Language of document : ECLI:EU:C:1963:17

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

24 ta' Ottubru 1962 (*)


Fil-kawża C-25/62

fl-ismijiet,

Plaumann & Co., Hamburg, irrappreżentata minn Harald Ditges, avukat u membru ta' l-avukatura ta' Cologne, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fl-Uffiċċju ta' Audry, Fédération des Commerçants, 8 Avenue de l’Arsenal

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunità Ekonomika Ewropea, irrappreżentata minn Hubert Ehring, konsulent legali għall-eżekuttivi Ewropej, bħala aġent, assistit minn Ernst Steindorif, Professur tal-Liġi fl-Università ta' Tiibingen, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fl-Uffiċċju ta' Henri Manzanarès, Segretarju tas-Servizz Legali ta' l-eżekuttivi Ewropej, 2 Place de Metz,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn A. M. Donner, President, L. Delvaux et R. Lecourt, President ta' Awla, Ch. L. Hammes, R. Rossi (Relatur), A. Trabucchi u W. Strauβ, Imħallfin

Avukat Ġenerali: K. Roemer,

Reġistratur: A. Van Houtte,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Fuq ir-rikors għal annullament

Fuq l-ammissibbiltà

Skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 173 tat-trattat KEE “persuni naturali jew ġuridiċi jistgħu... jibdew proċeduri… kontra deċiżjoni li, għalkemm fil-forma ta' regolament jew deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra, tkun madankollu ta' interess dirett u individwali għalihom”.

Il-konvenuta ssostni li l-kliem “persuna oħra” f’dan il-paragrafu ma jirriferux għall-Istati membri, fil-kwalitàtagħhom ta' awtoritajiet sovrani, u li għalhekk, l-individwi ma jistgħux iressqu rikors għal annullament kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jew tal-Kunsill indirizzati lill-Istati membri.

Madankollu, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 173 jippermetti li l-individwi jippreżentaw rikorsi kontra deċiżjonijiet indirizzati lil “persuna oħra” u li jkunu jikkonċernaw direttament u individwalment lill-imsemmija individwi, imma li dan l-artikolu la jippreċiża u l-anqas jillimita l-portata ta' dawn il-kliem.

Il-kliem u t-tifsira grammatikali ta' l-imsemmija dispożizzjoni jagħtu lok għal interpretazzjoni wiesgħa.

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw id-dritt ta' persuni interessati li jressqu azzjoni, m’għandhomx jiġu interpretati restrittivament.

Għaldaqstant, peress illi t-Trattat ma jgħid xejn dwar dan il-punt, limitazzjoni f’dan ir-rigward ma tistax tkun preżunta.

B´konsegwenza ta' dan, it-teżi tal-konvenuta ma tistax tiġi meqjusa bħala fondata.

Il-konvenuta ssostni wkoll li d-deċiżjoni kkontestata hija, fin-natura proprja tagħha, regolament, meħud fl-għamla ta' deċiżjoni individwali u li, għalhekk, m´huwiex possibbli li jsir rikors kontra tagħha minn individwi, bl-istess mod bħal fil-każ ta' atti leġiżlattivi ta' portata ġenerali.

Madankollu, jirriżulta mill-Artikoli 189 u 191 tat-Trattat KEE li d-deċiżjoni hi kkaratterizzata minn numru limitat ta' persuni li lilhom tkun indirizzata; li, sabiex ikun iddeterminat jekk miżura tkunx tikkostitwixxi deċiżjoni, wieħed għandu jistaqsi jekk il-miżura in kwistjoni tikkonċernax persuni partikolari.

Id-deċiżjoni kkontestata kienet indirizzata lill-gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u tiċħadlu l-awtorizzazzjoni li jissospendi in parti d-dazji doganali fuq ċerti prodotti importati minn pajjiżi terzi.

Għalhekk, il-miżura kkontestata għandha titqies bħala deċiżjoni li tirreferi għal persuna partikolari u bħala li torbot lil tali persuna biss.

Skond it-termini tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 173 tat-Trattat, individwi jistgħu jippreżentaw rikors għal annullament kontra deċiżjonijiet li, għalkemm indirizzati lil persuna oħra, jirrigwardawhom direttament u individwalment, imma li fil-każ in kwistjoni, il-konvenuta tikkontesta li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna direttament u individwalment lir-rikorrenti.

L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk it-tieni kundizzjoni ta' ammissibbiltà hijiex sodisfatta, peress li jkun superfluwu li jiġi mistħarreġ jekk id-deċiżjoni tolqotiex direttament, fil-każ li r-rikorrenti ma tkunx ikkonċernata individwalment minn tali deċiżjoni.

Persuni distinti mid-destinatarji tad-deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li jkunu kkonċernati individwalment, ħlief fil-każ li d-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għalihom jew minħabba ċirkustanzi fejn huma jiġu ddifferenzjati mill-persuni l-oħra kollha, u minħabba dawn il-fatturi jindividwahom bl-istess mod bħal fil-każ tad-destinatarju.

Fil-każ in eżami, ir-rikorrenti hija affettwata mid-deċiżjoni kkontestata, bħala importatriċi ta' klementini, jiġifieri, minħabba attività kummerċjali li tista` tkun eżerċitata minn kwalunkwe persuna oħra, fi kwalunkwe waqt, u li għalhekk mhijiex ta' natura li tiddistingwi r-rikorrenti fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata bħal fil-każ tad-destinatarju.

Għal dawn ir-raġunijiet, dan ir-rikors għal annullament għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli.

 II - Fuq ir-rikors għal kumpens

L-ammissibbiltà

Il-konvenuta ssostni li peress illi t-talbiet ta' dan ir-rikors ġew ifformulati għall-ewwel darba fir-replika, dawn ġew ippreżentati tard wisq, u għalhekk mhumiex ammissibbli skond l-Artikolu 38(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

Madankollu r-rikorrenti inkludiet fir-rikors tagħha, talba għal dikjarazzjoni rigward danni li jistgħu jirriżultaw mid-deċiżjoni kkontestata. Fil-proċedura bil-miktub u f´dik orali, ir-rikorrenti ppreċiżat is-suġġett ta' din it-talba u vvalutat l-ammont ta' l-imsemmija danni.

Għalhekk it-talbiet tar-rikors għal kumpens għad-danni jistgħu jiġu meqjusa bħala amplifikazzjoni aċċettabbli ta' dak li jinsab fir-rikors. Għaldaqstant dawn huma ammissibbli skond l-Artikolu 38 (1)(d) iċċitat iktar 'il fuq.

 Fuq il-mertu

Ir-rikorrenti qed titlob il-ħlas ta' kumpens ekwivalenti għad-dazji doganali u t-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ li kellha tħallas, minħabba d-deċiżjoni li kontra tagħha hija ppreżentat rikors għal annullament.

F’dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi kkonstatat li d-dannu li allegatament sofriet ir-rikorrenti jirriżulta minn din id-deċiżjoni, u li r-rikors għal kumpens għandu fil-fatt l-għan li jelimina l-effetti ġuridiċi li d-deċiżjoni kkontestata kellha fuq ir-rikorrenti.

Fil-każ in eżami, id-deċiżjoni ikkontestata ma ġietx annullata.

Miżura amministrattiva li ma ġietx annullata ma tistax minnha nnifisha tikkostitwixxi att li jirreka dannu lil dawk li huma affettwati minnha. Għaldaqstant dawn ta' l-aħħar ma jistgħux jippretendu kumpens għal danni minħabba din il-miżura.

Il-Qorti ma tistax, permezz ta' rikors għal kumpens, tannulla l-effetti ġuridiċi ta' deċiżjoni li ma ġietx annullata.

Għaldaqstant l-azzjoni tar-rikorrenti għandha għalhekk tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq l-ispejjeż

Skond l-Artikolu 69 (2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż.

Peress illi r-rikorrenti tilfet il-kawża hija għandha tbati l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

filwaqt li twarrab kull talba oħra li hija kuntrarja jew aktar wiesgħa, taqta' u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors għal annullament huwa miċħud bħala inammissibbli;

2)      Ir-rikors għal kumpens huwa miċħud bħala infondat;

3)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Donner

Delvaux

Lecourt

Hammes

Rossi

Trabucchi

 

      Strauβ

 

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-24 ta' Ottubru 1962.


A Van Houtte

 

      A M Donner

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.