Language of document : ECLI:EU:T:2009:401

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Ottubru 2009 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari – Iffriżar ta’ fondi – Rikors għal annullament – Stħarriġ ġudizzjarju – Abbuż ta’ poter – Trattament ugwali – Proporzjonalità – Dritt ta’ proprjetà – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Obbligu ta’ motivazzjoni – Kompetenza tal-Komunità”

Fil-Kawża T‑390/08,

Bank Melli Iran, stabbilit f’Tehran (l-Iran), irrappreżentat minn L. Defalque, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop, E. Finnegan u R. Liudvinaviciute-Cordeiro, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn V. Jackson, bħala aġent, assistita minn S. Lee, barrister,

minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, L. Butel u E. Belliard, bħala aġenti,

u minn

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn P. Aalto u E. Cujo, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett l-annullament tal-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/475/KE, tat-23 ta’ Ġunju 2007, li timplementa l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 335M, 13.12.2008, p. 969), sa fejn jikkonċerna lill-Bank Melli Iran u lill-fergħat tiegħu,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President (Relatur), K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Ġunju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, il-Bank Melli Iran, huwa bank kummerċjali Iranjan proprjetà tal-Istat Iranjan.

 Il-miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran

2        Din il-kawża ġiet ippreżentata fil-kuntest tas-sistema ta’ miżuri restrittivi adottata sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din tal-aħħar ittemm l-attivitajiet nukleari li għandhom riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari (iktar ’il quddiem, il-“proliferazzjoni nukleari”).

3        L-oriġini tas-sistema inkwistjoni tinsab fi ħdan l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti. Fit-23 ta’ Diċembru 2006, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”) adotta r-Riżoluzzjoni 1737 (2006), li l-anness tagħha jelenka numru ta’ persuni u ta’ entitajiet implikati fil-proliferazzjoni nukleari u li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom (iktar ’il quddiem il-“fondi”) għandhom jiġu ffriżati. Il-lista li tinsab fl-anness tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006) ġiet sussegwentement aġġornata permezz ta’ diversi riżoluzzjonijiet, u b’mod partikolari permezz tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1747 (2007). Madankollu, ir-rikorrent ma kienx is-suġġett ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà.

4        F’dak li jikkonċerna lill-Unjoni Ewropea, ir-Riżoluzzjoni 1737 (2006) ġiet implementata permezz tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/140/PESK [PBSK], tas-27 ta’ Frar 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 4M, 8.1.2008, p. 155). L-Artikolu 5(1)(a) tagħha jipprevedi l-iffriżar tal-fondi kollha li jappartjenu lill-persuni u lill-entitajiet indikati fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1737 (2006), l-istess bħall-fondi kollha li jappartjenu lil, huma miżmuma jew ikkontrollati, direttament jew indirettament, minn dawn il-persuni jew entitajiet. L-Artikolu 5(1)(b) tal Pożizzjoni Komuni 2007/140 jipprevedi, barra minn hekk, li l-istess miżuri japplikaw b’mod partikolari għall-entitajiet li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jikkunsidra li jkunu impenjati fi, jkunu assoċjati direttament ma’ jew jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari. Skont l-Artikolu 7(2) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140, il-lista tal-persuni jew entitajiet koperti mill-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-istess test għandha tiġi stabbilita u emendata mill-Kunsill, li jiddeċiedi b’unanimità.

5        Sa fejn huma kkonċernati l-kompetenzi tal-Komunità Ewropea, ir-Riżoluzzjoni 1737 (2006) ġiet implementata permezz tar-Regolament tal-Kunsill Nru 423/2007, tad-19 ta’ April 2007, dwar l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 335M, 13.12.2008, p. 969), adottat fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE u li l-kontenut tiegħu huwa essenzjalment identiku għal dak tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140. B’hekk, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 423/2007 jipprevedi l-iffriżar tal-fondi kollha li jappartjenu lill-persuni u lill-entitajiet indikati fir-Riżoluzzjoni 1737 (2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà, bl-istess mod bħall-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma miżmuma jew ikkontrollati minn dawn il-persuni jew entitajiet. L-Artikolu 7(2) ta’ dan l-istess regolament jipprevedi l-istess miżuri f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-entitajiet identifikati mill-Kunsill, skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140, bħala li huma impenjati fi, huma assoċjati direttament ma’ jew jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari. L-entitajiet koperti minn miżura ta’ ffriżar ta’ fondi skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 huma elenkati fl-Anness V ta’ dan l-istess test.

6        Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 423/2007, l-Artikoli 9 u 10 tal-istess regolament jawtorizzaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, essenzjalment, li jirrilaxxaw il-fondi ffriżati sabiex jiġi permess b’mod partikolari lill-entitajiet elenkati fl-Anness V li jonoraw obbligi li ġejjin minn kuntratti konklużi qabel l-adozzjoni tal-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi u li jkopru spejjeż essenzjali.

7        L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 423/2007 jipprevedi, minn naħa, li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l-lista tal-Anness V b’konformità sħiħa mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140 u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija lista għandha tiġi rriveduta f’intervalli regolari, u tal-inqas kull tnax-il xahar.

8        L-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 jobbliga lill-Kunsill li jagħti raġunijiet individwali u speċifiċi għal deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 15(2) tal-istess regolament u li jagħmilhom magħrufa lill-entitajiet ikkonċernati.

9        Barra minn hekk, skont il-paragrafu 10 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1803 (2008), tat-3 ta’ Marzu 2008, dan tal-aħħar talab “lill-Istati kollha sabiex ikunu viġilanti dwar attivitajiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jinsabu fit-territorju tagħhom mal-banek kollha domiċiljati fl-Iran, b’mod partikolari mal-Bank Melli u mal-Bank Saderat, kif ukoll mal-fergħat u aġenziji tagħhom barra l-pajjiż, sabiex jiġi evitat li dawn l-attivitajiet jikkontribwixxu għal[l-proliferazzjoni nukleari]”.

 Il-miżuri li jkopru lir-rikorrent

10      Fit-23 ta’ Ġunju 2008, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2008/479/PESK [PBSK], li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2007/140 (ĠU L 163, p. 43). Bis-saħħa tal-Anness tal-Pożizzjoni Komuni 2008/479, ir-rikorrent ġie inkluż fost l-entitajiet koperti mill-iffriżar ta’ fondi skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140. L-iffriżar ta’ fondi tar-rikorrent inżamm fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/652/PESK [PBSK], tas-7 ta’ Awwissu 2008, li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2007/140 (ĠU L 213, p. 58).

11      Fl-istess ġurnata, il-Kunsill adotta wkoll id-Deċiżjoni 2008/475/KE, li timplementa l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 163, p. 29, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Skont il-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness V tal-imsemmi regolament, bil-konsegwenzi li l-fondi tiegħu ġew iffriżati.

12      Il-Kunsill ta r-raġunijiet segwenti:

“Jipprovdi jew jipprova jipprovdi sostenn finanzjarju lil kumpanniji li huma involuti fi jew li jakkwistaw merkanzija għall-programmi nukleari u missilistiċi ta’ l-Iran (AIO, SHIG, SBIG, AEOI, Kumpannija Novin Energy, Kumpannija Mesbah Energy, Kumpannija Kalaye Electric u DIO). Il-Bank Melli jagħmilha ta’ faċilitatur għall-attivitajiet sensittivi ta’ l-Iran. Huwa ffaċilita bosta akkwisti ta’ materjal sensittiv għall-programmi nukleari u missilistiċi ta’ l-Iran. Huwa pprova [pprovda] firxa ta’ servizzi finanzjarji f’isem entitajiet marbuta ma’ l-industriji nukleari u missilistiċi ta’ l-Iran, inkluż il-ftuħ ta’ ittri ta’ kreditu u żżamma tal-kontijiet. Bosta mill-kumpanniji t’hawn fuq issemmew fl-UNSCR [fir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà Nri] 1737 u 1747.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

13      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-18 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors. Permezz ta’ atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-istess ġurnata, huwa ppreżenta talba għall-proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kif ukoll talba għal miżuri provviżorji sabiex l-applikazzjoni tal-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata tiġi sospiża fir-rigward tiegħu.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2008, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) laqgħet it-talba sabiex il-kawża tiġi deċiża permezz ta’ proċedura mħaffa skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura, filwaqt li awtorizzat lill-Istati Membri intervenjenti fil-kawża sabiex jippreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom.

15      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ottubru 2008, it-talba għal miżuri provviżorji mressqa mir-rikorrent ġiet miċħuda u l-ispejjeż ġew irriżervati.

16      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-20 ta’ Ottubru, fit-13 u fit-18 ta’ Novembru 2008, rispettivament, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej talbu li jagħmlu intervent fil-kawża insostenn tal-Kunsill. Permezz ta’ digrieti tat-12 ta’ Novembru, tat-8 u tal-11 ta’ Diċembru 2008, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ l-interventi tagħhom.

17      Ir-risposta ġiet ippreżentata fil-5 ta’ Novembru 2008. In-noti ta’ intervent tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u tar-Repubblika Franċiża ġew ippreżentati fl-4 ta’ Diċembru 2008 u fil-5 ta’ Jannar 2009 rispettivament.

18      Fl-4 ta’ Frar 2009, ir-rikorrent talab awtorizzazzjoni mingħand il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jinkludi fil-proċess ċerti dokumenti addizzjonali dwar ir-relazzjonijiet tiegħu mal-entitajiet identifikati fid-deċiżjoni kkontestata, u dan abbażi tar-raġuni li d-dokumenti inkwistjoni ma setgħux jiġu ppreżentati fi stadju preċedenti tal-proċedura. Din it-talba ntlaqgħat permezz ta’ deċiżjoni tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Frar 2009.

19      Fil-5 ta’ Mejju 2009, it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali mingħajr ma ordnat miżuri istruttorji minn qabel. Hija ddeċidiet ukoll li titlob lir-rikorrent iwieġeb bil-miktub għal xi mistoqsijiet, kif dan fil-fatt għamel fit-terminu mogħti mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

20      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tat-3 ta’ Ġunju 2009.

21      Fir-rikors, ir-rikorrent talab lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla l-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jikkonċernah, kif ukoll sa fejn jikkonċerna lis-sussidjarji u lill-fergħat tiegħu;

–        sussidjarjament, tiddikjara li l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 423/2007 ma japplikawx għal din il-kawża;

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

22      Matul is-seduta, ir-rikorrent, minn naħa, irtira t-tieni talba tiegħu filwaqt li ppreċiża li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fil-konfront tal-Artikolu 7(2) u tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 423/2007 kellha titqies bħala lment li permezz tiegħu kien qiegħed jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba nuqqas ta’ bażi legali. Min-naħa l-oħra, huwa rtira wkoll l-ewwel talba tiegħu sa fejn tikkonċerna l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tal-aħħar tikkonċerna s-sussidjarji tiegħu.

23      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

24      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Kummissjoni jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha tiċħad ir-rikors.

25      Ir-Repubblika Franċiża titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha tiċħad ir-rikors u tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

26      Ir-rikorrent jippreżenta osservazzjonijiet preliminari dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. L-ilmenti tiegħu dwar il-mertu jistgħu jinġabru f’ħames motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, tat-Trattat KE, tad-dispożizzjonijiet legali dwar l-applikazzjoni tiegħu u tal-Artikolu 7(2) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140, fuq abbuż ta’ poter, kif ukoll fuq nuqqas ta’ bażi legali għad-deċiżjoni kkontestata; it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali; it-tielet wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-dritt ta’ proprjetà; ir-raba’ wieħed, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007; u l-ħames wieħed, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Komunità.

27      Il-Kunsill, sostnut mill-intervenjenti, jikkontesta l-fondatezza tal-motivi invokati mir-rikorrent.

28      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, qabel ma tibda teżamina l-motivi mqajma mir-rikorrent, għandha teżamina r-rilevanza tad-dokumenti li huwa ppreżenta fl-4 ta’ Frar 2009.

 Fuq ir-rilevanza tad-dokumenti li r-rikorrent ippreżenta fl-4 ta’ Frar 2009

29      Id-dokumenti ppreżentati fl-4 ta’ Frar 2009 jikkonsistu fi tliet dikjarazzjonijiet mid-Direttur Ġenerali tar-rikorrent u mir-rappreżentanti tal-fergħat tiegħu f’Pariġi (Franza) u f’Hamburg (il-Ġermanja) li jispjegaw fil-qosor ir-relazzjonijiet kummerċjali tar-rikorrent mal-entitajiet identifikati fid-deċiżjoni kkontestata. Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula waqt is-seduta, ir-rikorrent spjega li dawn id-dokumenti kienu ġew ippreżentati, l-ewwel nett, sabiex jiġi stabbilit li l-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi fil-konfront tiegħu ma kellha ebda ġustifikazzjoni peress li r-relazzjonijiet li huwa kellu mal-entitajiet identifikati fid-deċiżjoni kkontestata kienu limitati. It-tieni nett, skont ir-rikorrent, id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni jissostanzjaw ukoll it-tielet motiv sa fejn minnhom jirriżulta, minn naħa, li l-iffriżar tal-fondi tiegħu ma kienx neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-Kunsill u, min-naħa l-oħra, li dan l-istess għan seta’ jintlaħaq permezz ta’ miżuri inqas restrittivi. Fl-aħħar nett, id-dokumenti kkonċernati huma rilevanti wkoll fil-kuntest tar-raba’ motiv peress li juru d-diffikultajiet li kellu jaffaċċja r-rikorrent minħabba li kien obbligat iressaq “prova negattiva” fid-dawl tal-fatt li ma kellux aċċess għall-provi li fuqhom ibbaża ruħu l-Kunsill, jekk jeżistu.

30      Għandu jiġi osservat li fir-rikors ma hemm ebda motiv li jikkontesta l-konstatazzjoni tal-Kunsill li r-rikorrent ipprovda sostenn finanzjarju għall-proliferazzjoni nukleari minkejja li din il-konstatazzjoni tikkostitwixxi l-bażi tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċerna lir-rikorrent u li, għaldaqstant, tali motiv seta’ jitqajjem sa mill-formulazzjoni tar-rikors, jekk kien hemm bżonn billi jiġi ppreċiżat li kienu ser jitressqu provi addizzjonali malli dawn ikunu disponibbli. Barra minn hekk, jekk jitqies, f’dan il-kuntest, li tali motiv tqajjem għall-ewwel darba waqt is-seduta, huwa jkollu jiġi miċħud bħala inammissibbli skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura peress li r-rikorrent lanqas ma sostna li kien qiegħed jibbaża ruħu fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dokumenti ppreżentati fl-4 ta’ Frar 2009 ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk ir-relazzjonijiet tar-rikorrent mal-entitajiet identifikati fid-deċiżjoni kkontestata kinux jiġġustifikaw l-iffriżar tal-fondi tiegħu.

31      L-istess konklużjoni tapplika fir-rigward tar-rilevanza tad-dokumenti inkwistjoni għall-eżami tat-tielet motiv. Fil-fatt, fir-rikors, ir-rikorrent sostna biss li d-deċiżjoni kkontestata kienet sproporzjonata minħabba li kienet tmur lil hinn mill-obbligi u r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kunsill tas-Sigurtà fir-Riżoluzzjoni 1803 (2008). Għall-kuntrarju, huwa ma invoka ebda lment sabiex jikkontesta l-portata tar-relazzjonijiet kummerċjali tiegħu mal-entitajiet identifikati, kif tali portata ġiet definita fid-deċiżjoni kkontestata. Sa fejn ir-rikorrent, barra minn hekk, lanqas ma sostna fis-seduta li tali lmenti kienu bbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura, mill-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li dawn jikkostitwixxu motiv ġdid li, fi kwalunkwe każ, huwa inammissibbli. Għaldaqstant, lanqas ma hemm lok li, fil-kuntest tal-eżami tat-tielet motiv, jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dokumenti ppreżentati fl-4 ta’ Frar 2009.

32      Fir-rigward tar-raba’ motiv, ir-rikorrent effettivament sostna fir-rikors li, sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu li jressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, huwa kien obbligat iressaq “prova negattiva” li huwa ma kienx ipprovda appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari, ħaġa din li hija partikolarment diffiċli, jekk mhux impossibbli, li tiġi stabbilita. Għaldaqstant, id-dokumenti ppreżentati fl-4 ta’ Frar 2009 jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan il-kuntest.

 Fuq l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju

 L-argumenti tal-partijiet

33      Ir-rikorrent isostni li l-legalità ta’ kull att leġiżlattiv adottat mill-istituzzjonijiet Komunitarji, inklużi atti leġiżlattivi li jimplementaw riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà, hija suġġetta għal stħarriġ sħiħ mill-qorti Komunitarja fil-kuntest tas-sistema kompleta ta’ rimedji stabbilita mit-Trattat KE.

34      Il-Kunsill ma jikkontestax il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, huwa jfakkar li huwa għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li jieħu inkunsiderazzjoni sabiex jadotta miżuri restrittivi ekonomiċi jew finanzjarji.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

35      Fir-rigward tal-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ elementi fi ħdan ir-Regolament Nru 423/2007. Fil-fatt, minn naħa, l-artikoli ta’ dan l-istess regolament jistabbilixxu r-regoli ġenerali li jiddefinixxu l-modalitajiet tal-miżuri restrittivi stabbiliti minn dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, l-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007, li jelenka l-entitajiet koperti mill-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi adottati skont l-Artikolu 7(2) tal-istess regolament, jirrappreżenta ġabra ta’ atti li japplikaw ir-regoli ġenerali msemmija iktar ’il fuq għal entitajiet speċifiċi.

36      Fir-rigward tar-regoli ġenerali li jiddefinixxu l-modalitajiet tal-miżuri restrittivi, il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fejn jidħlu l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, inkonformità ma’ pożizzjoni komuni adottata taħt il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PBSK). Peress li l-qorti Komunitarja ma tistax, b’mod partikolari, tissostitwixxi l-evalwazzjoni magħmula mill-Kunsill fir-rigward tal-provi, tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ tali miżuri bl-evalwazzjoni tagħha, l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u tar-regoli dwar il-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ abbuż ta’ poter. Dan l-istħarriġ limitat japplika, b’mod partikolari, għall-evalwazzjoni tal-kunsiderazzjoni dwar l-opportunità li fuqhom ikunu bbażati tali miżuri (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T-228/02, Ġabra p. II-4665, iktar ’il quddiem is-“sentenza OMPI”, punt 159).

37      Fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni li permezz tagħha entità tiġi inkluża fil-lista tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007 skont l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tivverifika, fid-dawl tal-motivi ta’ annullament imqajma mill-entità kkonċernata jew irrilevati ex officio, b’mod partikolari, li l-każ ineżami jikkorrispondi għal waħda mill-erba’ sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(2)(a) sa (d) tar-Regolament Nru 423/2007. Dan jimplika li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni jkopri l-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi invokati bħala ġustifikazzjoni għal din id-deċiżjoni, u jkopri wkoll il-verifika tal-provi u tal-informazzjoni li fuqhom tkun ibbażata din l-evalwazzjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha taċċerta ruħha wkoll mill-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward kif ukoll, meta jkun il-każ, mill-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet imperattivi invokati b’mod eċċezzjonali mill-Kunsill sabiex jevitahom (ara, b’analoġija, is-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq, punt 154).

38      F’din il-kawża, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali għad-deċiżjoni kkontestata jammonta għal kontestazzjoni tal-legalità ta’ ċerti regoli ġenerali tar-Regolament Nru 423/2007. Għaldaqstant, fl-eżami ta’ dan l-ilment, għandu jiġi applikat l-istħarriġ limitat deskritt fil-punt 36 iktar ’il fuq. Mill-bqija, il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 37 iktar ’il fuq japplikaw fir-rigward tal-motivi li jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni li permezz tagħha r-rikorrent ġie inkluż fil-lista tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, tat-Trattat KE, tad-dispożizzjonijiet legali dwar l-applikazzjoni tiegħu u tal-Artikolu 7(2) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140, fuq abbuż ta’ poter, kif ukoll fuq nuqqas ta’ bażi legali għad-deċiżjoni kkontestata

 L-argumenti tal-partijiet

39      Ir-rikorrent isostni li r-Regolament Nru 423/2007, li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, għandu tliet bażijiet legali, jiġifieri l-Artikoli 60 KE u 301 KE u kif ukoll il-Pożizzjoni Komuni 2007/140. Huwa jkompli billi jenfasizza li, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 423/2007, il-lista tal-entitajiet koperti mill-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi taħt l-Artikolu 7(2) ta’ dan l-istess regolament għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill, li jiddeċiedi abbażi ta’ maġġoranza kwalifikata. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 7(2) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140 jeżiġi li l-lista tal-persuni jew entitajiet koperti mill-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140, li hija effettivament l-istess bħal dik imsemmija fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007, għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill li jiddeċiedi b’mod unanimu.

40      F’dan il-kuntest ir-rikorrent isostni li, meta att ikollu diversi bażijiet legali li jipprovdu għal kundizzjonijiet ta’ vot differenti, għandha tiġi segwita l-iktar proċedura stretta. Minn dan jikkonkludi li, sa fejn il-Kunsill ma osservax ir-regola tal-unanimità stabbilita fl-Artikolu 7(2) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140 meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, huwa wettaq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, tat-Trattat KE u tad-dispożizzjonijiet legali dwar l-applikazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, skont ir-rikorrent, minħabba f’hekk il-Kunsill wettaq ukoll abbuż ta’ poter peress li kiser il-proċedura prevista speċifikament mit-Trattat UE fil-kuntest tal-PBSK sabiex tiġi adottata deċiżjoni li jkollha effett dirett, strument legali li ma jeżistix f’dan il-qasam.

41      Ir-rikorrent iżid li, sa fejn l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 423/2007 jipprovdi għall-vot b’maġġoranza kwalifikata, minkejja li jimplementa l-PBSK, u sa fejn, għaldaqstant, ma josservax il-kundizzjonijiet proċedurali stabbiliti mill-Pożizzjoni Komuni 2007/140, dan l-artikolu ma jistax jikkostitwixxi bażi legali valida għad-deċiżjoni kkontestata. Bl-istess mod, l-Artikolu 15(2) u l-Artikolu 7(2) tal-istess regolament ma jistgħux jikkostitwixxu bażi legali valida għad-deċiżjoni kkontestata sa fejn ippermettew l-adozzjoni tal-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi fir-rigward tar-rikorrent minkejja li mhuwiex identifikat fir-Riżoluzzjoni 1737 (2006), imsemmija fil-premessa 6 tar-Regolament Nru 423/2007, iżda ssemma biss fir-Riżoluzzjoni 1803 (2008).

42      Fl-aħħar lok, ir-rikorrent isostni li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni (C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kadi”), mhijiex rilevanti fil-kuntest ta’ dan il-motiv peress li d-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża li fiha ngħatat dik is-sentenza kienet ibbażata fuq l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE bħala tliet bażijiet legali u, għalhekk, kienet ġiet adottata b’mod unanimu.

43      Il-Kunsill, sostnut mill-intervenjenti, jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrent billi jsostni li r-regola tal-vot adegwata, kif determinata mill-Artikoli 60 KE u 301 KE, li jikkostitwixxu l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, kienet ġiet applikata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

44      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jallega r-rikorrent, is-sentenza Kadi, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, hija kompletament rilevanti għal din il-kawża peress li f’dik is-sentenza l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet iddeċidiet, b’mod partikolari, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 60 KE u 301 KE. B’hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw l-adozzjoni ta’ miżuri fil-konfront ta’ pajjiż terz, liema kunċett jista’ jinkludi l-mexxejja ta’ tali pajjiż kif ukoll l-individwi u l-entitajiet li huma assoċjati ma’ dawn il-mexxejja jew huma kkontrollati direttament jew indirettament minnhom (sentenza Kadi, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, punt 166).

45      L-Artikoli 60 KE u 301 KE għandhom il-karatteristika partikolari li jikkostitwixxu mogħdija li tgħaqqad l-azzjonijiet tal-Komunità li jinvolvu miżuri ekonomiċi mal-għanijiet tat-Trattat UE fir-rigward tar-relazzjonijiet esterni, fosthom il-PBSK (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, punt 197). Fil-fatt, l-Artikoli 60 KE u 301 KE huma dispożizzjonijiet li jikkontemplaw espressament li azzjoni tal-Komunità tista’ tkun neċessarja sabiex jintlaħaq wieħed mill-għanijiet mogħtija speċifikament lill-Unjoni mill-Artikolu 2 UE, jiġifieri l-implementazzjoni ta’ politika barranija u ta’ sigurtà komuni.

46      Madankollu, dan il-fatt huwa bla ħsara għall-koeżistenza tal-Unjoni u tal-Komunità bħala sistemi legali integrati iżda distinti kif ukoll għall-arkitettura kostituzzjonali tal-pilastri, kif mixtieqa mill-awturi tat-trattati li jinsabu fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, punt 202). Għaldaqstant, anki meta l-azzjoni tal-Komunità fil-kuntest tal-Artikoli 60 KE u 301 KE timplementa wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni, din l-azzjoni tittieħed madankollu abbażi tal-pilastru Komunitarju. Għaldaqstant, il-legalità tal-atti meħuda f’dan il-qasam, bħar-Regolament Nru 423/2007 u bħall-atti li jimplementawh, għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti mir-regoli ta’ dan l-istess pilastru, inkluż fir-rigward tar-regola tal-vot adegwata.

47      Minn dak li ntqal jirriżulta, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, li l-Pożizzjoni Komuni 2007/140, li tagħmel parti mit-tieni pilastru tal-Unjoni, ma tikkostitwixxix bażi legali għar-Regolament Nru 423/2007 u għall-atti li jimplementawh, u dan jimplika li r-regola tal-vot applikabbli għall-adozzjoni tal-imsemmija pożizzjoni komuni u għall-emenda tagħha hija irrilevanti. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ pożizzjoni komuni jew ta’ azzjoni komuni adottata qabel fil-qasam tal-PBSK hija biss kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 301 KE, li jiddefinixxi wkoll ir-regola tal-vot applikabbli għall-adozzjoni tal-atti meħuda b’applikazzjoni tiegħu.

48      Issa, f’din il-kawża, mhuwiex ikkontestat li r-Regolament Nru 423/2007 u d-deċiżjoni kkontestata ġew adottati b’maġġoranza kwalifikata, inkonformità mar-regola stabbilita fl-Artikolu 301 KE. Lanqas mhuwa kkontestat li l-adozzjoni tal-istess regolament seħħet wara l-adozzjoni, b’mod unanimu, tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140 u li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata seħħet wara l-adozzjoni, b’mod unanimu, tal-Pożizzjoni Komuni 2008/479, li permezz tagħha r-rikorrent ġie inkluż fil-lista tal-entitajiet koperti mill-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 301 KE ġew osservati.

49      Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrent ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tar-regola tal-vot applikabbli għandu jiġi miċħud.

50      Fir-rigward tal-ilmenti l-oħra tar-rikorrent, għandu jiġi mfakkar li att ikun ivvizzjat b’abbuż ta’ poter biss jekk jidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li ttieħed bil-għan esklużiv, jew minn tal-inqas bil-għan determinanti, li jilħaq għanijiet differenti minn dawk indikati jew bil-għan li tiġi evitata proċedura prevista speċifikament mit-Trattat għaċ-ċirkustanzi inkwistjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C-210/03, Ġabra p. I-11893, punt 75, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Jannar 2004, Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il-Kummissjoni, T-158/99, Ġabra p. II-1, punt 164, u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, f’din il-kawża, ir-rikorrent ma ressaq ebda prova li tissuġġerixxi li, meta adotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill kellu għan differenti minn dak li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari permezz tal-iffriżar tal-fondi tal-entitajiet li huwa jikkunsidra li huma impenjati fi, huma assoċjati direttament ma’ jew jipprovdu appoġġ lill-attivitajiet ikkonċernati, inkonformità mal-proċedura prevista għal dan il-għan mit-Trattat KE u mir-Regolament Nru 423/2007.

51      Fl-aħħar lok, sa fejn ir-rikorrent isostni li l-Artikolu 15(2) u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 ma jistgħux jikkostitwixxu bażi legali valida għad-deċiżjoni kkontestata peress li jippermettu lill-Kunsill jadotta miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi li jmorru lil hinn mill-miżuri adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà, għandu jiġi rrilevat li fl-Artikoli 60 KE u 301 KE ma hemm xejn li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-kompetenza li dawn id-dispożizzjonijiet jikkonferixxu fuq il-Komunità hija limitata għall-implementazzjoni tal-miżuri deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà. Għaldaqstant, il-Kunsill kellu l-kompetenza li jadotta mhux biss l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 423/2007, li jimplementa r-Riżoluzzjoni 1737 (2006) billi jordna l-iffriżar tal-fondi tal-entitajiet li huma identifikati fiha, iżda anki l-Artikolu 7(2) tal-istess regolament, li jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi fir-rigward ta’ entitajiet oħra li, fil-fehma tal-Kunsill, huma impenjati fi, huma assoċjati direttament ma’ jew jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari.

52      F’dan il-kuntest, huwa minnu li l-premessa 6 tar-Regolament Nru 423/2007 tobbliga lill-Kunsill li jeżerċita s-setgħa mogħtija lilu mill-Artikolu 7(2) tal-istess regolament “fid-dawl tal-għanijiet tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006)” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, l-obbligu li jiġu segwiti l-għanijiet tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006) bl-ebda mod ma jimplika li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 jista’ jiġi implementat biss fir-rigward tal-entitajiet koperti mill-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà bis-saħħa tal-istess riżoluzzjoni. In-nuqqas ta’ miżuri meħuda mill-Kunsill tas-Sigurtà jew it-teħid ta’ pożizzjoni speċifika minn dan tal-aħħar jistgħu, l-iktar l-iktar, jittieħdu inkunsiderazzjoni, flimkien ma’ elementi rilevanti oħra, fil-kuntest tal-evalwazzjoni intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 humiex sodisfatti jew le.

53      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

 L-argumenti tal-partijiet

54      Ir-rikorrent isostni li huwa kien is-suġġett ta’ “diskriminazzjoni arbitrarja u inġustifikata” sa fejn, filwaqt li r-Riżoluzzjoni 1803 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà titlob lill-Istati sabiex ikunu viġilanti fir-rigward tal-banek kollha domiċiljati fl-Iran, u b’mod partikolari fir-rigward tiegħu u fir-rigward tal-Bank Saderat, huwa kien l-uniku bank Iranjan li l-fondi tiegħu ġew iffriżati. Issa, dan it-trattament inugwali ta’ banek li jinsabu f’kundizzjonijiet kompletament identiċi kkawżalu dannu materjali u morali kunsiderevoli.

55      Il-Kunsill, sostnut mill-intervenjenti, jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrent filwaqt li jfakkar li l-adozzjoni tal-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi inkwistjoni f’din il-kawża tirriżulta mill-fatt li huwa kkunsidra, wara evalwazzjoni indipendenti magħmula fil-kuntest tas-setgħa mogħtija lilu mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007, li r-rikorrent kien jipprovdi appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

56      Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt, jipprojbixxi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattamenti ma jkunux oġġettivament iġġustifikati (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Ottubru 2001, Martinez et vs Il-Parlament, T-222/99, T-327/99 u T-329/99, Ġabra p. II-2823, punt 150).

57      Kif isostni l-Kunsill, sostnut mill-intervenjenti, il-kriterju determinanti għall-implementazzjoni tal-Artikolu 7(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 423/2007, u għalhekk il-kriterju ta’ paragun applikabbli sabiex tiġi determinata l-eventwali eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, huwa dak li jsir magħruf jekk l-entità inkwistjoni hijiex impenjata fi, hijiex direttament assoċjata ma’ jew tipprovdix appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari.

58      F’din il-kawża, ir-rikorrent ġie rikonoxxut, fid-deċiżjoni kkontestata, bħala entità li tipprovdi appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari u, kif ġie konkluż fil-punt 30 iktar ’il fuq, ma ressaq ebda motiv ammissibbli li jikkontesta l-fondatezza ta’ din il-konstatazzjoni.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li l-Kunsill effettivament ma adottax miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi fil-konfront ta’ ċerti banek Iranjani li huma impenjati fi, huma assoċjati direttament ma’ jew jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari, dan il-fatt ma jistax jiġi invokat b’mod validu mir-rikorrent peress li l-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jiġi kkonċiljat mal-prinċipju ta’ legalità, li jipprovdi li ħadd ma jista’ jinvoka, a favur tiegħu, illegalità mwettqa favur ħaddieħor (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T-327/94, Ġabra p. II-1373, punt 160; Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, T-347/94, Ġabra p. II-1751, punt 334, u tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T -23/99, Ġabra p. II-1705, punt 367).

60      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-dritt ta’ proprjetà

 L-argumenti tal-partijiet

61      Ir-rikorrent iqis li d-deċiżjoni kkontestata hija sproporzjonata sa fejn timponi l-iffriżar tal-fondi tiegħu fil-waqt li r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1803 (2008), implementata mid-deċiżjoni kkontestata, sempliċement titlob lill-Istati jkunu viġilanti fir-rigward tal-attivitajiet tiegħu. Fil-fatt, din ir-riżoluzzjoni la titlob u lanqas tirrakkomanda l-iffriżar tal-fondi tar-rikorrent u lanqas ma titlob li dan tal-aħħar jiġi ttrattat b’mod differenti mill-banek l-oħra domiċiljati fl-Iran. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata hija “abbużiva”, skont ir-rikorrent, peress li tikkawżalu dannu materjali u morali kunsiderevoli minħabba li tillimita partikolarment, b’mod inġustifikat u spropozjonat, id-dritt ta’ proprjetà tiegħu.

62      Matul is-seduta, ir-rikorrent sostna li l-iffriżar tal-fondi tiegħu ma kienx neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-Kunsill u li dan l-istess għan seta’ jintlaħaq permezz ta’ miżuri inqas restrittivi, bħall-kontroll a posteriori tat-tranżazzjonijiet imwettqa jew il-verifika tagħhom minn terza persuna indipendenti.

63      Il-Kunsill, sostnut mill-intervenjenti, jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrent filwaqt li jsostni li l-iffriżar tal-fondi tiegħu huwa adegwat u neċessarju sabiex titwaqqaf il-proliferazzjoni nukleari, u dan fid-dawl tal-appoġġ li huwa jipprovdi lill-impriżi li huma impenjati f’din il-proliferazzjoni. Bl-istess mod, tali miżura ta’ ffriżar ta’ fondi hija ġustifikata u proporzjonata fid-dawl tal-importanza li tinżamm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali peress li ebda miżura oħra ma tista’ tiggarantixxi li jinlaħaq l-għan mixtieq.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

64      Preliminarjament, mill-punti 51 u 52 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 jagħti lill-Kunsill setgħa awtonoma, li l-implementazzjoni tagħha hija indipendenti mill-adozzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tal-entitajiet ikkonċernati. Fil-fatt, is-suġġett tal-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament u tad-deċiżjoni kkontestata, li ġiet adottata bis-saħħa tiegħu, mhuwiex li jimplementaw riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà adottati fil-qasam tal-proliferazzjoni nukleari iżda sempliċement li jiżguraw li l-għanijiet ta’ waħda mir-riżoluzzjonijiet inkwistjoni, jiġifieri r-Riżoluzzjoni 1737 (2006), jintlaħqu permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi awtonomi.

65      Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, la l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 u lanqas id-deċiżjoni kkontestata ma jimplementaw ir-Riżoluzzjoni 1803 (2008) u dan jimplika li l-kontenut u l-għanijiet ta’ din ir-riżoluzzjoni tal-aħħar ma jikkostitwixxux kriterju li fid-dawl tiegħu għandha tiġi evalwata l-kompatibbiltà tad-deċiżjoni kkontestata mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

66      Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jipprovdi li l-legalità tal-projbizzjoni ta’ attività ekonomika hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-miżuri ta’ projbizzjoni jkunu adegwati u neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimament mixtieqa mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u dan dejjem bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri adegwati, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva u li l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet mixtieqa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C-331/88, Ġabra p. I-4023, punt 13). Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dawn il-kriterji li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra tar-rikorrent.

67      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 423/2007 għandu l-għan li jiġu evitati l-proliferazzjoni nukleari u l-finanzjament tagħha u li b’hekk tiġi eżerċitata pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex twaqqaf l-attivitajiet ikkonċernati. Tali għan, li jikkorrispondi għall-għanijiet tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006) u li jagħmel parti mill-kuntest iktar ġenerali tal-isforzi marbuta maż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, huwa leġittimu.

68      It-tieni nett, l-iffriżar tal-fondi tal-entitajiet li ġew rikonoxxuti bħala li huma impenjati fi, huma assoċjati direttament ma’ jew jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari jikkostitwixxi miżura adegwata u neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi iktar ’il fuq. Fil-fatt, tali miżura tista’ tiggarantixxi li l-fondi tal-entitajiet ikkonċernati ma jintużawx iktar għall-promozzjoni tal-proliferazzjoni nukleari. Barra minn hekk, kif ġie konkluż fil-punti 30 u 31 iktar ’il fuq, l-argumenti tar-rikorrent li, minn naħa, huwa ma jipprovdix appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari u, min-naħa l-oħra, li l-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi ma kinitx, fi kwalunkwe każ, meħtieġa fil-każ speċifiku tiegħu ġew ippreżentati tardivament u għalhekk huma inammissibbli.

69      It-tielet nett, mill-punt 31 iktar ’il fuq jirriżulta wkoll li r-rikorrent ma ppreżentax argumenti ammissibbli dwar l-eżistenza ta’ miżuri inqas restrittivi li permezz tagħhom seta’ jiġi evitat l-użu tal-fondi tiegħu għall-promozzjoni tal-proliferazzjoni nukleari.

70      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-inkonvenjenti kkawżati lir-rikorrent u fir-rigward tar-restrizzjoni imposta fuq id-drittijiet fundamentali tiegħu, fosthom id-dritt ta’ proprjetà u d-dritt li jeżerċita attività ekonomika, għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-imsemmija drittijiet jagħmlu parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-qorti Komunitarja tiżgura r-rispett tagħhom. B’hekk, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali jikkostitwixxi kundizzjoni tal-legalità tal-atti Komunitarji (ara s-sentenza Kadi, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, punt 284, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li d-drittijiet fundamentali mhumiex prerogattivi assoluti u li l-eżerċizzju tagħhom jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet ġustifikati mill-għanijiet ta’ interess ġenerali li l-Komunità tkun qiegħda ssegwi. Għalhekk, kull miżura restrittiva ekonomika jew finanzjarja timplika, kif jidher mid-definizzjoni tagħha stess, effetti li jaffettwaw id-dritt ta’ proprjetà u l-libertà li jiġu eżerċitati attivitajiet professjonali, u għalhekk tikkawża preġudizzju b’mod partikolari għall-entitajiet li jeżerċitaw l-attivitajiet li l-miżuri restrittivi inkwistjoni jkollhom l-intenzjoni li jwaqqfu. L-importanza tal-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni kontenzjuża hija ta’ natura li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Lulju 1996, Bosphorus, C-84/95, Ġabra p. I-3953, punti 21 sa 23, u Kadi, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, punti 355 u 361).

71      F’din il-kawża, il-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika kif ukoll id-dritt ta’ proprjetà tar-rikorrent huma limitati b’mod kunsiderevoli minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata peress li r-rikorrent ma jistax, b’mod partikolari, juża l-fondi tiegħu li jinsabu fit-territorju tal-Komunità jew li huma miżmuma minn ċittadini Komunitarji, ħlief bis-saħħa ta’ awtorizzazzjonijiet partikolari, u peress li l-fergħat tiegħu, domiċiljati fl-imsemmi territorju, ma jistgħux jikkonkludu tranżazzjonijiet ġodda mal-klijenti tagħhom. Madankollu, fid-dawl tal-importanza primordjali taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, l-inkonvenjenti kkawżati mhumiex sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet inkwistjoni, u dan jgħodd iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, dawn ir-restrizzjonijiet jikkonċernaw biss parti mill-assi tar-rikorrent u, min-naħa l-oħra, l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament Nru 423/2007 jipprovdu għal ċerti eċċezzjonijiet li jippermettu lill-entitajiet koperti mill-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi jħallsu l-ispejjeż essenzjali.

72      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007

 L-argumenti tal-partijiet

73      Ir-rikorrent isostni li, bi ksur tar-regoli li joħorġu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill ma informahx, f’ebda mument, dwar l-elementi li ġew ikkunsidrati kontrih u li ġġustifikaw l-iffriżar tal-fondi tiegħu, u dan peress li l-Kunsill ma nnotifikahx bid-deċiżjoni kkontestata. Il-Kunsill, barra minn hekk, ma speċifikax liema tip ta’ sostenn finanzjarju ġie pprovdut mir-rikorrent jew x’kien ir-rwol tiegħu, liema prodotti kienu kkonċernati mit-tranżazzjonijiet inkwistjoni u liema entitajiet, minbarra t-tmien entitajiet identifikati, kienu involuti fihom. B’hekk, il-Kunsill ma tax lir-rikorrent l-opportunità li jkun jaf ir-raġunijiet li minħabba fihom ġew iffriżati l-fondi tiegħu, u dan minkejja li l-Kunsill tas-Sigurtà kien talab lill-Istati sabiex jeżerċitaw “sempliċi viġilanza” biss.

74      Ir-rikorrent iżid li huwa ma kellux aċċess għall-provi li jinsabu fil-fajl tal-Kunsill u li huwa ma setax jibbenefika minn seduta għas-smigħ. Huwa jippreċiża li ma kkuntattjax lill-Kunsill sabiex ikun jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu. F’dan il-kuntest, l-ewwel nett, huwa jsostni li l-miżuri leġiżlattivi applikabbli ma jipprovdux li għandu jingħata aċċess għall-fajl u li għandu jiġi organizzat seduta għas-smigħ, u dan, fil-fehma tiegħu, huwa kuntrarju fih innifsu għall-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u jikkostitwixxi, għalhekk, ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. It-tieni nett, ir-rikorrent jenfasizza li l-isforzi, magħmula f’dan is-sens mis-sussidjarja tiegħu li tinsab fir-Renju Unit, Melli Bank plc, mal-Kunsill u ma’ ċerti Stati Membru qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma kellhomx suċċess u għalhekk kellu jagħti prijorità lir-rimedji ġudizzjarji. It-tielet nett, huwa jsostni li, minkejja l-oneru tal-prova li għandu l-Kunsill, dan ma ppreżenta ebda provi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jissostanzja l-motivazzjoni mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata u għalhekk ir-rikorrent kellu jġib “prova negattiva”, li hija diffiċli, jekk mhux impossibbli, li tiġi prodotta. Ir-raba’ nett, ir-rikorrent isostni li ma setax jesprimi l-opinjoni tiegħu quddiem il-Kunsill qabel ma vverifika waħda waħda r-relazzjonijiet tiegħu mal-entitajiet identifikati fid-deċiżjoni kkontestata. Issa, il-verifiki inkwistjoni ma setgħux jitlestew fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

75      Ir-rikorrent iqis li, sa fejn ma ngħatax informazzjoni dwar l-elementi inkriminanti kkunsidrati kontrih u sa fejn ma setax jikseb aċċess għall-provi li jinsabu fil-fajl tal-Kunsill u ma bbenefikax minn smigħ, huwa ma kienx f’pożizzjoni li jesprimi b’mod utli l-opinjoni tiegħu, u dan jimplika, fil-fehma tiegħu, ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu, u b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ. Għall-istess raġuni, huwa jsostni li attwalment lanqas mhuwa f’pożizzjoni li jeżerċita d-dritt tiegħu li jressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza f’kundizzjonijiet sodisfaċenti u għalhekk qed jinvoka ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Huwa jerġa’ jenfasizza, f’dan il-kuntest, li l-Kunsill ma jistax jiġġustifika l-ksur imsemmi iktar ’il fuq permezz tan-neċessità li jinħoloq effett ta’ sorpriża peress li l-Prim Ministru tar-Renju Unit kien ħabbar, sa mis-16 ta’ Ġunju 2008, l-iffriżar tal-fondi tiegħu.

76      Fl-aħħar lok, ir-rikorrent isostni li l-ommissjoni tal-Kunsill li jagħti raġunijiet individwali u speċifiċi li jiġġustifikaw l-iffriżar tal-fondi tiegħu, fid-dawl tas-sempliċi obbligu ta’ viġilanza mitlub mill-Kunsill tas-Sigurtà u fid-dawl tat-trattament ta’ banek oħra domiċiljati fl-Iran, u li jinformah b’dawn ir-raġunijiet, tammonta wkoll għal ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007.

77      Il-Kunsill, sostnut mill-intervenjenti, jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrent. Minn naħa, huwa jsostni, f’dan ir-rigward, li huwa ssodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 permezz tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li huwa disponibbli b’mod partikolari fuq l-Internet fl-istess ġurnata tal-pubblikazzjoni tiegħu. Fil-fatt, skont il-Kunsill, l-imsemmi regolament ma jeżiġix notifika individwali peress li ebda indirizz li jippermetti notifika individwali ma jkun magħruf f’ċerti każijiet u peress li, fi kwalunkwe każ, kulħadd huwa meqjus li jaf il-liġi. Barra minn hekk, il-motivi kkunsidrati fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari huma inqas dannużi minn dawk inkwistjoni fl-adozzjoni ta’ miżuri simili, fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, li jkunu s-suġġett ta’ notifika individwali.

78      Min-naħa l-oħra, skont il-Kunsill, il-pubblikazzjoni tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-Ġurnal Uffiċjali qiegħdet lir-rikorrent f’pożizzjoni fejn kien jaf bil-motivi kkunsidrati kontra tiegħu, b’tali mod li d-drittijiet tad-difiża tiegħu u d-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ġew irrispettati. F’dan il-kuntest il-Kunsill jinsisti fuq il-fatt li r-rikorrent ma talabx li l-miżura tal-iffriżar tal-fondi tiegħu tiġi eżaminata mill-ġdid, minkejja li tali possibbiltà kienet prevista fl-avviż indirizzat lill-persuni, entitatjiet u korpi li għalihom japplika l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 (Anness V) (ĠU L 335M, 13.12.2008, p. 969).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

79      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-ilment dwar il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007. Fil-fatt, minħabba l-interdipendenza bejn id-diversi drittijiet proċedurali inkwistjoni f’din il-kawża, l-eżistenza ta’ motivazzjoni suffiċjenti li biha r-rikorrent ikun informat fi żmien utli hija rilevanti fir-rigward tal-ilmenti kollha mqajma fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

80      L-obbligu li tingħata motivazzjoni għal att li jikkawża preġudizzju, kif previst fl-Artikolu 253 KE u, b’mod iktar partikolari f’dan il-każ, fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007, għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex din tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk jistax ikun ivvizzjat minn difett li abbażi tiegħu tkun tista’ tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti Komunitarja u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lill-qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità ta’ dan l-att. L-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit b’dan il-mod, jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt Komunitarju li ma jistgħux isiru derogi minnu ħlief fil-każ ta’ kunsiderazzjonijiet imperattivi. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħall-att li jikkawżalha preġudizzju, u n-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rregolarizzat mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tal-att matul il-proċedura quddiem il-qorti Komunitarja. Barra minn hekk, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni hija iktar u iktar importanti fil-każ ta’ deċiżjoni inizjali li permezz tagħha l-fondi ta’ entità jiġu ffriżati peress li l-osservanza ta’ dan l-obbligu hija l-unika garanzija li permezz tagħha l-persuna kkonċernata tkun tista’ tuża b’mod utli r-rimedji għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni, u dan peress li din il-persuna ma għandhiex dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq, punti 138 sa 140, u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Għaldaqstant, sakemm il-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi ma tkunx prekluża minn kunsiderazzjonijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà tal-Komunità jew tal-Istati Membri tagħha jew mal-mod kif jitmexxew ir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza Kadi, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, punt 342), il-Kunsill huwa obbligat, skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007, li jagħti lill-entità kkonċernata raġunijiet speċifiċi u konkreti meta tiġi adottata deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi bħalma hija d-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, huwa għandu jsemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata l-ġustifikazzjoni legali tal-miżura u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh sabiex jieħu l-miżura. Sa fejn ikun possibbli, din il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata jew fl-istess ħin tal-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni jew malajr kemm jista’ jkun wara din l-adozzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq, punti 143 sa 148, u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Madankollu, il-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ikun adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Mhuwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (ara s-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq, punt 141, u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Kif ġie osservat fil-punt 57 iktar ’il fuq, għall-implementazzjoni tal-Artikolu 7(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 423/2007 huwa meħtieġ li l-entità kkonċernata tkun impenjata fi, tkun assoċjata direttament ma’ jew tipprovdi appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari. Għaldaqstant, minbarra l-indikazzjoni tal-bażi legali tal-miżura adottata, l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandu l-Kunsill jikkonċerna preċiżament dan il-fatt. Mill-banda l-oħra, għall-kuntrarju ta’ dak li jallega r-rikorrent, il-Kunssil la kien obbligat jimmotiva l-għażla tiegħu li jmur lil hinn mill-miżuri adottati fir-Riżoluzzjoni 1830 (2008), peress li kif ġie kkonstatat fil-punt 65 iktar ’il fuq id-deċiżjoni kkontestata ma implementatx din ir-riżoluzzjoni, u lanqas ma kien obbligat li jimmotiva l-għażla tiegħu li jittratta lir-rikorrent b’mod differenti mill-banek Iranjani l-oħra.

84      Fil-każ ineżami, il-Kunsill indika, kemm fit-titolu tad-deċiżjoni kkontestata u kemm fil-premessa 2 tagħha, li l-miżuri meħuda kienu bbażati fuq l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007. Huwa speċifika wkoll, fil-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet individwali u speċifiċi li wassluh sabiex jikkunsidra li r-rikorrent kien jagħti sostenn lill-proliferazzjoni nukleari. Fil-fatt, il-Kunsill semma, l-ewwel nett, it-tip ta’ sostenn mogħti mir-rikorrent, jiġifieri l-provvista ta’ servizzi finanzjarji li jinkludu l-ftuħ ta’ ittri ta’ kreditu u ż-żamma tal-kontijiet, it-tieni nett, l-attivitajiet marbuta mal-proliferazzjoni nukleari kkonċernati minn dawn is-servizzi, jiġifieri l-akkwist ta’ materjal sensittiv, u, it-tielet nett, il-benefiċjarji tas-sostenn mogħti mir-rikorrent, jiġifieri t-tmien entitajiet identifikati b’isimhom.

85      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tar-rikorrent hija suffiċjenti fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 80 sa 82 iktar ’il fuq u fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007.

86      Għall-kuntrarju, l-affermazzjoni tal-Kunsill, sostnut mill-intervenjenti, li l-obbligu li l-motivi jiġu kkomunikati lir-rikorrent ġie sodisfatt bil-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-Ġurnal Uffiċjali ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, deċiżjoni bħad-deċiżjoni kkontestata, li tadotta verżjoni emendata tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007, għandha effetti erga omnes peress li hija indirizzata lil grupp ta’ destinatarji partikolari determinat b’mod ġenerali u astratt, li min-naħa tagħhom huma obbligati jiffriżaw il-fondi tal-entitajiet inklużi fil-lista tal-imsemmi anness. Madankollu, tali deċiżjoni ma għandhiex natura esklużivament ġenerali peress li l-iffriżar ta’ fondi jkopri entitajiet identifikati b’isimhom, li huma kkonċernati direttament u individwalment mill-miżuri restrittivi individwali adottati fir-rigward tagħhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi Kadi, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, punti 241 sa 244, u OMPI, iċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq, punt 98). Barra minn hekk, l-iffriżar ta’ fondi għandu konsegwenzi kunsiderevoli għall-entitajiet ikkonċernati peress li jista’ jillimita l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tan-neċessità li jiġi żgurat ir-rispett tal-imsemmija drittijiet, kemm materjali kif ukoll proċedurali, imfakkra fil-punt 70 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kunsill huwa obbligat, sa fejn ikun possibbli, jinforma lill-entitajiet ikkonċernati bil-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi permezz ta’ notifika individwali.

87      L-argumenti mqajma mill-Kunsill mhumiex ta’ natura li jibdlu din il-konklużjoni. Fil-fatt, l-ewwel nett, il-fatt li n-notifika individwali tkun impossibbli f’ċerti każijiet huwa bla ħsara għall-interess tal-entitajiet li jingħataw tali notifika u għalhekk mhuwiex rilevanti fil-każijiet fejn l-indirizz tal-entità kkonċernata jkun magħruf. It-tieni nett, ir-regola li kulħadd huwa meqjus li jaf il-liġi ma tistax tiġi invokata fil-konfront tar-rikorrent peress li d-deċiżjoni kkontestata għandha, fir-rigward tiegħu, in-natura ta’ att individwali. It-tielet nett, id-distinzjoni invokata mill-Kunsill fil-konfront tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi adottati fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu hija ineffettiva peress li n-natura libelluża, jew le, tal-motivi kkunsidrati tista’ tkun rilevanti biss, meta jkun il-każ, sabiex tiġi evalwata jekk il-pubblikazzjoni tal-motivazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali kinitx opportuna. Għall-kuntrarju, ir-rekwiżit ta’ notifika individwali tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi jirriżulta mill-fatt li dawn l-istess miżuri jaffettwaw individwalment u b’mod kunsiderevoli d-drittijiet tal-entitajiet ikkonċernati. Issa, peress li l-effetti tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi adottati taħt ir-Regolament Nru 423/2007 u ta’ dawk adottati fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu huma paragunabbli, il-miżuri adottati għandhom jiġu kkomunikati lill-entitajiet koperti bl-istess mod fiż-żewġ każijiet.

88      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kunsill ma osservax l-obbligu li jikkomunika l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata lir-rikorrent, liema obbligu jirriżulta mill-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007, u dan peress li ma għamilx notifika individwali, minkejja li mill-kontenut stess tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li kien jaf l-indirizz tal-uffiċċju rreġistrat tar-rikorrent.

89      Madankollu, mill-annessi tat-talba għal miżuri provviżorji, imressqa mir-rikorrent fil-Kawża T-390/08 R, jirriżulta li, permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Ġunju 2008, il-Commission bancaire Franċiża informat lill-fergħa tar-rikorrent f’Pariġi dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u dwar il-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali, li saret fl-istess ġurnata. B’hekk, ir-rikorrent kien informat, fi żmien utli u minn sors uffiċjali, dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll dwar il-fatt li seta’ jikkonsulta l-motivazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali. Barra minn hekk, milli jidher ir-rikorrent effettivament ikkonsulta l-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni u annetta kopja tagħha mar-rikors.

90      F’dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali, għandu jiġi konkluż li l-fatt li l-Kunsill ma informax lir-rikorrent dwar il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata permezz ta’ notifika individwali ma kellux il-konsegwenza li jċaħħad lir-rikorrent mill-possibbiltà li jkun jaf, fi żmien utli, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li jevalwa l-fondatezza tal-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi adottata fir-rigward tiegħu. Għaldaqstant, l-ommissjoni tal-Kunsill ma tiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

91      Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, u b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, f’kull proċedura miftuħa fil-konfront ta’ entità li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u għandu jiġi żgurat, anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni fir-rigward tal-proċedura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq, punt 91, u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi, b’mod partikolari, li l-elementi inkriminanti kkunsidrati kontra l-entità kkonċernata bħala l-bażi tal-att li jikkawżalha preġudizzju jkunu kkomunkati lilha, sa fejn ikun possibbli, u dan jew fl-istess ħin tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni inizjali li permezz tagħha l-fondi tagħha jiġu ffriżati jew malajr kemm jista’ jkun wara l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni. Madankollu, il-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi lill-persuni kkonċernati tista’ tkun prekluża minn kunsiderazzjonijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà jew mal-mod kif jitmexxew ir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Kadi, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, punt 342, u s-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq, punti 93 u 137).

93      Barra minn hekk, sa fejn id-deċiżjoni inizjali li permezz tagħha l-fondi ta’ entità jiġu ffriżati, bħad-deċiżjoni kkontestata, għandha tkun tista’ tibbenefika minn effett ta’ sorpriża, mhuwiex meħtieġ li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, l-elementi inkriminanti jiġu kkomunikati lill-entità kkonċernata u li din tinstema’ (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Kadi, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, punti 338 sa 341, u s-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq, punti 128 sa 137).

94      F’dan il-kuntest għandha tiġi miċħuda mill-ewwel l-allegazzjoni li n-neċessità li jintlaħaq effett ta’ sorpriża ma tistax tiġi invokata minħabba l-indikazzjonijiet allegatament mogħtija mill-Prim Ministru tar-Renju Unit fis-16 ta’ Mejju 2008. Fil-fatt, ir-realtà ta’ dawn l-indikazzjonijiet ma ġietx stabbilita mir-rikorrent, li barra minn hekk lanqas ma invoka li dawn kienu ngħataw f’isem il-Kunsill jew f’isem il-Komunità.

95      Fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni taħt l-Artikolu 7(2)(a) jew (b) tar-Regolament Nru 423/2007, il-komunikazzjoni tal-elementi inkriminanti għandha tikkonċerna l-informazzjoni preċiża jew l-elementi tal-fajl li juru li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huma sodisfatti fil-każ tal-entità kkonċernata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq, punt 126).

96      Issa, mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 84 sa 90 iktar ’il fuq jirriżulta li dan ir-rekwiżit ma ġiex sodisfatt f’dan il-każ. Fil-fatt, peress, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni kkontestata kienet motivata b’mod suffiċjenti, it-tieni nett, li nġibdet l-attenzjoni tar-rikorrent mill-Commission bancaire Franċiża, fi żmien utli, għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u għall-pubblikazzjoni tagħha, inkluż tal-motivazzjoni tagħha, fil-Ġurnal Uffiċjali u, it-tielet nett, li r-rikorrent effettivament ikkonsulta din id-deċiżjoni, għandu jiġi kkunsidrat li huwa kellu informazzjoni preċiża biżżejjed fir-rigward tal-elementi li wasslu lill-Kunsill sabiex jikkunsidra li l-Artikolu 7(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 423/2007 kien applikabbli fil-każ ineżami.

97      F’dan id-dawl, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni tar-rikorrent li l-Kunsill kien obbligat jagħti ex officio aċċess għall-elementi fil-fajl tiegħu. Fil-fatt, ladarba ġiet ikkomunikata informazzjoni preċiża biżżejjed, li permezz tagħha l-entità kkonċernata setgħet tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar l-elementi inkriminanti kkunsidrati fil-konfront tagħha mill-Kunsill, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jimplikax li l-Kunsill huwa obbligat jagħti, b’mod spontanju, aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tiegħu. Huwa biss meta ssir talba mill-parti kkonċernata li l-Kunsill huwa obbligat jagħti aċċess għad-dokumenti amministrattivi mhux kunfidenzjali kollha li jkunu jikkonċernaw il-miżura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 2002, Hyper vs Il-Kummissjoni, T-205/99, Ġabra p. II-3141, punti 63 sa 65, u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-komunikazzjoni spontanja tal-elementi ta’ fajl effettivament tikkostitwixxi rekwiżit eċċessiv peress li ma jkunx ċert fil-mument tal-adozzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi li l-entità kkonċernata jkollha l-intenzjoni tivverifika, permezz tal-aċċess għall-fajl, l-elementi ta’ fatt li fuqhom ikunu bbażati l-allegazzjonijiet ikkunsidrati kontriha mill-Kunsill.

98      Fir-rigward tad-dritt għal smigħ, l-entità koperta minn deċiżjoni inizjali li tiffriża l-fondi tagħha għandha d-dritt li tinstema’ mill-Kunsill wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata. Madankollu, skont il-ġurisprudenza, dan tal-aħħar mhuwiex obbligat jorganizza seduta għas-smigħ ex officio fid-dawl tal-possibbiltà li għandhom ukoll l-entitajiet ikkonċernati li jippreżentaw immedjatament rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq, punti 130 sa 137). Barra minn hekk, għandu jingħad li l-Kunsill adotta u ppubblika fil-Ġurnal Uffiċjali, fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-avviż indirizzat lill-persuni, entitajiet u kopri li ġew inklużi mill-Kunsill fil-lista tal-persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 (Anness V). Dan l-avviż jipprovdi li l-entitajiet ikkonċernati jistgħu jitolbu eżami mill-ġdid tal-inklużjoni tagħhom fil-lista tal-Anness V tal-imsemmi regolament u għalhekk jippermettilhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal smigħ b’mod effettiv.

99      Minn dak li ntqal jirriżulta li, f’din il-kawża, l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl u tad-dritt għal smigħ kien suġġett għat-tressiq ta’ talba f’dan is-sens quddiem il-Kunsill min-naħa tar-rikorrent. Issa, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrent ammetta li ma kienx ressaq tali talba.

100    L-argumenti invokati mir-rikorrent sabiex jiġġustifika din l-ommissjoni ma jistgħux jintlaqgħu. B’hekk, l-allegazzjoni li t-testi applikabbli ma jipprovdux għal proċedura ta’ aċċess għall-fajl u ta’ smigħ hija żbaljata fir-rigward tad-dritt għal smigħ, kif jirriżulta mill-punt 98 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li ebda proċedura espliċita ta’ aċċess għall-fajl mhija prevista, fil-punt 91 iktar ’il fuq ġie mfakkar li dan il-fatt huwa bla ħsara għall-obbligu tal-Kunsill li jiżgura r-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Għaldaqstant, jekk jitqies li l-argument tar-rikorrent għandu jiġi interpretat bħala eċċezzjoni ta’ illegalità, dan l-argument għandu jiġi miċħud peress li n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet espliċiti huwa bla ħsara għall-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża, u b’mod partikolari d-dritt għall-komunikazzjoni tal-elementi inkriminanti, li huwa intiż ukoll li jippermetti lill-entità kkonċernata li tibbenefika mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara l-punt 105 iktar ’il quddiem).

101    Il-passi li għamlet is-sussidjarja tar-rikorrent fir-Renju Unit huma wkoll irrilevanti peress li s-sussidjarja inkwistjoni għandha personalità legali indipendenti, u dan ifisser li indirizzat lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri f’isimha stess u mhux f’isem l-entità parent tagħha. Barra minn hekk, kif jammetti r-rikorrent stess, il-passi inkwistjoni saru qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, fil-punt 93 iktar ’il fuq ġie kkonstatat li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent ma kienx jibbenefika, fi kwalunkwe każ, minn dritt għall-komunikazzjoni tal-elementi inkriminanti kkunsidrati kontrih u lanqas minn dritt għal smigħ.

102    Fir-rigward tal-fatt li l-Kunsill ma ppreżentax b’mod spontanju l-provi li jissostanzjaw il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, mill-punt 97 iktar ’il fuq u mill-punt 107 iktar ’il quddiem jirriżulta li ma kienx obbligat jagħmel hekk, la qabel u lanqas wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors.

103    Bl-istess mod, ir-rikorrent ma jispjegax kif in-neċessità li jivverifika waħda waħda r-relazzjonijiet tiegħu mal-entitajiet identifikati fid-deċiżjoni kkontestata waqfitu milli jitlob aċċess għall-fajl tal-Kunsill jew milli jitlob seduta għas-smigħ. Għall-kuntrarju, tali passi, permezz tad-dokumenti kkonsultati jew tal-preċiżjonijiet miksuba, setgħu ffaċilitaw ir-riċerki li kellu jagħmel.

104    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li, peress li r-rikorrent ma ppreżentax talba f’dan is-sens quddiem il-Kunsill, dan tal-aħħar ma kienx obbligat jagħti aċċess għall-fajl jew li jorganizza smigħ, u dan jimplika li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi miċħud.

105    Fit-tielet lok, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, prinċipju li barra minn hekk ġie kkonfermat fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1). L-effikaċja tal-istħarriġ ġudizzjarju timplika li l-awtorità Komunitarja inkwistjoni hija obbligata tikkomunika l-motivi tal-iffriżar ta’ fondi lill-entità kkonċernata, sa fejn ikun possibbli, jew fil-mument meta tkun deċiża din l-inklużjoni, jew, minn tal-inqas, malajr kemm jista’ jkun wara li tkun ġiet inkluża, u dan sabiex id-destinatarji tagħha jkunu jistgħu jeżerċitaw, fit-termini relatati, id-dritt tagħhom li jippreżentaw rikors. L-osservanza ta’ dan l-obbligu li jiġu kkomunikati l-imsemmija motivi hija fil-fatt neċessarja, kemm sabiex id-destinatarji tal-miżuri restrittivi jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu b’għarfien sħiħ tal-kwistjoni jekk ikunx utli għalihom li jressqu rikors quddiem il-qorti Komunitarja u kemm sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità tal-att Komunitarju inkwistjoni kif mitluba tagħmel mit-Trattat KE (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Kadi, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, punti 335 sa 337, u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    Issa, mill-punti 84 sa 90 u 96 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrent kellu, fi żmien utli, informazzjoni preċiża biżżejjed fir-rigward tal-motivi tal-iffriżar tal-fondi tiegħu. Barra minn hekk, peress li ma talabx aċċess għall-fajl tal-Kunsill, ir-rikorrent ma jistax isostni b’mod validu li tali aċċess ma ngħatalux. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li hija f’pożizzjoni li teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li d-dritt tar-rikorrent għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma ġiex miksur mill-Kunsill.

107    Sa fejn ir-rikorrent isostni wkoll, f’dan il-kuntest, li l-Kunsill, matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ma pproduċa ebda prova sabiex jissostanzja l-motivi indikati fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li l-produzzjoni ta’ tali provi hija neċessarja biss meta r-rikorrent iqajjem motiv ammissibbli li jikkontesta l-fondatezza tal-konstatazzjoni li huwa kien ipprovda appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari. Fil-fatt, f’tali ċirkustanzi, mingħajr ma r-rikorrent ikun obbligat iressaq prova negattiva, il-Kunsill ikun obbligat, skont dak li ntqal fil-punt 37 iktar ’il fuq, li jippreżenta l-provi u l-informazzjoni li fuqhom ikun ibbaża l-evalwazzjoni tiegħu sabiex dawn jiġu vverifikati mill-qorti Komunitarja. Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 30 iktar ’il fuq, tali motiv ma ġiex ippreżentat f’din il-kawża. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ provi mill-Kunsill ma jistax iwassal għal ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-ilment marbut ma’ dan il-ksur għandu għalhekk jiġi miċħud mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-dokumenti ppreżentati fl-4 ta’ Frar 2009 jissostanzjawx l-allegazzjoni li r-rikorrent kien obbligat iressaq prova negattiva f’dan il-każ.

108    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza

 L-argumenti tal-partijiet

109    Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill ma għandux il-kompetenza li jimponi “sanzjonijiet ta’ natura kriminali”, bħall-iffriżar ta’ fondi, fil-kuntest tat-Trattat KE. Għaldaqstant, meta l-Kunsill iffriża l-fondi tar-rikorrent permezz tad-deċiżjoni kkontestata u tar-Regolament Nru 423/2007, adottati fil-kuntest tal-kompetenzi mogħtija mit-Trattat KE, huwa mar lil hinn mill-kompetenza tiegħu, wettaq abbuż ta’ poter u kiser il-forom proċedurali sostanzjali kif ukoll ir-regoli tal-imsemmi trattat.

110    Il-Kunsill, sostnut mill-intervenjenti, jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrent filwaqt li jenfasizza li l-iffriżar ta’ fondi ma jikkostitwixxix sanzjoni ta’ natura kriminali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

111    Għandu jiġi osservat li, sa fejn il-fondi tal-entitajiet koperti mill-miżuri restrittivi previsti mir-Regolament Nru 423/2007 mhumiex ikkonfiskati bħala proprjetà miksuba minn attività kriminali, iżda jiġu ffriżati bħala prevenzjoni, dawn il-miżuri ma jikkostitwixxux sanzjoni ta’ natura kriminali. Bl-istess mod, dawn il-miżuri ma jimplikaw ebda akkuża ta’ natura kriminali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il-Kunsill, T‑47/03, Ġabra p. II-73, punt 101).

112    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrent li l-iffriżar tal-fondi tiegħu jikkostitwixxi sanzjoni ta’ natura kriminali mhuwiex fondat. Dan jimplika li dan il-motiv għandu jiġi miċħud, l-istess bħar-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

113    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-Kunsill, inklużi dawk marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, kif mitlub minn dan tal-aħħar.

114    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jkunu intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għalhekk, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, inklużi dawk marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Bank Melli Iran għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inklużi dawk marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

3)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, inklużi dawk marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Firem

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran

Il-miżuri li jkopru lir-rikorrent

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq ir-rilevanza tad-dokumenti li r-rikorrent ippreżenta fl-4 ta’ Frar 2009

Fuq l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, tat-Trattat KE, tad-dispożizzjonijiet legali dwar l-applikazzjoni tiegħu u tal-Artikolu 7(2) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140, fuq abbuż ta’ poter, kif ukoll fuq nuqqas ta’ bażi legali għad-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ u tad-dritt ta’ proprjetŕ

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż



** Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.