Language of document : ECLI:EU:T:2021:781

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

10 ta’ Novembru 2021 (*)

“Dritt istituzzjonali – Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej – Politika ta’ koeżjoni – Reġjuni b’minoranza nazzjonali – Deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni – Rikors għal annullament – Att li jista’ jiġi kkontestat – Ammissibbiltà – Artikolu 4(2)(b) tar‑Regolament (UE) Nru 211/2011 – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑495/19,

Ir-Rumanija, irrappreżentata minn E. Gane, R. Haţieganu, L. Liţu u L.‑E. Baţagoi, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Stancu, I. Martínez del Peral u H. Krämer, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Fehér, M. Tátrai u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

parti intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall‑annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/721 tat‑30 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva proposta taċ-ċittadini bit-titolu “Politika ta’ koeżjoni għall-ugwaljanza bejn ir-reġjuni u għas-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali” (ĠU 2019, L 122, p. 55),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla),

komposta minn A. Kornezov, President, E. Buttigieg (Relatur) u K. Kowalik‑Bańczyk, Imħallfin,

Reġistratur: I. Kurme, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑21 ta’ Mejju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit‑18 ta’ Ġunju 2013, il-proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini (iktar ’il quddiem l‑“IĊE”) intitolata “Politika ta’ koeżjoni għall-ugwaljanza tar-reġjuni u għas‑sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali” (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ IĊE kontenzjuża”) ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni Ewropea konformement mal‑Artikolu 11(4) TUE u mar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU 2011, L 65, p. 1, rettifika fil-ĠU 2012, L 94, p. 49).

2        Mill-informazzjoni mogħtija mill-organizzaturi tal-proposta ta’ IĊE kontenzjuża, fir-rigward tal-informazzjoni meħtieġa għar-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE konformement mal-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011, jirriżulta li din il-proposta kienet intiża sabiex l-Unjoni Ewropea, fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni, tagħti attenzjoni partikolari lir-reġjuni li l-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi tagħhom ikunu differenti minn dawk tar-reġjuni ta’ madwarhom. Għal dawn ir-reġjuni, inklużi żoni ġeografiċi mingħajr strutturi li għandhom kompetenzi amministrattivi, il-prevenzjoni ta’ kwalunkwe diverġenza jew ta’ kwalunkwe dewmien fl-iżvilupp ekonomiku mqabbla mar-reġjuni tal-madwar, l-għajnuna għall-iżvilupp ekonomiku u l-preżervazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali għandhom ikunu żgurati b’tali mod li l-karatteristiċi tagħhom ma jinbidlux. Għal dan, dawn ir-reġjuni għandu jkollhom l-istess opportunitajiet ta’ aċċess għall-fondi differenti tal-Unjoni u l-preżervazzjoni tal-karatteristiċi tagħhom kif ukoll żvilupp ekonomiku xieraq għandu jkun iggarantit lilhom, b’tali mod li l-iżvilupp tal-Unjoni jista’ jkun sostenibbli u li d-diversità kulturali ta’ din l-aħħar tista’ tkun ippreżervata.

3        Permezz tad-Deċiżjoni C(2013) 4975 final tal‑25 ta’ Lulju 2013, u skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE kontenzjuża minħabba li din kienet taqa’ manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi tagħha li tippermettilha tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati.

4        Permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2016, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (T‑529/13, EU:T:2016:282), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat kontra d-Deċiżjoni C(2013) 4975 final.

5        Adita b’appell, il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (C‑420/16 P, EU:C:2019:177), annullat is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2016, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (T‑529/13, EU:T:2016:282), u, filwaqt li hija stess iddeċidiet il-kawża b’mod definittiv, annullat id-Deċiżjoni C(2013) 4975 final.

6        Fit‑30 ta’ April 2019, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2019/721, dwar il-proposta ta’ IĊE kontenzjuża (ĠU 2019, L 122, p. 55, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li permezz tagħha hija wettqet ir-reġistrazzjoni tagħha fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 211/2011.

7        Fil-premessi 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat is-suġġett u l-għanijiet tal-proposta ta’ IĊE kontenzjuża skont it-termini ppreżentati fil-punt 2 iktar ’il fuq.

8        Fil-premessi 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li, sabiex jiġi inkoraġġut l-użu miċ-ċittadin tal-Unjoni tal-mekkaniżmu tal-IĊE u, fl-aħħar mill-aħħar, tal-ħajja demokratika tal-Unjoni, il-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-IĊE kellhom ikunu ċari, sempliċi, faċli li jiġu applikati u proporzjonati għan-natura tal-IĊE.

9        Fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat:

“L-atti legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati jistgħu jiġu adottati fid-definizzjoni tal-kompiti, l-objettivi prijoritarji u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali li jistgħu jinvolvu r-raggruppament tal-Fondi, skont l-Artikolu 177 tat-Trattat [FUE].”

10      Fil-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-proposta ta’ IĊE kontenzjuża, “sa fejn [kellha] l-għan li tressaq proposti [minnha stess] għal atti legali li jistabbilixxu l-kompiti, l-objettivi prijoritarji u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali u sakemm l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati [wasslu] għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni”, manifestament ma kinitx toħroġ mill-ambitu tal-kompetenzi tagħha, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011.

11      Fil-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-proposta ta’ IĊE kontenzjuża kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2)(a), (c) u (d) tar-Regolament Nru 211/2011 u, fil-premessa 8, hija kkonkludiet li kien hemm lok li tiġi rreġistrata.

12      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jiddisponi dan li ġej:

“1. L-inizjattiva proposta taċ-ċittadini bit-titolu ‘Politika ta’ koeżjoni għall-ugwaljanza bejn ir-reġjuni u s-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali’ hija b’dan irreġistrata.

2. Id-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal din l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta jistgħu jinġabru, abbażi tal-fehim li timmira għal proposti mill-Kummissjoni għal atti legali li jistabbilixxu l-kompiti, l-objettivi ta’ prijorità u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali u sakemm l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni.”

13      L-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jippreċiża li din hija indirizzata lill‑organizzaturi tal-proposta ta’ IĊE kontenzjuża.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Lulju 2019, ir-Rumanija ppreżentat dan ir-rikors.

15      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fis‑27 ta’ Settembru 2019.

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Ottubru 2019, l-Ungerija talbet li tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

17      Ir-replika ġiet ippreżentata fis‑16 ta’ Diċembru 2019.

18      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Għaxar Awla tas‑7 ta’ Jannar 2020, l-Ungerija ġiet ammessa tintervjeni.

19      Il-kontroreplika kienet ġiet ippreżentata fis‑27 ta’ Jannar 2020.

20      L-Ungerija ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fit‑18 ta’ Frar 2020 u r-Rumanija ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwarha fil‑21 ta’ Mejju 2020, fit-terminu stabbilit. Il-Kummissjoni ma ppreżentatx osservazzjonijiet dwar in-nota ta’ intervent imsemmija iktar ’il fuq.

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Lulju 2020, ir-Rumanija ppreżentat talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali konformement mal-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

22      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (l-Għaxar Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, talbet lill-Kummissjoni u lill-Ungerija jippreżentaw osservazzjonijiet, jekk xtaqu jagħmlu dan, dwar l-argument tar-Rumanija rigward l-ammissibbiltà tar-rikors. Iż-żewġ partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu stabbilit.

23      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑21 ta’ Mejju 2021.

24      Ir-Rumanija titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

25      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Rumanija għall-ispejjeż.

26      L-Ungerija titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

27      Ir-Rumanija, filwaqt li indirizzat il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors mill‑perspettiva tan-natura kontestabbli tad-deċiżjoni kkontestata u minn dik tal‑eżistenza ta’ interess ġuridiku, sostniet li l-imsemmi rikors kien ammissibbli.

28      Il-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-argument tar-Rumanija (ara l‑punt 22 iktar ’il fuq), qajmet dubji dwar l-ammissibbiltà tar-rikors.

29      B’mod iktar speċifiku, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar in-natura kontestabbli tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tista’ titqies li tikkostitwixxi att preparatorju bħala “l-ewwel stadju tal-mekkaniżmu tal-inizjattiva taċ-ċittadini” li jwassal għall-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-komunikazzjoni prevista fl-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, li tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sostniet li, skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward ta’ atti jew ta’ deċiżjonijiet li t-tfassil tagħhom isir f’diversi fażijiet, b’mod partikolari fi tmiem proċedura interna, bħala prinċipju jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament biss dawk il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata fi tmiem din il-proċedura, bl-esklużjoni ta’ miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali.

30      Sabiex tiġġustifika d-dubji tagħha, il-Kummissjoni sostniet ukoll li mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li rikors għal annullament seta’ jiġi ppreżentat, anki minn Stat Membru, kontra atti intiżi li joħolqu effetti legali li jistgħu jikkawżaw preġudizzju. Issa, skont il-Kummissjoni, fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE, huwa diffiċli li jsir magħruf liema effetti legali li jirriżultaw mill-kontenut ta’ din il-proposta ta’ IĊE jistgħu jikkawżaw dannu u lil min. Il-Kummissjoni invokat speċifikament is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2010, Franza vs Il‑Kummissjoni (T‑425/04, T‑444/04, T‑450/04 u T‑456/04, EU:T:2010:216, punt 119).

31      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ħalliet il-kwistjoni tan-natura kontestabbli tad-deċiżjoni kkontestata għall-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali.

32      Mill-banda l-oħra, il-Kummissjoni qablet mal-analiżi tar-Rumanija li l-eżerċizzju mill-Istati Membri tad-dritt li jippreżentaw rikors għal annullament kontra att tal-Unjoni ma huwiex suġġett għall-prova ta’ interess ġuridiku.

33      L-Ungerija, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-argument tar-Rumanija (ara l-punt 22 iktar ’il fuq), kienet favur l-ammissibbiltà tar-rikors billi sostniet, b’mod partikolari, li d-deċiżjoni kkontestata kienet tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat. L-Ungerija qieset ukoll li kien iġġustifikat li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni legali sabiex tneħħi kull inċertezza.

34      Mill-argumenti tat-tliet partijiet jirriżulta li dawn ma jikkontestawx li l-eżerċizzju mill-Istati Membri tad-dritt li jippreżentaw rikors għal annullament kontra att tal-Unjoni ma huwiex suġġett għall-prova ta’ interess ġuridiku. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li Stat Membru, bħar-Rumanija f’dan il-każ, jista’ jippreżenta rikors għal annullament ta’ att li jipproduċi effetti legali vinkolanti mingħajr ma jkollu juri interess ġuridiku (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, Stat Membru ma għandux juri kif att tal-Unjoni li huwa jikkontesta jipproduċi effetti legali fir-rigward tiegħu sabiex ir-rikors tiegħu jkun ammissibbli (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2012, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑154/10, EU:T:2012:452, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2010, Franza vs Il‑Kummissjoni (T‑425/04, T‑444/04, T‑450/04 u T‑456/04, EU:T:2010:216), invokata mill-Kummissjoni (ara l-punt 30 iktar ’il fuq), li, barra minn hekk, ġiet annullata fl-appell mis-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et u Il‑Kummissjoni vs Franza et (C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175), bl-ebda mod ma tikkontesta l-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq.

35      Sa fejn il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar in-natura kontestabbli tad-deċiżjoni kkontestata fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE u fid-dawl tat-talba tal-Ungerija li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi espliċitament fuq din il-kwistjoni, għandhom isiru l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

36      Minn ġurisprudenza stabbilita żviluppata fil-kuntest ta’ rikorsi għal annullament ippreżentati minn Stati Membri jew minn istituzzjonijiet jirriżulta li huma meqjusa bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE id-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Sabiex jiġi ddeterminat jekk att jipproduċix effetti legali, għandu jsir riferiment b’mod partikolari għall-għan tiegħu, għall-kontenut tiegħu, għas-sustanza tiegħu kif ukoll għall-kuntest fattwali u legali li fih ikun seħħ (ara s-sentenza tat‑23 ta’ April 2018, One of Us et vs Il‑Kummissjoni, T‑561/14, EU:T:2018:210, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan il-każ, għandu jiġi evalwat jekk id-deċiżjoni kkontestata, adottata mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 211/2011, li permezz tagħha din ipproċediet għar-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE kontenzjuża, hijiex intiża li tipproduċi effetti legali vinkolanti, li tikkostitwixxi għalhekk att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

39      F’dan ir-rigward, kif diġà ġie ppreċiżat mill-qorti tal-Unjoni (sentenza tat‑23 ta’ April 2018, One of Us et vs Il‑Kummissjoni, T‑561/14, EU:T:2018:210, punt 73), ir-Regolament Nru 211/2011, li kien applikabbli fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jistabbilixxi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-preżentazzjoni ta’ IĊE. Fil-premessa 8 tiegħu, dan jippreċiża li hija meħtieġa struttura kkaratterizzata minn minimu ta’ organizzazzjoni u, għal dan l-għan, jipprevedi l-ħolqien ta’ kumitat taċ-ċittadini, kompost minn persuni fiżiċi (l-organizzaturi) li jkunu ġejjin minn tal-inqas minn seba’ Stati Membri differenti, li huwa inkarigat mill-preparazzjoni tal-IĊE u mill-preżentazzjoni tagħha lill-Kummissjoni. Ir-Regolament Nru 211/2011 jipprevedi, fl-Artikolu 4 tiegħu, li l-proposta ta’ IĊE għandha tiġi rreġistrata mal-Kummissjoni u li din ir-reġistrazzjoni sseħħ bil-kundizzjoni li din tikkonstata li ċertu numru ta’ kundizzjonijiet, stabbiliti fid-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, jiġi ssodisfatt. Fost dawn il-kundizzjonijiet hemm dik li l-proposta ta’ IĊE inkwistjoni ma taqax manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi tal-Kummissjoni, li skonthom hija tista’ tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati (l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011). L-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 211/2011 jipprevedi li proposta ta’ IĊE li tkun ġiet irreġistrata għandha tiġi ppubblikata fir-reġistru previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tal-istess regolament.

40      Huwa biss wara r-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni li l-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ mingħand mill-inqas miljun firmatarju, li jkunu ġejjin mill-inqas minn kwart tal-Istati Membri kollha, jista’ jinbeda. Dan il-ġbir għandu jseħħ fil-kuntest ta’ proċeduri u ta’ kundizzjonijiet iddefiniti, b’mod iddettaljat, fl-Artikoli 5 sa 8 tar-Regolament Nru 211/2011. B’mod partikolari, bis-saħħa tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 211/2011, l-organizzaturi jissottomettu d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ miġbura lill-Istati Membri kkonċernati għall-verifika u għaċ-ċertifikazzjoni.

41      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 211/2011 jipprevedi l-possibbiltà għall-organizzaturi, sa fejn il-proċeduri u l-kundizzjonijiet kollha previsti mill-imsemmi regolament ikunu ġew osservati, li jippreżentaw l-IĊE lill-Kummissjoni billi jannettu magħha informazzjoni dwar kwalunkwe appoġġ u finanzjament miksub għal din l-inizjattiva. Dik l-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata fir-reġistru.

42      L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 211/2011 jipprevedi li meta l-Kummissjoni tirċievi IĊE skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament:

(a)      tippubblikaha mingħajr dewmien fir-reġistru;

(b)      tirċievi lill-organizzaturi f’livell xieraq sabiex tippermettilhom jispjegaw fid-dettall il-kwistjonijiet imqajma mill-IĊE;

(c)      fi żmien tliet xhur, tistabbilixxi f’komunikazzjoni l-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha dwar l-IĊE, l-azzjoni li biħsiebha tieħu, jekk ser tieħu, u r-raġunijiet għalfejn biħsiebha tieħu jew ma tiħux dik l-azzjoni.

43      L-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 211/2011 jipprevedi li l-komunikazzjoni msemmija iktar ’il fuq għandha tiġi nnotifikata lill-organizzaturi kif ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u għandha ssir pubblika.

44      L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 211/2011 jipprevedi, b’mod partikolari, li, fit-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 10(1)(c) tal-imsemmi regolament, l-organizzaturi jingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw l-IĊE waqt smigħ pubbliku lill-Parlament.

45      Mid-dispożizzjonijiet ippreżentati fil-punti 39 sa 44 iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE, bħad-deċiżjoni kkontestata f’dan il-każ, hija intiża li tipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward tal-organizzaturi, tal-istituzzjonijiet u tal-Istati Membri kkonċernati.

46      Fil-fatt, fir-rigward tal-organizzaturi, id-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni msemmija iktar ’il fuq tagħti lok għall-mekkaniżmu ta’ ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ u tipprovdilhom b’mod partikolari, fl-ewwel lok, id-dritt li jippreżentaw l-IĊE lill-Kummissjoni u li jesponuh fid-dettall (ara l-punti 41 u 42(b) iktar ’il fuq), fit-tieni lok, id-dritt li l-Kummissjoni tintalab tippreżenta l-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011 (ara l-punt 42(c) iktar ’il fuq) u, fit-tielet lok, id-dritt li l-IĊE tiġi ppreżentata waqt seduta pubblika lill-Parlament (ara l-punt 44 iktar ’il fuq). Id-drittijiet imsemmija iktar ’il fuq, maħluqa fir-rigward tal-organizzaturi, jikkostitwixxu fl-istess ħin obbligi għall-istituzzjonijiet ikkonċernati, jiġifieri għall-Kummissjoni u għall-Parlament, sa fejn il-Kummissjoni hija obbligata li tirċievi l-organizzaturi u li tippreżenta l-komunikazzjoni msemmija iktar ’il fuq u l-Parlament huwa obbligat li jorganizza s-seduta pubbliku msemmi iktar ’il fuq.

47      Fir-rigward tal-Istati Membri kkonċernati, id-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE toħloq fil-konfront tagħhom l-obbligu li jawtorizzaw il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ, li jivverifikawhom u li jiċċertifikawhom (ara l-punt 40 iktar ’il fuq).

48      Id-dubji tal-Kummissjoni dwar in-natura kontestabbli tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex fondati.

49      F’dan ir-rigward, għandha tiġi miċħuda l-analiżi li d-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE tikkostitwixxi att preparatorju jew intermedju li l-għan tiegħu huwa li jipprepara l-adozzjoni tal-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011 (ara l-punt 29 iktar ’il fuq).

50      Fil-fatt, hekk kif il-qorti tal-Unjoni diġà kkonstatat, minn naħa, l-għan tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni huwa li jiġi evitat li l-organizzaturi jagħmlu sforzi inutli għal IĊE li, qabelxejn, ma tistax twassal għar-riżultat mixtieq u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni li tiġi rreġistrata proposta ta’ IĊE timplika l-ewwel evalwazzjoni tagħha fuq il-livell legali u ma tippreġudikax l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-komunikazzjoni adottata abbażi tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, li tinkludi biss il-“konklużjonijiet legali u politiċi” tagħha dwar l-IĊE, l-azzjoni li biħsiebha tieħu, jekk ser tieħu, u r-raġunijiet għalfejn biħsiebha tieħu jew ma tiħux dik l-azzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2018, One of Us et vs Il‑Kummissjoni, T‑561/14, EU:T:2018:210, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni (C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punt 70), ippreċiżat li l-valur miżjud partikolari tal-mekkaniżmu tal-IĊE jinsab mhux fiċ-ċertezza tal-eżitu tiegħu, iżda fil-possibbiltajiet u fl-opportunitajiet li dan joħloq għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jingħata bidu għal dibattitu politiku fi ħdan l-istituzzjonijiet tagħha mingħajr ma jkollhom jistennew li tinbeda proċedura leġiżlattiva. Issa, kif tinnota ġustament il-Kummissjoni, id-dibattitu politiku kemm maċ-ċittadini kif ukoll mal-istituzzjonijiet iseħħ, b’mod partikolari, matul il-kampanja intiża sabiex jinġabru d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ, waqt il-laqgħa mal-Kummissjoni u waqt is-seduta pubblika fil-Parlament. B’hekk jirriżulta li dan id-dibattitu politiku jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni u mill-proċedura sussegwenti u jseħħ qabel ma l-Kummissjoni tadotta l-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011.

52      B’hekk jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE tikkostitwixxi r-riżultat ta’ stadju speċifiku fil-proċess ta’ IĊE li jipproduċi effetti legali vinkolanti distinti minn dawk prodotti mill-komunikazzjoni prevista fl-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, li barra minn hekk tikkostitwixxi wkoll att li jista’ jiġi kkontestat, konformement mas-sentenza tat‑23 ta’ April 2018, One of Us et vs Il‑Kummissjoni (T‑561/14, EU:T:2018:210).

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li d‑deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal‑Artikolu 263 TFUE u li dan ir-rikors huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

54      Ir-Rumanija tinvoka żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 u t‑tieni wieħed fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Qabelxejn għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

55      Ir-Rumanija ssostni, preliminarjament, li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-kuntest tal-eżami tal-osservanza tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 u li, konsegwentement, l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha huwa ta’ importanza fundamentali.

56      F’dan il-kuntest, fl-ewwel lok, ir-Rumanija tikkritika lill-Kummissjoni talli ma esponietx, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom hija kompetenti sabiex tippromwovi atti li jirrigwardaw is-suġġett u l-għanijiet tal-proposta ta’ IEĊ kontenzjuża, kif identifikati f’dik id-deċiżjoni.

57      Fit-tieni lok, ir-Rumanija tikkritika lill-Kummissjoni talli ma mmotivatx b’mod suffiċjenti l-approċċ tagħha, kif espost fl-Artikolu 1(2) tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkonsisti f’li jiġi ppreċiżat li l-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ favur il-proposta ta’ IĊE kontenzjuża huwa awtorizzat “abbażi tal-fehim li timmira għal proposti mill-Kummissjoni għal atti legali li jistabbilixxu l-kompiti, l-objettivi ta’ prijorità u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali u sakemm l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni”.

58      Skont ir-Rumanija, il-motivazzjoni tal-approċċ imsemmi iktar ’il fuq tal-Kummissjoni hija meħtieġa fid-dawl, minn naħa, tal-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kkaratterizzat, b’mod partikolari, mill-fatt li l-Kummissjoni kienet inizjalment irrifjutat, permezz tad-Deċiżjoni C(2013) 4975 final, ir-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE kontenzjuża u li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (C‑420/16 P, EU:C:2019:177), ma kinitx irrilevat żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni f’dik id-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 211/2011, id-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE għandha tkun ibbażata fuq l-analiżi eżatta tas-suġġett u tal-għanijiet tagħha, anki jekk l-imsemmija analiżi ssir b’mod astratt u mhux konkret. Ir-Rumanija tosserva li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni tidher li rreġistrat il-proposta ta’ IĊE kontenzjuża mingħajr ma kienet taf din x’kienet verament tirrigwarda.

59      Ir-Rumanija tikkonkludi li d-deċiżjoni kkontestata ma tispjegax għalfejn ir-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE kontenzjuża kienet possibbli u li l-Kummissjoni kisret f’dan il-każ l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

60      Il-Kummissjoni u l-Ungerija jikkontestaw l-argumenti tar-Rumanija.

61      Għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ atti ġuridiċi previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE japplika għal kull att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 42). Minn dan isegwi li, minkejja l-fatt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 211/2011 isemmi l-obbligu tal-Kummissjoni li tinforma lill-organizzaturi bir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha biss meta hija tirrifjuta li tirreġistra l-proposta ta’ IĊE, id-deċiżjoni kkontestata hija suġġetta għall-obbligu ta’ motivazzjoni anki sa fejn hija tinkludi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirreġistra l-proposta ta’ IĊE kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni, T‑391/17, taħt appell, EU:T:2019:672, punt 79).

62      Skont ġurisprudenza stabbilita dwar l-Artikolu 296 TFUE, il-motivazzjoni ta’ atti ġuridiċi għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Kif jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Ma huwiex meħtieġ li l‑motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti sa fejn il‑kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att issodisfatx ir-rekwiżiti tal‑Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal‑formulazzjoni ta’ dan l-att, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Barra minn hekk, huwa neċessarju li ssir id-distinzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn dan huwa formalità sostanzjali tal-istħarriġ tal-fondatezza tar‑raġunijiet, li jaqa’ taħt l-istħarriġ tal-legalità fil-mertu tal-att u jippreżumi li l‑qorti tivverifika jekk ir-raġunijiet li fuqhom l-att huwa bbażat humiex ivvizzjati bi żbalji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punti 66 sa 68).

65      Għandu jitfakkar ukoll li, kif il-qorti tal-Unjoni diġà nnotat, il-Kummissjoni ma għandhiex setgħa diskrezzjonali wiesgħa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE, peress li l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 211/2011 jistabbilixxi li l-imsemmija istituzzjoni “tirreġistra” proposta ta’ IĊE meta l‑kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2)(a) sa (d) ta’ dan ir-regolament ikunu ssodisfatti, jiġifieri b’mod partikolari meta l-proposta ta’ IĊE inkwistjoni ma tkunx manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi tal-Kummissjoni li abbażi tagħhom hija tista’ tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati. Għall-kuntrarju, jekk, wara l-ewwel analiżi, ikun jidher ċar li din il-kundizzjoni tal-aħħar ma tkunx issodisfatta, il-Kummissjoni għandha “tirrifjuta” li tirreġistra l-proposta ta’ IĊE inkwistjoni kif stipulat fl‑ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 211/2011 (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni, T‑391/17, taħt appell, EU:T:2019:672, punt 84). L-argument tar-Rumanija ppreżentata fil-punt 55 iktar ’il fuq għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

66      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 61 sa 65 iktar ’il fuq li għandu jiġi evalwat f’dan il-każ jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex motivata suffiċjentement skont il-liġi.

67      Fir-rigward tal-kuntest li fih ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni, inizjalment, permezz tad-Deċiżjoni C(2013) 4975 final, irrifjutat li tirreġistra l-proposta ta’ IĊE kontenzjuża għar-raġuni li din kienet taqa’ manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi tagħha, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011.

68      Il-Kummissjoni rrilevat li l-għan prinċipali tal-proposta ta’ IĊE kontenzjuża kien li tiġi żgurata l-“ugwaljanza tar-reġjuni u s-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali” billi tingħata “attenzjoni partikolari lir-reġjuni li, permezz tal-karatteristiċi nazzjonali, etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi tagħhom, [kienu] jiddistingwixxu ruħhom minn reġjuni tal-viċinat”. Il-Kummissjoni qieset li l-Artikoli 174 sa 178 TFUE, imsemmija fil-proposta msemmija iktar ’il fuq bħala dispożizzjonijiet tat-Trattati rilevanti għall-azzjoni proposta, ma setgħux iservu bħala bażijiet legali għall-finijiet tal-adozzjoni tal-att ġuridiku propost, peress li l-miżuri kollha adottati abbażi tal-politika ta’ koeżjoni kellhom ikollhom bħala għan it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif iddefinita fl-Artikolu 174 TFUE. Skont il-Kummissjoni, it-titjib tas-sitwazzjoni tal-minoranzi nazzjonali ma setax jinftiehem bħala li jikkontribwixxi sabiex “tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji” u r-ritard ta’ ċerti reġjuni, kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li l-lista ta’ “żvantaġġi” elenkati fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE, li jwasslu għal obbligu li tingħata “attenzjoni partikolari” lil reġjun partikolari, kienet eżawrjenti.

69      Din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ġiet ivvalidata mill-Qorti Ġenerali li ċaħdet ir-rikors għal annullament kontra tagħha (sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2016, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, T‑529/13, EU:T:2016:282).

70      Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (C‑420/16 P, EU:C:2019:177), annullat is-sentenza msemmija fil-punt 69 iktar ’il fuq.

71      Fl-ewwel lok, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi kjarifiki fir-rigward tal-obbligi tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżami tal-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, fakkret li din il-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni għandha tiġi interpretata u applikata mill-Kummissjoni b’mod li jiġi żgurat aċċess faċli għall-IĊE. Għalhekk, huwa biss fil-każ li proposta ta’ IĊE tkun, fid-dawl tas-suġġett tagħha u tal-għanijiet tagħha, kif jirriżultaw mill-informazzjoni obbligatorja u, jekk ikun il-każ, mill-informazzjoni addizzjonali mogħtija mill-organizzaturi b’applikazzjoni tal-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011, taqa’ manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi li bis-saħħa tagħhom il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati, li l-Kummissjoni tista’ tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ din il-proposta ta’ IĊE taħt l-Artikolu 4(2)(b) tal-imsemmi regolament (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punti 53 u 54).

72      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kwistjoni dwar jekk il-miżura proposta fil-kuntest ta’ IĊE taqax fil-kuntest tal-kompetenzi tal-Kummissjoni ma tikkostitwixxix, prima facie, punt ta’ fatt jew evalwazzjoni ta’ prova suġġetta, bħala tali, għar-regoli dwar l-oneru tal-prova, iżda tikkostitwixxi essenzjalment kwistjoni ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati inkwistjoni. B’hekk, meta titressaq applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE quddiemha, il-Kummissjoni f’dan l-istadju ma hijiex meħtieġa tivverifika li tressqet il-prova tal-punti ta’ fatt invokati kollha u lanqas ma hija meħtieġa tivverifika li l-motivazzjoni li fuqha tkun ibbażata l-proposta u l-miżuri proposti hija suffiċjenti. Hija għandha sempliċement teżamina, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-osservanza tal-kundizzjoni għal reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, jekk, minn perspettiva oġġettiva, tali miżuri kkunsidrati b’mod astratt jistgħux jiġu adottati fuq il-bażi tat-Trattati (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punti 61 u 62).

73      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta qieset li, għar-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE kontenzjuża, l-organizzaturi kienu obbligati jipproduċu l-prova li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 kienet issodisfatta. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni msemmija iktar ’il fuq u tar-responsabbiltajiet bejn l-organizzaturi ta’ IĊE u l-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċess ta’ reġistrazzjoni li jirriżulta minn dan (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punti 63 u 72).

74      Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja stħarrġet l-interpretazzjoni tal-Artikolu 174 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2)(ċ) TFUE, magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza msemmija fil-punt 69 iktar ’il fuq. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat dan li ġej:

“68. […] huwa minnu li l-Artikolu 174 TFUE jiddeskrivi l-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni f’termini ġenerali u jagħti lill-Unjoni marġni ta’ manuvra wiesa’ fir-rigward tal-azzjoni li tista’ tieħu fil-qasam tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali filwaqt li tittieħed interpretazzjoni wiesgħa tar-reġjuni li jistgħu jkunu kkonċernati minn dawn l-azzjonijiet.

69. B’mod partikolari, il-lista, li tinsab fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE, tar-reġjuni ‘li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti’ għandha, kif juri l-użu tal-kliem ‘[f]ost ir-reġjuni konċernati’ u ‘bħal per eżempju’ f’din id-dispożizzjoni, natura indikattiva u mhux eżawrjenti.

70. Madankollu, u kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-punti 87 u 89 tas-sentenza tagħha, il-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi speċifiċi tar-reġjuni b’minorità nazzjonali ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu sistematikament, fir-rigward tal-iżvilupp ekonomiku, żvantaġġ fil-konfront tar-reġjuni ta’ madwarhom.

71. Minn dan isegwi li, meta fil-punti 85 sa 89 tas-sentenza appellata eskludiet li reġjun b’minorità nazzjonali jista’, fid-dawl tal-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi speċifiċi tiegħu, jagħmel sistematikament parti minn ‘reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti’, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod korrett il-kunċett ta’ ‘reġjun ikkonċernat’ li jinsab f’din id-dispożizzjoni u, għalhekk, ma wettqitx żball ta’ liġi dwar dan il-punt.”

75      Fir-raba’ lok, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet l-appell u annullat is-sentenza msemmija fil-punt 69 iktar ’il fuq abbażi tal-konklużjoni ppreżentata fil-punt 73 iktar ’il fuq (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punt 73).

76      Fil-ħames lok, il-Qorti tal-Ġustizzja, billi qieset li l-kawża kienet fi stat li tiġi deċiża, annullat id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE kontenzjuża, meħuda mill-Kummissjoni. B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-konstatazzjoni li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta qieset li, għar-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni, l-appellanti kienu obbligati li jipproduċu l-prova li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 kienet issodisfatta, qieset li l-aggravju tal-appellanti, ibbażat fuq il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni, kien fondat. Minn din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE kontenzjuża, meħuda mill-Kummissjoni, kellha tiġi annullata (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punti 74 sa 77).

77      Kien wara s-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (C‑420/16 P, EU:C:2019:177), li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha hija rreġistrat il-proposta ta’ IĊE kontenzjuża.

78      Mill-formulazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 7 sa 13 iktar ’il fuq) jirriżulta li, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni identifikat is-suġġett u l-għanijiet tal-proposta ta’ IĊE kontenzjuża. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni wettqet l-analiżi legali preliminari meħtieġa, minn naħa, billi identifikat, fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-bażi legali li tippermettilha tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni sabiex tagħti segwitu għall-IĊE kontenzjuża, jiġifieri l-Artikolu 177 TFUE u, min-naħa l-oħra, billi ppreċiżat, fil-premessa 6 kif ukoll fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, li l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati wara din l-IĊE kellhom ikunu intiżi għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ dik l-analiżi, identifikat il-limiti tal-kompetenza tal-Unjoni fir-rigward tal-proposta ta’ IĊE kontenzjuża.

79      Fid-dawl tal-formulazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tal-kuntest tal-adozzjoni tagħha u tar-regoli ġuridiċi rilevanti f’dan il-qasam, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata hija motivata b’mod suffiċjenti skont il-liġi. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-ilmenti tar-Rumanija.

80      Fir-rigward, qabelxejn, tal-ewwel ilment tar-Rumanija, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma esponietx ir-raġunijiet li għalihom hija kompetenti sabiex tipproponi l-adozzjoni ta’ att ġuridiku tal-Unjoni li jsegwi l-IĊE kontenzjuża (punt 56 iktar ’il fuq), mill-formulazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-proposta ta’ IĊE kontenzjuża kienet tirrigwarda l-politika ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni, imsemmija fit-Titolu XVIII tat-tielet parti tat-Trattat FUE, u li l-Artikolu 177 TFUE seta’ jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att tal-Unjoni li jsegwi l-IĊE kontenzjuża. Il-Kummissjoni esponiet ukoll, fil-premessa 6 u fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, il-limiti tal-kompetenza tal-Unjoni f’dan il-qasam. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel ilment tar-Rumanija ma huwiex fondat u għandu jiġi miċħud.

81      Fil-kuntest tat-tieni lment tagħha (punti 57 u 58 iktar ’il fuq), ir-Rumanija ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata ma tispjegax b’mod suffiċjenti l-bidla fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-proposta ta’ IĊE kontenzjuża, ikkonfermata mill-fatt li l-Kummissjoni kienet inizjalment irrifjutat ir-reġistrazzjoni tagħha fil-kuntest tad-Deċiżjoni C(2013) 4975 final.

82      Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li dan it-tieni lment ma huwiex fondat. Fil-fatt, għandu jiġi nnotat li l-bidla fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni tista’ tiġi spjegata fis-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (C‑420/16 P, EU:C:2019:177), li tagħmel parti mill-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

83      L-ewwel, fis-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (C‑420/16 P, EU:C:2019:177), il-Qorti tal-Ġustizzja invalidat l-analiżi tal-Kummissjoni, adottata fid-Deċiżjoni C(2013) 4975 final, li skontha l-lista li tinsab fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE tar-reġjuni “li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti” għandha natura eżawrjenti. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-lista għandha natura indikattiva.

84      It-tieni, fis-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punt 62), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, meta titressaq quddiem il-Kummissjoni talba għar-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE, hija għandha tillimita ruħha li teżamina jekk, minn perspettiva oġġettiva, u mingħajr verifika tal-punti ta’ fatt invokati u tas-suffiċjenza tal-motivazzjoni sottostanti din il-proposta u l-miżuri proposti, tali miżuri, ikkunsidrati b’mod astratt, jistgħux jiġu adottati abbażi tat-Trattati.

85      It-tielet, permezz tas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punt 62), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat mhux biss is-sentenza tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt 4 iktar ’il fuq, iżda wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 4975 final. Għaldaqstant, din kellha tadotta deċiżjoni ġdida fir-rigward tal-proposta ta’ IĊE kontenzjuża, li tislet il-konsegwenzi kollha tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija iktar ’il fuq.

86      L-elementi ppreżentati fil-punti 83 sa 85 iktar ’il fuq, magħrufa mir-Rumanija, jispjegaw il-fatt li l-Kummissjoni, minkejja l-pożizzjoni inizjali tagħha espressa fid-Deċiżjoni C(2013) 4975 final, finalment irreġistrat il-proposta ta’ IĊE kontenzjuża bid-deċiżjoni kkontestata. Dawn l-elementi jispjegaw ukoll l-approċċ tagħha, fil-premessa 6 u fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkonsisti f’li jiġi espost il-qasam li fih atti ġuridiċi tal-Unjoni jistgħu jiġu adottati (“sakemm l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni”), li jikkorrispondi għall-qasam li fih il-preżentazzjoni ta’ atti ġuridiċi hija mitluba mill-organizzaturi tal-IĊE kontenzjuża (“[il-proposta ta’ IĊE kontenzjuża], sa fejn għandha l-għan li tressaq proposti mill-Kummissjoni għal atti legali li jistabbilixxu l-kompiti, l-objettivi prijoritarji u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali”), sabiex minnhom tiddeduċi li l-proposta ta’ IĊE kontenzjuża ma hijiex manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi tagħha fis-sens tal l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011.

87      Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-Rumanija li l-Kummissjoni tidher li rreġistrat il-proposta ta’ IĊE kontenzjuża mingħajr ma kienet taf x’kienet tirrigwarda realment (ara l-punt 58 iktar ’il fuq), din l-allegazzjoni iktar tikkonċerna l-mertu tal-kawża u hija indirizzata fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv.

88      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011

89      Ir-Rumanija ssostni li l-proposta ta’ IĊE kontenzjuża hija manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi tal-Kummissjoni li abbażi tagħhom hija tista’ tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, u li, konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata tikser din id-dispożizzjoni.

90      Fl-ewwel lok, ir-Rumanija ssostni li l-Artikoli 174 sa 178 TFUE dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni ma jikkostitwixxux bażijiet legali validi għal azzjoni tal-Unjoni fis-sens previst mill-proposta ta’ IĊE kontenzjuża.

91      F’dan ir-rigward, ir-Rumanija ssostni li, fil-qasam tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali (li fih taqa’ l-proposta ta’ IĊE kontenzjuża), l-Unjoni tista’ tilħaq l-għan ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni li jappartjenu lill-minoranzi nazzjonali biss sa fejn l-iskop tal-politika ta’ koeżjoni stabbilita mit-Trattat isegwi t-twettiq tal-imsemmi għan. Kull metodu ieħor ta’ azzjoni jikser il-prinċipju ta’ attribuzzjoni, espress fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 5(1) u (2) TUE.

92      Issa, skont ir-Rumanija, il-politika ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali hija intiża għall-iżvilupp armonjuż tal-Unjoni kollha permezz, b’mod partikolari, tat-tnaqqis tad-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni differenti u tar-ritard tar-reġjuni l-inqas iffavoriti. Skont ir-Rumanija, dak li huwa rilevanti għal azzjoni li taqa’ fil-kuntest ta’ din il-politika huwa l-kriterju tal-livell ta’ żvilupp tar-reġjuni differenti u mhux dak tal-karatteristiċi nazzjonali, etniċi, kulturali, reliġjużi u lingwistiċi tar-reġjuni. Barra minn hekk, ma tistax tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ rabta valida u sistematika bejn il-kompożizzjoni etnika ta’ ċerti reġjuni u l-livell ta’ żvilupp tagħhom meta mqabbla mar-reġjuni tal-viċinat.

93      Ir-Rumanija tikkonkludi li l-kriterju relatat mal-partikolaritajiet tar-reġjuni popolati minn minoranzi nazzjonali ma huwiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-livell ta’ żvilupp ta’ reġjun, b’tali mod li ma jista’ jkollu l-ebda rwol fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni. Għaldaqstant, att ibbażat fuq tali kriterju ma jippermettix li jintlaħqu l-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni intiżi sabiex titnaqqas id-differenza bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni differenti tal-Unjoni u, konsegwentement, ma jistax ikun ibbażat fuq l-Artikoli 174 sa 178 TFUE.

94      F’dan il-kuntest, ir-Rumanija tinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (C‑420/16 P, EU:C:2019:177), ma indirizzatx il-kwistjoni dwar jekk il-miżuri koperti mill-proposta ta’ IĊE kontenzjuża u “[i]kkunsidrati b’mod astratt jistgħux jiġu adottati fuq il-bażi tat-Trattati”. Mill-banda l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-analiżi tal-Qorti Ġenerali li skonta reġjun b’minoranza nazzjonali ma setax, fid-dawl tal-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi speċifiċi tiegħu, jagħmel sistematikament parti minn “reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti”, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE. Minn dan, ir-Rumanija tiddeduċi li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li leġiżlazzjoni fis-sens previst mill-organizzaturi ma tistax tkun ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-politika ta’ koeżjoni.

95      Fit-tieni lok, ir-Rumanija ssostni li l-formulazzjoni tal-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata tiżvela l-eżistenza ta’ riżerva fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Din ir-riżerva tindika li, skont il-Kummissjoni, is-suġġett u l-għanijiet tal-proposta ta’ IĊE kontenzjuża ma humiex ċari u lanqas ma jidher b’mod ċar b’liema mod dawn jistgħu jintlaħqu permezz tal-adozzjoni ta’ atti ġuridiċi bbażati fuq l-Artikoli 174 sa 178 TFUE. Issa, dan l-approċċ tal-Kummissjoni ma huwiex konformi mar-Regolament Nru 211/2011. Skont ir-Rumanija, id-deċiżjoni li tiġi rreġistrata proposta ta’ IĊE għandha tkun ibbażata fuq l-analiżi eżatta tas-suġġett u tal-għanijiet tagħha, anki jekk l-imsemmija analiżi ssir b’mod astratt u mhux konkret. Din l-analiżi ma tistax tiġi posposta għal stadju ulterjuri tal-perkors tal-IĊE, bħal dak stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 211/2011.

96      Fir-replika, ir-Rumanija, li tiżviluppa iktar l-argument ippreżentat fil-punt 95 iktar ’il fuq, tikkritika lill-Kummissjoni li tirreferi biss għal parti mnaqqsa tal-informazzjoni pprovduta mill-organizzaturi dwar l-IĊE kontenzjuża, jiġifieri l-għan ġenerali u vag iddikjarat, u b’hekk interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “analiżi fl-astratt” li għalih il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment fis-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (C‑420/16 P, EU:C:2019:177). Ir-Rumanija ssostni li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni kemm l-informazzjoni obbligatorja kif ukoll l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-organizzaturi skont l-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011 u li, f’dak il-kuntest, l-identifikazzjoni korretta tas-suġġett u tal-għanijiet reali tal-proposta ta’ IĊE kontenzjuża tikkostitwixxi kundizzjoni sine qua non tal-identifikazzjoni tal-qasam tal-kompetenza tal-Unjoni jew tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni eventwalment adottat.

97      B’mod iktar speċifiku, ir-Rumanija ssostni li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-proposta ta’ IĊE kontenzjuża kienet issemmi n-neċessità tat-tfassil ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “reġjun b’minoranza nazzjonali” kif ukoll ta’ lista ta’ dawn ir-reġjuni. Il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li t-traspożizzjoni tal-proposta ta’ IĊE kontenzjuża fil-leġiżlazzjoni Ewropea kienet tippreżumi l-konfigurazzjoni mill-ġdid tas-sistema statistika kollha prevista fir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 196), u l-modifika tal-metodu ta’ organizzazzjoni amministrattiva fil-livell tal-Istati Membri f’konfigurazzjoni territorjali ġdida li kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterju etniku, reliġjuż, lingwistiku jew kulturali. Issa, skont ir-Rumanija, l-organizzazzjoni amministrattiva u territorjali tal-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tagħhom u, skont l-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni għandha l-obbligu li tosserva l-ordni kostituzzjonali tal-Istati Membri.

98      Abbażi tal-argument ippreżentat iktar ’il fuq, ir-Rumanija tikkonkludi li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011.

99      Il-Kummissjoni u l-Ungerija jikkontestaw l-argument tar-Rumanija.

100    Qabel ma jiġu indirizzati speċifikament l-ilmenti fformulati mir-Rumanija lejn il-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan il-motiv, għandhom jitfakkru l-karatteristiċi tal-eżami li l-Kummissjoni għandha twettaq skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011.

101    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE għandha tiġi interpretata u applikata mill-Kummissjoni b’mod li jiġi żgurat aċċess faċli għall-IĊE. Għalhekk, huwa biss fil-każ li proposta ta’ IĊE tkun, fid-dawl tas-suġġett tagħha u tal-għanijiet tagħha kif jirriżultaw mill-informazzjoni obbligatorja u, jekk ikun il-każ, mill-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-organizzaturi, taqa’ manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi li bis-saħħa tagħhom il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati li l-Kummissjoni tista’ tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ din il-proposta ta’ IĊE skont l-Artikolu 4(2)(b) tal-imsemmi regolament (ara l-punt 71 iktar ’il fuq).

102    Barra minn hekk, teżisti distinzjoni bejn l-eżami li l-Kummissjoni għandha twettaq skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 u dak li għandha twettaq skont l-Artikolu 10(1)(c) tal-istess regolament.

103    Skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, il-Kummissjoni għandha tillimita ruħha li teżamina jekk, minn perspettiva oġġettiva, il-miżuri proposti fil-kuntest tal-IĊE inkwistjoni, ikkunsidrati b’mod astratt, jistgħux jiġu adottati abbażi tat-Trattati. F’dan l-istadju, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tivverifika li tiġi prodotta l-prova tal-punti ta’ fatt invokati kollha u lanqas li l-motivazzjoni li fuqha hija bbażata l-proposta u l-miżuri proposti hija suffiċjenti (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punt 62).

104    Id-deċiżjoni li tiġi rreġistrata proposta ta’ IĊE timplika evalwazzjoni inizjali tagħha fuq il-livell legali u ma tippreġudikax l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-komunikazzjoni adottata abbażi tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, peress li din il-komunikazzjoni tinkludi l-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni li tippreżenta jew le proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni bħala tweġiba għall-IĊE inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2018, One of Us et vs Il‑Kummissjoni, T‑561/14, EU:T:2018:210, punti 77, 79 u 117).

105    Mill-kunsiderazzjonijiet ippreżentati fil-punti 100 sa 104 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE biss jekk, waqt l-eżami mwettaq fil-kuntest tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, hija tasal għall-konklużjoni li jista’ jiġi totalment eskluż li hija tista’ tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati. Mill-banda l-oħra, jekk il-Kummissjoni ma tistax tasal għal tali konklużjoni, hija għandha l-obbligu li tirreġistra l-proposta ta’ IĊE inkwistjoni.

106    Il-konklużjoni ppreżentata fil-punt 105 iktar ’il fuq hija kkorroborata mill-kjarifika tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-valur miżjud partikolari tal-mekkaniżmu tal-IĊE jinsab mhux fiċ-ċertezza tal-eżitu tiegħu, iżda fil-possibbiltajiet u fl-opportunitajiet li dan joħloq għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jingħata bidu għal dibattitu politiku fi ħdan l-istituzzjonijiet tagħha mingħajr ma jkollhom jistennew li tinbeda proċedura leġiżlattiva (ara l-punt 51 iktar ’il fuq). Minn din il-kjarifika jirriżulta li l-Kummissjoni, anki fil-preżenza ta’ dubji kbar fir-rigward tal-fatt dwar jekk il-proposta ta’ IĊE inkwistjoni taqax fl-ambitu tal-kompetenzi tagħha fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, għandha tirreġistra l-imsemmija proposta sabiex tippermetti d-dibattitu politiku fi ħdan l-istituzzjonijiet, li jingħata bidu wara din ir-reġistrazzjoni.

107    Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ippreżentati fil-punti 101 sa 106 iktar ’il fuq li għandhom jiġu evalwati l-ilmenti tar-Rumanija.

108    F’dak li jirrigwarda l-ilment tar-Rumanija, ippreżentat fil-punti 95 sa 97 iktar ’il fuq, li skontu l-Kummissjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha pprovduta mill-organizzaturi fil-proposta ta’ IĊE kontenzjuża u, essenzjalment, ma kinitx identifikat b’mod korrett il-kontenut ta’ din il-proposta, għandu jiġi nnotat, preliminarjament, li, skont il-ġurisprudenza, l-informazzjoni dwar is-suġġett u dwar l-għanijiet tal-proposta ta’ IĊE mogħtija mill-organizzaturi tal-IĊE, jew b’mod obbligatorju, jew b’mod fakultattiv, konformement mal-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni waqt l-eżami mwettaq bis-saħħa, b’mod partikolari, tal-Artikolu 4(2)(b) ta’ dan ir-regolament (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punti 51 u 54). Barra minn hekk, ġie ppreċiżat li, meta, konformement mal-Anness II msemmi iktar ’il fuq, l-organizzaturi tal-IĊE jehmżu bħala anness mal-proposta tagħhom, kif għamlu f’dan il-każ, informazzjoni iktar iddettaljata dwar is-suġġett, dwar l-għanijiet u dwar il-kuntest tagħha, il-Kummissjoni hija obbligata teżamina din l-informazzjoni b’reqqa u b’imparzjalità (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 35).

109    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, fil-premessi 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat is-suġġett u l-għanijiet ta’ din il-proposta billi rriproduċiet l-informazzjoni obbligatorja pprovduta mill-organizzaturi skont l-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011 (ara l-punt 2 iktar ’il fuq).

110    Fit-tieni lok, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 177 TFUE, identifikat mill-Kummissjoni fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata bħala bażi legali potenzjali tal-atti ġuridiċi tal-Unjoni li jistgħu jiġu adottati bħala segwitu li għandu jingħata lill-IĊE kontenzjuża, kien jinsab fost id-dispożizzjonijiet iċċitati mill-organizzaturi fil-proposta ta’ IĊE kontenzjuża, skont l-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011, bħala dispożizzjonijiet rilevanti għall-azzjoni proposta.

111    Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni rreġistrat il-proposta ta’ IĊE kontenzjuża “abbażi tal-fehim li timmira għal proposti [minnha nnifisha] għal atti legali li jistabbilixxu l-kompiti, l-objettivi ta’ prijorità u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali” u “sakemm l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni” (Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata).

112    L-elementi ppreżentati fil-punti 108 sa 111 iktar ’il fuq, eżaminati fid-dawl tal-informazzjoni kollha pprovduta mill-organizzaturi tal-proposta ta’ IĊE kontenzjuża, juru li l-Kummissjoni, konformement mas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punt 62), eżaminat, minn perspettiva oġġettiva, il-miżuri proposti, ikkunsidrati b’mod astratt, billi llimitat ruħha, essenzjalment, li tippreżenta s-suġġett u l-għanijiet tal-proposta ta’ IĊE kontenzjuża u li tikkonstata li din il-proposta kienet taqa’ taħt il-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni. Ikkunsidrata b’dan il-mod, il-proposta ta’ IĊE kontenzjuża hija ppreżentata b’mod korrett fid-deċiżjoni kkontestata u ma jista’ jiġi kkonstatat l-ebda żnaturament tal-kontenut tagħha.

113    Huwa minnu li, kif tirrileva r-Rumanija, l-organizzaturi tal-IĊE kontenzjuża semmew, fil-kuntest tal-informazzjoni addizzjonali u fakultattiva kkomunikata konformement mal-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011, in-neċessità li l-att ġuridiku tal-Unjoni, adottat wara l-IĊE kontenzjuża, jinkludi definizzjoni tal-kunċett ta’ “reġjuni b’minoranza etnika jew nazzjonali” kif ukoll lista ta’ dawn ir-reġjuni. L-organizzaturi semmew ukoll in-neċessità li, fid-determinazzjoni tar-reġjuni msemmija fir-Regolament Nru 1059/2003, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fruntieri etniċi, reliġjużi, lingwistiċi jew kulturali tagħhom.

114    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li mill-informazzjoni kollha kkomunikata mill-organizzaturi kien jirriżulta li l-elementi ppreżentati fil-punt 113 iktar ’il fuq kienu jikkostitwixxu, fil-fehma tagħhom, mezzi sabiex jintlaħaq l-għan tal-IĊE kontenzjuża, kif deskritt fil-premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Minn dan isegwi li, sa fejn il-Kummissjoni, waqt l-evalwazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, kienet obbligata legalment li teżamina, minn perspettiva oġġettiva, il-miżuri proposti, ikkunsidrati b’mod astratt, mingħajr ma setgħet tivverifika li ġiet prodotta l-prova tal-punti ta’ fatt invokati kollha u lanqas li l-motivazzjoni li fuqha hija bbażata l-proposta ta’ IĊE kontenzjuża u l-miżuri proposti kienet suffiċjenti (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punt 62), għandu jiġi konkluż li la ntwera li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha pprovduta mill-organizzaturi tal-proposta ta’ IĊE kontenzjuża, inkluża l-informazzjoni addizzjonali u fakultattiva, u lanqas li din żnaturat il-kontenut ta’ din il-proposta.

115    Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Rumanija li l-Kummissjoni kienet rabtet l-evalwazzjoni tagħha ma’ “riżerva” li, essenzjalment, tmur kontra r-Regolament Nru 211/2011 (ara l-punt 95 iktar ’il fuq).

116    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-approċċ tal-Kummissjoni li jikkonsisti fir-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE kontenzjuża “abbażi tal-fehim li timmira għal proposti [minnha nnifisha] għal atti legali li jistabbilixxu l-kompiti, l-objettivi ta’ prijorità u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali u sakemm l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni” huwa konformi mar-Regolament Nru 211/2011, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari fis-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (C‑420/16 P, EU:C:2019:177), sa fejn, kif diġà ġie nnotata, il-Kummissjoni għandha tinterpreta u tapplika l-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq b’mod li jiġi żgurat aċċess faċli għall-IĊE. Il-Kummissjoni tista’, għaldaqstant, jekk ikun hemm bżonn, twettaq “orjentazzjoni”, “klassifikazzjoni” jew anki reġistrazzjoni parzjali tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni sabiex jiġi żgurat l-aċċess faċli għaliha, bil-kundizzjoni li hija tosserva l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha u li l-kontenut ta’ din il-proposta ma jkunx żnaturat. Fil-fatt, dan il-mod ta’ kif tipproċedi jippermetti lill-Kummissjoni, minflok tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE, tirreġistraha b’mod ikklassifikat, sabiex tippreżerva l-effett utli tal-għan li għandu jintlaħaq mir-Regolament Nru 211/2011. Din il-konklużjoni tapplika iktar u iktar peress li l-organizzaturi ta’ tali proposta ma humiex bilfors ġuristi li għandhom preċiżjoni fl-espressjoni bil-miktub u l-għarfien dwar il-kompetenzi tal-Unjoni u l-kompetenzi tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-allegazzjoni tar-Rumanija li l-eżistenza ta’ “riżerva” fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tindika l-eżistenza ta’ dubji u ta’ mistoqsijiet min-naħa tagħha (ara l-punt 95 iktar ’il fuq) mhux biss ma hijiex ipprovata iżda hija wkoll ineffettiva, peress li, kif diġà ġie nnotat, l-eżistenza ta’ tali dubji u ta’ mistoqsijiet ma għandhiex tipprekludi lill-Kummissjoni milli tirreġistra l-proposta ta’ IĊE kontenzjuża.

117    Barra minn hekk, dan l-approċċ tal-Kummissjoni huwa spjegat mill-obbligu tagħha li tadotta deċiżjoni ġdida dwar il-proposta ta’ IĊE kontenzjuża wara s-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (C‑420/16 P, EU:C:2019:177), li tislet il-konsegwenzi kollha ta’ dik is-sentenza, kif ġie enfasizzat fil-punt 85 iktar ’il fuq.

118    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 108 sa 117 iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-Rumanija ppreżentat fil-punti 95 sa 97 iktar ’il fuq.

119    Fir-rigward tal-ilment tar-Rumanija, ippreżentat fil-punti 90 sa 94 iktar ’il fuq, li l-Artikoli 174 sa 178 TFUE ma jikkostitwixxux bażijiet legali validi għal azzjoni tal-Unjoni fis-sens previst mill-proposta ta’ IĊE kontenzjuża, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni, mingħajr ma wettqet żball (ara l-konklużjonijiet fil-punti 114 u 118 iktar ’il fuq), irreġistrat din il-proposta “abbażi tal-fehim li timmira għal proposti [minnha nnifisha] għal atti legali li jistabbilixxu l-kompiti, l-objettivi ta’ prijorità u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali”, peress li din il-preżentazzjoni tista’ ssir abbażi tal-Artikolu 177 TFUE (Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, moqri flimkien mal-premessa 5 tagħha).

120    Fil-fatt, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 177 TFUE jipprevedi b’mod partikolari li “il-Parlament […] u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta’ regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja […] għandhom jagħtu definizzjoni tal-kompiti, ta’ l-għanijiet prioritarji u ta’ l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali”. L-Artikolu 177 TFUE huwa mqiegħed taħt it-Titolu XVIII, intitolat “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, intitolata “Politika u azzjonijiet interni ta’ l-Unjoni”.

121    Mill-Artikolu 4(2)(ċ) TFUE jirriżulta li l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali hija fost l-oqsma ta’ kompetenzi kondiviżi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Skont l-Artikolu 2(6) TFUE, il-portata u l-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza tal-Unjoni huma ddeterminati mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu XVIII tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE.

122    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE, imqiegħed taħt it-Titolu XVIII msemmi iktar ’il fuq, jipprevedi li l-Unjoni, sabiex tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tagħha, għandha tiżviluppa u tkompli bl-azzjoni tagħha intiża għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħha.

123    It-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE jiddisponi:

“Fost ir-reġjuni konċernati, għandha tingħata attenzjoni partikolari lil żoni rurali, lil żoni milquta minn transizzjoni industrijali, u lil reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħal per eżempju r-reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b’densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna, u reġjuni insulari, reġjuni transkonfinali u reġjuni muntanjużi.”

124    Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-Artikolu 174 TFUE jiddeskrivi l-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni f’termini ġenerali u jagħti lill-Unjoni marġni ta’ manuvra wiesa’ fir-rigward tal-azzjoni li tista’ tieħu fil-qasam tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali filwaqt li tittieħed interpretazzjoni wiesgħa tar-reġjuni li jistgħu jkunu kkonċernati minn dawn l-azzjonijiet (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punt 68).

125    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-lista, li tinsab fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE, tar-reġjuni “li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti” għandha natura indikattiva, u mhux eżawrjenti (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punt 69).

126    Mill-kunsiderazzjonijiet ippreżentati fil-punti 120 sa 125 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Unjoni għandha l-kompetenza fil-qasam tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 177 TFUE jipprevedi l-adozzjoni ta’ regolamenti permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li, kif speċifikat fl-Artikolu 289(1) TFUE, tinbeda bil-preżentazzjoni ta’ proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill.

127    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball, tikkonkludi, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-proposta ta’ IĊE kontenzjuża, sa fejn din kienet tirrigwarda l-preżentazzjoni minnha nnifisha ta’ proposti għal atti ġuridiċi li jiddefinixxu l-missjonijiet, l-għanijiet prijoritarji u l-organizzazzjoni tal-fondi bi skop strutturali u sa fejn l-azzjonijiet li kellhom jiġu ffinanzjati kienu intiżi għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni, ma kinitx taqa’ manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi tagħha fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011. Din il-konklużjoni tapplika fid-dawl tal-kjarifika magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja li l-kwistjoni dwar jekk il-miżura proposta fil-kuntest ta’ IĊE taqax fl-ambitu tal-kompetenzi tal-Kummissjoni fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tikkostitwixxi, prima facie u essenzjalment, kwistjoni ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati inkwistjoni (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punt 61).

128    Huwa minnu li, kif tinnota barra minn hekk ir-Rumanija, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (C‑420/16 P, EU:C:2019:177), ivvalidat l-analiżi tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2016, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni (T‑529/13, EU:T:2016:282), li skontha l-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi speċifiċi tar-reġjuni b’minoranza nazzjonali ma jistgħux jitqiesu bħala li jikkostitwixxu sistematikament, għall-iżvilupp ekonomiku, żvantaġġ meta mqabbla mar-reġjuni tal-madwar. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk qieset li l-Qorti Ġenerali, billi eskludiet li reġjun b’minoranza nazzjonali jista’, fid-dawl tal-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi speċifiċi tiegħu, jagħmel sistematikament parti minn “reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti” fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE, interpretat b’mod korrett il-kunċett ta’ “reġjun ikkonċernat” li jinsab f’din id-dispożizzjoni (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il‑Kummissjoni, C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punti 70 u 71).

129    Dawn il-kjarifiki magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jikkontestawx il‑konklużjoni stabbilita fil-punt 127 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonkludiet li l-proposta ta’ IĊE kontenzjuża manifestament ma kinitx tmur lil hinn mill-ambitu tal-kompetenzi tagħha. Fil-fatt, minn naħa, id-deċiżjoni li tiġi rreġistrata proposta ta’ IĊE ma tippreġudikax l-evalwazzjoni mwettqa mill‑Kummissjoni fil-kuntest tal-komunikazzjoni adottata abbażi tal‑Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, li tinkludi l-“konklużjonijiet legali u politiċi” tagħha dwar l-IĊE, l-azzjoni li biħsiebha tieħu, jekk ser tieħu, u r‑raġunijiet għalfejn biħsiebha tieħu jew ma tiħux dik l-azzjoni, kif tfakkar fil‑punti 50 u 104 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, kif ippreċiżat il-Kummissjoni fir‑risposta tagħha, hija tista’, waqt il-preparazzjoni tal-imsemmija komunikazzjoni u jekk hija tqis li jkun neċessarju, teżamina, billi tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq informazzjoni fattwali, jekk u sa fejn il-karatteristiċi ta’ reġjun b’minoranza nazzjonali jista’ jkollhom impatt fuq l-iżvilupp ekonomiku jew soċjali tiegħu meta mqabbla mar‑reġjuni tal-madwar u jekk u sa fejn id‑differenzi kkonstatati bejn il-livelli ta’ żvilupp ekonomiku jew soċjali jeħtieġu azzjoni intiża għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

130    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ilment tar-Rumanija ppreżentat fil‑punti 90 sa 94 iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud u, għalhekk, dan il-motiv għandu jiġi miċħud. Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

131    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Rumanija tilfet, hija għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill‑Kummissjoni, konformement mat-talbiet tagħha.

132    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Minn dan isegwi li l‑Ungerija għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Rumanija għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      L-Ungerija għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Kornezov

Buttigieg

Kowalik‑Bańczyk

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑10 ta’ Novembru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.