Language of document : ECLI:EU:C:2017:239

Kawża C652/15

Furkan Tekdemir

vs

Kreis Bergstraße

(talba għal deċiżjoni preliminari,imressqa mill-Verwaltungsgericht Darmstadt)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija – Deċiżjoni Nru 1/80 – Artikolu 13 – Klawżola ta’ standstill – Dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork fis-suq regolari tax-xogħol ta’ Stat Membru – Eventwali eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika restrizzjonijiet ġodda – Ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji – Obbligu impost fuq iċ-ċittadini ta’ Stat terz ta’ età ta’ inqas minn 16-il sena li jkollhom permess ta’ residenza – Proporzjonalità”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-29 ta’ Marzu 2017

Ftehimiet internazzjonali – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Moviment liberu tal-persuni – Ħaddiema – Regola ta’ standstill tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni – Portata – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi restrizzjonijiet ġodda – Obbligu impost fuq iċ-ċittadini ta’ Stati terzi ta’ età ta’ inqas minn 16-il sena li jkollhom permess ta’ residenza – Ġustifikazzjoni bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali – Ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Kundizzjonijiet

(Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, Artikolu 13)

L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni, u mehmuża mal-Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat, fit-12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għan ta’ ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tippermetti li tiġi ġġustifikata miżura nazzjonali, introdotta wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni fl-Istat Membru kkonċernat, li timponi fuq iċ-ċittadini ta’ Stati terzi ta’ età ta’ inqas minn 16-il sena l-obbligu li jkollhom permess ta’ residenza sabiex jidħlu u jirrisjedu f’dan l-Istat Membru.

Madankollu, tali miżura ma hijiex proporzjonata fid-dawl tal-għan imfittex, peress li l-modalitajiet ta’ implementazzjoni tagħha f’dak li jirrigwarda l-ulied ċittadini ta’ Stati terzi li twieldu fl-Istat Membru kkonċernat u li wieħed mill-ġenituri tagħhom huwa ħaddiem Tork li jirrisjedi legalment f’dan l-Istat Membru, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

(ara d-dispożittiv)