Language of document : ECLI:EU:T:2011:218

Kawża T-343/08

Arkema France

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-klorat tas-sodju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Rikors għal annullament — Ammissibbiltà — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Multi — Ċirkustanza aggravanti — Reċidiva — Ċirkustanza attenwanti — Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva — Valur miżjud sinjifikattiv”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet — Kontenut neċessarju — Rispett tad-drittijiet tad-difiża

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27)

2.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Drittijiet tad-difiża — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31)

3.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi aggravanti

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))

4.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))

5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ reċidiva — Inklużjoni — Assenza ta’ ffissar ta’ terminu ta’ preskrizzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))

6.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni li tikkonstata ksur u li timponi multa — Teħid inkunsiderazzjoni, sabiex jiġi stabbilit l-aġir reċidiv ta’ impriża, ta’ ksur preċedenti mwettaq mill-istess impriża u li kien diġà ssanzjonat mill-Kummissjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 50)

7.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur adottata wara deċiżjoni oħra tal-Kummissjoni li tirrigwarda l-istess impriża — Applikazzjoni ta’ żieda oħra fil-multa minħabba r-reċidiva

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))

8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità u tul tal-ksur — Possibbiltà li jogħlew il-multi sabiex jissaħħaħ l-effett dissważiv tagħhom

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))

9.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))

10.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))

11.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Neċessità li l-aġir ikun iffaċilita l-konstatazzjoni tal-ksur mill-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 18; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

12.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti fil-każ ta’ ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni — Tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni — Kundizzjonijiet

(Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punt 1, u 2006/C 210/02, punt 29, ir-raba’ inċiż)

13.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Kundizzjonijiet

(Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punt 21, 2006/C 210/02, ir-raba’ inċiż tal-punt 29, u 2008/C 167/01, punt 5)

14.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni

(Artikolu 229 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31)

1.      Ladarba l-Kummissjoni tindika espressament, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, li hija ser teżamina jekk għandhomx jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati u tindika wkoll il-punti ta’ fatt u ta’ liġi prinċipali li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multa, bħall-gravità u t-tul tal-ksur allegat u l-fatt li dan tal-aħħar ġie kommess intenzjonalment jew b’negliġenza, hija tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt ta’ smigħ tal-impriżi. B’dan il-mod, hija tagħtihom l-elementi neċessarji sabiex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra konstatazzjoni tal-ksur, iżda wkoll kontra l-fatt li tiġi imposta fuqhom multa.

(ara l-punt 54)

2.      Fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multi, imposti għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, id-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet huma ggarantiti quddiem il-Kummissjoni permezz tal-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet dwar it-tul, il-gravità u l-prevedibbiltà tan-natura antikompetittiva tal-ksur. Barra minn hekk, l-impriżi jibbenefikaw minn garanzija addizzjonali, għal dak li jikkonċerna l-iffissar tal-ammont tal-multa, sa fejn il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi b’ġurisdizzjoni sħiħa u tista’ b’mod partikolari telimina jew tnaqqas il-multa, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003.

(ara l-punt 55)

3.      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi aggravanti tar-reċidiva, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, li ċerti elementi ma jikkostitwixxux ċirkustanza aggravanti għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa, ma jimplikax li hija obbligata tagħmel l-istess evalwazzjoni f’deċiżjoni ulterjuri. Il-possibbiltà mogħtija lil impriża, fil-kuntest ta’ kawża oħra, sabiex tesprimi ruħha fuq l-intenzjoni li tikkonstata r-reċidiva fir-rigward tagħha, bl-ebda mod ma timplika li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tipproċedi b’dan il-mod fil-każijiet kollha u lanqas li, fin-nuqqas ta’ tali possibbiltà, l-impriża kkonċernata hija mwaqqfa milli teżerċita bi sħiħ id-dritt ta’ smigħ tagħha.

(ara l-punt 56)

4.      Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jmorrux lil hinn mil-limiti ta’ dak li hu xieraq u meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. Fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi, il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skont numru ta’ elementi u ma għandha tingħata importanza sproporzjonata lill-ebda wieħed minn dawn l-elementi meta mqabbel ma’ elementi ta’ evalwazzjoni oħrajn. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika, f’dan il-kuntest, li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa b’mod proporzjonat għall-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u li għandha tapplika, għal dan il-għan, dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat.

(ara l-punt 63)

5.      Il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali f’dak li jikkonċerna l-għażla tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi, bħalma huma, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-għan dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma huwa neċessarju li tipprovdi lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li bilfors iridu jittieħdu inkunsiderazzjoni.

Il-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ reċidiva jagħmlu parti mis-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li ma tistax tkun marbuta minn terminu ta’ preskrizzjoni eventwali għal tali konstatazzjoni.

Fil-fatt, ir-reċidiva tikkostitwixxi element importanti li l-Kummissjoni għandha tevalwa, peress li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħha huwa intiż sabiex iħeġġeġ lill-impriżi li jkunu wrew manifestament it-tendenza li jevadu r-regoli tal-kompetizzjoni, sabiex ibiddlu l-aġir tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’, f’kull każ, tieħu inkunsiderazzjoni l-indizji li jistgħu jikkonfermaw tali tendenza, inkluż, pereżempju, iż-żmien li jkun għadda bejn il-każijiet ta’ ksur inkwistjoni. Madankollu, għalkemm ebda terminu ta’ preskrizzjoni ma jopponi l-konstatazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ta’ stat ta’ reċidiva, xorta jibqa’ l-fatt li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Kummissjoni ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni deċiżjoni jew deċiżjonijiet preċedenti li jissanzjonaw impriża, mingħajr limiti ratione temporis.

(ara l-punti 64-66, 68)

6.      Il-prinċipju non bis in idem huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxi, fil-qasam tal-kompetizzjoni, li impriża tiġi kkundannata jew li jerġgħu jittieħdu proċeduri kontriha minħabba l-aġir antikompetittiv li għalih hija kienet ġiet issanzjonata jew li fir-rigward tiegħu hija kienet ġiet iddikjarata mhux responsabbli permezz ta’ deċiżjoni preċedenti li ma tistax tiġi kkontestata. L-applikazzjoni tal-prinċipju non bis in idem hija suġġetta għal kundizzjoni tripla ta’ fatti identiċi, unità ta’ min jikser il-liġi u unità tal-interess legali protett.

Ma jirriżultax fi ksur tal-prinċipju non bis in idem it-teħid inkunsiderazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, f’deċiżjoni li tikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordji ta’ natura antikompetittivi u li timponi multa fuq din l-impriża, ta’ diversi każijiet ta’ ksur preċedenti mwettqa mill-istess impriża u ssanzjonati mill-Kummissjoni, peress li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija każijiet ta’ ksur preċedenti ma huwiex intiż sabiex jissanzjonahom, iżda sempliċement sabiex jistabbilixxi l-aġir ta’ reċividista tal-impriża kkonċernata għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa li tissanzjona l-każ il-ġdid ta’ ksur.

Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, il-kundizzjonijiet kumulattivi ta’ applikabbiltà tal-prinċipju non bis in idem esposti hawn fuq ma humiex sodisfatti peress li ma teżistix identiċità tal-fatti.

(ara l-punti 80-84)

7.      Imur kontra l-għan dissważiv tal-multa li l-Kummissjoni tqis il-fatt li, f’deċiżjoni preċedenti, hija ħadet inkunsiderazzjoni, minħabba r-reċidiva, l-ewwel ksur sabiex teskludi, f’deċiżjoni ulterjuri, żieda tal-ammont bażiku tal-multa abbażi tal-imsemmi ksur. Fil-fatt, tali soluzzjoni twassal għas-sitwazzjoni, li tkun kontroproduttiva mill-perspettiva tal-għan dissważiv tal-multa, li fiha impriża li tkun reċidiva għal diversi drabi ma jiżdidilhiex l-ammont tal-multa li ġie impost fuqha gradwalment skont in-numru ta’ każijiet ta’ ksur li hija wettqet, iżda sitwazzjoni li fiha, bil-kontra ta’ dan, hija jitnaqqsilha l-ammont marġinali tal-multa li jista’ jiġi impost fuqha gradwalment skont in-numru li dejjem jikber ta’ deċiżjonijiet li jissanzjonawha.

Barra minn hekk, il-fatt li d-deċiżjonijiet preċedenti li jissanzjonaw l-impriża kkonċernata jirrigwardaw fatti li seħħew fl-istess żmien ta’ dawk imsemmija mid-deċiżjoni kkontestata ma għandux effett peress li l-Kummissjoni bbażat ruħha esklużivament fuq deċiżjonijiet preċedenti oħrajn, adottati qabel il-bidu tal-ksur issanzjonat, sabiex jiġi stabbilit fid-deċiżjoni kkontestata, l-aġir ta’ reċidiv tal-imsemmija impriża.

(ara l-punti 88, 89)

8.      Skont l-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’ timponi multi, permezz ta’ deċiżjonijiet, fuq l-impriżi li jkunu wettqu ksur tal-Artikolu 81 KE u f’dan il-kuntest tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu l-bażi legali rilevanti sabiex reċidiva tittieħed inkunsiderazzjoni meta tkun qed tiġi kkalkolata l-multa.

Barra minn hekk, il-linji gwida li l-Kummissjoni tadotta sabiex tikkalkola l-ammont tal-multi jiżguraw ċertezza legali lill-impriżi, peress li huma jiddeterminaw il-metodu li bih il-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha sabiex tiffissa l-ammont tal-multi. L-amministrazzjoni ma tistax tinjorahom, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Barra minn hekk, il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, il‑Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali kbira fil-qasam tal-iffissar tal-ammont tal-multi. Hija ma hijiex marbuta mal-evalwazzjonijiet li hija għamlet qabel u ma hijiex obbligata li tapplika formuli matematiċi preċiżi.

Din is-setgħa wiesgħa hija intiza sabiex tippermettilha tiggwida l-aġir tal-impriżi fis-sens tal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni.

F’dan il-kuntest, il-fatt li fil-passat il-Kummissjoni applikat multi ta’ ċertu livell għal ċerti tipi ta’ ksur ma jistax iċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell fil-limiti indikati mir-Regolament Nru 1/2003, jekk dan ikun meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni.

L-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni teżiġi, bil-kontra, li l-Kummissjoni tkun tista’, f’kull ħin, tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika. Għaldaqstant, żieda ta’ ċertu livell applikata lil impriża tista’ tiġi ġġustifikata mill-ħtieġa addizzjonali ta’ dissważjoni fir-rigward tagħha, minħabba t-tendenza tagħha li tevadi regoli tal-kompetizzjoni, filwaqt li żieda ta’ livell differenti applikat għal impriża oħra jista’ jiġi ġġustifikat permezz tal-ħtieġa li l-multa imposta fuq din tal-aħħar tingħata effett dissważiv, fid-dawl tal-fatt li, minħabba d-dħul mill-bejgħ globali tagħha li huwa ogħla b’mod sinjifikanti minn dak ta’ membri oħrajn tal-akkordju, hija tinsab f’pożizzjoni li ssib iktar faċilment il-fondi meħtieġa għall-ħlas tal-multa.

(ara l-punti 96, 98-101, 106)

9.      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali sakemm trattament bħal dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

Is-sempliċi fatt li fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha l-Kummissjoni qieset ċertu rata ta’ żieda tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq impriża għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ma jimplikax li, fil-kuntest ta’ deċiżjoni oħra, hija tinsab imċaħħda mill-fakultà li iżżid din ir-rata sal-limiti li hija ffissat lilha nnifisha fil-linji gwida sabiex tinkoraġġixxi lill-impriża inkwistjoni tibdel l-aġir antikompetittiv tagħha.

(ara l-punti 108, 109)

10.    Fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali sabiex ikunu f’pożizzjoni li jaqdu l-funzjonijiet tagħhom, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċedura amministrattiva tassumi importanza saħansitra iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji jinsab b’mod partikolari l-obbligu tal-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni.

(ara l-punt 111)

11.    Il-Kummissjoni tibbenefika minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi u tista’, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi, fosthom il-kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati matul l-investigazzjoni mwettqa mid-dipartimenti ta’ din l-istituzzjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni hija mitluba twettaq evalwazzjonijiet ta’ fatti kumplessi, bħal dawk li jirrigwardaw il-kooperazzjoni rispettiva tal-imsemmija impriżi.

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni pprovduta mill-membri ta’ akkordju, huwa biss żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni li jista’ jkun iċċensurat peress li hija tibbenefika minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni pprovduta minn impriża, b’mod partikolari, meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħrajn.

It-tnaqqis tal-multi f’każ ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-impriżi li jipparteċipaw fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni huwa ġġustifikat mill-fatt li tali kooperazzjoni tiffaċilita l-kompitu tal‑Kummissjoni sabiex tikkonstatata l-eżistenza ta’ ksur, u skont il-każ, ittemmu. Fir-rigward tar‑ratio tat-tnaqqis, il-Kummissjoni ma tistax tinjora l-utilità tal‑informazzjoni pprovduta, li neċessarjament tiddependi fuq il-provi li hija diġà għandha.

Għalkemm il-Kummissjoni għandha timmotiva r-raġunijiet li għalihom hija tqis li elementi pprovduti minn impriżi fil-kuntest ta’ avviż dwar il-kooperazzjoni jikkostitwixxu kontribuzzjoni li tiġġustifika jew le tnaqqis tal-multa imposta, min-naħa l-oħra huma l-impriżi li jixtiequ jikkontestatw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward li għandhom juru li din, fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni pprovduta volontarjament minn dawn l-impriżi, ma kinitx tkun fil-pożizzjoni li turi l-aspett essenzjali tal-ksur u għaldaqstant li tadotta deċiżjoni li timponi multi.

Meta, abbażi tal-kooperazzjoni, impriża sempliċement tikkonferma, b’mod inqas preċiż u espliċitu, ċerta informazzjoni diġà pprovduta minn impriża oħra abbażi tal-kooperazzjoni, il-grad ta’ kooperazzjoni pprovdut minn din l‑impriża, minkejja li tista’ xorta waħda tkun ta’ ċerta utilità għall‑Kummissjoni, ma għandux jiġi kkunsidrat bħala paragunabbli għal dak ipprovdut mill-ewwel impriża li pprovdiet l-imsemmija informazzjoni. Dikjarazzjoni li sa ċertu punt tillimita ruħha li tikkorrobora dikjarazzjoni li l-Kummissjoni diġà kellha, effettivament, ma tiffaċilitax il-kompitu tal-Kummissjoni b’mod sinjifikattiv. Għaldaqstant, ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġġustifika tnaqqis tal‑ammont tal-multa abbażi tal-kooperazzjoni. Fl-aħħar nett, il-kollaborazzjoni ta’ impriża fl-investigazzjoni ma tagħtiha l-ebda dritt għal tnaqqis tal-multa meta din il-kollaborazzjoni ma tkunx marret lil hinn minn dak li kien jirriżulta mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003.

(ara l-punti 134-138)

12.    Fir-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni impenjat ruħha, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha taċ-ċirkustanzi attenwanti li hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tkun qiegħda tiffissa l-ammont tal-multi, li tagħti tnaqqis tal-multa meta impriża tikkoopera b’mod effettiv mal-Kummissjoni barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell u lil hinn mill-obbligi legali ta’ kooperazzjoni.

Madankollu, l-applikazzjoni tar-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida ma jistax ikollha l-konsegwenza li ċċaħħad l-Avviż dwar il-kooperazzjoni mill-effettività tiegħu.

Fil-fatt, il-punt 1 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni jipprovdi li l-imsemmi avviż “jistabbilixxi qafas sabiex jiġu kkumpensati, għall-kooperazzjoni tagħhom fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni, impriżi li jagħmlu parti jew kienu jagħmlu parti minn akkordji sigrieti li jaffettwaw lill-Komunità”. Għaldaqstant, mill-kliem u mill-istruttura tal-imsemmi avviż jirriżulta li l-impriżi ma jistgħux, bħala prinċipju, jiksbu tnaqqis tal-multa abbażi tal-kooperazzjoni tagħhom ħlief jekk huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet stretti tal-imsemmi avviż.

13.    Għaldaqstant, sabiet tinżamm l-effettività tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni, huwa biss f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali li l-Kummissjoni għandha tagħti tnaqqis tal-multa lil impriża fuq il-bażi tar-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-kooperazzjoni ta’ impriża, filwaqt li tmur lil hinn mill-obbligu legali ta’ kooperazzjoni tagħha mingħajr madankollu ma tagħtiha d-dritt għal tnaqqis tal-multa skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni, hija ta’ utilità oġġettiva għall-Kummissjoni. Tali utilità għandha titqies meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha, fid-deċiżjoni finali tagħha, fuq il-provi li impriża pprovditilha fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha u li fin-nuqqas tagħha, il-Kummissjoni ma kinitx tkun f’pożizzjoni li tissanzjona totalment jew parzjalment il-ksur inkwistjoni.

(ara l-punti 168-170)

14.    Billi ssostitwixxiet l-Avviż dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis tal-multi fil-każijiet ta’ akkordji tal-1996 bl-Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell tal-2002, li ma jipprevedix tnaqqis tal-multa fil-każ ta’ sempliċi nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti, il-Kummissjoni eskludiet, mingħajr ambigwità, li tnaqqis tal-multa jista’ jingħata f’dan is-sens fil-kuntest tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jew tar-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, il-Kummissjoni hija obbligata biss li tagħti tnaqqis tal-multa fil-każ fejn impriża jew tipprovdi provi ta’ valur miżjud sinjifikattiv, fis-sens tal-punt 21 tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, jew tipprovdi informazzjoni li fin-nuqqas tagħha l-Kummissjoni ma kinitx tkun tista’ tissanzjona totalment jew parzjalment il-ksur inkwistjoni fid-deċiżjoni finali. Għaldaqstant, l-għoti ta’ tnaqqis tal-multa jiddependi fuq l-utilità oġġettiva tal-kooperazzjoni ta’ impriża għall-Kummissjoni.

Fi kwalunkwe każ, skont il-punt 5 tal-Avviż dwar il-mod ta’ proċedimenti ta’ riżolviment [tranżazzjoni] ta’ tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex tidentifika l-kawżi li jistgħu jkunu adattati biex tesplora l-interess tal-partijiet f'parteċipazzjoni f’diskussjonijiet ta’ tranżazzjoni u huwa biss fil-każ li l-impriżi li jipparteċipaw fihom jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-imsemmi avviż li jingħatalhom tnaqqis tal-multa ta’ 10 %.

Għaldaqstant, skont l-avviż dwar it-tranżazzjoni, hija biss il-Kummissjoni u mhux l-impriżi li tista’ tiddeċiedi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ individwali, jekk l-użu ta’ din il-proċedura jippermettix li jiffaċilita s-sanzjoni tal-ksur inkwistjoni u, f’dan il-kuntest, li jingħata tnaqqis tal-multa ta’ 10 % lil impriża li tissodisfa l-kundizzjonijiet.

Fl-aħħar nett, anki jekk ir-regoli tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ diversi Stati Membri tal-Unjoni jipprovdu li n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti jagħti dritt għal tnaqqis tal-multa, l-imsemmija regoli, li ma jorbtux lill-Kummissjoni, ma jikkostitwixxux il-kuntest legali rilevanti sabiex jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ma tat l-ebda tnaqqis tal-multa lil impriża abbażi tal-kooperazzjoni tagħha.

(ara l-punti 189-192)

15.    Fir-rigward tal-istħarriġ mill-qorti tal-Unjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni, iktar milli sempliċi stħarriġ ta’ legalità, li jippermetti biss li r-rikors għal annullament jiġi miċħud, jew li l-att ikkontestat jiġi annullat, il-ġurisdizzjoni sħiħa, skont l-Artikolu 229 KE, mogħtija lill-Qorti Ġenerali permezz tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, tawtorizza lil din il-qorti sabiex tibdel l-att ikkontestat, anki jekk ma jiġix annullat, billi tikkunsidra ċ-ċirkustanzi fattwali kollha, sabiex temenda, pereżempju, l-ammont tal-multa.

F’dan ir-rigward, la għandha għalfejn tinbidel ir-rata taż-żieda ta’ 90 % tal-ammont bażiku ta’ multa imposta mill-Kummissjoni fuq impriża minħabba l-parteċipazzjoni tagħha f’akkordji ta’ natura anitkompetittiva, fid-dawl tat-tendenza kbira ta’ din l-impriża li tevadi r-regoli tal-kompetizzjoni u lanqas l-ammont tal-multa imposta, sa fejn il-kooperazzjoni tal-imsemmija impriża ma kinitx tali li tippermetti lill-Kummissjoni tissanzjona totalment jew parzjalment lill-akkordju.

(ara l-punti 203-205)