Language of document : ECLI:EU:T:2009:401

Kawża T-390/08

Bank Melli Iran

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra r‑Repubblika Iżlamika tal-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Rikors għal annullament — Stħarriġ ġudizzjarju — Abbuż ta’ poter — Trattament ugwali — Proporzjonalità — Dritt ta’ proprjetà — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Obbligu ta’ motivazzjoni — Kompetenza tal-Komunità”

Sommarju tas-sentenza

1.      Komunitajiet Ewropej — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet — Regolament li jikkonċerna l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew korpi li huma impenjati fi jew jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari — Portata tal-istħarriġ — Distinzjoni bejn regoli ġenerali u atti li japplikaw dawn ir-regoli għal entitajiet speċifiċi

(Artikoli 60 KE u 301 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 423/2007)

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Validità — Atti Komunitarji li l-għanijiet tagħhom jaqgħu taħt it‑Trattat UE fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni — Evalwazzjoni fid-dawl tad-dritt Komunitarju biss

(Artikoli 60 KE u 301 KE; Artikolu 2 UE; Regolament tal-Kunsill Nru 423/2007)

3.      Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew korpi li huma impenjati fi jew jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari — Kompetenza tal-Kunsill li mhijiex limitata għall-implementazzjoni tal-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti

(Artikoli 60 KE u 301 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 423/2007, premessa 6 u Artikolu 7(1) u (2))

4.      Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew korpi li huma impenjati fi jew jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari — Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi ta’ entità bankarja Iranjana — Nuqqas ta’ adozzjoni mill-Kunsill ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi kontra entitajiet oħra li jinsabu f’sitwazzjoni identika — Ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 423/2007, Artikolu 7(2); Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/475)

5.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Miżuri restrittivi kontra l‑Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew korpi li huma impenjati fi jew jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari — Rekwiżiti minimi

(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 423/2007, Artikoli 7(1) u (2), u 15(3))

6.      Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew korpi li huma impenjati fi jew jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari — Obbligu li jiġu kkomunikati l-elementi inkriminanti — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 423/2007, Artikolu 7(2); Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/475)

7.      Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew korpi li huma impenjati fi jew jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari — Dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Dritt għal smigħ — Drittijiet suġġetti għal talba f’dan is-sens quddiem il-Kunsill

(Regolament tal-Kunsill Nru 423/2007, Artikolu 7(2); Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/475)

8.      Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew korpi li huma impenjati fi jew jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari — Rikors għal annullament ippreżentat minn entità affettwata minn deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi — Tqassim tal-oneru tal-prova — Ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 423/2007, Artikolu 7(2); Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/475)

9.      Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew korpi li huma impenjati fi jew jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari — Natura ta’ dawn il-miżuri — Nuqqas ta’ natura kriminali

(Regolament tal-Kunsill Nru 423/2007)

1.      Fir-rigward tal-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ elementi fi ħdan ir-Regolament Nru 423/2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, intiżi sabiex issir pressjoni fuq dan tal-aħħar sabiex titwaqqaf il‑proliferazzjoni nukleari. Minn naħa, l-artikoli ta’ dan ir-regolament jistabbilixxu r-regoli ġenerali li jiddefinixxu l-modalitajiet tal-miżuri restrittivi stabbiliti minn dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, l-Anness V ta’ dan ir-regolament, li jelenka l‑entitajiet koperti mill-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi adottati skont l-Artikolu 7(2) tal-istess regolament, jirrappreżenta ġabra ta’ atti li japplikaw ir-regoli ġenerali msemmija iktar ’il fuq għal entitajiet speċifiċi.

Fir-rigward tar-regoli ġenerali li jiddefinixxu l-modalitajiet tal-miżuri restrittivi, il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fejn jidħlu l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-adozzjoni ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, inkonformità ma’ pożizzjoni komuni adottata taħt il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni. Peress li l-qorti Komunitarja ma tistax, b’mod partikolari, tissostitwixxi l-evalwazzjoni magħmula mill-Kunsill fir-rigward tal-provi, tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ tali miżuri bl-evalwazzjoni tagħha, l-istħarriġ tagħha għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u tar-regoli dwar il-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ abbuż ta’ poter. Dan l-istħarriġ limitat japplika, b’mod partikolari, għall-evalwazzjoni tal-kunsiderazzjoni dwar l‑opportunità li fuqhom ikunu bbażati tali miżuri.

Fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni li permezz tagħha entità tiġi inkluża fil-lista tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007 skont l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament, il-qorti Komunitarja għandha tivverifika, fid-dawl tal-motivi ta’ annullament imqajma mill-entità kkonċernata jew irrilevati ex officio, b’mod partikolari, li l-każ ineżami jikkorrispondi għal waħda mill-erba’ sitwazzjonijiet imsemmija fl-imsemmi Artikolu 7(2)(a) sa (d). Dan jimplika li l‑istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni jkopri l-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi invokati bħala ġustifikazzjoni għal din id-deċiżjoni, u jkopri wkoll il-verifika tal-provi u tal-informazzjoni li fuqhom tkun ibbażata din l‑evalwazzjoni. Il-qorti Komunitarja għandha taċċerta ruħha wkoll mill-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward kif ukoll, meta jkun il-każ, mill-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet imperattivi invokati b’mod eċċezzjonali mill-Kunsill sabiex jevitahom.

(ara l-punti 35-37)

2.      L-Artikoli 60 KE u 301 KE jikkonċernaw l-adozzjoni ta’ miżuri fil-konfront ta’ pajjiż terz, liema kunċett jista’ jinkludi l-mexxejja ta’ tali pajjiż kif ukoll l‑individwi u l-entitajiet li huma assoċjati ma’ dawn il-mexxejja jew huma kkontrollati direttament jew indirettament minnhom. Dawn l-artikoli tat-Trattat KE għandhom il-karatteristika partikolari li jikkostitwixxu mogħdija li tgħaqqad l‑azzjonijiet tal-Komunità li jinvolvu miżuri ekonomiċi mal-għanijiet tat-Trattat UE fir-rigward tar-relazzjonijiet esterni, fosthom il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jikkontemplaw espressament li azzjoni tal-Komunità tista’ tkun neċessarja sabiex jintlaħaq wieħed mill-għanijiet mogħtija speċifikament lill-Unjoni mill-Artikolu 2 UE, jiġifieri l‑implementazzjoni ta’ politika barranija u ta’ sigurtà komuni. Madankollu, dan il‑fatt huwa bla ħsara għall-koeżistenza tal-Unjoni u tal-Komunità bħala sistemi legali integrati iżda distinti kif ukoll għall-arkitettura kostituzzjonali tal-pilastri, kif mixtieqa mill-awturi tat-trattati li jinsabu fis-seħħ. Għaldaqstant, anki meta l‑azzjoni tal-Komunità fil-kuntest tal-Artikoli 60 KE u 301 KE timplementa wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni, din l-azzjoni tittieħed madankollu abbażi tal-pilastru Komunitarju. Għaldaqstant, il-legalità tal-atti meħuda f’dan il-qasam, bħar-Regolament Nru 423/2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, u bħall-atti li jimplementawh, għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti mir-regoli ta’ dan l-istess pilastru, inkluż fir-rigward tar-regola tal-vot adegwata. Il‑Pożizzjoni Komuni 2007/140, li tagħmel parti mit-tieni pilastru tal-Unjoni, ma tikkostitwixxix għalhekk bażi legali għar-Regolament Nru 423/2007 u għall-atti li jimplementawh, u dan jimplika li r-regola tal-vot applikabbli għall-adozzjoni tal-imsemmija pożizzjoni komuni u għall-emenda tagħha hija irrilevanti.

(ara l-punti 44-47)

3.      Huwa minnu li l-premessa 6 tar-Regolament Nru 423/2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, tobbliga lill-Kunsill li jeżerċita s-setgħa mogħtija lilu mill-Artikolu 7(2) tal-istess regolament fid-dawl tal-għanijiet tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Madankollu, l-obbligu li jiġu segwiti dawn l-għanijiet bl-ebda mod ma jimplika li l-Artikolu 7(2) jista’ jiġi implementat biss fir-rigward tal-entitajiet koperti mill-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà bis-saħħa tal-istess riżoluzzjoni. Fil-fatt, fl-Artikoli 60 KE u 301 KE ma hemm xejn li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-kompetenza li dawn id‑dispożizzjonijiet jikkonferixxu fuq il-Komunità hija limitata għall-implementazzjoni tal-miżuri deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà. Għaldaqstant, il‑Kunsill kellu l-kompetenza li jadotta mhux biss l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 423/2007, li jimplementa l-imsemmija riżoluzzjoni billi jordna l-iffriżar tal-fondi tal-entitajiet li huma identifikati fiha, iżda anki l-Artikolu 7(2) tal-istess regolament, li jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi fir-rigward ta’ entitajiet oħra li, fil-fehma tal-Kunsill, huma impenjati fi, huma assoċjati direttament ma’ jew jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari.

In-nuqqas ta’ miżuri meħuda mill-Kunsill tas-Sigurtà jew it-teħid ta’ pożizzjoni speċifika minn dan tal-aħħar jistgħu, l-iktar l-iktar, jittieħdu inkunsiderazzjoni, flimkien ma’ elementi rilevanti oħra, fil-kuntest tal-evalwazzjoni intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 humiex sodisfatti jew le.

(ara l-punti 51, 52)

4.      Il-kriterju determinanti għall-implementazzjoni tal-Artikolu 7(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 423/2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, u għalhekk il‑kriterju ta’ paragun applikabbli sabiex tiġi determinata l-eventwali eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, huwa dak li jsir magħruf jekk l-entità inkwistjoni hijiex impenjata fi, hijiex direttament assoċjata ma’ jew tipprovdix appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari.

Peress li bank Iranjan ġie rikonoxxut, f’deċiżjoni li timplementa l-imsemmi Artikolu 7(2) bħala entità li tipprovdi appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari u peress li dan il-bank ma ppreżentax, fil-kuntest tar-rikors tiegħu kontra din id‑deċiżjoni, motiv ammissibbli li jikkontesta l-fondatezza ta’ din il‑konstatazzjoni, anki jekk jitqies li l-Kunsill effettivament ma adottax miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi fil-konfront ta’ ċerti banek oħra Iranjani li huma impenjati fi, huma assoċjati direttament ma’ jew jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari, dan il-fatt ma jistax jiġi invokat b’mod validu mill-entità inkwistjoni peress li l-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jiġi kkonċiljat mal-prinċipju ta’ legalità, li jipprovdi li ħadd ma jista’ jinvoka, a favur tiegħu, illegalità mwettqa favur ħaddieħor.

(ara l-punti 57-59)

5.      Sakemm il-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi ma tkunx prekluża minn kunsiderazzjonijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà tal-Komunità jew tal-Istati Membri tagħha jew mal-mod kif jitmexxew ir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, il-Kunsill huwa obbligat, skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, li jagħti lill-entità kkonċernata raġunijiet speċifiċi u konkreti meta tiġi adottata deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi. Għalhekk, huwa għandu jsemmi il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata l‑ġustifikazzjoni legali tal-miżura u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh sabiex jieħu l‑miżura. Sa fejn ikun possibbli, din il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata jew fl-istess ħin tal-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni jew malajr kemm jista’ jkun wara din l-adozzjoni. L-implementazzjoni tal-Artikolu 7(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 423/2007 teħtieġ li l-entità kkonċernata tkun impenjata fi, tkun assoċjata direttament ma’ jew tipprovdi appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari. Għaldaqstant, minbarra l-indikazzjoni tal-bażi legali tal-miżura adottata, l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandu l-Kunsill jikkonċerna preċiżament dan il-fatt.

Madankollu, il-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ikun adottat. Mhuwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l‑punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il‑qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha.

(ara l-punti 81-83)

6.      Deċiżjoni bħad-Deċiżjoni 2008/475, li timplementa l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, li tadotta verżjoni emendata tal-Anness V ta’ dan ir-regolament, għandha effetti erga omnes peress li hija indirizzata lil grupp ta’ destinatarji partikolari ddeterminat b’mod ġenerali u astratt, li min-naħa tagħhom huma obbligati jiffriżaw il-fondi tal-entitajiet inklużi fil-lista tal-imsemmi anness. Madankollu, tali deċiżjoni ma għandhiex natura esklużivament ġenerali peress li l-iffriżar ta’ fondi jkopri entitajiet identifikati b’isimhom, li huma kkonċernati direttament u individwalment mill-miżuri restrittivi individwali adottati fir-rigward tagħhom. Barra minn hekk, l-iffriżar ta’ fondi għandu konsegwenzi kunsiderevoli għall-entitajiet ikkonċernati peress li jista’ jillimita l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tan-neċessità li jiġi żgurat ir-rispett tal-imsemmija drittijiet, kemm materjali kif ukoll proċedurali, il-Kunsill huwa obbligat, sa fejn ikun possibbli, jinforma lill-entitajiet ikkonċernati bil-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi permezz ta’ notifika individwali.

Madankollu, meta, minkejja li l-Kunsill ma jkunx osserva l-obbligu li jikkomunika l-motivi tad-deċiżjoni tal-iffriżar ta’ fondi kkontestata lill-entità kkonċernata u ma jkunx għamel notifika individwali ta’ din id-deċiżjoni, l-entità koperta mill-miżura msemmija tkun informata, fi żmien utli u minn sors uffiċjali, dwar l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll dwar il-fatt li setgħet tikkonsulta l‑motivazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali, l-ommissjoni tal-Kunsill ma għandhiex il-konsegwenza li ċċaħħad lil din l-entità mill-possibbiltà li tkun taf, fi żmien utli, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni u li tevalwa l-fondatezza tal-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi adottata fir-rigward tagħha.

Barra minn hekk, sa fejn id-deċiżjoni inizjali li permezz tagħha l-fondi ta’ entità jiġu ffriżati, bħad-Deċiżjoni 2008/475 fir-rigward tar-rikorrent, għandha tkun tista’ tibbenefika minn effett ta’ sorpriża, mhuwiex meħtieġ, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, li l-elementi inkriminanti jiġu kkomunikati lill-entità kkonċernata u li din tinstema’.

(ara l-punti 86, 88-90, 93)

7.      Fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi bħad-Deċiżjoni 2008/475, li timplementa l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, ladarba ġiet ikkomunikata informazzjoni preċiża biżżejjed li permezz tagħha l-entità kkonċernata setgħet tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar l-elementi inkriminanti kkunsidrati fil-konfront tagħha mill-Kunsill, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jimplikax li l-Kunsill huwa obbligat jagħti, b’mod spontanju, aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tiegħu. Huwa biss meta ssir talba mill-parti kkonċernata li l-Kunsill huwa obbligat jagħti aċċess għad-dokumenti amministrattivi mhux kunfidenzjali kollha li jkunu jikkonċernaw il-miżura inkwistjoni.

Dan jgħodd ukoll fir-rigward tad-dritt għal smigħ. Fil-fatt, l-entità koperta minn deċiżjoni inizjali li tiffriża l-fondi tagħha għandha d-dritt li tinstema’ mill-Kunsill wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni. Madankollu, dan tal-aħħar mhuwiex obbligat jorganizza seduta għas-smigħ ex officio fid-dawl tal-possibbiltà li għandhom ukoll l-entitajiet ikkonċernati li jippreżentaw immedjatament rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

(ara l-punti 97, 98)

8.      Fil-kuntest ta’ proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza intiża sabiex jinkiseb l-annullament ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi adottata skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, u mibdija minn entità koperta mid-deċiżjoni msemmija, il-produzzjoni mill-Kunsill ta provi sabiex jissostanzja l-motivi indikati fid-deċiżjoni kkontestata hija neċessarja biss meta r-rikorrent iqajjem motiv ammissibbli li jikkontesta l-fondatezza tal-konstatazzjoni li huwa kien ipprovda appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari. F’tali ċirkustanzi, mingħajr ma r-rikorrent ikun obbligat iressaq prova negattiva, il‑Kunsill ikun obbligat jippreżenta l-provi u l-informazzjoni li fuqhom ikun ibbaża l-evalwazzjoni tiegħu sabiex dawn jiġu vverifikati mill-qorti Komunitarja. Madankollu, ladarba tali motiv ma ġiex ippreżentat mir-rikorrent, in-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ provi mill-Kunsill ma jistax iwassal għal ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

(ara l-punt 107)

9.      Sa fejn il-fondi tal-entitajiet koperti mill-miżuri restrittivi previsti mir-Regolament Nru 423/2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, mhumiex ikkonfiskati bħala proprjetà miksuba minn attività kriminali, iżda jiġu ffriżati bħala prevenzjoni, dawn il-miżuri ma jikkostitwixxux sanzjoni ta’ natura kriminali. Bl-istess mod, dawn il-miżuri ma jimplikaw ebda akkuża ta’ natura kriminali.

(ara l-punt 111)