’ Lulju 2002, kif emendata bil-Liġi li Temenda l-Liġi dwar lOrganizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra, u tal-Artikolu 8 tal-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra, sa fejn dawn jipprojbixxu lill-qrati nazzjonali milli jivverifikaw losservanza tar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea relatati ma’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

e)      tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26(2) u (4) sa (6), kif ukoll tal-Artikolu 82(2) sa (5) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, kif emendata, u tal-Artikolu 10 tal-Liġi li Temenda lLiġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra, li jistabbilixxu lkompetenza esklużiva tal-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych Sądu Nawyższego (l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) sabiex teżamina l-ilmenti bbażati fuq l-assenza ta’ indipendenza ta’ mħallef jew ta’ qorti; u

f)      tikkomunika lill-Kummissjoni Ewropea, mhux iktar tard minn xahar wara n-notifika tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja li jordna l-miżuri provviżorji mitluba, il-miżuri kollha adottati sabiex tikkonforma bis-sħiħ ma’ dan id-digriet.

2)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.