Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fis-17 ta’ April 2024 – Granulines Invest Kft. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(Kawża C-270/24, Granulines Invest)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Granulines Invest Kft.

Konvenuti: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

Domandi preliminari

Hija konformi mal-Artikolu 167, mal-Artikolu 168(a), mal-Artikolu 178(a) u mal-Artikolu 226 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), kif ukoll mad-dritt għal proċess imparzjali sanċit bħala prinċipju ġenerali tad-dritt fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), b’rabta mal-prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ proporzjonalità, ta’ effettività u ta’ ċertezza legali, il-prattika tal-amministrazzjoni fiskali fejn il-persuna taxxabbli tiġi miċħuda d-dritt għar-rimbors tal-VAT peress li jiġi sostnut li minkejja li l-oġġetti ġew effettivament ikkunsinnati u li teżisti fattura u dokumenti oħra ta’ kontabbiltà, il-fattura hija fittizja peress li t-tranżazzjonijiet ekonomiċi rreġistrati fiha ma seħħewx realment u, konsegwentement, it-tranżazzjonijiet ma ġewx konklużi bejn il-partijiet li jidhru f’tali fattura għaliex

kienet il-persuna taxxabbli li nnegozzjat mal-manifatturi l-kwistjonijiet kollha u kien biss wara li hija annullat it-tranżazzjoni li intervjeniet il-persuna li ħarġet il-fattura, stabbilita fit-territorju nazzjonali, bil-għan li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-kreditu,

il-magni ġew ikkunsinnati direttament mill-manifattur fl-istabbiliment tal-persuna taxxabbli,

id-data ta’ eżekuzzjoni msemmija fuq il-fattura hija falza,

il-prezz li jinsab fuq il-fattura kien eċċessiv,

il-persuna li ħarġet il-fattura wettqet biss parzjalment u tardivament l-obbligu tagħha li tħallas il-VAT?

L-Artikolu 178(a) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-amministrazzjoni fiskali tista’ tiċħad id-dritt għar-rimbors tal-VAT għall-unika raġuni li l-persuna taxxabbli għandha fattura li ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 6 u 7 tal-Artikolu 226 ta’ din id-direttiva, minkejja li din l-amministrazzjoni fiskali għandha d-dokumentazzjoni u l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex tkun tista’ tivverifika, minnhom stess, jekk humiex sodisfatti r-rekwiżiti sostanzjali legalment stabbiliti mill-eżerċizzju ta’ dan id-dritt?

f’każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda preliminari, ir-rekwiżit li l-persuna taxxabbli tirrettifika l-fattura jikkostitwixxi kundizzjoni preliminari għar-rimbors tal-VAT?

f’każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda preliminari, u fid-dawl tal-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità, hija proporzjonali f’tali każ l-impożizzjoni fuq il-persuna taxxabbli ta’ multa fiskali ta’ 200 %, li huwa l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta f’każ ta’ ħabi ta’ dħul jew ta’ falsifikazzjoni u distruzzjoni ta’ provi, ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà u ta’ reġistri?

Hija konformi mad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva dwar il-VAT, mad-dritt għal proċess imparzjali rrikonoxxut mill-Artikolu 47 tal-Karta u mal-prinċipji ta’ effettività, ta’ proporzjonalità u ta’ newtralità fiskali prattika tal-amministrazzjoni fiskali li tikkonsisti fiċ-ċaħda lill-persuna taxxabbli tad-dritt għar-rimbors tal-VAT għaliex jiġi sostnut li minkejja li t-tranżazzjoni ekonomika rreġistrata fil-fattura seħħet realment il-fattura hija fittizja; għar-raġunijiet elenkati fl-ewwel domanda preliminari u kkunsidrati oġġettivi mill-amministrazzjoni fiskali; peress li jitqies awtomatikament u mingħajr ma tiġi eżaminata ebda ċirkostanza oħra, li l-imġiba tal-persuna taxxabbli hija kuntrarja għar-rekwiżiti tal-eżerċizzju leġittimu tad-dritt, u abbażi ta’ din l-imġiba u mingħajr ma eżaminat espressament il-prova dwar x’kienet taf il-persuna taxxabbli, li l-persuna taxxabbli evitat intenzjonalment il-ħlas tat-taxxa permezz ta’ tranżazzjonijiet artifiċjali rreġistrati fil-fattura?

____________

1 ĠU 2006, L 347, p. 1 u r-rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.