Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Frar 2009 - Il-Greċja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-81/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: K. Meidanis u E. Lampadarios, assistiti minn M. Tassopoulou)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 8573, tal-15 ta' Diċembru 2008, li tnaqqas l-għajnuna finanzjarja mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) mogħtija lill-Greċja taħt l-Objettiv 1 tal-Programm Operattiv "Aċċessibbiltà u Toroq Prinċipali" permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (94) 3579, tas-16 ta' Diċembru 1994, li tawtorizza għajnuna finanzjarja mill-FEŻR, CCI Nru 94.08.09.019, sa fejn tnaqqas l-għajnuna finanzjarja billi timponi korrezzjonijiet finanzjarji li jammontaw għal EUR 11 946 583.53 u EUR 17 488 622, kif indikat b'mod iktar speċifiku fir-rikors;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata għar-raġunijiet li ġejjin.

Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali previsti fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KEE) Nru 4253/1988 1, peress li l-verifika li fuq il-bażi tagħha d-deċiżjoni ġiet adottata u l-korrezzjonijiet finanzjarji fir-rigward ta' ċerti proġetti ġew imposti saret, fost oħrajn, minn persuni li ma kinux uffiċjali tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, bi ksur tal-prinċipju ta' trasparenza, ir-rapport tal-verifika ma jsemmix l-ismijiet tal-awdituri tad-ditta privata li pparteċipaw fil-verifika, u r-rapport lanqas mhuwa ffirmat minnhom.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-adozzjoni tad-deċiżjoni saret b'nuqqas ta' motivazzjoni sħiħa, ċara u suffiċjenti.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tissottometti li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-liġi, b'mod partikolari (i) din ġiet adottata skont regola li ma kinitx introdotta fil-perijodu tal-programm 1994-1999 u (ii) il-Kummissjoni interpretat b'mod żbaljat id-dispożizzjonijiet tal-liġi Griega li tittrasponi direttiva Komunitarja, jew sussidjarjament il-motivazzjoni tad-deċiżjoni hija insuffiċjenti.

Fir-raba' lok, ir-rikorrenti ssostni li fl-adozzjoni tad-deċiżjoni l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni żbaljata taċ-ċirkustanzi fattwali (żball ta' fatt) u kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta' Diċembru 1988, li jipprovdi dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2052/88 dwar il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-Fondi Strutturali differenti bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-istrumenti finanzjarji l-oħra eżistenti (ĠU 1988 L 374, p. 1).