Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fil-11 ta’ Marzu 2021 – GM vs Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et

(Kawża C-159/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: GM

Konvenut: Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság, Alkotmányvédelmi Hivatal, Terrorelhárítási Központ

Domandi preliminari

L-Artikolu 11(2), l-Artikolu 12(1)(d) u (2), l-Artikolu 23(1)(b) u l-Artikolu 45(1) u (3) sa (5) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil 1 , fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ʼil quddiem il-“Karta”) għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ tal-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva għal raġuni ta’ sigurtà nazzjonali, l-awtorità ta’ Stat Membru li adottat deċiżjoni, fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali, ta’ ċaħda jew ta’ rtirar ta’ protezzjoni internazzjonali bbażata fuq raġuni ta’ sigurtà nazzjonali u l-awtorità speċjalizzata li ddeterminat in-natura kunfidenzjali għandhom jiżguraw b’kull mod li l-applikant, ir-refuġjat jew il-benefiċjarju barrani ta’ protezzjoni sussidjarja, jew ir-rappreżentant legali tagħhom, ikollhom id-dritt ta’ aċċess mill-inqas għas-sustanza tal-informazzjoni jew tad-data kunfidenzjali jew tad-data klassifikata li fuqha ttieħdet id-deċiżjoni bbażata fuq l-imsemmija raġuni kif ukoll li jużaw din l-informazzjoni jew data fil-proċeduri relatati mad-deċiżjoni, meta l-awtorità responsabbli tallega li l-imsemmija komunikazzjoni tagħmel ħsara lis-sigurtà pubblika?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv, x’għandu jinftiehem eżattament bis-“sustanza” tal-motivi kunfidenzjali li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni, sabiex jiġi applikat l-Artikolu 23(1)(b) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil, fid-dawl tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta?

L-Artikolu 14(4)(a) u l-Artikolu 17(1)(d) tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Ażil u l-Artikolu 45(1)(a) u (3) sa (4) kif ukoll il-premesa 49 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil 2 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li biha l-istatus ta’ refuġjat jew ta’ benefiċjarju barrani ta’ protezzjoni sussidjarja jista’ jiġi irtirat jew eskluż permezz ta’ deċiżjoni mhux motivata, li hija bbażata esklużivament fuq riferiment awtomatiku għar-rapport vinkolanti u imperattiv tal-awtorità nazzjonali ta’ sigurtà, ukoll mhux motivata, li jiddetermina li hemm periklu għas-sigurtà nazzjonali?

Il-premessi 20 u 34, l-Artikolu 4, l-Artikolu 10(2) u (3)(d) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil kif ukoll l-Artikolu 14(4)(a) u l-Artikolu 17(1)(d) tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Ażil għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li l-awtorità speċjalizzata teżamina l-motiv tal-esklużjoni u tieħu deċiżjoni dwar il-mertu fi proċedura li ma tikkonformax mad-dispożizzjonijiet sostantivi u proċedurali tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil u tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Ażil?

L-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Ażil għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi esklużjoni bbażata fuq ċirkustanza jew reat li kien diġà magħruf qabel l-adozzjoni tas-sentenza jew tad-deċiżjoni finali li tagħti l-istatus ta’ refuġjat iżda li ma huwiex il-bażi għal kwalunkwe motiv ta’ esklużjoni la fir-rigward tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat u lanqas fir-rigward tal-protezzjoni sussidjarja?

____________

1 Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60)

2 Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).